This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0337
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the application of the derogation provided in Article 8(6a) of Regulation (EC) N° 561/2006 of the European Parliament and of the Council (12-day rule)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum)
/* COM/2014/0337 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum) /* COM/2014/0337 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-deroga prevista
fl-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill (ir-regola tat-12-il jum)
1.
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea
(UE) stabbiliet qafas ta’ regoli soċjali għat-trasport bit-triq
tal-merkanzija u tal-passiġġieri, bil-għan li jiġi evitat
kull tfixkil tal-kompetizzjoni, li titjieb is-sikurezza fit-toroq u li jkunu
żgurati kundizzjonijiet xierqa għas-saħħa u
għas-sikurezza tal-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15
ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni
soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda
r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li
jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85
("ir-Regolament (KE) Nru 561/2006")[1]
jipprevedi sett komuni ta’ rekwiżiti minimi tal-UE fost l-oħrajn dwar
il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ. Dawn
ir-regoli japplikaw għax-xufiera professjonali kollha involuti
f’operazzjonijiet tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija,
kemm jekk dawn ikunu impjegati u kemm jekk ikunu jaħdmu għal rashom,
suġġetti għal eċċezzjonijiet speċifiċi u
derogi nazzjonali. Bħala
regola ġenerali, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jipprevedi,
fl-Artikolu 8 tiegħu, li xufier għandu jibda l-perjodu ta’
mistrieħ ta’ kull ġimgħa mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt
perjodi ta’ 24 siegħa mit-tmiem tal-perjodu ta’ mistrieħ
tal-ġimgħa ta' qabel. Madankollu, ir-Regolament (KE)
Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009
dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali
tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE)
Nru 561/2006 (tfassil mill ġdid)[2]
introduċa deroga għal din id-dispożizzjoni tal-perjodu ta'
mistrieħ ta' kull ġimgħa. L-Artikolu 8(6a) il-ġdid
jippermetti lix-xufiera li jkunu qed iwettqu servizz wieħed
okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, li
jipposponu l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’sa 12-il
perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa (minn hawn 'il quddiem imsejħa
“ir-regola tat-12-il jum”) wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ
ta’ kull ġimgħa, dejjem jekk jintlaħqu kundizzjonijiet
speċifiċi. Sabiex jiġi
indirizzat ċertu tħassib espress fil-mument tal-adozzjoni
tiegħu, l-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006
jispeċifika li l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib
l-użu li jsir minn din id-deroga u għandha tfassal rapport li jevalwa
l-konsegwenzi tad-deroga fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll
l-aspetti soċjali u, jekk ikun xieraq, tipproponi xi emendi għal dan
ir-Regolament f’dan ir-rigward. Dan ir-rapport isegwi dan l-obbligu ta’ monitoraġġ
u jipprevedi ħarsa ġenerali lejn l-użu tad-deroga mir-regola
tat-12-il jum fl-Istati Membri u lejn kif inhuma meqjusin l-impatti tagħha
fil-kuntest tal-għanijiet prinċipali tar-Regolament.
2.
Sfond
Ir-regola
tat-12-il jum ġiet introdotta għall-ewwel darba mir-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta
leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport
bit-triq[3].
Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament jistipula li: (...) Sewwieq
irid, wara mhux iżjed minn sitt perjodi ta' sewqan kuljum, jieħu
perjodu ta' serħan fil-ġimgħa kif definit fl-Artikolu 8(3). Il-perjodu
ta' serħan fil-ġimgħa jista' jiġi pospost sat-tmiem
tas-sitt jum jekk it-total tal-ħin ta' sewqan f'sitt ijiem ma jaqbiżx
il-massimu li jiġi daqs sitt perjodi ta' sewqan kuljum. Fil-każ
tal-ġarr internazzjonali ta' passiġġiera, ħlief għal
servizzi regolari, il-kliem "sitta" u "is-sitt" fit-tieni u
fit-tielet sottoparagrafi għandhom jiġu sostitwiti bi
"tnax" u "t-tnax" rispettivament. L-Istati
Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti
għal servizzi nazzjonali ta' passiġġieri fit-territorju
tagħhom, ħlief għal servizzi regolari. Dan
ir-Regolament tħassar bir-Regolament (KE) Nru 561/2006, li ma kienx
jinkludi tali dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-regola tat-12-il jum ma
baqgħetx applikabbli mill-11 ta’ April 2007 meta r-Regolament (KE)
Nru 561/2006 daħal fis-seħħ. Din il-modifika tat bidu
għal diskussjonijiet estensivi fost id-diversi partijiet interessati.
Kienet meqjusa bħala żvilupp negattiv mill-industrija Ewropea
tat-turiżmu bil-kowċis, li fittxet sistematikament li jintlaħaq
ftehim bejn l-imsieħba soċjali sabiex terġa’ tiddaħħal
ir-regola tat-12-il jum. L-isfida kienet li jiġi kkunsidrat it-tħassib
tal-industrija fir-rigward tal-organizzazzjoni effiċjenti u
kosteffikaċi tal-vjaġġi turistiċi bil-kowċ u li,
fl-istess ħin, ma jkunux kompromessi s-sikurezza fit-toroq u l-benesseri
tax-xufiera. Dak
iż-żmien saru żewġ studji li rriflettew
il-preżentazzjoni dettaljata tal-kwistjoni u l-argumenti rilevanti.
L-istudju msejjaħ “The New Regulation on Driving and Rest Times: The
Impact of the Abolition of the “12 Days Exception” for Buses”[4]
(“Ir-Regolament il-ġdid dwar is-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ:
l-impatt tat-tneħħija tal-“eċċezzjoni tat-12-il jum”
għall-karozzi tal-linja”), ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, offra
valutazzjoni tal-impatti tat-tneħħija tar-regola tat-12-il jum fuq
it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq,
speċjalment fir-rigward tal-effetti ekonomiċi, soċjali u ta’ sikurezza.
Fil-qosor, l-istudju jargumenta li t-tneħħija tar-regola tat-12-il
jum ikollha impatti ekonomiċi negattivi qawwijin, mingħajr
benefiċċji ta’ sikurezza jew soċjali pożittivi sinifikanti.
Fost l-għażliet politiċi eżaminati, dik irrakkomandata
kienet l-introduzzjoni mill-ġdid tad-deroga b’ċerti miżuri ta’
akkumpanjament marbutin mas-sikurezza tat-turs u mal-kundizzjonijiet
tax-xogħol tax-xufiera. Il-miżuri ta’ akkumpanjament proposti kellhom
x’jaqsmu, fost l-oħrajn, mal-infurzar effettiv tal-użu tat-takografu
diġitali, mal-infurzar tar-rotazzjoni tax-xufiera f'kumpaniji li
jagħmlu vjaġġi internazzjonali sabiex jitnaqqas il-piż
tax-xogħol eċċessiv, mal-infurzar tad-Direttiva 2003/59/KE
dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta'
ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew
passiġġieri[5]
u mal-introduzzjoni mill-ġdid b'mod parzjali tar-regola tat-12-il jum
għall-impriżi tat-trasport li jikkonformaw ma' parametri
speċifiċi tal-kwalità u għall-vetturi mgħammra b'takografu
diġitali biss. Wara dan l-istudju, il-Parlament Ewropew ivvota għal
“rapport ta’ inizjattiva proprja” biex terġa' tiddaħħal
id-deroga tat-12-il jum. Ġiet
ippreżentata analiżi kritika tal-istudju msemmi hawn fuq imsejħa
“Study of passenger transport by coach”[6]
(“Studju dwar it-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ”), li
ġiet ikkummissjonata sussegwentement mill-Kummissjoni Ewropea.
L-analiżi kkonkludiet li l-ewwel studju tal-Parlament Ewropew jista’ jkun
li ssovravaluta b’mod sinifikanti l-impatt ekonomiku tat-tneħħija
tar-regola tat-12-il jum, u wkoll li jista’ jkun li ssottovaluta l-impatti
soċjali. L-analiżi kkonkludiet li l-impatti soċjali u ambjentali
tal-irtirar tar-regola tat-12-il jum huma żgħar, u li hemm ċertu
dubju dwar jekk l-effett nett ta’ dawn l-impatti huwiex pożittiv jew
negattiv. Iż-żewġ studji qablu li, minkejja li huwa
diffiċli biex jiġi kkwantifikat, l-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq
huwa pjuttost żgħir, minħabba li l-kowċis huma diġà
mezz ta’ trasport relattivament sikur. Id-diskussjonijiet
ġenerali wasslu għall-introduzzjoni mill-ġdid tar-regola
tat-12-il jum b'ċerti rekwiżiti addizzjonali. L-Artikolu 29
tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jistipula li: "Fl-Artikolu 8
tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandu jiddaħħal
il-paragrafu li ġej: "6a.
B’deroga mill-paragrafu 6, sewwieq li jkun qed iwettaq servizz wieħed
okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif
definit fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni
għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi
tal-kowċ u x-xarabank, jista’ jipposponi l-perjodu ta’ mistrieħ ta’
kull ġimgħa b’sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa
wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull
ġimgħa, kemm-il darba: (a)
is-servizz idum għallinqas 24 siegħa konsekuttiva fi Stat Membru
jew pajjiż terz li għalih ikun japplika dan ir-Regolament u li ma
jkunx dak fejn ikun beda s-servizz; (b)
is-sewwieq jieħu, wara l-użu tad-deroga: (i)
jew żewġ perjodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull
ġimgħa; jew (ii)
perjodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u
perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’
mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun
ikkumpensat b’perjodu ta’ mistrieħ li jittieħed f’daqqa qabel tmiem it-tielet
ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ deroga; (c)
wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-vettura tkun mgħammra
b’apparat ta’ reġistrazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Anness IB
għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; u (d)
wara l-1 Jannar 2014, jekk is-sewqan isir matul il-perjodu mill-22.00
sas-06.00, il-vettura jkollha ekwipaġġ ta' aktar minn persuna
waħda jew il-perjodu ta' sewqan imsemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas
għal tliet sigħat. Il-Kummissjoni
għandha timmoniterja mill-qrib l-użu li jsir minn din id-deroga biex
tiżgura li l-preservazzjoni tas-sikurezza fit-toroq taħt
kundizzjonijiet stretti ħafna, b’mod partikolari billi tiċċekkja
li l-ħin ta’ sewqan totali akkumulat matul il-perjodu kopert mid-deroga ma
jkunx eċċessiv. Sal-4 ta’ Diċembru 2012,
il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-konsegwenzi tad-deroga
fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll l-aspetti soċjali. Jekk tqis
li dan ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi emenda għal dan
ir-Regolament f’dan ir-rigward.” Ir-regola
tat-12-il jum, fil-forma attwali tagħha, daħlet fis-seħħ
fl-4 ta’ Ġunju 2010. Minn dak iż-żmien ’l hawn
saru ċerti diskussjonijiet dwar ir-rekwiżiti li skonthom għandha
tiġi applikata din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari
r-rekwiżit li x-xufier għandu jkun involut f’operazzjoni tat-trasport
internazzjonali. Matul ir-reviżjoni riċenti tar-Regolament (KEE)
Nru 3821/85[7],
il-Parlament Ewropew ippropona l-applikazzjoni tar-regola
għall-vjaġġi domestiċi wkoll, billi saħaq li l-impatt
fuq is-sikurezza fit-toroq mhuwiex marbut man-natura internazzjonali
tal-operazzjoni tat-trasport. Matul il-proċess leġiżlattiv,
l-Istati Membri dehrilhom li ma kienx xieraq li tiġi introdotta din
il-modifika u għaldaqstant id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(6a)
baqgħet ma nbidlitx. Fl-istess kuntest,
waqt in-negozjati tal-adeżjoni tagħha, l-Iżlanda talbet deroga
minn din id-dispożizzjoni sabiex tippermetti l-applikazzjoni tar-regola
għat-trasport domestiku wkoll. L-argumenti favur din it-talba kienu
marbutin maċ-ċirkostanzi ġeografiċi tal-pajjiż, li
jinsab 'il bogħod mill-kontinent Ewropew, mal-firxa eċċezzjonali
tal-popolazzjoni tiegħu u mal-importanza tal-industrija tat-turiżmu
għall-ekonomija tal-Iżlanda. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni
ċaħdet din it-talba billi argumentat li tali deroga mhijiex
applikabbli għal Stati Membri oħra u li minkejja
l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi, it-trasport domestiku
fl-Iżlanda jista’ jkun organizzat b’tali mod li jirrispetta
d-dispożizzjoni ġenrali li jittieħed perjodu ta’ mistrieħ
wara sitt perjodi ta’ sewqan ta’ 24 siegħa. Barra minn hekk,
it-turiżmu fl-Iżlanda mhuwiex affettwat mid-dispożizzjoni
inkwistjoni, peress li huwa espost għall-kompetizzjoni internazzjonali
b'mod marġinali biss.
3.
Il-ġbir tad-dejta
Sabiex
tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għal dan ir-rapport,
il-Kummissjoni staqsiet numru ta’ mistoqsijiet lill-Istati Membri
f’Lulju 2012. L-istess kwestjonarju ntbagħat ukoll lill-imsieħba
soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq, jiġifieri lill-Unjoni
Internazzjonali tat-Trasport bit-Triq (International Road Union - IRU)
bħala l-għaqda tal-impjegaturi u lill-Federazzjoni Ewropea
tal-Ħaddiema tal-Qasam tat-Trasport (European Transport Workers'
Federation - ETF) li tirrappreżenta lill-ħaddiema ta’ dan is-settur. Il-kwestjonarju
kopra numru ta’ suġġetti sabiex jevalwa l-impatti possibbli
tad-deroga fl-oqsma msemmija fir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Kull
mistoqsija ġiet ifformulata b’tali mod li setgħu jingħataw kemm
tweġibiet kwantifikabbli kif ukoll deskrittivi u l-Istati Membri/l-imsieħba
soċjali kellhom il-possibbiltà li jwieġbu kif iridu. L-ewwel
żewġ mistoqsijiet kellhom l-għan li jivvalutaw jekk l-Istati
Membri humiex qed jimmonitorjaw l-użu tad-deroga jew billi jżommu
dejta statistika jew inkella permezz ta' sorsi oħra. It-tielet mistoqsija
kienet marbuta mas-sikurezza fit-toroq u mal-impatti tad-deroga fuqha. Ir-raba’
mistoqsija indirizzat il-kwistjoni tal-inkoraġġiment tat-turiżmu
u l-użu ta’ mezzi ekoloġiċi tat-trasport, filwaqt li
l-ħames mistoqsija ffukat fuq l-effett tad-deroga fuq il-kompetizzjoni
ġusta fis-settur tat-trasport bit-triq. Il-benesseri tax-xufiera ġie
vvalutat permezz tas-sitt mistoqsija. Fl-aħħar żewġ
mistoqsijiet, l-Istati Membri/l-imsieħba soċjali ntalbu jipprovdu
l-perċezzjoni ġenerali tagħhom tad-dispożizzjoni
inkwistjoni kif ukoll jagħmlu kwalunkwe kumment jew proposta addizzjonali. Sa tmiem l-2013,
il-Kummissjoni kienet irċeviet it-tweġibiet mingħand
23 Stat Membru u mingħand l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u
tal-ħaddiema msemmija hawn fuq. Minkejja t-tfakkiriet li ntbagħtu, ma
waslet l-ebda informazzjoni oħra wara dik id-data. Fl-Anness II ta’
dan ir-rapport hemm tabella aggregata bit-tweġibiet li waslu. Huwa nnutat
li r-Rumanija bagħtet tweġibiet kemm permezz tal-Awtorità Rumena
tat-Trasport bit-Triq (l-ARR) kif ukoll permezz tal-Kontroll tat-Trasport
bit-Triq (l-ISCTR). Iż-żewġ istituzzjonijiet kellhom responsabbiltajiet
ta’ kontroll sa mid-dħul fis-seħħ tar-regola (l-ARR
sal-4 ta’ Diċembru 2011 u l-ISCTR wara dik id-data).
4.
Analiżi tad-dejta
Mit-23 Stat
Membru li bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju, tmienja ma tawx
ċifri għall-mistoqsijiet minn 2 sa 7, abbażi ta’
nuqqas ta’ informazzjoni li tappoġġa tweġiba kwantifikabbli.
L-ammont limitat ta’ dejta kwantifikabbli li waslet (għal 15-il każ)
ma jippermettix li ssir analiżi statistika dettaljata. Madankollu,
abbażi tat-tweġibiet mogħtija u b'rabta mal-partijiet deskrittivi
ta' dan il-kwestjonarju, jistgħu jinsiltu diversi konklużjonijiet.
L-analiżi ta’ hawn taħt issegwi l-istruttura tal-kwestjonarju u
l-elementi eżaminati minn kull mistoqsija.
4.1.
Id-disponibbiltà tad-dejta — Il-frekwenza
tal-użu tad-deroga
L-ebda wieħed
mill-Istati Membri li rrispondew għall-kwestjonarju ma jżomm dejta
statistika dwar l-applikazzjoni tar-regola tat-12-il jum jew dwar il-konformità
mal-limiti tal-ħin tas-sewqan matul il-perjodu kopert mid-deroga.
Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma timponix obbligu bħal dan
fuq l-Istati Membri u dan in-nuqqas ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet
nazzjonali kompetenti jċaħħadhom mill-possibbiltà li jkollhom
idea ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni attwali fil-qasam ikkonċernat.
Minkejja n-nuqqas ta’ obbligu ta' monitoraġġ sistematiku tal-użu
tad-deroga, xi Stati Membri pprovdew iċ-ċifri korrispondenti, li
skonthom, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-deroga mhix
użata b’mod intensiv. F’ħames Stati Membri (l-Estonja, il-Litwanja,
il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Isvezja), il-frekwenza tal-użu hija
kkwantifikata f’nofs l-iskala indikata (3 fuq skala ta’ 0 sa 5), filwaqt li
fil-każijiet l-oħra kollha ċ-ċifri rrappurtati jindikaw
użu inqas intensiv minn din id-dispożizzjoni. L-ispjegazzjonijiet
mogħtija għall-użu limitat tar-regola jinkludu n-natura
restrittiva tad-dispożizzjoni (vjaġġ internazzjonali wieħed
u perjodu ta’ mistrieħ estiż wara) u n-nuqqas ta’ għarfien dwar
id-dispożizzjoni mill-operaturi/mix-xufiera.
4.2.
L-impatt fuq is-sikurezza fit-triq
Il-parti l-kbira
tal-Istati Membri li taw tweġibiet ikkwantifikati għal din
il-mistoqsija indikaw li d-dispożizzjoni ma għandha l-ebda impatt
negattiv fuq is-sikurezza fit-triq. Min-naħa l-oħra, żewġ
Stati Membri (il-Belġju u l-Litwanja) indikaw impatt negattiv qawwi (4 fuq
skala ta’ 0 sa 5), li madankollu, mhuwiex ibbażat fuq l-istatistika
tal-inċidenti, iżda fuq il-preżunzjoni li s-sewqan kontinwu
għal 12-il jum jista’ jkollu impatt dirett fuq l-għeja tax-xufier, li
għaldaqstant jipperikola s-sikurezza fit-triq. L-istess approċċ
ġie segwit fit-tweġiba tal-ETF, li indikat impatt saħansitra
aktar negattiv abbażi tal-allegata għeja tax-xufier. Il-bqija
tat-tweġibiet li waslu indikaw impatt negattiv minimu, dejjem abbażi
tal-istess suppożizzjoni u mhux fuq dejta reali dwar l-inċidenti.
L-IRU ma indikat l-ebda impatt fuq is-sikurezza fit-triq, fatt li jenfasizza li
matul vjaġġi bħal dawn il-ħin attwali ta’ sewqan ta’ kuljum
huwa pjuttost qasir.
4.3.
Effett fl-inkoraġġiment tat-turiżmu
u l-użu ta’ mezzi ekoloġiċi tat-trasport
Filwaqt li
ċerti Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka,
il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) u l-ETF ma jaraw l-ebda effett
fuq it-turiżmu u l-ambjent, l-Istati Membri l-oħra li taw
tweġibiet ikkwantifikati dwar din il-kwistjoni indikaw effett
pożittiv. Tliet Stati Membri (il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Isvezja)
indikaw effett pożittiv qawwi ħafna (4 sa 5 fuq skala ta’ 0 sa 5),
bil-ġustifikazzjoni li r-regola tippermetti spejjeż anqas
għall-passiġġieri, organizzazzjoni aħjar
tal-vjaġġi u kwalità mtejba tal-kowċis użati
f’operazzjonijiet bħal dawn. Għal raġunijiet simili, erba’ Stati
Membri oħra (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja) indikaw
effett pożittiv importanti (3 fuq skala ta’ 0 sa 5). L-IRU indikat effett
pożittiv żgħir minħabba n-natura restrittiva tad-deroga, li
tillimita kemm hi attraenti għall-impriżi tat-trasport.
4.4.
L-effett fuq il-kompetizzjoni
Il-parti l-kbira
tal-Istati Membri u l-IRU ħadu pożizzjoni newtrali fir-rigward ta’
dan l-aspett. Madankollu, Stat Membru wieħed (il-Bulgarija) indika effett
pjuttost negattiv f’termini tat-tfixkil tal-kompetizzjoni, abbażi tal-fatt
li d-deroga tapplika biss għall-operazzjonijiet internazzjonali
okkażjonali u mhux għal dawk regolari u b’hekk toħloq
diskriminazzjoni bejn it-tnejn li huma. Ħames Stati Membri oħra
(l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Isvezja) huma
ħafna iktar pożittivi dwar dan u jisħqu li l-flessibbiltà
pprovduta mid-deroga toffri iżjed opportunitajiet għall-impriżi
biex joperaw mingħajr ma jiksru r-regoli u saħansitra tippermetti li
l-intrapriżi ż-żgħar jibbenefikaw bl-istess mod minnha.
4.5.
L-impatt fuq il-benesseri tax-xufiera
In-naħa
tal-ħaddiema ħadet pożizzjoni negattiva qawwija ħafna
b’rabta ma’ din il-kwistjoni, bl-argument li d-deroga tippermetti
vjaġġi twal li jaffettwaw direttament is-saħħa tax-xufiera,
prinċipalment minħabba l-għeja kbira li jakkumulaw biha.
F’approċċ simili, iżda b’mod ħafna aktar limitat, tliet
Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju u r-Rumanija[8]) ukoll
irrappurtaw effett negattiv. Għall-kuntrarju, xi Stati Membri (l-Estonja,
il-Lussemburgu, ir-Rumanija[9]
u l-Isvezja) iħarsu lejn il-kwistjoni minn angolu differenti, billi
jiddikjaraw li d-dispożizzjoni tippermetti li x-xufiera jieħdu
perjodi ta’ mistrieħ kontinwu itwal, normalment fi djarhom mal-familji
tagħhom. F’approċċ differenti, l-impjegaturi jqisu l-perjodi
twal ta’ mistrieħ b'kumpens li għandhom jittieħdu wara
l-użu tad-deroga bħala telf ta’ dħul għax-xufiera,
speċjalment matul l-istaġuni turistiċi qosra, u jippreferu
d-deroga fil-forma preċedenti tagħha.
4.6.
Il-perċezzjoni ġenerali
tad-dispożizzjoni
Skont
it-tweġibiet mogħtija fl-aspetti individwali tal-kwestjonarju,
il-maġġoranza tal-Istati Membri li taw tweġibiet ikkwantifikati
għal din il-mistoqsija kellhom perċezzjoni ġenerali
pożittiva tad-dispożizzjoni u f’xi każijiet perċezzjoni
pożittiva qawwija ħafna (l-Ungerija, il-Lussemburgu, l-Isvezja,
il-Latvja u l-Estonja). L-IRU għandha approċċ anqas
pożittiv, u tqis li l-verżjoni attwali tad-deroga hija anqas
attraenti minn dik ta’ qabilha minħabba n-natura restrittiva wisq
tagħha. L-Istati Membri b’perċezzjoni negattiva tar-regola huma
prinċipalment dawk li għandhom tħassib dwar il-kwistjonijiet
tas-sikurezza fit-toroq (l-Awstrija, il-Belġju u l-Litwanja). L-ETF ma
tara l-ebda valur miżjud f’din id-deroga u targumenta li din għandha
tiġi applikata b’mod limitat sabiex jiġu kkontrollati l-effetti
negattivi tagħha u li m'għandhiex tkun permessa aktar flessibbiltà.
4.7.
Kummenti/proposti addizzjonali
F’din il-parti
tal-kwestjonarju, l-Istati Membri setgħu jagħmlu liberament
il-kummenti u l-proposti tagħhom dwar id-deroga inkwistjoni. Minkejja
l-libertà mogħtija, ir-risposti li waslu kienu pjuttost limitati. Grupp
ta’ Stati Membri (il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u r-Renju
Unit), mingħajr ma jaqsmu neċessarjament l-istess għanijiet,
jidhru lesti li jikkunsidraw kriterji aktar flessibbli u ċerta estensjoni
tad-deroga jew għal operazzjonijiet domestiċi jew għal servizzi
regolari internazzjonali. Stat Membru wieħed (Spanja) saħaq li
d-deroga għandha tkun applikabbli għat-trasport tal-merkanzija,
ħaġa li għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-kumpanija billi
l-vettura tirritorna fil-bażi tagħha ferm qabel u li għandha
ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippermetti lix-xufiera
jqattgħu l-ħin tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa
tagħhom fi djarhom. Stati Membri oħra jew huma kontra perspettiva
bħal din (l-Awstrija) jew jikkunsidraw li d-dispożizzjoni
għandha tinbidel f’konformità mat-trasport tal-merkanzija (il-Litwanja).
Kwistjonijiet oħra li tqajmu huma l-problemi prattiċi fir-rigward
tas-sikurezza fit-toroq (il-Belġju) u tal-kompatibbiltà mar-regoli
soċjali tal-UE u ma’ dawk tal-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol
tal-Ekwipaġġi li jaħdmu fuq Vetturi użati għat-Trasport
fuq it-Toroq Internazzjonali (AETR) (il-Finlandja). L-ETF topponi bil-qawwa
l-iżvilupp ta’ kwalunkwe dispożizzjoni soċjali separata
għat-trasport tal-passiġġieri, filwaqt li tinnota li
żvilupp bħal dan jista’ jwassal għal sistemi aktar kumplessi u
problemi kbar ta’ infurzar u jista' jikkomprometti l-għanijiet
ġenerali tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ.
Min-naħa l-oħra, l-IRU targumenta li l-industrija teħtieġ
b’mod urġenti aktar arranġamenti prattiċi u flessibbiltà akbar għat-tipi
kollha ta’ servizzi nazzjonali u internazzjonali, u tappoġġa
bis-sħiħ l-estensjoni tal-ambitu tad-deroga biex din tkun tkopri
operazzjonijiet domestiċi wkoll.
5.
Konklużjonijiet
Minkejja
n-nuqqas ta’ dejta fattwali, wara l-analiżi ppreżentata hawn fuq,
wieħed jista’ jasal għal ċerti konklużjonijiet fir-rigward
tal-impatti tal-applikazzjoni tad-deroga fuq is-sikurezza fit-toroq u
l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-qasam tas-servizzi internazzjonali
tat-trasport tal-passiġġieri. Skont
l-opinjonijiet tal-parti l-kbira tal-Istati Membri u tan-naħa tal-impjegaturi,
ma hemm l-ebda indikazzjoni konkreta ta’ effett reali negattiv fuq is-sikurezza
fit-toroq. Il-ħaddiema esprimew il-fehma li t-12-il perjodu ta’ sewqan
konsekuttiv ta' kuljum joħolqu għeja akkumulata u mhix proporzjonata
fix-xufiera. Madankollu, ma ntbagħtet l-ebda evidenza fattwali li tipprova
d-deterjorament tas-sikurezza fit-triq minħabba l-użu tad-deroga.
Min-naħa l-oħra, l-impjegaturi huma tal-fehma li f’din it-tip ta’
operazzjoni, il-ħin tas-sewqan ta’ kuljum ġeneralment ikun iqsar
mil-limiti massimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.
L-ispeċifiċità tat-turs internazzjonali bil-kowċ kienet
il-kunċett prinċipali wara l-introduzzjoni tad-deroga. Fir-rigward
tal-oqsma l-oħra eżaminati, prinċipalment it-turiżmu,
l-ambjent, in-nuqqas ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-benesseri tax-xufiera,
it-tweġibiet li waslu jinkludu kemm valutazzjonijiet pożittivi kif
ukoll negattivi, bi predominanza tal-aspetti pożittivi indikati,
ħlief dwar il-kwistjoni tal-kwalità tal-ħajja tax-xufier. Dwar din
tal-aħħar, iż-żewġ naħat tal-industrija indikaw
konsegwenzi negattivi, iżda għal raġunijiet differenti u
b'effetti fuq aspetti differenti tal-benesseri tax-xufier. Filwaqt li
l-ħaddiema enfasizzaw il-konsegwenza negattiva ta' għeja ikbar
għax-xufiera minħabba l-posponiment tal-mistrieħ ta' kull
ġimgħa, l-impjegaturi indikaw il-possibbiltà limitata tax-xufier li
jkollu dħul ogħla minħabba perjodu obbligatorju twil ta’
mistrieħ ta’ kull ġimgħa wara l-użu tad-deroga. L-aspetti
pożittivi tad-deroga kienu jinkludu t-tnaqqis tal-ispejjeż
għat-turisti, l-użu ta’ vetturi aħjar għal vjaġġi
internazzjonali twal bħal dawn, aktar opportunitajiet
għall-impriżi, inklużi dawk li huma żgħar, u
organizzazzjoni aħjar tal-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera,
bil-possibbiltà li dawn iqattgħu aktar ħin id-dar. Ħafna
mill-kritika kienet dwar in-natura restrittiva tar-regola tat-12-il jum,
filwaqt li l-kunċett tad-deroga kienet rikonoxxut bħala wieħed
siewi. Ta’
min jinnota n-natura kuntradittorja tat-tweġibiet li waslu
għall-parti l-kbira tal-mistoqsijiet, fatt li jiżvela differenzi
fil-mod kif hija perċepita l-miżura. Eżempju dimostrattiv
ħafna jikkonċerna l-opinjonijiet espressi miż-żewġ
naħat tal-industrija li ħadu sehem fl-isħarriġ tal-kwestjonarju.
Filwaqt li r-rappreżentanti tal-impjegaturi jidentifikaw ir-rekwiżiti
addizzjonali tad-deroga bħala l-ostaklu ewlieni
għall-implimentazzjoni x-xierqa tagħha, ir-rappreżentant
tax-xufiera jqis kwalunkwe tentattiv biex dawn id-dispożizzjonijiet
jitnaqqsu jew biex l-ambitu tad-deroga jiġi estiż bħala
inaċċettabbli. Wara
li analizzat l-opinjonijiet espressi mill-Istati Membri u mill-imsieħba
soċjali, u filwaqt li qieset ċerti ħtiġijiet tas-suq
bħal, pereżempju, is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-infurzar
kosteffettiv tagħhom, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tipproponi
xi emendi fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Ir-reġim attwali ġie
stabbilit wara diskussjonijiet twal u jidher li qed jopera mingħajr
problemi sostanzjali u l-partijiet interessati jafuh sew. Il-Kummissjoni se
tkompli bl-isforzi tagħha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli
ttejjeb l-infurzar tar-regoli eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward
tal-applikazzjoni x-xierqa tad-derogi. Il-Kummissjoni
tistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex ikomplu
jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-deroga tat-12-il jum u l-impatti
tagħha fuq is-sikurezza fit-triq kif ukoll l-aspetti soċjali
tagħha, u tista’ terġa’ tħares lejn din il-kwistjoni jekk ikun
hemm bżonn. [1] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1. [2] ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88. [3] ĠU L 370, 31.12.1985, p. 1. [4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2008/405378/IPOL-TRAN_ET(2008)405378_EN.pdf [5] ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4. [6] http://ec.europa.eu/transport/modes/road/studies/doc/2009_06_passenger_transport_by_coach.pdf [7] revokata bir-Regolament (UE) Nru 165/2014
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014
(ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1). [8] L-Ispettorat Statali għall-Kontroll tat-Trasport
bit-Triq (l-ISCTR) [9] L-Awtorità Rumena tat-Trasport bit-Triq (l-ARR)