This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0388
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Concerning a consultation on Fishing Opportunities for 2015 under the Common Fisheries Policy
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont il-Politika Komuni tas-Sajd
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont il-Politika Komuni tas-Sajd
/* COM/2014/0388 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont il-Politika Komuni tas-Sajd /* COM/2014/0388 final */
KOMUNIKAZZJONI
MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar
konsultazzjoni rigward opportunitajiet għas-sajd għall-2015 skont
il-Politika Komuni tas-Sajd Introduzzjoni L-opportunitajiet
għas-sajd għall-2015 se jiġu stabbiliti għall-ewwel darba
taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida[1].
L-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għandu jikkontribwixxi sabiex
jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS il-ġdida. L-opportunitajiet
tas-sajd stabbiliti skont ir-rendiment massimu sostenibbli, flimkien ma’
strumenti ta’ mmaniġġjar oħrajn stabbiliti fil-PKS ġdida
għandhom jiżguraw li attivitajiet tas-sajd huma ambjentalment
sostenibbli għal tul ta’ żmien twil u huma mmaniġġjati
b’mod konsistenti sabiex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi,
soċjali u ta’ impjieg u jikkontribwixxu biex il-provvisti tal-ikel ikunu
disponibbli. L-opportunitajiet
tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 2(2) tal-PKS,
u bl-għan li b’mod progressiv il-popolazzjonijiet tal-istokkijiet
tal-ħut jiġu lura għal li kienu u jinżammu ’l fuq mil-livelli
ta’ bijomassa li kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).
Fejn hu possibbli, l-għan tal-MSY għandu jintlaħaq sal-2015 u
fuq bażi progressiva u inkrimentali mhux iktar tard mill-2020
għall-istokkijiet kollha. Dan l-għan se jikkontribwixxi wkoll sabiex
sal-2020 jintlaħaq status ambjentali tajjeb kif stipulat fid-Direttiva
Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[2]
(MSFD) u l-PKS. Sabiex
jintlaħaq dan l-għan, il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu
bbażati fuq li l-impatt tal-flotot tas-sajd fuq l-istokkijiet jinġieb
fl-iqsar perjodu ta’ żmien fattibbli għal-livelli meħtieġa
li jippermettu li l-istokkijiet jerġgħu jinbnew għal-livelli ta’
bijomassa li jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Meta
jintlaħaq dan, il-Kummissjoni, kif xieraq, se tipproponi miżuri li
jippermettu bini ulterjuri mill-ġdid. L-2015 se tkun
ukoll is-sena li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ħatt
l-art għal ċertu sajd[3].
Għandhom jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għal
stokkijiet li jaqgħu taħt l-obbligu tal-ħatt l-art
b’kunsiderazzjoni għall-bidliet fl-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu
qabdiet iktar milli ħatt l-art[4],
bil-ftehim li huma ma għandhomx ixekklu l-għan tal-MSY jew
jirriżultaw f’żieda fil-mortalità tal-ħut waqt is-sajd. Il-Kummissjoni
se tibbaża l-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd fuq l-aħjar
pariri xjentifiċi disponibbli mill-Kunsill Internazzjonali
għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u mill-Kumitat Xjentifiku,
Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) dwar kif jintlaħaq l-MSY. Għal
stokkijiet fejn pariri bħal dawn mhumiex disponibbli, il-proposti
tal-Kummissjoni se japplikaw l-approċċ prekawzjonarju f'konformità
mal-Artikolu 2(2) tal-PKS. Wara talba mill-Kummissjoni, l-ICES ipprepara parir
għal qafas għall-evalwazzjoni ta’ Status Ambjentali Tajjeb (GES) jew
għal stokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar sfruttat
kummerċjalment (It-tielet(3) Deskrittur tal-MSFD)[5]. Se
jsir aktar xogħol biex jintwera kif l-MSY jikkontribwixxi sabiex
jintlaħaq il-GES u b’hekk tiġi żgurata l-koerenza bejn
l-implimentazzjoni tal-PKS u l-MSFD. Din
il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji għall-proposti
tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015[6].
Il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet
tagħhom lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30.09.2014 L-Artikolu 50
tal-PKS jistabbilixxi li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-ilħuq tar-rendiment
massimu sostenibbli u dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Din
il-Komunikazzjoni hija maħsuba wkoll biex tipprovdi dik l-informazzjoni. Il-PKS ġdida
u l-proposti TAC għall-2015 Immaniġġjar permezz ta’ pjanijiet
multiannwali Il-PKS il-ġdida
tirrikjedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet multiannwali. Twaqqfet task force
interistituzzjonali biex issolvi n-nuqqas ta’ ftehim interistituzzjonali u biex
tiffaċilita l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ pjanijiet multiannwali
skont il-PKS ġdida. It-Task Force iffinalizzat xogħolha f’April 2014
u rrappurtat lill-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-rapport huwa
bbażat fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-pjanijiet multiannwali
fil-PKS. Il-Pjanijiet għandhom jipprovdu qafas
għall-immaniġġjar robust u dejjiemi, li jiżgura
s-sostenibbiltà ta’ sajd b’rendiment għoli u stabbli għall-industrija
tas-sajd, filwaqt li jiġi kkunsidrat approċċ ibbażat fuq
ekosistema għall-immaniġġjar tas-sajd billi jiġu
minimizzati l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema
marina. L-għan tal-MSY u l-iskadenzi biex dan jintlaħaq huma elementi
ċentrali tal-pjanijiet. L-MSY se jiġi espress fi gradi u għandu
jinkludi punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni ta’ salvagwardja. Id-deċiżjonijiet
skont il-pjanijiet għandhom jiġu bbażati fuq l-aħjar parir
xjentifiku disponibbli. Il-pjanijiet għandhom jippermettu flessibbiltà
f’deċiżjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd. Fejn
meħtieġ, il-pjanijiet għandhom jippermettu l-adozzjoni ta’
miżuri ta’ konservazzjoni alternattivi fir-rigward ta’ ċertu
stokkijiet, li tkun soġġetta għar-reġjonalizzazzjoni. F’sitwazzjonijiet
ta’ sajd imħallat, il-pjanijiet għandhom jidentifikaw
l-ispeċijiet li jimmotivaw is-sajd u jiżguraw li l-istokkijiet kollha
huma mmaniġġjati skont l-għan tal-MSY. Il-Kummissjoni
se tipproponi malajr kemm jista’ jkun, pjanijiet multiannwali bbażati fuq
dan ir-rapport, u se tanalizza l-bżonn li proposti eżistenti
jiġu adattati għal pjanijiet ibbażati fuq parir xjentifiku
aġġornat. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tippreżenta
proposti ġodda li jissostitwixxu pjanijiet eżistenti ta’ rkupru jew
ta’ mmaniġġjar li jkunu laħqu l-għanijiet tagħhom u li
jeħtieġ li jiġu sostitwiti sabiex ikunu adattati għall-PKS
ġdida. Stokkijiet b’valutazzjoni tal-MSY Il-PKS
għandha l-għan li sal-2015, safejn ikun possibbli, tilħaq
ir-rati ta’ sfruttar tal-MSY. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb
li fl-2015 tipproponi Qabdiet Totali Permessibbli (TACs) b’mod konsistenti
mal-MSY għall-grupp li qed jikber ta’ stokkijiet b’valutazzjoni totali u
stimi tal-MSY. Fil-valutazzjonijiet l-iktar riċenti, il-grupp inkluda 46
stokk ta’ interess primarju għall-UE fil-grigal tal-Atlantiku u
l-Baħar Baltiku (ara hawn taħt u l-Anness I). Id-dejta
għall-aħħar tliet snin għall-Baħar Mediterran u
l-Baħar Baltiku ġiet ikkunsidrata, iżda n-numru ta’ stokkijiet
mhux ivvalutati f’dik iż-żona mhuwiex magħruf. Dewmien biex
jintlaħaq l-għan wara l-2015 (u mhux iktar tard mill-2020) ikun
aċċettabbli biss jekk biex jintlaħaq l-MSY sal-2015 ifisser
tfixkil serju għas-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-flotot
tas-sajd involuti. Dan huwa f’konformità mal-PKS riformata. Fejn
jeżistu pjanijiet multiannwali u dawn ikunu konsistenti mal-MSY, il-Kummissjoni
se tkompli tapplikahom. Meta l-pjanijiet eżistenti ma jibqgħux
japplikaw (eż. jintlaħaq għan minbarra l-MSY), il-Kummissjoni se
tadotta proposti għal opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-MSY. Is-simplifikazzjoni
tal-immaniġġjar hija prijorità skont il-PKS il-ġdida;
il-Kummissjoni se teżamina l-valur miżjud tal-immaniġġjar
permezz ta’ limitazzjoni tal-isforz tas-sajd bħala Sistema addizzjonali
għat-TACs. Hija għandha l-ħsieb li tneħħi l-istrumenti
tal-immaniġġjar li ma jipprovdu ebda valur miżjud lejn l-ilħuq
tal-għanijiet tal-PKS ġdida. Għal
stokkijiet b’valutazzjoni MSY li huma maqsumin ma’ pajjiżi terzi jew
immaniġġjati permezz tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali
għall-Ġestjoni tas-Sajd, il-Kummissjoni se titlob ftehim
mal-imsieħba tagħna abbażi tal-istess approċċ. Stokkijiet oħra Fil-każijiet
fejn l-informazzjoni xjentifika mhix biżżejjed biex jiġu
determinati dawk il-livelli, għandhom jitqiesu parametri approssimattivi. Ġew
identifikati ħames sitwazzjonijiet kif jidher hawn taħt. Fil-każijiet
kollha, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel proposti
bbażati fuq parir xjentifiku u mingħajr ma xxekkel il-bżonnijiet
ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet. Stokkijiet b’dejta disponibbli biex jiġu
determinati indikaturi tal-MSY Dik
il-kategorija ta’ stokkijiet tikkonsisti fi stokkijiet li għandhom dejta
rikka, ivvalutata b’mod analitiku u bi previżjonijiet tax-xejriet.
Ġeneralment huwa disponibbli indikatur tal-MSY. L-approċċ
għall-istabbiliment tat-TACs se jkun simili għas-sitwazzjoni
tal-istokkijiet b’valutazzjoni sħiħa tal-MSY. Il-Kummissjoni
tipprevedi evalwazzjoni ulterjuri tal-bżonn u tal-possibiltajiet sabiex
jiżdied l-għarfien ta’ dawn l-istokkijiet għal valutazzjoni sħiħa
tal-MSY fil-futur qarib. Stokkijiet
b’xejriet ivvalutati abbażi ta’ stħarriġiet jew b’serje
taż-żmien tal-qbid sabiex jiġu żviluppati indikaturi tal-MSY. Il-parir tal-ICES
dwar dawk l-istokkijiet huwa kwantitattiv biss: limiti ta’ qbid proposti
fin-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-MSY. Il-Kummissjoni biħsiebha tuża
parir aġġornat tal-ICES dwar dawk l-istokkijiet għall-proposti
tagħha u se tikkunsidra s-sitwazzjoni każ b’każ
b’kunsiderazzjoni għall-approċċ prekawzjonarju. Il-Kummissjoni
tipprevedi evalwazzjoni stokk bi stokk fil-futur qarib dwar il-bżonn u
l-possibbiltajiet sabiex jiżdied l-għarfien ta’ dawn l-istokkijiet
sabiex tkun possibbli d-determinazzjoni ta’ indikaturi tal-MSY. Stokkijiet bi preżunzjoni ta’ stabbiltà F’Diċembru
2013, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fuq ix-xewqa li t-TACs jinżammu
mingħajr tibdil għal 25 stokk sakemm parir xjentifiku ma jindikax
bżonn għal bidla. Ġeneralment, dawk huma stokkijiet ikkunsidrati
biss bħala qabdiet inċidentali jew li għandhom livelli baxxi ta’
kwota, b’informazzjoni limitata dwar l-istatus ta’ stokk u importanza ekonomika
baxxa. Stokkijiet mingħajr parir xjentifiku Meta ma jkunx
hemm parir xjentifiku disponibbli, għandu jiġi segwit
l-approċċ prekawzjonarju b’konformità mal-Artikolu 2(2) tal-PKS
b’mod sistematiku, definit minn qabel u trasparenti. Stokkijiet tal-baħar fond Fl-2014,
il-Kunsill se jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd fil-fond
għas-snin 2015-2016. L-istokkijiet tal-baħar fond għandhom
jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli fl-isfond tan-natura
sensittiva ta’ xi wħud minn dawk l-istokkijiet u l-ħajja marina
tal-baħar fond. Għal ħafna stokkijiet għad m’hemmx
biżżejjed għarfien u dejta għal analiżi xjentifika.
Il-bżonn li jiġi segwit l-approċċ prekawzjonarju b’mod
sistematiku, definit minn qabel u trasparenti b’konformità
mal-Artikolu tal-PKS huwa imperattiv. Il-Kummissjoni, meta tagħmel
il-proposti tagħha se tikkunsidra b’mod xieraq l-impenji
fir-Riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti 61/105 għall-2006, Riżoluzzjoni 64/72
tal-2009, 66/68 tal-2011 u l-Linji gwida Internazzjonali
għall-Ġestjoni tas-Sajd f’Baħar Fond fl-Ibħra Miftuħa
tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2008. Obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha Fl-2015 se jidħol
fis-seħħ l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha[7]: ·
sajd
pelaġiku żgħir (kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx,
pixxitrumbetta, inċova, argentina, sardin u laċċa kaħla; ·
sajd
pelaġiku kbir[8]
(tonn, pixxispad[9],
alonga, tonn għajnu kbira, marlin blu u abjad), ·
sajd
għal skopijiet industrijali (fost l-oħrajn, sajd għal kapelin,
ċiċċirell u merluzz tan-Norveġja), ·
sajd
għas-salamun fil-Baħar Baltiku, kif ukoll ·
mhux
iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015 għall-ispeċijiet li
jiddefinixxu s-sajd u mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017,
għall-ispeċijiet l-oħra kollha għas-sajd fil-Baħar
Baltiku. L-Istati Membri qed
jikkooperaw fil-livell reġjonali dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi
tal-ħatt l-art. Il-Parlament u l-Kunsill qed jeżaminaw ukoll proposta
tal-Kummissjoni sabiex jiġu allinjati r-Regolamenti dwar miżuri
tekniċi u dwar il-kontroll tar-regoli għall-obbligu tal-ħatt
l-art. Għas-sajd
ikkonċernat, l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għandu
jikkunsidra l-bidla sabiex jiġu riflessi l-qabdiet minflok il-ħatt
l-art. Dawk l-aġġustamenti jistgħu jinvolvu adattamenti fit-TACs
skont il-limiti tad-dejta dwar skartar preċedenti u dwar il-bżonn li
jiġu evitati żidiet fil-mortalità tal-ħut. Il-Kummissjoni
talbet lill-ICES biex jinkludi d-dejta disponibbli dwar l-iskartar ta’ dak
is-sajd fil-valutazzjonijiet tal-istokk u l-previżjonijiet tal-qabdiet
rilevanti. L-ICES se juża dejta disponibbli dwar l-iskartar fil-passat
riċenti sakemm din id-dejta tkun ivvalidata għall-użu
fil-valutazzjonijiet u l-parir għall-2015. Dan mistenni li jwassal
għal aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd
għall-istokkijiet koperti mill-obbligu tal-ħatt l-art fl-2015. Huwa
essenzjali li dawk l-aġġustamenti jibqgħu kompatibbli mal-ilħuq
tal-MSY. Skont il-PKS
ġdida, l-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw
proġetti pilota biex jippreparaw għall-obbligu tal-ħatt l-art. Dan
għandu jsir fl-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. L-Istati Membri
jistgħu jużaw kwoti disponibbli fuq livell nazzjonali
għas-sostenn ta’ proġetti pilota sabiex titjieb id-dejta. Dan se jkun
ta’ għajnuna għall-opportunitajiet tas-sajd wara l-2015. Il-PKS
ġdida tipprovdi xi miżuri għal flessibbiltà addizzjonali li
għandha tintuża fl-immaniġġjar tal-istokkijiet tas-sajd soġġetti
għall-obbligu tal-ħatt l-art[10]. Kwota
interannwali flessibbli, flessibbiltà interspeċi (qabdiet ta’ speċi
waħda jistgħu jingħaddu kontra l-kwota tal-ispeċi mmirata
taħt ċertu kundizzjonijiet), eżenzjonijiet de minimis u
eżenzjonijiet abbażi ta’ sopravivenza għolja huma rilevanti
fir-rigward ta’ opportunitajiet tas-sajd. Meta jsiru proposti fil-futur
għal opportunitajiet tas-sajd, se jiġi kkunsidrati dawk
il-provvedimenti ta’ flessibbiltà. Il-Baħar
Mediterran L-għan
tal-MSY japplika wkoll għall-istokkijiet tal-Mediterran li mhumiex
immaniġġjati mit-TACs. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jirrevedu
jekk l-għanijiet tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar nazzjonali
adottati skont ir-Regolament dwar il-Mediterran[11]
humiex konsistenti mal-għan tal-MSY. Il-pjanijiet adottati bħalissa
jew li jinsabu viċin li jiġu adottati huma elenkati hawn taħt: KROAZJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir KROAZJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine ĊIPRU – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir GREĊJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine GREĊJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir FRANZA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir FRANZA – Gangui FRANZA – Seines ta’ xatt il-baħar SPANJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir SPANJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine SPANJA – Dgħajjes bis- seines Murcia SPANJA – Dgħajjes bis-seines Gżejjer Baleariċi SPANJA – Dgħajjes bis-seines Katalunja SPANJA – Karrakka tal-ħama Andalusija ITALJA – Xbieki li jdawru żona (4 pjanijiet) ITALJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir(8 pjanijiet) ITALJA – Dgħajjes bis-seine Ligurja-Toskana SLOVENJA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir SLOVENJA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine MALTA – Bastimenti tas-sajd bit-tkarkir MALTA – Bastimenti tas-sajd bil-purse seine (2 pjanijiet) Żvilupp
tal-istat ta’ stokkijiet Is-sajd
eċċessiv naqas fl-ibħra Ewropej u tal-Atlantiku, fil-Baħar
tat-Tramenutana u l-Baħar Baltiku. Għall-istokkijiet
b’valutazzjonijiet tal-MSY, is-sajd eċċessiv naqas minn 94 %
tal-istokkijiet fl-2003, għal 63% fl-2009 u għal 41% fl-2012. Ġie
vvalutat proporzjon ikbar tal-istokkijiet. In-numru ta’ stokkijiet
li, skont l-istimi disponibbli, jinqabdu f’livelli korrispondenti għall-MSY
żdied minn sempliċiment 2 fl-2003, għal 13 fl-2009 u għal 27
fl-2012 (Anness Ia). In-numru ta’
stokkijiet b’valutazzjonijiet MSY sħaħ żdied minn 34 fl-2005 għal
35 fl-2009 u għal 46 fl-2014. Sar progress sinifikanti fin-numru ta’
stokkijiet b’parir kwantitattiv minn 59 fl-2003 għal 71 fl-2014, b’riżultat
tal-introduzzjoni ta’ metodi ġodda mill-ICES fl-2013. B’numru jikber
b’mod mgħaġġel tal-istokkijiet li jiġu vvalutati, qed isir
evidenti li s-sajd eċċessiv għadu prevalenti fil-Mediterran kif
jidher fil-Figuri 1-3. Għandhom jittieħdu azzjonijiet effettivi
malajr sabiex is-sajd eċċessiv jonqos gradwalment. Figura 1. Numru
ta’ stokkijiet fejn il-valutazzjoni mill-2007 sal-2012 hija magħrufa
fis-Sub-reġjun tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Figura 2. Numru ta’
stokkijiet fejn il-valutazzjoni mill-2007 sal-2012 hija magħrufa permezz
ta’ sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Figura 3. Numru ta’
stokkijiet ivvalutati bħala qabdiet żejda mill-2007sal-2012 permezz
ta’ sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. L-Anness Ic
jipprovdi analiżi preliminari. Għal xi żoni, parti
mir-riżorsi biss ġiet ivvalutata. Minkejja titjib riċenti,
il-parti mhux magħrufa għadha kbira ħafna fil-Baħar
Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Għarfien attwali
dwar l-istat ta’ stokkijiet oħra tal-ħut huwa deskritt hawn taħt
fuq bażi reġjonali[12].
Stokkijiet pelaġiċi tal-Grigal
tal-Atlantiku Il-biċċa
l-kbira tal-istokkijiet tal-aringa (il-Baħar tat-Tramuntana, il-Punent
tal-Iskozja, il-balar Keltiku) jinqabdu fir-rati tas-sajd MSY. Għall-2014,
ġew stabbiliti TACs korrispondenti għall-MSY fil-każijiet kollha. Is-sitwazzjoni
ddeterjorat għal xi stokkijiet oħrajn: is-sawrell tal-punent u
l-aringa tal-punent tal-Irlanda jinqabdu b’mod eċċessiv.
Għall-kavalli, intlaħaq ftehim bejn il-Gżejjer Faroe,
in-Norveġja, u l-UE għal immaniġġjar sostenibbli. Il-parir
tal-ICES għall-2014 indika li l-istokk jista’ jkun li żdied b’mod
sinifikanti. Il-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u Kattegat Il-pollakkju
iswed, il-barbun tat-tbajja’, il-merluzz tal-linja sewda u l-awwista
fiż-żoni ta’ Skagerrak u ta’ Fladen jinqabdu f’livelli konsistenti
mal-MSY. L-istokkijiet l-oħrajn kollha jew jinqabdu żejda, jew
l-istat tagħhom mhux magħruf. Minkejja
żidiet riċenti fid-daqs tal-istokk u t-tnaqqis fil-mortalità
tas-sajd, l-istokkijiet tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana huma ftit
iktar ogħla mil-limitu tal-bijomassa u għadhom ’il bogħod
mil-livell prekawzjonarju. Il-mortalità tas-sajd għadha ftit ogħla
mil-livelli tal-MSY. Ir-rati tal-iskartar ilhom jonqsu iżda għadhom
madwar 25% tal-istokkijiet li jinħattu l-art. Fil-Kattegat, l-istokk
tal-bakkaljaw huwa f’livell baxx ħafna u minbarra t-TACs u l-isforzi,
jista’ jkun li jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri. Il-Baħar Baltiku Il-Kunsill
segwa l-pożizzjoni konġunta tad-Direttorati tal-Istati Membri
Baltiċi fil-forum BALTFISH dwar l-istabbiliment ta’ TACs f’konformità ma’
parir xjentiku. L-aringa
tal-Baltiku Ċentrali, l-aringa tal-Baħar tal-Botnja u l-laċċa
kaħla tal-Baħar Baltiku jinqabdu b’mod konsistenti mal-MSY. Madankollu,
l-aħħar parir jindika li għall-istokk tal-bakkaljaw tal-baltiku
tal-punent, ir-rata tal-mortalità tal-ħut prevista mill-pjan
eżistenti hija ’l bogħod mill-mira tal-MSY. L-istokk tal-bakkaljaw
tal-Lvant qed juri żviluppi li jagħmlu possibbli li jintużaw
il-mudell attwali tal-valutazzjoni. Fl-2014 se jiġi propost
mill-Kummissjoni pjan multiannwali għall-Baħar Baltiku. Il-Punent tal-Iskozja, il-Baħar Irlandiż u
l-Baħar Keltiku Fil-punent
tal-Iskozja ċerti stokkijiet ta’ ħut abjad minbarra l-merluzz
tal-linja sewda għadhom f’livelli baxxi. L-iskartar għadu għoli
u jeħtieġ li jiġi indirizzat. Ġew żviluppati
miżuri tekniċi mill-Istati Membri sabiex titnaqqas il-mortalità
tal-bakkaljaw u sabiex jiġu evitati qabdiet mhux mixtieqa, li tagħhom
xi wħud urew tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa (eż. fil-Baħar
Irlandiż). Miżuri oħrajn għadhom qed jiġu vvalutati u
hemm bżonn ta’ iktar xogħol. Fil-Baħar
Keltiku, l-opportunitajiet tas-sajd naqsu minħabba li l-impatt ta’ xi
reklutaġġ riċenti ta’ ħut żgħir qed jisparixxi. Wara
parir tal-MSY, l-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw u l-merlangu
tnaqqsu b’mod sostanzjali. Il-merluzz tal-linja sewda kellu perjodu ta’
reklutaġġ imnaqqas, iżda l-iskartar kien problema wkoll.
Il-miżuri ta’ selettività introdotti fl-2012 fil-Baħar Keltiku
ġew riveduti, iżda l-STECF baqa’ inkonklussiv dwar il-kontribuzzjoni
ta’ dawk il-miżuri għall-finijiet ta’ konservazzjoni. Hemm parir
ibbażat fuq l-MSY għall-istokkijiet kollha tal-awwista
tan-Norveġja bl-eċċezzjoni ta’ unità funzjonali waħda,
inkluż fil-bank tal-porkuspin, li jkompli jkollu għeluq
staġjonali (xahar) u sub-TAC separata. L-ICES ipprovda
valutazzjonijiet tal-MSY għal 18-il stokk, u ta parir li jitnaqqsu l-opportunitajiet
tas-sajd għal 14 –il stokk, ħafna drabi sostanzjalment. Il-parir
tal-MSY ġie implimentat għal 12 minn dawn l-istokkijiet
għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2014. Speċijiet tal-baħar fond Għall-biċċa
l-kbira tal-istokkijiet tal-baħar fond, mhumiex disponibbli
previżjonijiet minħabba nuqqas ta’ dejta. Parir riċenti tal-ICES
għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet huwa li s-sajd għandu
jitnaqqas u ma jkunx permess li jespandi fl-2015-2016 sakemm ikun magħruf
li l-istokkijiet huma sostenibbli. Il-mera tal-Atlantiku, il-klieb
il-baħar tal-fond, il-bażuga kaħlija u xi stokkijiet ta'
roundnose grenadier huma t-tħassib ewlieni. L-ICES jinnota li ħafna
sajd li jimmira l-ispeċijiet tal-baħar fond huwa sajd imħallat b’qabdiet
inċidentali relattivament kbar ta’ speċijiet mhux fil-mira.
L-istabbiliment tat-TACs għal speċijiet fil-mira għandu
jikkunsidra l-impatt fuq speċijiet ta’ qabdiet inċidentali. Iż-żona Iberika-Atlantika u l-Bajja ta’
Biskajja Ftit
valutazzjonijiet ta’ stokkijiet huma disponibbli għall-Bajja ta’ Biskajja u
l-Ibħra Iberiċi-Atlantiċi. Il-merluzz tan-Nofsinhar, il-megrims
u l-petrika qed jiżdiedu. Filwaqt li l-merluzz tan-nofsinhar esperjenza
reklutaġġ tajjeb, l-istokk għadu jinqabad żejjed u
s-sostenibbiltà għal tul ta’ żmien twil tiegħu hija f’riskju. Is-sistemi
ta’ reġistrazzjoni tal-qbid u l-isforz tal-Istati Membri ġew awditjati
mill-Kummissjoni fl-2012. Ġew miftiehma azzjonijiet ta’ segwitu u
l-kontroll qed jitjieb. L-awwista
tan-Norveġja fil-Baħar tal-Kantabrija għadha suġġetta
għall-parir biex jieqaf is-sajd tagħha. Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed Bejn l-2007 u l-2012
saru iktar minn 300 valutazzjoni, mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd
fil-Mediterran (GFCM) u l-STECF. In-numru ta’ stokkijiet ivvalutati żdied
minn 29 fl-2007 għal 104 fl-2012. Minkejja dan, l-għarfien għadu
limitat minħabba li n-numru totali ta’ stokkijiet kummerċjalment
sfruttati huwa konsiderevolment ogħla. In-numru ta’
stokkijiet ivvalutati huwa ogħla fil-partijiet tal-punent u ċentrali milli
fil-parti tal-Lvant tal-baċir. Ftit huwa magħruf dwar l-istatus
tal-istokkijiet fis-subreġjuni tan-Nofsinhar. Il-livelli ta’
sfruttar huwa lil hinn ferm mill-miri tal-MSY. Minn 97 stokk, 91% kien jinqabad
żejjed. Il-merluzz, it-trilja u l-gambli roża tal-fond huma l-iktar
stokkijiet li jgħixu qrib il-qiegħ komuni li jinqabdu żejda. Is-sardin
u l-inċova huma ż-żewġ stokkijiet pelaġiċi
żgħar komuni li jinqabdu żejda. Fil-Baħar
l-Iswed, l-istatus ta’ 7 stokkijiet huwa magħruf u 5 minnhom huma
sfruttati. Mill-istokkijiet immaniġġjati bit-TAC, il-barbun imperjali
jinqabad żejjed u l-laċċa kaħla ilha tiġi sfruttata
b’mod sostenibbli mill-2007. Stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna
fl-Oċean Atlantiku u fil-Baħar Mediterran Dawn
l-istokkijiet jinkludu t-tonn, l-alonga, it-tonn tropikali, il-pixxispad u
l-kastardella li huma vvalutati u mmaniġġjati mill-Kummissjoni
Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Il-biċċa
l-kbira tal-ispeċijiet tat-tonn jgħixu ħafna u
l-valutazzjonijiet ma jsirux kull sena. Informazzjoni disponibbli dwar
l-istatus ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet differenti hija diversa u
għad fadal diversi inċertezzi. L-iktar valutazzjonijiet riċenti
(2013) għall-pixxispad tal-Atlantiku juru li l-istokk reġa’ nbena
wara li fil-bidu tal-2000 kien jinqabad żejjed. L-alonga tat-tramuntana
tal-Atlantiku ġiet ivvalutata wkoll fl-2013. Ir-rati ta’ mortalità
tal-ħut huma taħt il-livell tal-MSY, għalkemm il-bijomassa
tal-istokk għad jeħtieġ li terġa’ tinbena għal livelli
li jistgħu jipproduċu l-MSY. L-istokk
tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran żdied fis-snin
riċenti. Teżisti inċertezza konsiderevoli fil-valutazzjoni
iżda l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru tal-ICCAT, irriżultat fi
tnaqqis tal-mortalità tal-ħut li issa hija stmata li hi taħt
il-livell tal-MSY. Il-qabdiet fil-livell tat-TAC kurrenti aktarx jippermettu
lill-istokk biex jirkupra għalkollox f’terminu ta’ żmien medju. Bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika Il-prestazzjoni
ekonomika tal-flotot tal-UE fiż-żoni kollha tjiebet gradwalment matul
is-snin riċenti minn marġni ta’ profitt nett ta’ 1% fl-2008 għal
6% fl-2011. Għalkemm l-ispejjeż żdiedu b’mod ġenerali
fl-2011 minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-karburant, id-dħul
żdied bi proporzjon ikbar mill-ispejjeż. Il-Valur Miżjud Gross
(GVA) iġġenerat fl-2011 kien EURO 3.4 biljuni (+4% meta mqabbel
mal-2010), il-profitt gross kien EURO 1.3 biljun u l-profitt nett kien
EURO 410 miljun (+22%). Fl-2011, il-flotta tas-sajd tal-UE ħattet
inqas iżda ġġenerat valur ogħla tal-ewwel. Minħabba li
l-flotta tal-UE hija diversa ħafna, dik ix-xejra ma kinetx tapplika
għall-partijiet kollha tal-flotta. Esperjenzi bit-trasferiment għal sajd MSY Xi eżempji
ta’ trasferiment għal sajd MSY huma spjegati hawn taħt. Għas-sajd
tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku, il-prestazzjoni ekonomika tal-flotot li
jiddependu fuq il-bakkaljaw tjiebet b’mod sinifikanti bl-implimentazzjoni
tal-pjan għall-immaniġġjar tal-bakkaljawli ġab is-sajd
eqreb għas-sitwazzjoni MSY. Il-qabdiet inżammu relattivament stabbli
u d-daqsijiet tal-istokkijiet bdew jiżdiedu, li jfisser żieda
fil-profittabbiltà. L-ispejjeż tal-qabdiet naqsu minħabba li
ntuża iktar karburant u l-ispejjeż kapitali tbaxxew. Il-valur
miżjud gross permezz ta’ bastimenti rappreżentattivi żdied
b’iktar minn 40% mill-2008 sal-2011. Dawn il-flotot iġġeneraw profitt
gross sitt darbiet ogħla fl-2011 meta mqabbel mal-2008, jew 40% ogħla
meta mqabbel mal-2009. Għas-sajd
tal-lingwata u tal-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar tat-Tramuntana,
it-trasferiment għal sajd MSY fisser li l-biċċa l-kbira
tal-flotot setgħu jibqgħu profittabbli anke meta affaċċjati
minn żieda ta’ 32 % fil-prezz tal-karburant sal-2011. Dan
seħħ minħabba li l-ħatt l-art tal-barbun tat-tbajja’ żdiedu
b’51% mill-2008 sal-2011 filwaqt li l-ispejjeż assoċjati mas-sajd
naqqsu konsiderevolment meta l-istokkijiet saru iktar abbundanti. Is-sajd
għal-lingwata fil-kanal tal-punent kien sfruttat f’livelli MSY mill-2009. Minn
dakinhar sal-2013 id-daqs tal-istokk żdied b’16% u l-qabdiet żdiedu
b’24%. Sal- 2011, il-prezzijiet tal-lingwata u speċijiet oħra mmirati
fil-kuntest ta’ dan il-pjan ta’ mmaniġġjar żdiedu. L-istabbiltà
mtejba fis-sajd jista’ jkun li tejbet b’mod sinifikanti l-opportunitajiet ta’
investiment fil-flotot. Skeda L-iskeda
taż-żmien ippjanata tax-xogħol hija kif ġej. Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd || Parir || Proposta tal-Kummissjoni || Adozzjoni possibbli mill-Kunsill Stokkijiet fl-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Antartiku u żoni oħra || L-aħħar ta’ Ġunju - l-aħħar ta’ Ottubru || Ottubru || Diċembru Il-Baħar Baltiku || L-aħħar ta’ Mejju || Awwissu || Ottubru Il-Baħar l-Iswed || L-aħħar ta’ Ottubru || Novembru || Diċembru Il-Baħar Fond || Mejju - Ġunju || Settembru || Novembru Konklużjoni Din
il-Komunikazzjoni stabbilixxiet il-prinċipji bażiċi fir-rigward
tal-istabbiliment tal-opportunitajiet għas-sajd għall-ewwel darba
wara d-dħul fis-seħħ tal-PKS ġdida. L-Istati Membri,
il-Kunsilli Konsultattivi u l-partijiet interessati huma mistiedna biex
jirriflettu fuq l-orjentazzjonijiet stabbiliti u biex jipprovdu
rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti lill-Kummissjoni sabiex jiġi
żgurat li l-opportunitajiet tas-sajd tal-2015 jgħinu sabiex
jintlaħqu l-għanijiet tas-PKS ġdida. ANNESS Ia –Parir
Xjentifiku dwar l-istokkijiet fil-Grigal tal-Atlantiku u l-ibħra ta’
biswit[13] Il-limiti bijoloġiċi sikuri huma
pertinenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(8) tar-Regolament
Nru 1380/2013. * Imqabbel
ma’ proporzjon jikber ta’ stokkijiet suġġetti għal parir
kwantitattiv. Stokkijiet fejn
huwa pprovdut parir mhux ikkwantifikat mhumiex inklużi fit-Tabella 5. Mhux
inklużi f’din l-analiżi : Speċijiet tal-fond, inklużi
t-tusk, il-lipp u l-minfaħ; TACs għall-qabdiet inċidentali
tal-aringa; TACs li huma marbuta ma’ deċiżjoni oħra dwar
l-istess stokk (eż. il-Pollakkju Iswed fil-Punent tal-Iskozja), TACs li
jirrappreżentaw skambji ta’ opportunitajiet tas-sajd ma’ pajjiżi
terzi, TACs barra miż-żona tal-Grigal tal-Atlantiku, TACs fejn
jeżisti sajd mhux irregolat għall-istess stokk (eż. l-istokkafixx
qabel l-2006), stokkijiet li għalihom hemm parir iżda ebda TAC (eż.
il-pixxiplamptu), TACs fejn l-għodda ta’ mmaniġġjar primarja
kienet immaniġġjar bi sforz (eż. is-sallura). Meta TAC tkopri
żewġ speċijiet li għalihom hemm valutazzjoni, (eż. il-Megrims,
il-petrika, VII u VIII), l-analiżi tirreferi għall-iktar speċi
abbundanti miż-żewġ speċijiet koperti bit-TAC. Il-metodu
użat għall-kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni li tikkonċerna
l-ibħra tal-Atlantiku Ewropew ma nbidilx minn edizzjonijiet
preċedenti ta’ dan ir-rapport, għalkemm xi kolonni tas-snin
reġgħu ġew ittikkettati sabiex jirriflettu l-fatt li d-dejta u
l-kejl miġbura jkunu saru sentejn qabel is-sena li fiha jiġi
implimentat il-parir. Anness Ib. Sitwazzjoni
tal-istokkijiet fir-rigward tal-Fmsy[14]
Figura 1: Proporzjonijiet skont
il-piż li jkun inħatt l-art fl-UE ta’ stokkijiet li jgħixu qrib
qiegħ il-baħar maqbuda fil-livell Fmsy (griż ċar)
jew taħt dan il-livell, ’il fuq mill-Fmsy (=sajd żejjed) (iswed),
jew li l-isatus mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran,
il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf
għadu ma ġiex ivvalutat għalkollox iżda huwa maħsub li
hu bejn 70 u 85% tal-qabdiet li jinħattu l-art. L-intestaturi fil-pannelli
juru l-qabdiet li jinħattu l-art ivvalutati (tunnellati, t, jew eluf ta’
tunnellati, Kt). Figura 2: Proporzjonijiet
ta’ piż li nħatt l-art fl-UE ta’ stokkijiet pelaġiċi
maqbuda fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dak
il-livell, ’il fuq mil-livell Fmsy (=sajd żejjed) (iswed) jew
ta’ status mhux magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran
il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom mhux magħruf), ma
ġiex ivvalutat għalkollox iżda huwa maħsub li hu bejn 70
u 85% tal-qabdiet li jinħattu l-art. L-intestaturi fil-pannelli juru l-qabdiet
li jinħattu l-art ivvalutati (tunnellati, t, jew eluf ta’ tunnellati, Kt).
Figura 3: Proporzjonijiet
ta’ stokkijiet ta’ ħut li jgħixu qrib qiegħ il-baħar
fil-livell Fmsy (griż ċar) jew taħt dan il-livell,
’il fuq mill-Fmsy (=sajd żejjed) (iswed), jew li l-isatus mhux
magħruf (bil-kaxxi). Fil-Baħar Mediterran, il-proporzjon ta’ qabdiet
li l-istatus tagħhom mhux magħruf għadu ma ġiex ivvalutat
għalkollox. Figura 4: Proporzjonijiet
ta’ stokkijiet pelaġiċi fil-livell Fmsy (griż
ċar) jew taħt dan il-livell, ’il fuq mill-Fmsy (=sajd
żejjed) (iswed), jew li l-isatus mhux magħruf (bil-kaxxi).
Fil-Baħar Mediterran, il-proporzjon ta’ qabdiet li l-istatus tagħhom
mhux magħruf għadu ma ġiex ivvalutat għalkollox. L-analiżi
tal-figuri 1-4 tkopri s-sena tal-iktar dejta riċenti tal-qabdiet.
Għall-istokkijiet tal-Mediterran, l-istat tal-istokkijiet huwa kkunsidrat
li huwa magħruf sa tliet snin mill-aħħar valutazzjoni. [1] Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda
r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li
jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004
u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28/12/2013,
p.22) [2] Direttiva 2008/56/KE, ĠU L 164, 25/06/2008, p 19-40. [3] Sajd pelaġiku żgħir, sajd pelaġiku kbir, sajd
għal finijiet industrijali, sajd għas-salamun, u speċijiet li
jiddefinixxu s-sajd fl-ibħra tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku
(Artikolu 15.1 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013). [4] Artikolu 16.2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. [5]http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2014/Special%20Requests/EU_Draft_recommendations_for_the_assessment_of_MSFD_Descriptor3.pdf [6] Għal stokkijiet tal-baħar fond, ir-referenza għall-2015
għandha tinftiehem bħala referenza għall-2015-2016, peress li
l-opportunitajiet tas-sajd għal dawn l-istokkijiet huma stabbiliti
għal sentejn. [7] Il-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma suġġetti
għal limitazzjonijiet tal-qabdiet kif ukoll, fil-Mediterran, anke qabdiet
ta’ speċijiet li huma suġġetti għal daqsijiet minimi kif
definit fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006
tal- 21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni
għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar
Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament
(KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30/12/2006, p. 11)–. [8] Mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali. [9] Fil-Mediterran, skont l-obbligi internazzjonali. [10] Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 [11] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1967/ [12] Analiżi sħiħa tal-istat tal-istokkijiet
tal-ħut tista’ tinstab fuq www.ices.dk
għall-Atlantiku u l-ibħra viċin u fuq https://stecf.jrc.ec.europa.eu għaż-żoni
kollha. [13] Parir kif ipprovdut bl-użu ta’ dejta u miżuri magħmula
sentejn qabel is-sena li għaliha japplika l-parir. [14] Analiżi preliminari. Il-Kummissjoni talbet reviżjoni
metodoloġika mill-STECF.