Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0363

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE

    /* COM/2014/0363 final */

    52014DC0363

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE /* COM/2014/0363 final */


    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE

    1. Daħla 

    L-ilma tajjeb għax-xorb huwa essenzjali f’ħajjitna. Dan huwa essenzjali għas-saħħa pubblika u huwa fattur ewlieni li jixpruna ekonomija b’saħħitha. Id-WHO tikkonkludi[1] li permezz tat-“titjib tal-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għal faċilitajiet sanitarji adegwati, minbarra li jinkisbu benefiċċji għas-saħħa permezz tal-prevenzjoni tal-mard li jittieħed mill-ilma, jistgħu jinkisbu wkoll benefiċċji ekonomiċi sinifikanti”. Dawn jinkludu l-iffrankar tal-ispejjeż fil-kura tas-saħħa, ir-rebħ ta’ ġranet produttivi fis-sena, żieda fl-attendenza fl-iskejjel u l-valur li jiġi evitat li jmutu n-nies. Is-settur tal-industrija tal-ilma jagħti wkoll kontribut sinifikanti għall-PDG. L-ammont totali stmat tal-valur miżjud gross tal-industrija, li jkopri s-servizzi sanitarji u tal-provvista tal-ilma laħaq it-EUR 43.84 biljun fl-2010 u dik is-sena kien jirrappreżenta l-ekwivalenti ta’ madwar 500,000 impjieg full-time[2].

    Id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb[3], li ddaħħlet fl-1980 u ġiet riveduta fl-1998, wasslet għad-disponibbiltà ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja fl-UE kollha. L-isforzi konġunti tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-Istati Membri u tal-fornituri tas-servizzi wasslu għal rati għolja ta’ konformità mal-istandards dwar l-ilma tax-xorb, u għalhekk id-Direttiva hija waħda mill-istejjer ta’ suċċess tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, għalkemm is-suċċess tagħha mhux magħruf wisq.  

    Il-kwalità tal-ilma tax-xorb u l-livell ta’ trattament meħtieġ huma relatati ħafna mal-kwalità tas-sorsi tal-ilma tax-xorb. Għalhekk, il-livell ta’ protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma, b’mod partikulari tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ, huwa importanti ħafna għad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb minħabba li jaffettwa l-ispejjeż tat-trattament.

    Barra minn hekk, l-ilma tax-xorb huwa kwistjoni importanti għaċ-ċittadini tal-UE. Dan joħroġ mill-istħarriġ tal-EWROBAROMETRU[4] u mill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tnediet dan l-aħħar imsejħa “Right2water” (“Id-dritt għall-ilma”)[5]. Fit-tweġiba tagħha għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni ħabbret li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb[6] fl-UE kollha, l-iktar bil-għan li jitjieb l-aċċess għall-ilma ta’ kwalità fl-UE.

    2. Is-sitwazzjoni tal-ilma tax-xorb

    Dan id-dokument jagħti sommarju tal-istatus tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, abbażi tal-aħħar dejta rrappurtata mill-Istati Membri[7]. Fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent[8], dalwaqt se jkun hemm disponibbli r-rapporti tekniċi li jkun fihom skedi informattivi ddettaljati għal kull Stat Membru.

    2.1.   Il-provvista tal-ilma

    Il-provvista tal-ilma tax-xorb fl-UE hija organizzata skont iż-żoni tal-provvista, jiġifieri skont postijiet iddefiniti ġeografikament li fihom l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jiġi minn sors wieħed jew aktar u li fihom il-kwalità tal-ilma tista’ titqies li hija bejn wieħed u ieħor l-istess. Fl-UE hemm kważi 100,000 żona tal-provvista tal-ilma. Id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn il-provvisti tal-ilma ż-żgħar u l-kbar[9]. Ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-ilma huma l-istess kemm għall-provvisti tal-ilma ż-żgħar u kemm għal dawk il-kbar. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ ivarjaw u l-Istati Membri m’għandhomx għalfejn jirrappurtaw dwar il-provvisti tal-ilma ż-żgħar. Madwar 65 miljun ruħ jirċievu l-ilma mingħand il-fornituri tal-ilma ż-żgħar. 

    Il-kelma “provvista” fis-sens tad-Direttiva ma tfissirx “aċċess” għan-netwerk pubbliku tal-provvista tal-ilma[10]. L-Eurostat ġabar dejta dwar il-“popolazzjoni li hija konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma”[11] (ara t-Tabella 1 mogħtija fi tmiem dan ir-rapport). Minħabba n-natura volontarja tar-rappurtar, din il-ġabra fiha xi nuqqasijiet fid-dejta u ma tippermettix li jiġu kkalkulati ammonti totali jew medji għall-UE.

    Sorsi tal-ilma fl-istat naturali tiegħu

    Fl-UE, il-provvista tal-ilma ġejja l-iktar mill-ilma ta’ taħt l-art u mill-ilma tal-wiċċ, inklużi l-ġibjuni. Is-sorsi tal-ilma jvarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. Ir-rapporti ta’ qabel taw ħarsa ġenerali lejhom[12] u dan it-tagħrif jinġabar mill-Eurostat[13]. Hemm differenzi sinifikanti fil-perċentwali tal-provvisti tal-ilma l-kbar u ż-żgħar, u l-provvisti ż-żgħar għandhom rati ferm ogħla ta’ sorsi tal-ilma ta’ taħt l-art (84 %).

    Il-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, b’mod partikulari minn sustanzi li diffiċli jiġu nnutati, bħall-pestiċidi, u l-kontaminazzjoni tal-ilma tal-wiċċ, li qed jiġi influwenzat dejjem aktar mit-tibdil fil-klima (l-għargħar, ix-xita estrema u t-tifjid tax-xita), jistgħu joħolqu problemi li mbagħad jingħaddew għal ġol-ilma tax-xorb. Il-monitoraġġ ikkoordinat tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tax-xorb u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u mitigazzjoni tagħha huma ta’ benefiċċju għall-ilma tajjeb għax-xorb.  

    2.2.   Il-kwalità tal-ilma tax-xorb

    Sabiex jiġi żgurat li l-bniedem ikun jista’ juża l-ilma tax-xorb mingħajr periklu, id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb tistipula rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-ilma. Hija tidentifika l-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem meta l-konċentrazzjonijiet tagħhom jaqbżu ċerti limiti. Id-Direttiva tistabbilixxi l-valuri massimi tal-konċentrazzjoni li jridu jitħarsu għal kull parametru. Minbarra l-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi, id-Direttiva tidentifika parametri indikaturi li jservu biex jindikaw li jista’ jkun hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem li tkun trid tittieħed azzjoni ta’ rimedju dwaru biss jekk investigazzjoni ulterjuri tikkonferma li jeżisti.   

    Id-dejta rrappurtata dwar dawn il-parametri turi li b’mod ġenerali, il-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-UE hija tajba ħafna. Ix-xejra ġenerali wkoll hija waħda pożittiva. Għall-provvisti tal-ilma l-kbar, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom rati ta’ konformità ta’ bejn 99 % u 100 % għall-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi. Għal dawk il-ftit Stati Membri li għandhom rati ta’ konformità ta’ inqas minn 99 %, se jkun hemm bżonn ta’ azzjoni msaħħa biex ikun żgurat li ċ-ċittadini kollha li jirċievu l-ilma mill-provvisti tal-ilma l-kbar ikkonċernati jkunu jistgħu jużaw l-ilma tax-xorb mingħajr periklu.

    Figura 1: Taqsira ġenerali - ir-rati ta’ konformità tal-Istati Membri mal-parametri mikrobijoloġiċi u kimiċi

    Iċ-ċifri ddettaljati jinsabu fit-Tabella 1 mogħtija fi tmiem dan ir-rapport.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti tal-ilma ż-żgħar, l-istampa tvarja iktar. Il-livell ta’ konformità mal-parametri mikrobijoloġiċi huwa inqas, u tliet Stati Membri biss kisbu rati ta’ konformità ta’ bejn 99 % u 100 %. Tqassim tar-rati ta’ konformità għall-parametri mikrobijoloġiċi juri li l-provvisti tal-ilma ż-żgħar huma ħafna inqas konformi magħhom mill-provvisti tal-ilma l-kbar.

    Figura 2: Ir-rata ta’ konformità mal-parametri mikrobijoloġiċi skont l-għadd ta’ Stati Membri

    Għall-parametri kimiċi, ġew innutati livelli għoljin ta’ konformità min-naħa tal-provvisti tal-ilma ż-żgħar li huma simili għal dawk tal-provvisti tal-ilma l-kbar. F’xi żoni tal-provvista, ġew irrappurtati problemi marbutin man-nitrat, in-nitrit u l-arseniku, u sa ċertu punt, ukoll mal-boron u mal-fluworur. Pereżempju, fl-2010 ġew identifikati aktar minn 1 000 provvista tal-ilma żgħira li kellhom konċentrazzjonijiet tan-nitrat li kienu jaqbżu l-livelli preskritti (ara t-Tabella 1 mogħtija fi tmiem dan ir-rapport). Ir-rati ta’ konformità għall-parametri indikaturi juru li, b’mod ġenerali, il-prestazzjoni tal-provvisti tal-ilma ż-żgħar ma kinitx tajba daqs dik tal-provvisti tal-ilma l-kbar.

    Il-valutazzjoni tad-dejta rrappurtata fuq il-provvisti tal-ilma ż-żgħar uriet li xi Stati Membri qed ibatu biex jimmaniġġjaw il-provvisti tal-ilma ż-żgħar mingħajr periklu. Potenzjalment, dan jista’ jaffettwa bejn 11.5 u 15.5 miljun ruħ. Madankollu, se jkun hemm bżonn ta’ aktar tagħrif dwar kif dawn il-provvisti tal-ilma ż-żgħar qed jiġu mmaniġġjati u ta’ valutazzjoni ddettaljata dwar dan, sabiex ikun jista’ jiġi stmat kwalunkwe riskju konkret għas-saħħa tal-bniedem li jista’ jkun hemm għaċ-ċittadini kkonċernati.

    Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-Seba’ EAP)[14] ukoll irrikonoxxa t-tħassib marbut mal-provvisti tal-ilma ż-żgħar, u sejjaħ għal aktar sforzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’mod partikulari għall-provvisti tal-ilma tax-xorb iż-żgħar.

    Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ħarġet b’dokument li jservi ta’ “qafas għal azzjoni” li jistabbilixxi l-aħjar prattiki għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju għall-provvisti tal-ilma ż-żgħar, li dalwaqt se jkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent[15]. Minħabba li dan jikkonċerna lil miljuni ta’ ċittadini tal-UE, għandhom isiru aktar sforzi biex titjieb il-provvista ta’ ilma ta’ kwalità għolja, b’mod partikulari fiż-żoni mbegħdin u f’dawk rurali.  

     Id-dejta mibgħuta mill-Istati Membri turi li fil-każ ta’ inċidenti u ta’ nuqqas ta’ lħiq tal-istandards ta’ kwalità, b’mod ġenerali l-Istati Membri jieħdu azzjoni ta’ rimedju fi żmien ta’ rispons tajjeb. F’dak li għandu x’jaqsam mal-parametri mikrobijoloġiċi, il-miżuri kienu jinvolvu t-titjib tat-trattament tal-komponenti tas-sistema ta’ distribuzzjoni pubblika kkontaminati u t-tindif tagħhom. Għall-parametri kimiċi, in-nuqqasijiet ġew indirizzati permezz ta’ titjib fil-prattiki agrikoli, tal-kundizzjonament jew it-trattament tal-ilma, tal-bidla fis-sors tal-ilma, u tal-għoti tat-tagħrif lill-pubbliku.

    2.3.   Monitoraġġ u tagħrif

    Skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir monitoraġġ regolari tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, l-approċċi ta’ monitoraġġ ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u wkoll minn żona waħda tal-provvista tal-ilma għal oħra fl-Istati Membri individwali, u dan iwassal għal livelli u disponibbiltà differenti tad-dejta ta’ monitoraġġ. Dan mhux bilfors ifisser li ma jintlaħqux ir-rekwiżiti legali, minħabba li d-Direttiva tippermetti li jkun hemm programmi ta’ monitoraġġ adattati għall-karatteristiċi speċifiċi taż-żona tal-provvista tal-ilma. Madankollu, l-analiżi tissuġġerixxi li hemm bżonn li jiġu analizzati mill-ġdid u ssimplifikati l-approċċi ta’ monitoraġġ attwali, b’mod partikulari meta wieħed iqis l-approċċ tad-WHO għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji marbutin mal-pjan tas-sikurezza tal-ilma[16].

    Biex tindirizza l-monitoraġġ u l-prestazzjoni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq l-hekk imsejjaħ “Qafas Strutturat ta’ Implimentazzjoni u Informazzjoni” (SIIF), li jistabbilixxi sistemi fil-livell nazzjonali li jxerrdu b’mod attiv it-tagħrif dwar kif qed tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Dan it-tagħrif imbagħad jinġieb flimkien biex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn x’qed jiġri fl-UE kollha. Ir-rekwiżit tad-Direttiva li l-konsumaturi jingħataw tagħrif aġġornat dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb jista’ jintrabat ukoll mat-tali qafas ta’ informazzjoni u f’dan il-kuntest jista’ jittejjeb. Id-dejta dwar l-ilma tax-xorb tista’ tintrabat ukoll b’mod aktar ċar mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE), li tinkludi firxa wiesgħa ta’ dejta u tagħrif miġbura mill-istituzzjonijiet tal-UE.

    2.4.   Derogi

    Id-Direttiva tippermetti derogi mill-istandards ta’ kwalità tal-ilma tax-xorb b’kundizzjonijiet stretti ħafna u għal perjodu taż-żmien limitat. Derogi bħal dawn ma jistgħux jikkostitwixxu periklu potenzali għas-saħħa tal-bniedem u jistgħu jiġu stabbiliti biss jekk il-provvista tal-ilma tax-xorb f’dak il-post partikulari ma tkunx tista’ tinżamm b’mezzi raġonevoli oħrajn. Deroga ma tistax tingħata għal perjodu ta’ iktar minn tliet snin. Madankollu, meta Stat Membru jqis li jkun hemm bżonn ta’ perjodu itwal għad-deroga, jista’ jagħti deroga oħra għal perjodu massimu ta’ tliet snin, u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. F’każijiet eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni għal deroga oħra - it-tielet waħda. F’dak il-każ, il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa din it-talba u tista’ jew tiċħad it-talba jew tagħti d-deroga għal perjodu massimu ta’ tliet snin.

    S’issa, il-Kummissjoni tat għadd ta’ derogi ta’ tliet snin li kienu t-tielet deroga lir-Repubblika Ċeka, lill-Italja, lill-Ungerija u lill-Ġermanja, li kellhom x’jaqsmu l-iktar mal-parametri tan-nitrat u tan-nitrit, tal-fluworur, tal-boron, tal-arseniku u tan-nikil. Hija rrifjutat talba waħda għal deroga, li kienet saret mill-Estonja. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara l-paġna elettronika tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent[17]. Il-Kummissjoni qiegħda teżamina l-metodi x-xierqa biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-deċiżjonijiet relatati.

    Id-derogi u l-eżenzjonijiet possibbli l-oħra f’ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jipperikolaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva b’mod konsistenti fl-UE kollha, jekk ma jintużawx bil-għaqal. Il-Kummissjoni tqis li s-sistema attwali tad-derogi tat biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex dawn jiżguraw li jintlaħqu l-istandards ta’ kwalità tal-ilma tax-xorb. Il-Kummissjoni tqis li m’għandha tingħata l-ebda deroga ġdida mill-istandards ta’ kwalità tal-ilma tax-xorb għall-provvisti tal-ilma eżistenti, ħlief għal sitwazzjonijiet ta’ sorsi ta’ tniġġis ġdid mhux previst jew wara li jiddaħħlu standards għal parametri ġodda jew standards imsaħħin tal-kwalità tal-ilma tax-xorb għall-parametri eżistenti. Għall-provvisti l-ġodda, id-derogi jistgħu jitqiesu b’kundizzjonijiet stretti jekk is-sorsi ta’ tniġġis jistgħu jiġu rranġati f’perjodu taż-żmien aċċettabbli u f’każ li ma tkun hemm l-ebda alternattiva għall-provvista l-ġdida.

    2.5.   Sfidi

    Il-politika tal-UE dwar l-ilma tax-xorb wasslet għall-iżvilupp ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja fl-UE kollha f’dawn l-aħħar deċennji. Madankollu, sabiex jinżammu dawn l-istandards ta’ kwalità għolja u jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li għad fadal, jista’ jkun hemm bżonn li jkompli jiġi adattat il-qafas legali tal-UE.

    Il-provvisti tal-ilma ż-żgħar ivarjaw b’mod sinifikanti mill-provvisti tal-ilma l-kbar fin-natura tagħhom. Dawn huma ta’ skala żgħira u ta’ spiss ikunu jinsabu f’żoni rurali u mbegħdin, u b’hekk ikunu jeħtieġu approċċi maniġerjali li jqisu s-sitwazzjonijiet speċifiċi f’dawn iż-żoni. Id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb attwali tiffoka l-iktar fuq il-provvisti tal-ilma l-kbar. Li kieku jiżdiedu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-provvisti tal-ilma ż-żgħar, inkluż obbligu tar-rappurtar, dan jgħin sabiex tiġi żgurata ġestjoni tal-provvisti tal-ilma ż-żgħar li tkun effiċjenti u bbażata fuq ir-riskju, u jippermetti li wieħed joħroġ bi stampa aktar ċara tal-kwalità tal-ilma tax-xorb fiż-żoni ta’ provvista tal-ilma żgħira. Dan jikkontribwixxi biex jiżdied l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, b’mod partikulari f’żoni mbegħdin, u biex ikun hemm aktar tagħrif għall-pubbliku u għall-partijiet interessati dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb.

    Jista’ jkun li jkun hemm bżonn li l-lista attwali tal-parametri u l-valuri korrispondenti tagħhom, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ u tal-analiżi jiġu adattati fid-dawl tar-riskji marbutin mas-sustanzi li jniġġsu emerġenti u tal-progress xjentifiku u teknoloġiku li jkun qed isir. Jista’ jkun hemm bżonn li din il-lista titwessa’ biex tinkludi sustanzi li jniġġsu emerġenti ġodda bħal ċerti prodotti użati fl-agrikoltura u fl-industrija, inklużi l-prodotti farmaċewtiċi. Il-metodoloġiji ta’ monitoraġġ u l-ispeċifikazzjonijiet għall-analiżi tal-parametri għandhom iqisu l-aktar metodi u tekniki riċenti, inklużi l-approċċi bbażati fuq ir-riskju, sabiex jippermettu li jsir kontroll tal-kwalità bl-aktar mod effiċjenti u kosteffettiv, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċessi tat-trattament fl-impjant tat-trattament u kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-netwerk tad-distribuzzjoni sal-vit, u inkluż dik il-fażi. Il-qafas tal-UE għandu jiġi vvalutat billi jitqabbel mal-linji gwida aġġornati tad-WHO dwar din il-kwistjoni. Jista’ jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni speċifika wkoll biex jitnaqqsu t-tnixxijiet fin-netwerks tad-distribuzzjoni. F’madwar nofs l-Istati Membri, aktar minn 20 % tal-ilma nadif li jkun tajjeb għax-xorb jintilef fin-netwerk tad-distribuzzjoni qabel ma jasal fil-viti tal-konsumaturi, filwaqt li f’xi Stati Membri, dan il-proporzjon huwa għoli saħansitra 60 %.

    Huwa importanti li l-pubbliku jkollu aċċess għat-tagħrif dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb. Filwaqt li ħafna drabi dan it-tagħrif jingħata fis-siti elettroniċi nazzjonali, ta’ spiss dan ma jkunx aġġornat u ma jkunx jista’ jinftiehem faċilment. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jużawx mapep komprensivi jew għajnuniet pubbliċi oħrajn. L-istruttura attwali għar-rappurtar ma tagħtix lill-Kummissjoni tagħrif adegwat u fil-ħin biex twettaq sinteżi bir-reqqa tal-iżviluppi fil-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-Unjoni Ewropea. Dan jagħmilha diffiċli biex hija tagħti lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku, fuq bażi regolari, tagħrif aġġornat dwar il-politika tal-ilma tax-xorb u l-kwalità tiegħu fl-UE kollha. Barra minn hekk, il-mod kif tinġabar, tiġi pproċessata u tiġi rrappurtata d-dejta jvarja fl-UE, u dan jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel is-sitwazzjoni fl-Istati Membri differenti b’rabta mal-prestazzjoni tagħhom u mal-konformità tagħhom mad-Direttiva. Kunċett ġdid jew rivedut tar-rappurtar jista’ jiffaċilita t-tixrid u l-ġestjoni trasparenti tad-dejta kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-livell tal-UE.  Barra minn hekk, valutazzjoni komparattiva tal-kwalità tal-ilma tax-xorb tista’ tiffaċilita l-interpretazzjoni u l-viżwalizzazzjoni tad-dejta dwar il-kwalità tal-ilma fl-UE kollha u tippermetti li jitqabblu aħjar il-kwalità tal-ilma u x-xejriet fl-Istati Membri differenti.

    3. Konklużjonijiet

    L-analiżi tikkonferma li d-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb ikkontribwiet għal ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja fl-UE kollha, kif intwera mil-livelli għoljin ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità tal-ilma tax-xorb. 

    Għalkemm kien hemm livell sodisfaċenti ta’ infurzar u diġà sar progress f’bosta oqsma, ġew identifikati l-kwistjonijiet u l-isfidi li ġejjin:

    Il-provvista tal-ilma ta’ kwalità għolja, b’mod partikulari fiż-żoni mbegħdin u f’dawk rurali, għandha tittejjeb. Il-provvisti tal-ilma ż-żgħar f’dawn iż-żoni jeħtieġu approċċi maniġerjali speċifiċi bbażati fuq ir-riskju u r-rwol tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb għandu jiġi esplorat f’dan il-kuntest. L-approċċi bbażati fuq ir-riskju għall-ġestjoni tal-provvisti tal-ilma l-kbar se jippermetti li jsiru monitoraġġ u analiżi tal-parametri b’mod iktar kosteffettiv b’rabta mar-riskji identifikati u se jagħti garanziji aħjar b’rabta mal-ħarsien ta’ saħħet il-bniedem. Il-metodoloġiji għall-monitoraġġ u l-analiżi għandhom jirriflettu l-aktar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi riċenti.  It-tagħrif xjentifiku l-ġdid dwar il-parametri kimiċi u parametri oħrajn b’rabta mal-lista ta’ parametri tal-ilma tax-xorb għandu jitqies f’konformità mar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-linji gwida tad-WHO dwar l-ilma tax-xorb, inklużi s-sustanzi li jniġġsu emerġenti. It-teknoloġija moderna tal-informatika u aċċess aktar faċli għat-tagħrif ambjentali għandhom jintużaw biex il-konsumaturi jingħataw tagħrif aktar aġġornat u biex jiġi esplorat kif id-dejta differenti tal-monitoraġġ tista’ tintrabat mar-rappurtar u mat-tagħrif tal-konsumatur. L-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ deroga għadda żmienhom u jkun tajjeb li jiġu aġġornati u jiġġeddu b’mod ġenerali.

    Konsultazzjoni pubblika fl-UE kollha se tkun l-ewwel pass lejn valutazzjoni aktar fil-fond tal-isfidi msemmijin hawn fuq u ta’ kif dawn jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod. Din tista’ tidentifika wkoll kwistjonijiet oħrajn li għandhom jiġu indirizzati, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm standards għoljin tal-kwalità tal-ilma tax-xorb fl-UE kollha u sabiex dawn ikomplu jittejbu.

      Skeda informattiva – L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb fl-2010 (id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE)

                       L-għadd ta’ żoni tal-provvista tal-ilma · 96,388 żona tal-provvista tal-ilma fl-UE, li jkopru popolazzjoni ta’ madwar 474 miljun ruħ · 11,233 provvista tal-ilma kbira li minnhom jieħdu l-ilma 317-il miljun ruħ · 85,559 provvista tal-ilma żgħira li minnhom jieħdu l-ilma 65 miljun ruħ (abbażi ta’ stħarriġ li sar b’mod volontarju)                    Il-kwalità tal-ilma tax-xorb – Il-provvisti tal-ilma l-kbar Għal dan ir-rapport, tqieset li kien hemm konformità sħiħa mal-valuri tal-parametri jekk aktar minn 99 %[18] tal-analiżi kienu konformi. Il-parametri mikrobijoloġiċi Il-provvisti tal-ilma l-kbar tal-Istati Membri kollha kellhom rati ta’ konformità ta’ iktar minn 95 %, u 23 Stat Membru kellhom konformità sħiħa mal-parametri (bejn 99 u 100 %). Il-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija, u l-Latvja biss ma laħqux dawn il-livelli għoljin. Il-parametri kimiċi Ir-rati ta’ konformità ma’ dawn il-parametri kienu għoljin, iżda kienu ftit anqas minn dawk li kien hemm b’rabta mal-parametri mikrobijoloġiċi. L-Istati Membri kollha rrappurtaw rati ta’ konformità ta’ iktar minn 90 %, ħlief għal tliet Stati Membri, – li huma l-Ungerija (għall-parametru tal-arseniku), l-Irlanda (għall-parametru tat-triħalometan[19]) u l-Litwanja (għall-parametru tal-fluworur). Il-parametri indikaturi Seba’ Stati Membri kisbu rati massimi ta’ prestazzjoni (bejn 99 u 100 %), filwaqt li għaxar Stati Membri kellhom rati ta’ iżjed minn 95 %. L-għaxar Stati Membri li kien għad baqa’ kellhom rati ta’ prestazzjoni ta’ bejn id-90 % u l-95 %. Id-Danimakra (il-batterji koliformi), l-Ungerija (l-ammonju), il-Latvja (is-sulfat) u Malta (il-klorur u s-sodju) kellhom rati ta’ inqas minn 90 % għal dawn il-parametri.                    Il-kwalità tal-ilma tax-xorb – Il-provvisti tal-ilma ż-żgħar Il-parametri mikrobijoloġiċi Il-livell ta’ konformità ma’ dawn il-parametri kienu inqas minn dawk li kellhom il-provvisti tal-ilma l-kbar, u kienu biss tliet Stati Membri li rrappurtaw rati ta’ konformità ta’ iktar minn 99 % (l-Estonja, Malta u l-Isvezja).  Instabet konformità tal-kampjuni ta’ 95 sa 99 % fil-każ ta’ 14-il Stat Membru, ta’ 90 sa 95 % fil-każ ta’ erba’ Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, l-Italja u r-Renju Unit), u ta’ anqas minn 90 % fil-każ ta’ sitt Stati Membri (id-Danimarka, il-Greċja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja). Il-parametri kimiċi Il-provvisti tal-ilma ż-żgħar kellhom livelli ta’ konformità li kienu simili għal dawk tal-provvisti tal-ilma l-kbar. Il-parametri indikaturi Jista’ jkun li n-nuqqas fil-prestazzjoni ġie minħabba l-batterji koliformi, il-Clostridium perfringens, il-ħadid, il-manganiż, l-ammonijaka u l-pH. Ħafna mill-Istati Membri rnexxielhom jiksbu rata ta’ prestazzjoni ta’ iktar minn 95 %; madankollu, kien hemm problemi sinifikanti f’xi Stati Membri.

    It-Tabella 1: Dejta ġenerali għal kull Stat Membru (ŻPI = Żona tal-provvista tal-ilma)

    Stat Membru || L-għadd ta’ ŻPI kbar || L-għadd ta’ ŻPI żgħar || Il-popolazzjoni li hija konnessa mal-provvista pubblika tal-ilma (is-sena) Sors: L-Eurostat || Il-mikrobijoloġija Il-konformità tal-kampjuni, f’perċentwali || Is-sustanzi kimiċi

    Kbar (il-figura 1) || Żgħar || Kbar Il-konformità tal-kampjuni, f’perċentwali (il-figura 1, (x) Fil-figura 1 hija stabbilita bħala 90 %) ||  Żgħar Pereżempju: n-nitrat, L-għadd ta’ ŻPI mhux konformi

    L-Awstrija || 260 || 4570 || 95,05 (2008) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || 20

    Il-Belġju || 225 || 522 || 99,9 (2009) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || 3

    Il-Bulgarija || 196 || 2226 || 99,2 (2011) || 95 sa 99 % || 90 sa 95 % || 95 sa 99 % || 349

    Ċipru || 20 || 268 || 100 (2011) || 95 sa 99 % || 90 sa 95 % || 95 sa 99 % || 1

    Ir-Repubblika Ċeka || 283 || 3870 || 93,5 (2010) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || ?

    Il-Ġermanja || 2283 || 5873 || 99,3 (2010) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || 12

    Id-Danimarka || 252 || 2071 || 97 (2002) || 99 sa 100 % || < 90 % || 90 sa 95 % || 4

    L-Estonja || 25 || 1115 || 80 (2009) || 99 sa 100 % || 99 sa 100 % || 90 sa 95 % || -

    Il-Greċja || 177 || 713 || 94 (2007) || 99 sa 100 % || < 90 % || 95 sa 99 % || 20

    Spanja || 928 || 7907 || 100 (2010) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || -

    Il-Finlandja || 158 || 697 || 91 (2011) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % ||

    Franza || 2487 || 18363 || 99,4 (2001) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || 381

    L-Ungerija || 275 || 2731 || 100 (2011) || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || < 90 % (x) || 10

    L-Irlanda || 241 || 1920 || 85 (2007) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || < 90 % (x) || 9

    L-Italja || 1046 || 3977 || - || 99 sa 100 % || 90 sa 95 % || 95 sa 99 % || 6

    Il-Litwanja || 65 || 1734 || 75 (2011) || 99 sa 100 % || < 90 % || < 90 % (x) || 1

    Il-Lussemburgu || 43 || 154 || 99,9 (2011) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || 1

    Il-Latvja || 29 || 1145 || - || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % ||

    Malta || 12 || 7 || 100 (2011) || 99 sa 100 % || 99 sa 100 % || 99 sa 100 % ||

    Il-Pajjiżi l-Baxxi || 209 || 250 || 100 (2010) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || -

    Il-Polonja || 970 || 8839 || 87,6 (2011) || 99 sa 100 % || < 90 % || 95 sa 99 % || -

    Il-Portugall || 362 || 3176 || 96,9 (2009) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 95 sa 99 % || 28

    Ir-Rumanija || 310 || 5398 || 56,5 (2011) || 99 sa 100 % || < 90 % || 95 sa 99 % || 133

    L-Isvezja || 182 || 1486 || 87 (2010) || 99 sa 100 % || 99 sa 100 % || 99 sa 100 % || -

    Is-Slovenja || 78 || 899 || - || 99 sa 100 % || < 90 % || 95 sa 99 % || 4

    Is-Slovakkja || 95 || 957 || 86,9 (2011) || 99 sa 100 % || 95 sa 99 % || 99 sa 100 % || 11

    Ir-Renju Unit || 22 || 4691 || - || 99 sa 100 % || 90 sa 95 % || 99 sa 100 % || 109

    [1]       http://www.who.int/water_sanitation_health/wsh0404summary/en/.

    [2]       EUROSTAT (2013).

    [3]       Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

    [4]       http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_344_en.pdf.

    [5]       Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bi tweġiba għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa “L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!” (COM(2014) 177, 19.3.2014): http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/finalised/answered?lg=mt.

    [6]       Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

    [7]       Id-dejta rrappurtata skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb għall-perjodu ta’ referenza ta’ bejn l-2008 u l-2010 u d-dejta rrappurtata b’mod volontarju dwar il-provvista ż-żgħira tal-ilma li għaliha d-Direttiva ma teżiġi li jsir l-ebda rappurtar.

    [8]       http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/reporting_en.html;

            https://circabc.europa.eu/faces/jsp/extension/wai/navigation/container.jsp.

    [9]       Iż-żoni tal-provvista tal-ilma l-kbar huma sorsi individwali tal-ilma li, bħala medja, jaqbżu l-1 000 metru kubu kuljum, jew li minnhom jieħdu l-ilma iktar minn 5 000 ruħ, filwaqt li ż-żoni tal-provvista tal-ilma ż-żgħar huma dawk li jipprovdu inqas minn 1 000 metru kubu kuljum, jew li minnhom jieħdu l-ilma inqas minn 5 000 ruħ.

    [10]     Skont l-Artikolu 345 tat-TFUE, l-UE għandha l-obbligu li tibqa’ newtrali f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġim tas-sjieda tal-ilma. Għalhekk, hawnhekk mhux qed jiġi indirizzat l-aspett tad-dritt fiżiku għall-“aċċess” għall-ilma. 

    [11]     http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=env_wat_pop&lang=en.

    [12]     https://circabc.europa.eu/sd/a/b580866d-8eb7-4937-9a97-d3d3485d046e/2005-2007%20SynthesisReport.pdf.

    [13]     http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Water_statistics.

    [14]     Id-Deċiżjoni 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    [15]     http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/small_supplies_en.html.

    [16] http://www.euro.who.int/en/health-topics/environment-and-health/water-and-sanitation/country-work/ensuring-drinking-water-safety-through-water-safety-plans.

    [17]     http://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/derogations_en.html, u fuq is-sit elettroniku ta’ CIRCABC.

    [18]     Huwa aċċettabbli marġni tal-iżball ta’ 1 % minħabba l-livell ta’ inċertezzi u l-inċidenti li jseħħu (pereżempju l-iżbalji fit-teħid tal-kampjuni jew l-iżbalji analitiċi); barra minn hekk, ir-rati tal-konformità qed jingħataw bħala firxa ta’ valuri minħabba li ħafna drabi huma skorrimenti limitati fiż-żmien. Ir-riżultati ma jistgħux jitqabblu għalkollox minħabba d-differenzi fil-metodi tat-teħid tal-kampjuni u fil-metodi ta’ monitoraġġ u minħabba n-nuqqas ta’ approċċi standardizzati, iżda d-dejta tagħti ħarsa ġenerali tajba lejn is-sitwazzjoni fl-UE kollha.

    [19]     B’rabta mal-ammont totali tal-parametru kimiku tat-triħalometan, sa Diċembru tal-2008 id-Direttiva tat deroga mil-limitu massimu mniżżel fil-Parti B tal-Anness I (sa 150 mikrogramma għal kull litru minn 100 mikrogramma għal kull litru).

    Top