Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0277

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUMITAT EKONOMIKU U FINANZJARJU skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

    /* COM/2014/0277 final */

    52014DC0277

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUMITAT EKONOMIKU U FINANZJARJU skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni /* COM/2014/0277 final */


    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    LILL-KUMITAT EKONOMIKU U FINANZJARJU

    skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni[1].

    1. L-Objettiv tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010

    Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001[2] jirrikjedi istituzzjonijiet ta' kreditu u, fil-limiti tal-attività tal-pagamenti tagħhom, fornituri oħra tas-servizz ta' pagamenti u kull istituzzjoni oħra involuta fl-ipproċessar u t-tqassim lill-pubbliku ta' karti tal-flus u muniti (minn hawn 'il quddiem "istituzzjonijiet") li jiżguraw li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro li huma jkunu rċevew u li għandhom il-ħsieb li jpoġġuhom lura fiċ-ċirkolazzjoni jiġu vverifikati għall-awtentiċità u jinkixfu l-foloz.

    Fir-rigward tal-muniti dan l-obbligu jiġi deskritt f'aktar dettall fir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament"). L-objettiv tar-Regolament huwa li jiżgura awtentikazzjoni effettiva u uniformi tal-muniti tal-euro fiż-żona tal-euro billi jipprovdi regoli vinkolanti għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri komuni għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll tal-proċeduri tal-awtentikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, għandha titfassal proċedura ta’ awtentikazzjoni biex ikun verifikat li l-muniti tal-euro huma awtentiċi u tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

    Ir-Regolament jistipula li l-obbligu ta' awtentikazzjoni jiġi implimentat permezz ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti jew minn persunal imħarreġ. Wara l-proċedura ta' awtentikazzjoni, il-muniti kollha ssuspettati foloz u l-muniti tal-euro mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jintbagħtu liċ-Ċentru Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti jew awtorità oħra nnominata mill-Istat Membru kkonċernat. Dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti tal-ittestjar għall-magni tal-ipproċessar tal-muniti, ir-regoli għat-trattament ta' muniti li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ kontroll li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu qed jissodisfaw l-obbligu ta’ awtentikazzjoni tagħhom.

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE[3], iddefinixxa l-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 (minn hawn ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-ETSC”). 

    2. L-iskop tar-rapport

    Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament, wara li tkun analizzat ir-rapporti annwali li tkun irċeviet mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni tressaq rapport annwali lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar l-iżviluppi u r-riżultati li jikkonċernaw l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

    Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni ħejjiet rapport annwali bħal dan. Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012, f'dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ awtentikazzjoni. Ir-rapport ikopri s-sena 2012 u l-għan ewlieni tiegħu huwa li jivvaluta jekk il-proċeduri ta’ awtentikazzjoni komuni ġewx implimentati kif suppost, jekk il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-proċeduri tal-awtentikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali humiex effettivi u, fl-aħħar nett, jipprovdi ħarsa ġenerali tal-istatistika ġenerali bbażata fuq ir-rapporti riċevuti mill-Istati Membri.

    3. rapporti tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro

    Skont l-Artikolu 12(1) l-Istati Membri jissottomettu rapporti fuq bażi annwali lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro. L-informazzjoni pprovduta tinkludi n-numru ta’ kontrolli mwettqa u l-magni tal-ipproċessar tal-muniti ttestjati, ir-riżultati tat-testijiet, il-volum tal-muniti pproċessati minn dawn il-magni, in-numru ta’ muniti ssuspettati foloz li ġew analizzati u n-numru ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew rimborżati, kif ukoll id-dettalji dwar kull deroga prevista fir-Regolament.

    L-iskadenza tal-preżentazzjoni tar-rapporti annwali mill-Istati Membri hija stabbilita fil-Linji Gwida tal-ETSC għall-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara li fiha jkun ġie rrapportat.[4]

    4. Valutazzjoni tar-rapporti tal-Istati Membri għas-sena 2012 4.1. Kriterji ta’ valutazzjoni

    Il-kriterji ewlenin li jikkonċernaw l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni u li għandhom jiġu rrapportati huma stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament. Sabiex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-awtentikazzjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament innomina liċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) biex jiddefinixxi l-linji gwida, inklużi d-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni, marbuta ma’ kontrolli, verifiki u awditjar mill-Istati Membri, wara li jkun ġie kkonsultat il-grupp tal-esperti dwar il-falsifikazzjoni tal-muniti (CCEG). Fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-ETSC, l-Istati Membri kellhom jirrapportaw dwar l-indikaturi li ġejjin:[5]

    1. Numru ta' muniti pproċessati fl-2012 għall-ogħla tliet denominazzjonijiet:

    2. Numru totali ta' kontrolli fuq il-post eżegwiti;

    3. Numru totali ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati;

    4. Volum totali ta' muniti pproċessati minn magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati:

    5. Numru totali ta' muniti ssuspettati foloz analizzati;

    6. Numru ta' muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni rrimborżati:

    4.2. Valutazzjoni tar-rapporti

    16-il Stat Membru taż-żona tal-euro ikkonformaw mal-obbligu li jippreżentaw ir-“Rapport Annwali” tagħhom, jiġifieri: il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja.

    Mill-Istati Membri li ġew imfakkra biex jibgħatu r-rapporti tagħhom il-Finlandja biss għadha ma għamlitx dan.

    Fejn dan ir-rapport jirreferi għal numri totali għandu jiġi kkunsidrat li dawn jirriflettu biss is-sitwazzjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro li pprovdew id-dejta sa issa.

    Ħarsa ġenerali sħiħa taċ-ċifri kollha hija pprovduta fl-Anness II.

    4.2.1. In-numru totali ta' muniti pproċessati fl-2012 għall-ogħla tliet denominazzjonijiet: Fuq il-bażi tal-Artikolu 3, l-istituzzjonijiet[6] jimplimentaw l-obbligu tal-awtentikazzjoni permezz ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti inklużi fil-lista tal-ETSC li l-għan tagħhom huwa li jiġi verifikat li l-muniti tal-euro huma awtentiċi u tajba għaċ-ċirkolazzjoni. In-numru totali ta’ muniti pproċessati minn magni tal-ipproċessar tal-muniti fl-2012 għall-ogħla tliet denominazzjonijiet (EUR 2, EUR 1 u 50 ċenteżmu ta’ euro) jammonta għal 9 845 834 296.[7] Dan l-ammont jirrappreżenta 58,82 % tal-ammont ta’ muniti fiċ-ċirkolazzjoni.[8] 4.2.2. In-numru totali ta' kontrolli fuq il-post eżegwiti

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament l-Istati Membri jwettqu kontrolli annwali fuq il-post f'"istituzzjonijiet" bil-għan li, permezz ta' testijiet tal-iskoperta, jiġi vverifikat it-tħaddim xieraq ta’ numru rappreżentattiv ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti użati.

    Fl-2012 l-Istati Membri wettqu total ta' 220[9] kontroll fuq il-post. In-numru ta’ kontrolli rrapportati kien ivarja konsiderevolment bejn kontroll wieħed u 76 kontroll għal kull Stat Membru. Dan jista’ jiġi spjegat bid-daqs tas-suq u l-mod kif is-suq fi Stat Membru partikolari huwa organizzat fir-rigward tal-ipproċessar ta’ flus kontanti. F’xi Stati Membri l-ammont kollu ta’ muniti jiġi pproċessat minn kumpanija ta’ flus kontanti fi tranżitu u oħrajn, pereżempju, minn banek kummerċjali individwali. Erba’ Stati Membri (il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta) ma rrapportaw l-ebda kontrolli. Dawn se jkunu mistiedna biex itejbu r-rapportar tagħhom jew jintroduċu l-mekkaniżmi ta’ kontroll jekk għadhom ma għamlux dan.

    4.2.3. In-numru totali ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati

    Total ta' 315[10]-il magna tal-ipproċessar tal-muniti ġew ivverifikati u 70,15 %[11] minnhom urew konformità mal-ispeċifikazzjonijiet. Għall-magni meqjusa mhux konformi, miżuri korrettivi msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament għandhom ikunu twettqu.

    4.2.4. Il-volum totali ta' muniti pproċessati minn magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati

    Sakemm ma ġietx riċevuta notifika għal deroga mill-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom l-obbligu skont l-Artikolu 6(3) biex jivverifikaw il-magni tal-ipproċessar tal-muniti li pproċessaw mill-inqas 25 % tal-volum nett totali akkumulat tal-ogħla tliet denominazzjonijiet ta’ muniti tal-euro maħruġa mill-Istat Membru mill-introduzzjoni tal-muniti tal-euro sat-tmiem tal-2011. 

    Fuq il-bażi tad-dejta maħruġa mill-BĊE dwar il-ħruġ nett għal kull Stat Membru mill-introduzzjoni tal-euro sa tmiem l-2011, l-Istati Membri li ġejjin ikkonformaw mal-kriterji ta’ 25 % li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 6(3): il-Belġju, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u s-Slovenja[12] (ara l-Anness III).

    Il-Ġermanja u s-Slovakkja applikaw id-deroga msemmija fl-Artikolu 6(5) u kkonformaw mal-livell limitu minimu ta’ 10 %.[13]

    Il-volum totali ta’ muniti pproċessati minn magni tal-ipproċessar tal-muniti li kienu vverifikati mill-awtoritajiet nazzjonali nnominati jammonta għal 6 117 955 983.[14] Dan jirrappreżenta 62,13 % tal-ammont ta’ muniti pproċessati fl-2012.[15]

    4.2.5. In-numru totali ta' muniti ssuspettati foloz analizzati

    In-numru totali ta’ muniti ssuspettati foloz analizzati jirreferi għall-muniti suspettużi kollha mibgħuta liċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti (CNACs) fi Stati Membri individwali għall-analiżi. In-numru totali ta’ muniti ssuspettati foloz analizzati jammonta għal 567 054[16] munita. In-numru totali ta’ muniti foloz maqbuda fiċ-ċirkolazzjoni jammonta għal 180 139 munita.[17]

    4.2.6. In-numru ta' muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni rrimborżati:

    L-Istati Membri għandhom jirrimborżaw il-muniti tal-euro li ma għadhomx tajba għaċ-ċirkolazzjoni minħabba li kienu ilhom fiċ-ċirkolazzjoni jew minħabba xi aċċident jew ikunu ġew irrifjutati waqt il-proċess tal-awtentikazzjoni għal kull raġuni oħra. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-rimborż ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew modifikati jew deliberatament jew bi proċess li wieħed seta' raġonevolment jistenna li kien se jkollu l-effett li jimmodifikahom, minkejja r-rimborż ta' muniti miġbura għal finijiet ta' karità, bħal “muniti fil-funtani”.

    In-numru totali ta’ muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni jammonta għal 14 002 311[18] munita.

    5. Konklużjonijiet

    Ir-rapport preżenti huwa l-ewwel rapport skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament. Minħabba li r-Regolament kien applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu III, is-sena kalendarja 2012 kienet l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tar-Regolament.

    Minħabba li mhux ir-rapporti kollha ġew riċevuti[19], il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa biex tfakkar lill-Istati Membri tal-erja taż-żona euro fl-obbligu li jikkonformaw saż-żmien stipulat mar-rekwiżiti skont ir-Regolament 1210/2010.

    Abbażi tal-informazzjoni rrapportata jista’ jiġi konkluż li l-proċedura ta’ awtentikazzjoni fl-“istituzzjonijiet” tidher li hija fis-seħħ fil-maġġoranza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u li 12 minn 17-il Stat Membru taż-żona tal-euro jwettqu kontrolli tal-implimentazzjoni korretta tal-obbligu ta' awtentikazzjoni mill-“istituzzjonijiet” imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament 1338/2001.

    Madankollu, titjib ulterjuri tal-obbligu ta’ rappurtar mill-Istati Membri huwa meħtieġ biex il-Kummissjoni tkun tista' tfassal stampa komprensiva tal-proċeduri ta' awtentikazzjoni stabbiliti fl-Istati Membri. Ir-rapporti mill-Istati Membri ma jilħqux il-livell mixtieq ta’ kompletezza u omoġeneità meħtieġa għal valutazzjoni dettaljata mill-Kummissjoni. Aktar armonizzazzjoni u titjib fir-rappurtar se jiġu diskussi fil-qafas tal-grupp ta’ esperti eżistenti (Grupp ta’ Esperti dwar il-Muniti Foloz) u se jkunu msemmija fid-dettall fil-Linji Gwida tal-ETSC fid-dawl tar-rapporti futuri.

    [1] ĠU L 339, 22.12.2010, p. 5.

    [2] ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

    [3] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar. ĠU L 19 21.1.2005, p. 73.

    [4] Seba' Stati Membri biss taż-żona tal-euro ressqu r-rapporti tagħhom sal-iskadenza tal-15.02.2013.

    [5] Ara l-Anness I.

    [6] L-Artikolu 2(d) tar-Regolament 1210/2010 flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 1338/2001.

    [7] Ara l-Anness I.

    [8] Ikkalkulat fuq il-bażi ta’ ħruġ nett ta’ 16 737 875 000 munita (Sors: Rapport tal-Currency information system tal-BĊE ta’ Diċembru 2012). Ta’ min jinnota madankollu li xi muniti jistgħu jkunu ġew ivverifikati diversi drabi.

    [9] Ara l-Anness I.

    [10] Ara l-Anness I.

    [11] Ara l-Anness II.

    [12] l-Italja, il-Lussemburgu, Ċipru, Malta u l-Awstrija ma kinux konformi. 

    [13] Il-Greċja talbet għal deroga iżda ma kkonformatx mal-livell limitu l-aktar baxx, minħabba li ma rrapportat l-ebda kontrolli.

    [14] Ara l-Anness I.

    [15] Ibbażat fuq iċ-ċifra taħt il-punt 4.2.1.

    [16] Ara l-Anness I.

    [17] Sors: Rapport annwali tal-ETSC “Il-Protezzjoni tal-Muniti tal-euro fl-2012”.

    [18] Ara l-Anness I.

    [19] Kif indikat fit-Taqsima 4.2, 16-il Stat Membru kienu kapaċi jikkonformaw mal-obbligu li jippreżentaw rapport u l-Finlandja biss ma kinitx għadha kkonformat.

    ANNESS I

    Tabella ta’ taqsira

    In-numru totali ta' muniti pproċessati fl-2012 għall-ogħla tliet denominazzjonijiet || 9 845 834 296

    In-numru total ta' kontrolli fuq il-post eżegwiti || 220

    In-numru totali ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati || 315

    Il-volum totali ta' muniti pproċessati minn magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati || 6 117 955 983

    In-numru totali ta' muniti suspettużi foloz analizzati || 567 054

    In-numru totali ta' muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni rrimborżati: || 14 002 311

    L-ANNESS II

    || IL-BELĠJU || IL-ĠERMANJA || L-ESTONJA || IL-GREĊJA || SPANJA || IL-FINLANDJA || FRANZA || L-IRLANDA || L-ITALJA || ĊIPRU || IL-LUSSEMBURGU || MALTA || IL-PAJJIŻI L-BAXXI || L-AWSTRIJA || IL-PORTUGALL || IS-SLOVENJA || IS-SLOVAKKJA || AMMONT TOTALI

    Numru ta' muniti pproċessati fl-2012 għall-ogħla tliet denominazzjonijiet (total) || 486985772 || 2158711390 || M.R. || 123177000 || 1913000000 || M.R || 2418826479 || 240833014 || M.R || 29239528 || M.R || 28181096 || 699911400 || 810850218 || 650626705 || 56488612 || 229003082 || 9845834296

    50 ċenteżmu tal-euro || 155031973 || 608187040 || M.R || 37234000 || M.R || M.R || 672621642 || 70647321 || M.R || 9527402 || M.R || 9381309 || 245532913 || 198529871 || 268397041 || 18681666 || 76436262 ||

    1 euro || 172721681 || 746309325 || M.R || 47934000 || M.R || M.R || 985331089 || 85410386 || M.R || 10364864 || M.R || 10266580 || 227724440 || 367735020 || 289415549 || 21273010 || 73573052

    2 euro || 159232118 || 804215025 || M.R || 38009000 || M.R || M.R || 760873748 || 84775307 || M.R || 9347262 || M.R || 8533207 || 226654047 || 244585327 || 92814115 || 16533936 || 78993768

    In-numru ta' kontrolli mwettqa || 3 || 76 || 1 || 0 || 17 || M.R || 60 || 17 || M.R || 30 || M.R || M.R || 6 || 2 || 4 || 1 || 3 || 220

    In-numru ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti vverifikati || 12 || 92 || 2 || 0 || 17 || M.R || 101 || 20 || M.R || 23 || M.R || M.R || 25 || 4 || 10 || 2 || 7 || 315

    Konformi || 12 || 73 || 2 || 0 || 17 || M.R || 39 || 19 || M.R || 11 || M.R || M.R || 25 || 4 || 10 || 2 || 7 || 221

    Mhux konformi || 0 || 19 || 0 || 0 || 0 || M.R || 62 || 1 || M.R || 12 || M.R || M.R || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 94

    Il-volum ta' muniti pproċessati minn dawn il-magni || 1231858843 || 450153553 || 112510288 || M.R || 1061000000 || M.R || 1152028172 || 240833014 || M.R || 10566301 || M.R || 60632840 || 699911400 || 130700000 || 929366798 || 29918089 || 8476685 || 6117955983

    In-numru ta' muniti suspettati foloz analizzati || 13462 || 57433 || 224 || 30876 || 1629 || M.R || 237540 || 3090 || 21933 || 279 || M.R || 708 || 137257 || 10860 || 41604 || 1956 || 263 || 567054

    In-numru ta' muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni rrimborżati || 8148940 || 3705000 || M.R || 101000 || 1193928 || M.R || 203542 || 2677 || M.R || 6011 || 2720 || 203368 || 129205 || 229348 || 38426 || 32950 || 80 || 14 002 311

    Derogi || LE || IVA || LE || IVA || LE || M.R || LE || LE || LE || LE || LE || LE || LE || LE || LE || LE || IVA || 3

    M.R. =mhux rappurtat

    L-ANNESS III

    || IL-VOLUM NETT TOTALI AKKUMULAT TA' MUNITI MAĦRUĠA (01/01/2002 - 31/12/2011)[1] || IL-VOLUM TA' MUNITI PPROĊESSATI MINN MAGNI TAL-IPPROĊESSAR TAL-MUNITI VVERIFIKATI FL-2012 || PERĊENTWAL TA' MUNITI VVERIFIKATI mqabbel ma' MUNITI MAĦRUĠA || F'KONFORMITÀ (25 %)[2]

    Il-Belġju || 1 017 677 000 || 1 231 858 843 || 121,04 % || IVA

    Il-Ġermanja || 4 388 635 000 || 450 153 553 || 10,25 % || IVA[3]

    L-Estonja || 18 185 000 || 112 510 288 || 618,69 % || IVA

    Il-Greċja || 480 071 000 || M.R[4] || / || LE[5]

    Spanja || 2 832 597 000 || 1 061 000 000 || 37,45 % || IVA

    Il-Finlandja || M.R. || M.R. || / || /

    Franza || 1 777 448 000 || 1 152 028 172 || 64,81 % || IVA

    L-Irlanda || 440 517 000 || 240 833 014 || 54,67 % || IVA

    L-Italja || 3 345 815 000 || M.R. || / || LE

    Il-Lussemburgu || 159 356 000 || M.R. || / || LE

    Ċipru || 66 482 000 || 10 566 301 || 15,89 % || LE

    Malta || 32 880 000 || M.R. || / || LE

    Il-Pajjiżi l-Baxxi || 249 189 000 || 699 911 400 || 280,87 % || IVA

    L-Awstrija || 810 850 000 || 130 700 000 || 16,11 % || LE

    Il-Portugall || 417 111 000 || 929 366 798 || 222,81 % || IVA

    Is-Slovenja || 29 488 000 || 29 918 089 || 101,45 % || IVA

    Is-Slovakkja || 77 078 000 || 8 476 685 || 10,99 % || IVA[6]

    AMMONT TOTALI || 16 143 379 000 || 6 117 955 983 || ||

    [1] Sors: Ir-rapport tal-Currency Information System tal-BĊE ta’ Diċembru 2012. Il-ħruġ nett pożittiv biss jiġi kkunsidrat.

    [2] In-numru ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li għandhom jiġu vverifikati kull sena f'kull Stat Membru għandu jkun tali li l-volum ta' muniti tal-euro pproċessati minn dawn il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-volum totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-euro sal-aħħar tas-sena preċedenti. Matul perjodu tranżitorju sal-31 ta' Diċembru 2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, li n-numru ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li għandhom jiġu vverifikati kull sena għandhom ikunu tali li l-volum ta' muniti tal-euro pproċessati minn dawn il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-euro sal-aħħar tas-sena preċedenti.

    [3] Notifika lill-Kummissjoni għal deroga ta' 10 %.

    [4] M.R. = mhux rappurtat.

    [5] Notifika lill-Kummissjoni għal deroga ta' 10 %.

    [6] Notifika lill-Kummissjoni għal deroga ta' 10 %.

    Top