Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52014DC0199

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar il-Politika tar-Ritorn tal-UE

/* COM/2014/0199 final */

52014DC0199

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar il-Politika tar-Ritorn tal-UE /* COM/2014/0199 final */


KOMUNIKAZZJONI DWAR IL-POLITIKA TAR-RITORN TAL-UE

Parti I - Introduzzjoni

L-UE ilha taħdem mill-1999 fuq l-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv dwar il-migrazzjoni, li jkopri l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ dħul, id-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment[1] u l-iżvilupp ta’ miżuri legali u kooperazzjoni prattika għall-prevenzjoni ta' flussi ta' migrazzjoni irregolari.

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-politika tal-UE dwar ir-ritorn ta’ migranti irregolari, li — flimkien ma’ ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri, sanzjonijiet effettivi kontra min iħaddem lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti b'mod irregolari, u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin — hija għodda importanti biex taffronta l-isfida tal-migrazzjoni irregolari, waqt li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-individwi kkonċernati, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti. Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr bażi legali għall-permanenza fl-UE jew il-ħtieġa li jingħataw protezzjoni hija essenzjali għall-kredibilità tal-migrazzjoni legali tal-UE u l-politika dwar l-asil.

Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-bidliet għall-Politika tar-Ritorn tal-UE matul dawn l-aħħar snin, tanalizza l-impatt tagħha, u tippreżenta xi ideat għal żviluppi fil-futur. Hija twieġeb għall-obbligu tal-Kummissjoni li tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l- implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn, il-parti ewlenija tal-acquis tal-UE dwar ir-ritorn[2] (ara l-parti IV dettaljata ta' din il-Komunikazzjoni), kif ukoll l-impenn politiku magħmul mill-Kummissjoni meta r-Regolament tal-FRONTEX emendat ġie adottatat fl-2011 biex jirrapporta dwar il-monitoraġġ ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn ikkoordinati mill-FRONTEX (ara t-Taqsima II.4.2). 

Il-politika tar-ritorn hija marbuta mill-qrib mal-politika tar-riammissjoni u tar-riintegrazzjoni, li t-tnejn huma parti integrali mill-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM),[3] li huwa l-qafas ġenerali għall-politika tal-asil estern u l-migrazzjoni. Permezz tal-GAMM, l-UE qed taħdem biex issaħħaħ id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni operattiva tagħha ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, inklużi r-ritorn u r-riammissjoni, fi spirtu ta’ sħubija, abbażi tal-interessi komuni. Filwaqt li l-politika ta’ riammissjoni tal-UE mhijiex indirizzata fid-dettall hawnhekk,[4] id-dimensjoni esterna tal-politika tar-ritorn hija aspett ewlieni fl-iżgurar tal-effettività tagħha u fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħat-tluq volontarju u r-riiintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-persuni rimpatrijati.

Parti II - Il-politika tar-ritorn tal-UE sal-lum

1. Fatti u ċifri

 

L-għadd ta qbid ta’ migranti irregolari fl-UE naqas kull sena sa mill-2008, b’total ta' tnaqqis bejn l-2008 u l-2012 ta’ madwar 30 %. Iċ-ċifra issa niżlu minn madwar 610 000 qbid fl-2008 għal madwar 440 000. Ir-raġuni preċiża għal dan it-tnaqqis hija diffiċli li titkejjel, imma numru ta’ fatturi bħal kontrolli mtejba fil-fruntieri esterni, il-kriżi ekonomika fl-Ewropa u s-sitwazzjoni ekonomika mtejba f’xi pajjiżi ta' oriġini sinifikanti għenu biex isseħħ din il-bidla. Minkejja dan it-tnaqqis, il-migrazzjoni irregolari mingħajr dubju se tkompli tippreżenta l-isfidi għall-UE, minħabba l-kumplessità u n-natura multidimensjonali ta’ din il-kwistjoni. Il-migrazzjoni irregolari hija, skont id-definizzjoni, aktarx soġġetta għal ċaqliq kwantitattiv (in-numri ta’ migranti), ġeografiku (pajjiżi li mhumiex fl-UE kkonċernati u Stati Membri milquta) u kwalitattiv (motivazzjoni għall-migrazzjoni) imprevvedibbli. Dwar ir-ritorn ta' dawk mingħajr id-dritt ta' permanenza fl-UE, l-istatistika turi li hemm differenza mhux ħażin bejn il-persuni li tinħarġilhom deċiżjoni ta' ritorn (madwar 484 000 persuna fl-2012, 491 000 fl-2011 u 540 000 fl-2010) u dawk li, bħala konsegwenza, telqu mill-UE (madwar 178 000 fl-2012, 167 000 fl-2011 u 199 000 fl-2010).[5] Id-dejta provviżorja tal-2013 tikkonferma din it-tendenza, b’xejra kemxejn 'l isfel fil-qbid meta mqabbla mal-2012 kif ukoll l-eżistenza kontinwa ta’ differenza kbira bejn deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa u ritorni mwettqa.

Hemm diversi raġunijiet għal din id-differenza, inkluż b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż ta’ oriġini jew tranżitu mhux tal-UE (pereżempju problemi fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn awtoritajiet konsulari mhux tal-UE) u nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-individwu kkonċernat (jiġifieri jaħbi l-identità jew jaħrab).

2. Il-qafas legali tal-UE dwar ir-ritorn

F’dawn l-aħħar snin, sar progress konsiderevoli sabiex iwaqqaf qafas legali konsistenti għal miżuri ta’ ritorn fl-Istati Membri madwar l-Unjoni, l-aktar bl-adozzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn. L-għan tad-Direttiva huwa li tiżgura li r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr bażi legali għal permanenza fl-UE jitwettaq b’mod effettiv, permezz ta’ proċeduri ġusti u trasparenti li jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-persuni kkonċernati. Numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċaraw għadd ta’ aspetti ewlenin tad-Direttiva (pereż. detenzjoni), b’impatt sinifikanti fuq l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva nnifisha. Valutazzjoni tal-impatt dettaljata tad-Direttiva tar-Ritorn dwar il-politiki u l-prattiċi tal-Istati Membri[6] u deskrizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fil-Parti IV ta’ din il-Komunikazzjoni.

Strumenti legali ta' appoġġ oħra adottati fil-livell tal-UE għandhom ukoll rwol importanti fil-qasam tar-ritorn.  Ir-Regolament (KE) dwar is-Sistema ta' Tagħrif VISA (VIS) Nru 767/2008 huwa mistenni li jsir għodda sinifikanti għall-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-persuni rimpatrijati. Wieħed mill-għanijiet tiegħu, skont l-Artikolu 2(e), huwa “li jappoġġa l-identifikazzjoni ta' kull persuna li ma tissodisfax, jew ma tissodisfax aktar il-kundizzjonijiet għad-dħul, biex jibqgħu jew għar-residenza fit-territorju tal-Istati Membri.” L-Artikoli 19(1) u 20(1) jippermettu l-aċċess mill-awtoritajiet tal-migrazzjoni għal ċertu dejta tal-VIS għal skopijiet ta' verifika u identifikazzjoni. L-Artikolu 31(2)[7] jippermetti li din id-dejta tiġi trasferita jew maqsuma ma’ pajjiż mhux membru tal-UE biex tipprova l-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ ritorn. Skont inkjesta ad hoc riċenti tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (NEM),[8] xi Stati Membri diġà bdew jużaw id-dejta tal-VIS għal skopijiet ta’ ritorn u riammissjoni u dan deher li kellu impatt pożittiv kemm f’termini ta’ tul tal-proċeduri tar-ritorn kif ukoll fuq ir-rati tar-ritorn. Il-VIS tissemma b'mod espliċitu wkoll bħala waħda mill-mezzi possibbli ta’ prova tan-nazzjonalità skont uħud mill-aħħar Ftehimiet ta’ Riammissjoni tal-UE (EURAs).

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) uriet li hija għodda utli biex tagħti effett sħiħ lill-aspett Ewropew ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġin skont id-Direttiva tar-Ritorn. Dawn il-projbizzjonijiet ta’ dħul madwar Schengen huma primarjament preventivi. Matul il-perjodu 2008-2013 iddaħħlu fis-sistema medja ta’ madwar 700 000 projbizzjoni ta’ dħul madwar Schengen. Madankollu, anki l-użu aktar effiċjenti ta’ dawn il-mezzi mhux se jsolvi l-kwistjonijiet kollha dwar l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni mill-ġdid għal migranti irregolari li jkunu waslu fl-Unjoni Ewropea mingħajr viża, jew li jkunu biss daħlu mingħajr dokumenti u jistqarru identità falza jew reali li ma tkunx tista' tiġi vverifikata. Għal dawn il-każijiet — li jieħdu ħin mhux ħażin tal-awtorità tal-migrazzjoni u huma sfida ewlenija għall-ġestjoni tar-ritorn — għandhom jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u ġodda msejsa fuq aktar kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.   

3. Appoġġ finanzjarju fil-livell tal-UE

Il-Fond tar-Ritorn (2008-2013) ipprovda għal mekkaniżmu ta' appoġġ finanzjarju, li ppermetta li jiġu mgħoddija lill-Istati Membri għadd konsiderevoli ta' fondi tal-UE biex jgħinu jindirizzaw l-isfidi tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni tar-ritorn. L-allokazzjoni totali għall-Istati Membri kollha fil-perjodu 2008-2013 kienet tammonta għal EUR 674 miljun. Mill-bidu tal-perjodu ta’ programmar fl-2008, żviluppaw b’mod sinifikanti programmi annwali fl-Istati Membri. Dawn jinkludu firxa usa’ ta’ miżuri li jpoġġu enfasi ikbar fuq programmi ta’ ritorn volontarju u fuq il-konformità ma’ standards komuni tad-Direttiva tar-Ritorn, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni umani u dinjitużi u l-promozzjoni tar-ritorn sostenibbli u r-riintegrazzjoni.[9] NGOs kellhom rwol importanti fit-twettiq ta’ azzjonijiet u proġetti biex jgħinu lill-persuni rimpatrijati. L-NGOs igawdu aċċess għall-komunità tad-dijaspora tal-migranti, għandhom esperjenza ta’ ħidma ma’ migranti irregolari u jitqiesu bħala moderaturi li ma jirrappreżentawx l-Istat. Dawn ta’ spiss kienu kapaċi jiddieskalaw, jistabbilixxu l-fiduċja u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-persuni rimpatrijati u li jtejbu s-sitwazzjoni tal-migranti irregolari b’mod ġenerali. Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) li jmiss se jibni fuq l-esperjenza miksuba matul l-aħħar sitt snin u se jkompli joffri appoġġ finanzjarju għall-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tar-ritorn tal-UE, u jappoġġa, fost l-oħrajn, miżuri alternattivi għad-detenzjoni, il-provvista ta’ assistenza soċjali, l-għoti ta’ pariri u għajnuna legali, l-assistenza speċifika għal persuni vulnerabbli, is-sorveljanza indipendenti u effettiva tar-ritorn imġiegħel, it-titjib tal-infrastruttura tal-akkoljenza, is-servizzi u l-kundizzjonijiet kif ukoll it-taħriġ tal-persunal.

Skont l-istrumenti ta’ kooperazzjoni esterna tal-UE, l-UE appoġġat ukoll il-bini ta’ kapaċità għall-pajjiżi li mhumiex fl-UE għal diversi aspetti tal-ġestjoni tar-ritorn, inkluża l-integrazzjoni tal-persuni rimpatrijati. Mill-2005, il-Kummissjoni ffinanzjat aktar minn 40 proġett skont strumenti ta’ kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE li jinkludu enfasi qawwija fuq il-bini tal-kapaċità għar-ritorn u r-riintegrazzjoni għall-ammont ta’ aktar minn EUR 70 miljun.

4. Kooperazzjoni prattika u operattiva

4.1. Programmi li jippromwovu t-tluq volontarju

Elementi ewlenin ta’ ritorn sostenibbli jinkludu parir fuq ir-ritorn volontarju, pakketti ta’ ritorn imfassla apposta, assistenza tar-riintegrazzjoni effiċjenti u informazzjoni dwar il-possibbiltajiet għal migrazzjoni legali. Atturi governattivi u mhux governattivi relevanti, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), kellhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tat-tluq volontarju bit-twettiq ta' Programmi ta' Ritorn Volontarju Appoġġat (Assisted Voluntary Return, AVR) li jipprovdu l-assistenza għar-ritorn komprensiva, inklużi attivitajiet li għandhom l-għan li jiżguraw ir-riintegrazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini. L-IOM fil-preżent topera aktar minn 70 proġett AVR f’26 Stat Membru tal-UE. Tul dawn l-aħħar sitt snin, madwar 148 000 migrant ingħata għajnuna biex jirritorna b'mod volontarju.  Fit-tħaddim tal-programmi, l-IOM enfasizzat l-importanza ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u taż-żamma ta’ rabta mal-isforzi kontinwi mill-UE u l-Istati Membri fl-indirizzar ta' kwistjonijiet ta’ ritorn u ta' migrazzjoni rilevanti permezz ta’ sħubijiet. Il-proporzjon bejn it-tluq volontarju u r-ritorn imġiegħel (skont id-dejta tal-analiżi tar-riskju annwali tal-2013 FRONTEX[10]) fl-UE, fl-2012 kien ta’ madwar 44:56. Aktar promozzjoni ta’ tluq volontarju se tkompli tkun waħda mill-għanijiet politiċi prinċipali tal-politika tar-ritorn tal-UE.

4.2. Operazzjonijiet ta' ritorn konġunti koordinati mill-FRONTEX;

Bħala parti mill-miżuri ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri, l-Istati użaw dejjem aktar titjiriet konġunti għat-tneħħija. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija Frontex kellha rwol importanti bħala mezz għall-promozzjoni tal-operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn. Bejn l-2006 u Diċembru 2013, FRONTEX ikkoordinat 209 Operazzjoni Konġunta ta’ Ritorn (Joint Return Operations, JROs) li rirritornaw 10 855 persuna.[11]  Mill-2007, il-Frontex ipprovdiet taħriġ standardizzat għal uffiċjali ta’ ritorn li jiffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni rimpatrijati u tad-dinjità matul l-operazzjonijiet ta’ ritorn imġiegħel.[12] Billi l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva tar-Ritorn fuq monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel sar vinkolanti fl-2010, nofs il-JROs kollha kienu s-suġġett ta’ monitoraġġ minn osservaturi indipendenti li kienu fiżikament preżenti mill-bidu tal-operazzjoni sal-wasla fl-ajruport ta' destinazzjoni. Sal-lum, dawn l-osservaturi ma rrappurtaw ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni rimpatrijati.

Tabella 1: Monitoraġġ ta’ JROs ikkoordinati mill-FRONTEX:

|| Numru ta’ JROs + għadd globali ta’ persuni rimpatrijati || Numru ta’ JROs b'osservaturi preżenti abbord || Persentaġġ ta’ JROs b'osservaturi preżenti || Persentaġġ ta' persuni rimpatrijati f'JROs osservati. || In-nazzjonalità tal-osservaturi (NB: f'xi JROs kienu preżenti 2 jew 3 osservaturi)

2011 || 39 JROs b’2 059 persuna rimpatrijata || 23 JROs b’1 147 persuna rimpatrijata || 59 % || 56 % || AT: 15; NL: 7; UK: 4; LV: 3; BE: 2; DK: 1; FR: 1; LU: 1

2012 || 38 JROs b’2 110 persuna rimpatrijata || 23 JROs b’1 059 persuna rimpatrijata || 60 % || 50 % || AT: 21; NL: 3; LV: 2; LU: 1; NO: 1

2013 || 39 JROs b’2 152 persuna rimpatrijata || 20 JROs b’937 persuna rimpatrijata || 51 % || 44 % || AT: 10; DE: 3; NL: 3; IE: 1; UK: 1; CH: 1; BE 2; ES 1, IS; 1;

Ġie adottat Kodiċi ta’ Kondotta tal-Frontex (KtK) għal JROs fis-7 ta’ Ottubru 2013, li jiffoka fuq proċeduri effettivi ta’ sorveljanza ta’ ritorn imġieglel u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-persuni rimpatrijati matul operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-KtK jipprevedi li l-osservatur (osservatur indipendenti u estern li ta’ spiss jirrappreżenta NGO jew korp ta’ monitoraġġ indipendenti ieħor fdat minn Stat Membru b'kompiti ta' sorveljanza ta’ ritorn imġiegħel skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva) jingħata l-informazzjoni kollha neċessarja qabel l-operazzjoni u jkun involut fil-proċess tar-ritorn mill-fażi ta’ qabel ir-ritorn (sommarji interni) sal-fażi ta' wara r-ritorn (stħarriġ). Huwa se jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha u l-aċċess fiżiku għal kull post li jixtieq. L-osservazzjonijiet/ir-rapporti tal-osservatur se jiġu inklużi fir-rappurtar dwar il-JRO. Anki jekk dan mhux meħtieġ b'mod ċar skont il-leġiżlazzjoni attwali, il-Kummissjoni tikkunsidra li minħabba l-viżibbiltà u s-sensittività ta’ dawn l-operazzjonijiet, osservatur indipendenti għandu jkun preżenti f’kull JRO.  Għalhekk ir-reviżjoni tal-KtK titqies bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Proġett iffinanzjat mill-UE mmexxi miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD)[13] bħalissa qed ifittex li jarmonizza iktar l-approċċi differenti għall-monitoraġġ meħuda mill-Istati Membri. Dan ifittex li jiżviluppa kriterji oġġettivi u trasperenti, u regoli komuni għall-monitoraġġ, u li jipprovdi grupp ta’ osservaturi indipendenti lill-Istati Membri li jistgħu jintużaw ukoll fil-JROs.

Fl-2012, inħolqot il-pożizzjoni ta’ Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali (FRO) indipendenti tal-FRONTEX u fis-17 ta’ Diċembru 2012 inħatar l-ewwel FRO. Ir-rwol tal-FRO huwa li josserva, jevalwa u jirrakkomanda dwar il-protezzjoni u l-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet u l-operazzjonijiet kollha tal-Frontex inklużi dawk relatati ma’ JROs. L-FRO għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha dwar kwistjonijiet li jolqtu d-drittijiet fundamentali għall-attivitajiet kollha tal-FRONTEX.

Parti III — Żviluppi futuri

Il-politika tar-ritorn tal-UE żviluppat b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin, l-aktar minħabba traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tar-Ritorn, li wasslet għal titjib u aktar prattika konsistenti f’dan il-qasam. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni, anness ma’ din il-Komunikazzjoni, juri li għad hemm nuqqasijiet f’diversi Stati Membri, bħal aspetti tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’xi Stati Membri u n-nuqqas ta’ sistemi indipendenti ta’ sorveljanza ta’ ritorn imġiegħel. Barra minn hekk, hemm lok għal titjib f’ħafna Stati Membri, b’użu aktar sistematiku ta’ alternattivi għad-detenzjoni u l-promozzjoni tat-tluq volontarju.

Il-Kummissjoni se ssegwi n-nuqqasijiet kollha identifikati mir-rapport ta’ implimentazzjoni u se tagħti attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li għandhom x'jaqsmu mad-detenzjoni tal-persuni rimpatrijati, is-salvagwardji u r-rimedji legali, kif ukoll it-trattament tal-minorenni u persuni oħra vulnerabbli fil-proċeduri ta’ ritorn. Is-sistema ta’ valutazzjoni stabbilita skont il-Mekkaniżmu l-Ġdid ta’ Valutazzjoni ta’ Schengen, ikkoordinata u ssorveljata mill-Kummissjoni, se tipprovdi opportunitajiet ġodda biex jiġu eżaminati u vvalutati prattiċi konkreti tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma, u biex jiġi verifikat jekk l-Istati Membri humiex kompletament konformi mad-Direttiva u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-politika tar-ritorn waħedha ma tistax tindirizza b’mod effettiv il-ġestjoni ta’ flussi migratorji irregolari fl-UE iżda trid tkun parti minn strateġija aktar komprensiva, inkluż il-GAMM, li tenfasizza fuq:

djalogu u kooperazzjoni mtejba ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu li mhumiex tal-UE dwar kwistjonijiet migratorji, bil-għan li tistabbilixxi sħubijiet ibbażati fuq interessi reċiproċi; it-titjib fil-kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri, mal-FRONTEX, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs; titjib parallel ta’ għodod u politiki oħra bħal ġestjoni effettiva tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu; l-integrazzjoni ta’ aspetti tal-politika barranija fil-politika tal-migrazzjoni tal-UE u l-iżgurar ta' rabtiet bejn id-dimensjonijiet esterni u interni. Il-vantaġġi offruti mill-ħarsa ġenerali tas-SEAE għar-relazzjonijiet esterni ġenerali tal-UE għandhom jiġu sfruttati.

Kull azzjoni futura bl-għan li tiżviluppa politika tar-ritorn tal-UE għalhekk se jkollha tqis l-aspetti u l-elementi kollha.

L-azzjoni futura se tiffoka fuq kwistjonijiet u suġġerimenti stabbiliti hawn taħt.

1. Tiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-Direttiva tar-Ritorn

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni se tkun li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn. Il-Kummissjoni se tagħmel segwitu sistematiku dwar in-nuqqasijiet kollha identifikati. Diversi prattiċi pilota tal-UE diġà tnedew f’relazzjoni mal-kwistjonijiet koperti minn dan ir-rapport u oħrajn se jitnedew fil-futur qrib. Il-qrati nazzjonali diġà għandhom rwol pożittiv ħafna f’dan il-proċess, bħala punt ta’ referenza biex il-liġi tal-Unjoni ssir realtà fl-Istati Membri u billi jitolbu, fejn meħtieġ, għal interpretazzjoni permezz ta’ referenzi għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Bosta partijiet se jkollhom rwol attiv f'li jtejbu aktar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn:

Þ   L-ewwel u qabel kollox, il-Kummissjoni, bħala l-Gwardjana tal-Liġi tal-Unjoni, skont is-setgħat tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE;

Þ Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, billi jpoġġu aktar enfasi fuq il-konformità mal-acquis dwar ir-ritorn tal-UE fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen il-ġdid;

Þ Korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tar-ritorn imġiegħel skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva, billi jissodisfaw ir-rwol tagħhom bħala l-mekkaniżmu ta' kontroll inkorporat għal prattiċi ta' ritorn ta' kuljum;

2. Tippromwovi aktar prattiċi konsistenti u kompatibbli mad-drittijiet fundamentali

Barra l-ħidma biex tiżgura implimentazzjoni xierqa tal-acquis, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa għadd ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet hawn taħt. Dawn se jippromwovu prattiċi tar-ritorn aktar konsistenti, konformi għal kollox mal-istandards tad-drittijiet fundamentali.

Þ Il-Kummissjoni se taddotta fi żmien sena “Manwal ta'Ritorn”, li fuqu jiġi kkonsultat il-Grupp ta' Kuntatt tar-Ritorn. Dan se jkun fih linji gwida komuni, l-aħjar prattiċi u rakkomandazzjonijiet li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet relatati mar-ritorn u bħala referenza għall-valutazzjonijiet ta’ Schengen relatati mar-ritorn. Il-Manwal se jirreferi għall-acquis tal-UE dwar ir-ritorn u standards internazzjonali rilevanti bħal dawk żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) dwar id-dritt tat-tfal bil-kunsiderazzjoni primarja tkun l-aħjar interess tagħhom u se jindirizza – — fost l-oħrajn – il-promozzjoni tat-tluq volontarju, l-użu proporzjonat ta’ miżuri koersivi, il-monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel, il-posponiment ta’ tneħħija, ir-ritorn ta’ minorenni, ir-rimedji legali effettivi, is-salvagwardji sakemm isir ir-ritorn, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni umani u dinjitużi kif ukoll is-salvagwardji għal persuni vulnerabbli. 

Þ   Prattiċi ta' qbid kompatibbli mad-drittijiet fundamentali: Il-Kummissjoni se tkompli tindirizza din il-kwistjoni fil-Grupp ta’ Kuntatt u se tinkludi rakkomandazzjonijiet fil-Manwal ta' Ritorn, abbażi tal-istudju tal-2012 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

Þ Il-promozzjoni tal-alternattivi għad-detenzjoni: In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni se jagħmel studju fl-2014 dwar alternattivi għad-detenzjoni sabiex jidentifika u jxerred l-aħjar prattiċi f’dan il-qasam. 

Þ “Il-kriminalizzazzjoni” tal-permanenza irregolari tal-persuni rimpatrijati: Il-Kummissjoni se tqajjem il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Manwal ta' Ritorn dwar il-limiti u r-restrizzjonijiet fuq l-Istati Membri rigward is-sanzjonijiet tal-liġi kriminali għall-persuni rimpatrijati.

Þ Persuni rimpatrijati li “ma jistgħux jitneħħew”: Il-Kummissjoni se tiġbor l-aħjar prattiċi, bbażati fuq l-aħjar prattiċi eżistenti fil-livell nazzjonali, biex tevita sitwazzjonijiet estiżi u tiżgura li l-persuni li ma jistgħux jitneħħew ma jitħallewx mingħajr drittijiet bażiċi b'mod indefinit u ma jkunx hemm ir-riskju li jinżammu mill-ġdid illegalment.

Þ Standards ta' Detenzjoni Kkodifikati tal-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni tappoġġa l-istqarrija tal-Mekkaniżmi Preventivi Nazzjonali kontra t-Tortura Ewropej maħruġa matul il-Konferenza dwar id-detenzjoni tal-migranti fl-Ewropa (Strasburgu, fil-21 u t-22 ta’ Novembru 2013) biex tistieden lill-Kunsill tal-Ewropa jikkodifika sett ta’ regoli bbażati fuq standards internazzjonali u reġjonali eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem applikabbli għal ċaħda tal-libertà fuq il-bażi ta’ status ta’ immigrazzjoni.

3. Tkompli tiżviluppa djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu mhux tal-UE tal-migranti hija essenzjali biex titjieb il-kapaċità għall-ġestjoni ta’ flussi ta’ migrazzjoni u biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx (jew li ma għadx għandhom) dritt legali biex jibqgħu fl-UE. 

L-UE hija impenjata f’għadd kbir ta’ djalogi bilaterali u reġjonali u oqfsa ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex jibnu kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku f’dan il-qasam. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, minn bini ta' istituzzjonijiet u ta' kapaċità u l-integrazzjoni effettiva tal-migranti legali għall-ġestjoni tar-ritorn u l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi ta' riammissjoni. F'konformità mal-GAMM, il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu għandhom jitħeġġu wkoll biex jipprovdu protezzjoni internazzjonali lil persuni fil-bżonn tagħha, f’konformità mal-istandards internazzjonali, biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ asil u akkoljenza tagħhom u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ immigrazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb kif ukoll biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-migranti, b'attenzjoni speċjali lill-migranti vulnerabbli, bħall-minorenni mhux akkumpanjati, vittmi ta’ traffikar, nisa u tfal. L-għajnuna għall-kooperazzjoni għandha tingħata lil dawn il-pajjiżi biex tappoġġa l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward, u l-UE għandha tespandi l-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi rilevanti li mhumiex fl-UE sabiex tibni l-kapaċità fil-qasam tar-ritorn u r-riammissjoni u biex tgħin lill-pajjiżi msieħba fin-negozjati tagħhom ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE.

Þ Il-politika tar-ritorn se tkompli tkun inkluża b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-GAMM, inklużi s-Sħubiji għall-Mobilità u Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE;

ÞInċentivi: Għandha tingħata attenzjoni biex tiżgura li l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tar-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni tkun parti minn politika tal-UE bbilanċjata u kkonsolidata lejn pajjiż mhux fl-UE, ibbażata fuq interess komuni, pereżempju dak marbut ma’ dispożizzjonijiet ta' mobilità mtejba u oqsma oħra ta’ politika bħalma huma l-kummerċ, l-intrapriża u l-industrija.

ÞIl-bini ta' kapaċità: L-isforzi għall-bini ta' kapaċità f’pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-qasam tar-ritorn u r-riammissjoni se jissaħħu billi, pereżempju, titjieb il-kapaċità tal-awtoritajiet responsabbli fil-pajjiżi msieħba biex iwieġbu fil-ħin għal applikazzjonijiet ta’ riammissjoni, jiġu identifikati n-nies li għandhom jiġu rimpatrijati, u jipprovdu assistenza xierqa u appoġġ ta’ riintegrazzjoni għal dawk li jiġu rimpatrijati.

ÞFil-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, l-enfasi se tkun fuq ir-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli ta’ migranti irregolari fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità ta’ dawn il-pajjiżi għal ġestjoni aħjar tar-ritorn u r-riintegrazzjoni.

ÞIl-Kummissjoni se ssegwi b’mod attiv l-isfidi identifikati fl-Evalwazzjoni tal-UE tal-ftehimiet ta' Riammissjoni tal-2011 u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, bħal preferenza għar-ritorn volontarju (rakkomandazjoni nru 13) u t-tnedija ta’ proġett pilota biex josserva s-sitwazzjoni ta’ persuni wara r-ritorn tagħhom (rakkomandazzjoni nru 15).

4. Titjieb il-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri dwar ir-ritorn

Il-proċeduri tar-ritorn kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u politiki ta' ritorn koerenti se jkunu msaħħa b'kooperazzjoni prattika u operattiva f'oqsma bħal:

il-promozzjoni ta’ tluq volontarju; ir-rispett tal-aħjar interessi tat-tfal fi proċeduri ta’ ritorn; l-interazzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta’ monitoraġġ; statistiċi mtejba; l-iskambju ta’ dejta personali; il-ħruġ ta' dokument tal-ivvjaġġar.

Þ Il-Kummissjoni se tuża n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni bħala pjattaforma biex tiffaċilita l-kooperazzjoni mtejba fost l-Istati u l-partijiet ikkonċernati l-aktar fil-qasam tat-tluq volontarju, bħala għodda ewlenija għall-ġbir u l-qsim tal-informazzjoni.

ÞIl-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, se jiffoka fuq miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-tluq volontarju, filwaqt li jiżgura li l-inċentivi tar-ritorn volontarju ma jiżviluppawx l-effett ta’ attrazzjoni mhux mixtieq. Se jiġu promossi wkoll miżuri, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, biex jiġi ssimplifikat il-ksib ta' dokumenti ta' vvjaġġar neċessarji lill-persuni rimpatrijati.

ÞFir-rigward ta’ tranżitu fuq l-art ta’ persuni rimpatrijati volontarjament, seta’ jsir titjib bl-użu tal-Anness 39 tal-Manwal ta’ Schengen (formola standard għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni ta’ ritorn għall-finijiet ta’ tranżitu fuq l-art). Dawk l-Istati Membri li għadhom ma jużawhx huma mħeġġa biex jagħmlu dan.

ÞGħandha tiġi promossa aktar kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi li mhumiex fl-UE fl-implimentazzjoni tal-proċessi tar-ritorn u r-riintegrazzjoni applikati għal minorenni mhux akkumpanjati. Għandha wkoll tiġi nkoraġġuta l-kooperazzjoni bejn sistemi ta’ ħarsien tat-tfal tal-Istati Membri u tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-għażliet ta' finanzjament fil-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

ÞSe ssir enfasi fuq it-titjib tal-informazzjoni statistika relatati mar-ritorn, b’mod partikolari billi jsir użu mill-informazzjoni dettaljata li bdiet tikseb FRONTEX mingħand l-Istati Membri, li tqis modi li jtejbu l-informazzjoni dwar it-tluq volontarju u tħeġġeġ ġbir tad-dejta aktar konsistenti

ÞIl-Kummissjoni se tinkoraġġixxi skambju msaħħaħ tal-aħjar prattiċi bejn il-korpi nazzjonali ta’ monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva, biex titrawwem aktar monitoraġġ konsistenti, b’mod partikolari fil-kuntest ta' operazzjonijiet konġunti koordinati tal-Frontex

Þ Il-potenzjal ta VIS u SIS fil-qasam tal-politika tar-ritorn għandu jkun imsaħħaħ aktar. B’mod partikolari r-reviżjoni ta’ SIS II, dovuta fl-2016, se tkun opportunità biex tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politika tar-ritorn u s-SIS II u biex tiġi suġġerita introduzzjoni ta’ obbligu għall-Istati Membri biex jidħlu fi twissija ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS II għal projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa skont id-Direttiva tar-Ritorn.

ÞSe tiġi promossa l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi li mhumiex fl-UE, li tiffoka b’mod partikolari fuq l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

Þ In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni se jwettaq studju fl-2014 dwar "Prattiċi tajba fir-ritorn u r-riintegrazzjoni tal-migranti irregolari: Projbizzjonijiet ta’ dħul tal-Istati Membri, il-politika u l-użu ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni". L-għan ta’ dan l-istudju huwa li tissaħħaħ l-effettività tal-politiki dwar ir-ritorn bil-kumpliazzjoni u t-tqabbil tal-esperjenzi tal-Istati Membri relatati ma’ dawn l-aspetti speċifiċi tal-proċess ta’ ritorn.

5. It-tisħiħ tar-rwol ta’ FRONTEX fil-qasam tar-ritorn

Hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta’ ċerti aspetti operattivi ta’ ritorn b’mod konġunt fil-livell tal-Unjoni. Il-FRONTEX għandha rwol ta’ koordinament sinifikanti f’dan il-qasam u għandha tkompli tagħmel użu minnu b’mod proattiv. Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, FRONTEX trid ukoll tiżgura li l-operazzjonijiet jitwettqu skont l-acquis tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. 

ÞFRONTEX għandha żżid aktar il-koordinazzjoni tal-JROs b'mod li jiżgura li jiġu rispettati l-istandards komuni relatati mat-trattament uman u dinjituż tal-persuni rimpatrijati b'mod eżemplari, li jmur lil hinn minn sempliċement konformità mal-obbligi legali. Bħala kwistjoni ta’ prijorità l-Kummissjoni għalhekk titlob lill-Frontex biex tadatta l-KtK tagħha għall-JROs u biex tispjega b’mod ċar li kull JRO se tkun soġġetta għal monitoraġġ indipendenti.

ÞFRONTEX hija mħeġġa li tappoġġa aktar lill-Istati Membri billi toffri taħriġ dwar il-kwistjoni tar-ritorn b'attenzjoni speċjali fuq is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-persuni rimpatrijati matul il-proċess ta' ritorn.

Parti IV — Rapport ta’ Implimentazzjoni: L-impatt tad-Direttiva tar-Ritorn 2008/115/KE dwar il-politiki u l-prattiċi tar-ritorn tal-Istati Membri

L-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn (2008/115/KE) kienet l-24 ta’ Diċembru 2010. L-Istati Membri kollha, minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda, kif ukoll erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen huma marbuta bid-Direttiva. Erba’ Stati Membri (EE, ES, PT, SK) innotifikaw traspożizzjoni sħiħa qabel l-iskadenza. Dsatax-il Stat Membru nnotifikaw it-traspożizzjoni fl-2011, u ħamsa (BE, LT, NL, PL u SE) notifikawha matul l-2012. Il-Kummissjoni fetħet 20 proċedura ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni, li lkoll ingħalqu wara li l-Istati Membri kkomunikaw b'dewmien il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom[14]. l-Islanda biss għadha ma nnotifikatx traspożizzjoni sħiħa.

Peress li d-Direttiva ġiet adottata, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom 14-il laqgħa ta' Gruppi ta' Kuntatt[15] ma’ esperti mill-Istati Membri. L-għan tal-Grupp ta’ Kuntatt huwa li jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ problemi possibbli u mistoqsijiet pendenti fi stadju bikri u li joffri opportunità għal diskussjoni miftuħa u informali. Dawn il-laqgħat, kellhom kontribut konsiderevoli għall-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva fil-livell nazzjonali. Bi spunt mid-diskussjoni fil-livell ta' Grupp ta' Kuntatt, saru sitt studji komparattivi[16] relatati ma':

Minuri fi proċeduri ta’ ritorn Monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel; Ir-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati Is-sitwazzjoni tal-persuni rimpatrijati li ma jistgħux jitneħħew It-traspożizzjoni legali xierqa tad-Direttiva tar-Ritorn mill-Istati Membri L-impatt prattiku tad-Direttiva tar-Ritorn

Ibbażata fuq is-sejbiet ta’ studju dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn fil-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni wettqet programm ta’ ħidma organizzat dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn (2012-2013), li matulu l-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet li għad fadal fit-traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva. Ġew diskussi d-dettalji n-nuqqasijiet identifikati u s-soluzzjonijiet possibbli, f'laqgħat bilaterali tekniċi. Dawn il-laqgħat u d-diskussjonijiet kienu ta' għajnuna kbira u l-maġġoranza tal-kwistjonijiet tat-traspożizzjoni setgħu jiġu solvuti. Il-kwistjonijiet li fadal jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

l-effett madwar l-UE kollha tal-projbizzjonijiet tad-dħul; id-definizzjoni tar-riskju tal-ħarba; il-kriterji biex jittawwal il-perjodu tat-tluq volontarju; ir-regoli li għandhom jiġu rispettati meta jitneħħew bl-ajru; il-monitoraġġ tar-ritorn imġiegħel; il-kriterji għall-impożizzjoni tad-detenzjoni; il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni.

Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet li baqa’, seba’ Stati Membri diġà emendaw il-liġi nazzjonali tagħhom biex ikunu konformi mat-talbiet li għamlet il-Kummissjoni. Tlettax-il Stat Membru bħalissa jinsab fil-proċess li jagħmlu dan u sitt Stati Membri impenjaw rwieħhom formalment biex ibiddlu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-futur qrib, soġġetti għal superviżjoni mill-qrib (rappurtar kull xahrejn) mill-Kummissjoni.

Riżultati tanġibbli ta’ dan il-programm organizzat diġà saru realtà, l-aktar rigward id-detenzjoni: 

- Sitt Stati Membri, mill-11 li ma ttrasponewx bis-sħiħ l-Artikoli 3(7) u 15(1), biddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiddefinixxu legalment il-kriterji oġġettivi li jivvalutaw jekk hemmx raġunijiet li wieħed jemmen li l-migrant irregolari se jaħrab. Dan jgħin biex jillimita l-għadd ta’ migranti miżmuma f'detenzjoni.

- Sitt Stati Membri, mis-sebgħa li ma ttrasponewx l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva, emendaw jew qed jemendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jipprovdu li d-detenzjoni tieqaf jekk ma hemmx prospett raġonevoli ta’ tneħħija.

- Erba’ Stati Membri, mis-sitta li sa issa ma ppermettewx lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iżuru ċ-ċentri ta’ detenzjoni, emendaw jew qed jemendaw il-liġijiet tagħhom.

-Erba’ Stati Membri, mis-sitta li għadhom ma għamlux dan, issa rrevedew ir-regoli tagħhom dwar l-aċċess għal assistenza legali b’xejn (l-Artikolu 13(4)).

- Tlettax-il Stat Membru, mis-16 li ma kinux ittrasponew l-Artikolu 8(6), diġà adottaw jew qegħdin jadottaw il-leġiżlazzjoni biex iwaqqfu sistema ta’ monitoraġġ tar-ritorn imġiegħel;

- Ħdax-il Stat Membru, mill-14 li għadhom ma għamlux dan, ifformalizzaw jew qed jifformalizzaw l-impenn li kull tneħħija bl-ajru titwettaq f’konformità mal-linji gwida komuni dwar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru, annessa mad-Deċiżjoni 2004/573/KE.

F’dawk il-każijiet li baqa', fejn ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim u li jikseb l-impenn mill-Istati Membri biex ibiddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom skont talbiet mill-Kummissjoni, diġà tnedew diversi proċeduri pilota tal-UE.

Rigward l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva tar-Ritorn fl-Istati Membri sar studju fl-2012-2013 li ġie finalizzat f’Ottubru 2013. Dan l-istudju kien imfassal bħala “metastudju” bbażat fuq tipi differenti ta’ tagħrif u studju eżistenti kif ukoll fuq kontribut mill-partijiet interessati kollha.[17]

Biex tinkiseb stampa usa’ tas-sitwazzjoni fil-post, il-Kummissjoni eżaminat ukoll studji u rapporti ffukati pereż. mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, l-UNHCR u l-NGOs (Amnesty International, Human Rights Watch, Pro-Asyl u oħrajn) fis-sitwazzjoni prattika fl-Istati Membri. Diffikultà ewlenija li kien hemm f'dan l-eżerċizzju ta' ġbir ta' informazzjoni kienet li nġabret ftit dejta kwantitattiva b'mod sistematiku fil-livell tal-Istati Membri dwar ħafna mill-kwistjonijiet koperti mill-istudju. Pereżempju, id-dejta dwar il-parametri bażiċi bħat-tul medju ta’ detenzjoni, ir-raġunijiet għad-detenzjoni, in-numru ta' ritorni li ma rnexxewx, u l-użu ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul, kienu disponibbli biss f’għadd limitat ħafna ta’ Stati Membri. Barra minn hekk definizzjonijiet komuni u approċċi dwar ġbir ta’ dejta huma ta’ spiss nieqsa, u dan iħalli impatt fuq il-komparabbiltà ta’ din id-dejta madwar l-UE.

Kif enfasizzat hawn fuq, il-Kummissjoni se twettaq segwitu sistematiku dwar in-nuqqasijiet kollha identifikati mir-rapport ta’ implimentazzjoni preżenti. Diġà tnedew diversi proċeduri pilota tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet identifikati f’dan ir-rapport u oħrajn se jitnedew fil-futur qrib.

1. Id-detenzjoni tal-persuni rimpatrijati għall-fini ta’ tneħħija

a) Ir-raġunijiet għal u t-tul tad-detenzjoni (l-Artikolu 15)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva jistipula li ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal proċeduri ta’ ritorn jistgħu biss jinżammu f’detenzjoni — għal “perjodu qasir kemm jista’ jkun”, u “sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru” — jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba jew jekk hu/hi jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija. Id-detenzjoni, li għandha tiġi ordnata b’deċiżjoni ta’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, għandha tiġi riveduta f’“intervalli raġonevoli” u “għandha tieqaf “meta jidher li ma jeżistix aktar prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn”. L-Istati Membri għandhom jiffissaw limitu massimu ta’ detenzjoni, li ma jistax jaqbeż sitt xhur bħala regola ġenerali u, f’każijiet eċċezzjonali, 18-il xahar b’kollox. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat diversi aspetti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-detenzjoni. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-357/09 (Kadzoev), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espressament elementi ta’ protezzjoni tal-artikoli relatati mad-detenzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn billi enfasizzat li d-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna kkonċernata għandha tiġi rrilaxxata minnufih jekk ma jkunx hemm prospett reali ta’ tneħħija għal pajjiż li mhuwiex fl-UE, fil-perjodu massimu awtorizzat ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li r-raġunijiet ta’ ordni u sigurtà pubblika ma jistgħux jintużaw bħala ġustifikazzjoni għal detenzjoni skont id-Direttiva tar-Ritorn. Is-sentenza fil-Kawża C-534-11 (Arslan) ittrattat ir-relazzjoni bejn id-detenzjoni marbuta mar-ritorn u d-detenzjoni marbuta mal-asil (skont id-Direttiva 2003/9) u kkjarifikat li l-eżistenza ta’ żewġ reġimi differenti ma timplikax xi obbligu fuq l-Istati Membri biex jirrilaxxaw b'mod awtomatiku l-persuni rimpatrijati detenuti ladarba dawn jagħmlu applikazzjoni għall-asil, sakemm l-Istati jieħdu deċiżjoni malajr skont il-liġi nazzjonali biex ikomplu d-detenzjoni b’konformità mal-acquis dwar l-asil.

Il-valutazzjoni wriet li, filwaqt li l-Istati Membri b'mod ġenerali emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiżguraw li hija konformi mal-Artikolu 15, hemm varjazzjoni kbira rigward l-implimentazzjoni prattika. Pereżempju, l-interpretazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “intervalli raġonevoli” li skonthom għandhom isiru r-reviżjonijiet ta' detenzjoni jvarjaw b’mod konsiderevoli. Ir-reviżjonijiet f’uħud mill-Istati Membri jsiru kull ġimgħa, filwaqt li f’oħrajn huma biss garantiti fi tmiem tal-perjodu ta’ detenzjoni (b’hekk sa sitt xhur). Dan għalhekk huwa qasam li fih hija meħtieġa aktar konsistenza u li fiha bosta partijiet interessati talbu għal aktar gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ "intervalli raġonevoli".

Min-naħa l-oħra, il-prattika hija aktar uniformi fejn jidħlu r-raġunijiet għall-impożizzjoni tad-detenzjoni fuq il-persuni rimpatrijati, fejn ir-riskji ta’ ħarba u/jew ta' xkiel fir-ritorn huma r-raġunijiet ewlenin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Raġuni oħra kkwotata ta’ spiss l-hija ħtieġa li tkun iċċarata d-dokumentazzjoni u l-identifikazzjoni tal-persuna ikkonċernati f’kooperazzjoni ma'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba”, tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva, kellu impatt fuq id-definizzjoni tal-Istati Membri u l-użu ta’ kriterji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet biex jinżammu, u b’hekk jikkontribwixxu — b’mod li jvarja — għal aktar sigurtà legali. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, “n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni” pprovduta mill-persuni rimpatrijati jew “l-użu ta’ identità falza” huma r-raġunijiet ewlenin li fuqhom jiġi vvalutat ir-riskju ta’ ħarba. Kriterji oħra użati ta’ spiss biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ ħarba huma:

l-użu ta' dokumenti foloz jew qerda ta’ dokumenti; nuqqas ta' residenza; espressjoni ta’ intenzjoni espliċita ta’ nuqqas ta’ konformità; eżistenza ta’ kundanni għal reati kriminali. 

Tabella 2: Kriterji għall-valutazzjoni tar-“riskju ta’ ħarba”

Kriterji użati ta’ spiss għad-determinazzjoni tar-“riskju ta’ ħarba” || Għadd ta’ Stati Membri japplikaw il-kriterji

Nuqqas ta’ dokumentazzjoni || 13

L-ebda kooperazzjoni biex tiġi ddeterminata l-identità tiegħu/tagħha || 11

Nuqqas ta' residenza || 7

L-użu ta’ dokumentazzjoni falza jew il-qerda ta’ dokumenti eżistenti || 7

Nuqqas ripetut ta' rapport lill-awtoritajiet rilevanti  || 7

Espressjoni ta’ intenzjoni espliċita ta’ nuqqas ta’ konformità || 6

L-eżistenza ta’ kundanna minħabba reat kriminali || 6

Nuqqas ta’ konformità mal-projbizzjoni ta’ dħul eżistenti || 5

Ksur ta’ deċiżjoni ta’ ritorn || 5

Kondotta minn qabel (jiġifieri ħarba) || 4

Nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji || 4

Li jkunu soġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn magħmula fi Stat Membru ieħor || 4

Nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta' tluq volontarju || 3

Sors:meħud minn MATRIX 2013.

Għandu jiġi nnutat li kien hemm ukoll moviment konsistenti lejn implimentazzjoni usa’ ta’ alternattivi għad-detenzjoni madwar l-Istati Membri eżaminati. Għadd kbir ta’ Stati Membri issa jipprovdu għal alternattivi għad-detenzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Ir-riċerka wriet li l-alternattivi għad-detenzjoni jista’ jkollhom diversi benefiċċji mqabbla mad-detenzjoni u jistgħu wkoll, f'ċerti kundizzjonijiet, iwasslu għal iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż. Fil-prattika, madankollu, diversi Stati Membri japplikaw biss alternattivi għad-detenzjoni f’każijiet rari. L-alternattivi prinċipali applikati fil-prattika jidhru li jeħtieġu "rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet" u “ordni għall-akkomodazzjoni f’post speċifikat mill-awtoritajiet”. “L-obbligu li jiġu ċeduti passaporti u dokumenti” huwa wkoll fost l-aktar alternattivi applikati ta' spiss għad-detenzjoni.

Tabella 3: Applikazzjoni legali u prattika ta’ alternattivi għad-detenzjoni

|| Restrizzjonijiet ta’ residenza || Rappurtar regolari lill-awtoritajiet || Obbligu li jiġu ċeduti dokumenti || Depożitu ta’ garanzija finanzjarja || Monitoraġġ elettroniku

|| Applikazzjoni legali || Applikazzjoni prattika || Applikazzjoni legali || Applikazzjoni prattika || Applikazzjoni legali || Applikazzjoni prattika || Applikazzjoni legali || Applikazzjoni prattika || Applikazzjoni legali || Applikazzjoni prattika

AT || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Le || Iva || Iva || Le || Le

BE[18] || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le

BG || Le || Le || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le

CY || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le

CZ || Le || Le || Iva || Iva || Le || Le || Iva || Le || Le || Le

DE || Iva || e.i. || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le

DK || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Iva || Le

EE || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le

EL || Iva || Le || Iva || Le || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le

ES || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le

FI || Le || Le || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le

FR || Iva || e.i. || Iva || Le || Iva || Iva || Le || Le || Iva || e.i.

HU || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le

IT || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le

LT || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le || Le || Le

LU || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le

LV || Le || Le || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le

MT || Le || Le || Iva || Iva || Le || Le || Iva || Iva || Le || Le

NL || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || Iva || Le || Le

PL || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le || Le || Le || Le || Le

PT || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i.

RO || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le || Le || Le

SE || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le

SI || Iva || Iva || Iva || Iva || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le

SK || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le || Iva || Le || Le || Le

CH || Iva || Le || Iva || Iva || Iva || Le || Iva || Le || Le || Le

IS || Iva || e.i. || Iva || Iva || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le

LI || Iva || Iva || Le || Le || Iva || Iva || Le || Le || Le || Le

Le || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Le || Le || Le || Le

IE || Iva || e.i. || Iva || Iva || Iva || e.i. || Iva || Le || Le || Le

UK || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i. || Iva || e.i.

e.i.: “l-ebda informazzjoni disponibbli”

Sors:meħud minn MATRIX 2013.

F’ħafna Stati Membri hemm nuqqas ta’ strutturi ta’ appoġġ pubbliku għal migranti irregolari rilaxxati mid-detenzjoni minħabba li ma jeżisti l-ebda prospett ta' tneħħija raġonevoli. Fin-nuqqas ta’ obbligu legali konkret fuq Stati Membri biex jipprovdu għal sussistenza materjali għal dan il-grupp ta’ persuni, qed isibu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta' “inċertezzi legali”, li tħallihom jiddependu fuq is-setturi privati jew tal-volontarjat, jew li jiġu potenzjalment imġiegħla jirrikorru għal impjieg mhux awtorizzat għas-sussistenza. Ftit Stati Membri bħalissa qed jistabbilixxu eżempju tajjeb, billi jipprovdu allokazzjoni ta’ kull xahar u jgħinu lil dawn in-nies isibu akkomodazzjoni.

Qabel ġiet adottata d-Direttiva tar-Ritorn, it-tul massimu ta’ detenzjoni kien ivarja mhux ħażin fl-Istati Membri u f'mill-inqas disgħa ma kien hemm l-ebda limitu massimu dwar kemm jistgħu jinżammu l-persuni rimpatrijati. Id-Direttiva tar-Ritorn ikkonktribwixxiet għal konverġenza — u globalment għal tnaqqis — tal-perjodi massimi ta' detenzjoni fl-UE.

Tabella 4: It-tul massimu ta’ detenzjoni qabel u wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn

Sors: MATRIX 2013.

Filwaqt li l-limiti taż-żmien legali ta’ detenzjoni żdiedu fi tmien Stati Membri, naqsu fi 12-il Stat Membru. Għandu jiġi nnutat li t-tul medju tad-detenzjoni applikati fil-prattika jidher li huwa iżjed baxx mhux ħażin minn l-limitu massimu previst.

Tabella 5: It-tul tad-detenzjoni esperjenzata fil-prattika

Stati Membri || Tul tad-detenzjoni fil-prattika (fi ġranet) || Sors || Perjodu

AT || 16,6 * || L-Istatistika Nazzjonali || 2012

BG || 64* || Studju minn NGO || 2011

DE || Inqas minn 42*** || L-Istatistika Nazzjonali || 2011

DK || 31* || Studju minn NGO || 2011

EE || 85* || L-Istatistika Nazzjonali || 2011

EL || Tal-anqas 180** || Organizzazzjonijiet Internazzjonali || 2012

FI || 5-6** || L-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali || -

FR || 13* || L-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali || -

IT || 31* || L-Awtoritajiet Pubbliċi fil-belt ta’ Bologna || -

LU || 16* || L-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali || -

NL || 120-180** || NGO u Organizzazzjoni Internazzjonali || -

RO || 50* || L-Istatistika Nazzjonali || 2012

SE || Inqas minn 14** || Il-Ministeru tal-Ġustizzja || -

IS || 1** || L-Awtoritajiet Pubbliċi u NGOs || -

LI || 1-2** || L-Awtoritajiet Pubbliċi u NGOs || -

Ir-Renju Unit || 7** || L-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali || -

* Medja kkalkolata fuq il-bażi tad-dejta disponibbli. Is-sors tad-dejta huwa ipprovdut fit-tielet kolonna mix-xellug.

** L-aktar tul ta' detenzjoni applikat ta’ spiss stmat mill-partijiet interessati intervistati.

*** Fil-Ġermanja 73 % tad-detenuti jinżammu anqas minn 42 jum skont l-istatistika uffiċjali.

Sors: Matrix 2013.

b) il-Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, inkluż ta’ minorenni u ta’ familji (l-Artikoli 16 u 17)

Id-Direttiva tistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet bażiċi li għandhom ikunu rispettati fejn tidħol id-detenzjoni tal-persuni rimpatrijati, bħall-fatt li d-detenzjoni tagħhom għandha ssir f’faċilitajiet speċjalizzati (mhux ħabsijiet) jew għall-inqas għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri komuni. Il-persuni rimpatrijati miżmumin f’detenzjoni għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard u għandhom jitħallew jikkuntattjaw lir-rappreżentanti legali, il-membri tal-familja u l-awtoritajiet konsulari. L-NGOs u l-korpi għandhom jitħallew iżuru lill-persuni rimpatrijati, soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri għal awtorizzazzjoni bil-quddiem. Il-persuni rimpatrijati għandhom ikunu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Fir-rigward ta’ minorenni (kemm mhux akkumpanjati kif ukoll mal-familji tagħhom) —li jridu jinżammu biss bħala “l-aħħar istanza” u għall-“iqsar perjodu ta' ħin xieraq” — il-ħtiġijiet tagħhom għandhom jitqiesu b'mod speċjali (l-“aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja”), u għandu jkollhom l-opportunità li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni u (skont it-tul tal-permanenza tagħhom) ikollhom aċċess għall-edukazzjoni.

Id-Direttiva ma tirregolax fid-dettall kwistjonijiet bħalma huma d-daqs tal-postijiet, l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji, l-aċċess għall-arja aperta, in-nutrizzjoni, eċċ. matul id-detenzjoni. Il-premessa 17 tipprovdi madankollu, li d-detenuti għandhom jiġu ttrattati b'“mod uman u dinjituż” fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u b’konformità mal-liġi internazzjonali. Kull meta l-Istati Membri jimponu detenzjoni skont l-Artikoli 15-17 tad-Direttiva, dan għandu jsir f'kundizzjonijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprojbixxi trattament inuman jew degradanti. L-impatt prattiku ta’ dan l-obbligu fuq l-Istati Membri huwa stabbilit fid-dettall fl-istandards stabbiliti mill-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (“L-istandards tas-CPT”[19]). Dawn l-istandards jirrappreżentaw deskrizzjoni ġeneralment rikonoxxuta tal-obbligi relatati mad-detenzjoni li jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri b’kull detenzjoni bħala minimu assolut, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta japplikaw il-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni se ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u, b’mod partikolari, se tuża l-possibilitajiet offruti mill-Mekkaniżmu ta’ Valutazzjoni ta’ Schengen il-ġdid biex tevalwa l-faċilitajiet użati mill-Istati Membri għal detenzjoni qabel it-tneħħija biex tiżgura li dawn il-punti ta' riferiment jiġu sodisfatti mill-Istati Membri kollha. Sabiex jiġu indirizzati l-każijiet l-aktar impressjonanti ta' kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani, diġa' tnedew proċeduri pilota fl-UE mill-Kummissjoni kontra diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar xhur.

Disa’ Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni li ma tikkonformax għal kollox mal-Artikolu 16(1), li jirrikjedi li l-Istati jisseparaw lid-detenuti mill-priġunieri komuni b'mod strett. Tnejn minn dawn l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jibdlu l-leġiżlazzjoni tagħhom. Diġà nfetħu jew se jkollhom jinfetħu proċeduri pilota tal-UE kontra l-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Fil-prattika, nofs l-Istati Membri biss jipprovdu dejjem faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. In-nofs l-ieħor xorta ftit jew wisq iżommu bħala detenuti l-migranti irregolari fil-ħabsijiet. F’dan ir-rigward, il-qrati Ġermaniżi ppreżentaw tliet referenzi preliminari lill-QĠE fl-2013: Fil-Kawżi C-473-13 (Bero) u C-514-13 (Bouzalmate) il-Qorti ntalbet jekk Stat Membru huwiex obbligat skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva sabiex iżomm lill-persuni rimpatrijati f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati jekk ikollu biss faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati f’xi sottoentitajiet reġjonali tiegħu (iżda mhux f’oħrajn). Il-Kawża C-474/13 (Thi Ly Pham) tikkonċerna l-kompatibbiltà mal-Artikolu 16(1) ta’ prattika amministrattiva nazzjonali biex detenut jitpoġġa fl-akkomodazzjoni qabel it-tneħħija flimkien ma’ priġunieri komuni jekk jagħti l-kunsens għal din l-akkomodazzjoni. Dawn it-tliet każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

L-obbligu skont l-Artikolu 16(2) li jippermetti lid-detenuti jikkuntattjaw lir-rappreżentanti legali, l-membri tal-familja u l-awtoritajiet konsulari ġie traspost kif xieraq mill-Istati Membri kollha. L-evidenza miġbura tagħti ħjiel li fil-prattika din l-opportunità mhux dejjem tkun ipprovduta f’żewġ Stati Membri. L-obbligu skont l-Artikolu 16(3) li jiżgura li jingħata aċċess għas-servizzi tas-saħħa f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ġie wkoll traspost mill-Istati Membri kollha. Hemm, madankollu, l-allegazzjonijiet li f’sitt Stati Membri l-aċċess għal dan id-dritt fil-prattika xi kultant jiddgħajjef. Il-Kummissjoni se ssegwi n-nuqqasijiet kollha identifikati.

It-traspożizzjoni legali tad-dritt awtonomu skont l-Artikolu 16(4) ta’ organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u mhux governattivi li tagħti aċċess sħiħ għal ċentri ta’ detenzjoni għadha problematika f’seba’ Stati Membri. Tlieta minn dawn l-Istati Membri diġa impenjaw irwieħhom li jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom. Il-prattika f’erba’ Stati Membri oħra ma tidhirx li hija konformi għal kollox.

Il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri kollha hija konformi mar-regoli fl-Artikolu 17 dwarid-detenzjoni ta’ minorenni u ta’ familji. Madankollu fil-prattika, ġew irrappurtati li jeżistu nuqqasijiet dwar l-akkomodazzjoni separata għal familji f’żewġ Stati Membri, l-aċċess għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni fi tliet Stati Membri, u l-aċċess għal edukazzjoni f’ħames Stati Membri. Fejn jidħol l-użu prattiku magħmul mid-dispożizzjoni skont l-Artikolu 17 biex jinżammu l-minorenni bħala l-aħħar istanza, ir-riżultati tal-valutazzjoni juru li 17-il Stat Membru jżommu — għallanqas xi drabi — minorenni mhux akkumpanjati u dsatax-il Stat Membru jżomm — għallanqas xi drabi — familji b'minorenni. Peress li d-definizzjoni ta’ “miżura tal-aħħar istanza” fid-Direttiva tar-Ritorn tħalli lok għall-interpretazzjoni, xi partijiet interessati ssuġġerixxew li l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jinkludu fil-liġi nazzjonali tagħhom preżunzjoni kontra d-detenzjoni tat-tfal, u jużaw alternattivi għad-detenzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati u ta' familji bit-tfal.

Fir-rigward ta’ assistenza lil minorenni mhux akkumpanjati (Artikolu 10), il-valutazzjoni wriet li dan huwa pprovdut b’modi differenti ħafna u minn varjetà ta’ korpi differenti.

Tabella 6: L-awtorità responsabbli għall-għoti ta’ assistenza lil minorenni mhux akkumpanjati (MMA)

Pajjiżi || L-NGOs || Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni || Istituzzjoni speċjalizzati f’MMA irregolari || Id-dipartiment tal-Gvern, || Servizzi Soċjali taż-Żgħażagħ jew Ġenerali || Il-Gvern Lokali || Asil jew Servizzi tal-Immigrazzjoni Ġenerali || Prosekutur jew Qorti || Gwardji tal-Pulizija jew tal-Fruntiera || L-ebda istituzzjoni formalment responsabbli

AT || || || || || P || || || || ||

BE || || || || P || || || || || ||

BG || || || || || P || || || || ||

CZ || || P || || || P || || || || ||

CY || || || || || P || || || || ||

DE || || || || || P || || || || ||

DK || P || P || || || || || P || || ||

EE || || || || || P || P || || || ||

EL || P || P || || || || || || P || ||

ES || || || || || || P || || || ||

FI || || || || || || || || || || P

FR || || || || || P || || || || ||

HU || || || P || || || || || || ||

IT || || P || || || || || || || ||

LT || || || || || || || P || || ||

LU || || P || || || || || || || ||

LV || || || || || || || || P || P ||

MT || || || || || || || P || || ||

NL || P || || || || P || || || || ||

PL || || P || || || || || || P || P ||

PT || P || || || || P || || || || ||

RO || P || || || || || || || || ||

SI || || || || || P || || || || ||

SK || || || || P || || || || || ||

SE || || || || || P || || || || ||

CH || || || || || || P || || || ||

IS || || || || P || P || || || || ||

LI || || || || P || || || || || ||

NO[20] || || P || P || P || || || || || ||

IE || || || || || P || || || || ||

UK || || || || || P || P || || || ||

Sors: MATRIX 2013.

Filwaqt li ħafna Stati Membri jirritornaw il-minorenni fil-prattika, huma biss seba’ Stati Membri li rrappurtaw li użaw l-għażla li jirritornaw il-MMA f'ċentri tar-riċeviment jew servizzi soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

L-oqsma ewlenin ta’ bidla fil-qasam tad-detenzjoni minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn instab li huma dawn li ġejjin:

Tabella 7: Oqsma ewlenin tal-bidla f’detenzjoni minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn

Il-bidla || Stat Membru

Tul ta’ żmien iqsar f’detenzjoni || BG, CZ, DK, EE, LT, LV, RO, SI, SK, NO

Tul ta’ żmien itwal f’detenzjoni || EL, ES, FI, FR, IT, LU

Politika speċifika dwar minorenni u familji b’minorenni (u persuni vulnerabbli) || AT, CZ, SI

Kundizzjonijiet aħjar f’ċentri ta’ detenzjoni || DK, LU, LV, RO,

Faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati/separazzjoni minn priġunieri || DE, DK, LU

L-użu ta’ alternattivi || BE, DE, LV, NL

Id-dispożizzjoni ta' konsulenza legali || AT, SK

Reviżjoni ġudizzjarja/deċiżjoni tal-Qorti b'ħin limitat fiss || CZ, SK

Il-possibilità ta’ appell || LV

Id-deċiżjoni bil-miktub || DK

Sors: MATRIX 2013.

2. Tluq volontarju (l-Artikolu 7) u monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel (l-Artikolu 8(6))

L-introduzzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn influwenzat b’mod pożittiv il-liġi u l-prattika nazzjonali dwar it-tluq volontarju. L-Artikolu 7 jobbliga lill-Istati Membri biex jippermettu perjodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn seba' u 30 jum. F’xi Stati Membri, ma kienx previst minn qabel fil-liġi nazzjonali perjodu għal tluq volontarju qabel jew it-tul ma kienx speċifikat. Issa l-Istati Membri kollha introduċew dan il-limitu. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri eżaminati, il-perjodu tat-tluq volontarju jingħata awtomatikament; tliet Stati Membri biss għamlu użu mill-għażla skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva li tagħti l-perjodu biss b'applikazzjoni. F’Ottubru 2013, qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqet referenza preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-Kawża C-554/13) relatat mad-dispożizzjoni fl-Artikolu 7(4) li ma tagħtix perjodu ta’ tluq volontarju għal raġunijiet ta’ ordni pubblika.

L-istudju juri wkoll li d-Direttiva tar-Ritorn kienet xprun tal-bidla fil-monitoraġġ tar-ritorn imġiegħel. Għadd kbir ta’ Stati Membri waqqfu l-korpi ta’ monitoraġġ bħala riżultat dirett tad-Direttiva, spiss b’appoġġ mill-Fond Ewropew għar-Ritorn. Seba’ Stati Membri ma kinux konformi mal-obbligu għat-twaqqif ta’ sistema ta’ monitoraġġ tar-ritorn imġiegħel u l-Kummissjoni diġà fetħet (jew se tiftaħ dalwaqt) proċeduri pilota relatati tal-UE. F’dawk l-Istati Membri b'korp ta’ monitoraġġ fis-seħħ, hemm tendenza ta' qasma kbira mal-monitoraġġ magħmul mis-soċjetà ċivili (NGOs tad-drittijiet tal-bniedem), Ombudsmen jew awtoritajiet b’rabtiet ma' Ministeru nazzjonali. Sistemi ta’ monitoraġġ huma previsti skont il-liġi jew skont ftehim ta’ kooperazzjoni. Il-valutazzjoni turi li d-Direttiva tar-Ritorn kellha impatt sostanzjali fl-istabbiliment ta’ korpi ta’ monitoraġġ tar-ritorn u li hemm żviluppi għaddejjin hekk kif is-sistemi ta’ monitoraġġ qed isiru aktar stabbiliti. Dawn il-korpi ta’ monitoraġġ se jkollhom rwol importanti bħala mekkaniżmu ta’ kontroll inkorporat għal prattiċi nazzjonali ta' ritorn ta' kuljum;

Tabella 8: Il-korpi ta’ monitoraġġ ta’ ritorn imġiegħel

Pajjiż || Korp ta’ Monitoraġġ || Tip ta’ Korp ta’ Monitoraġġ

AT || √ || Ombudsman u NGO

BE || √ || Korp affiljat mal-Pulizija Belgjana

BG || √[21] || Ombudsman u NGO

CY || √ || Ombudsman

CZ || √ || Korp affiljati mal-Parlament Ċek

DE || Informali || NGO

DK || √ || Ombudsman u NGO

EE || √ || NGO

El || √ || Ombudsman

ES || √ || Ombudsman

FI || √ || Ombudsman

FR || Le || -

HU || √ || Ombudsman

IT || Le || -

LT || √ || NGO

LU || √ || NGO

LV || √ || Ombudsman

MT || √ || Korp affiljat mal-Ministeru tal-Affarijiet Interni u tas-Sigurtà Nazzjonali

NL || √ || Korp affiljat mal-Ministeru tas-Sigurtà u l-Ġustizzja

PL || √ || Ombudsman u NGO

PT || √ || Korp affiljat mal-Ministeru tal-Affarijiet Interni

RO || √ || NGO

SE || Le || Il-Qrati, l-Ombudsman Parlamentari u l-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettqu parzjalment il-funzjoni ta’ korp ta’ monitoraġġ

SI || Le[22] || -

SK || √ || Ombudsman u NGO

CH || √ || Korp affiljati mad-Dipartiment Federali tal-Ġustizzja u l-Pulizija

IS || Le || -

LI || Le || -

Le || √ || Ombudsman

IE || Le || -

UK || √ || Korpi affiljati mal-Ministeru tal-Ġustizzja

Sors: MATRIX 2013.

3. Salvagwardji (l-Artikoli 12 u 14) u rimedji (l-Artikolu 13)

Il-valutazzjoni wriet li l-maġġoranza tal-Istati Membri eżaminati jagħmlu użu mill-għażla li japplikaw derogi mill-ambitu tad-Direttiva skont l-Artikolu 2(2) tagħha.[23] Il-valutazzjoni wriet li l-obbligi ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 4(4) huma applikat fil-maġġoranza tal-każijiet u li hemm livell simili ta’ protezzjoni bejn dawk b’nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva u “każijiet tal-fruntieri” esklużi mill-ambitu tagħha mill-Istati Membri.

Il-valutazzjoni sabet li s-salvagwardji proċedurali relatati mad-drittijiet ta’ migranti irregolari matul il-proċess ta’ ritorn huma ġeneralment implimentati fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-riżultati tar-riċerka juru li s-salvagwardji tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-forma ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, huma wkoll ġeneralment applikati fil-prattika (bil-miktub u bl-għoti tar-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt u informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli). Madankollu tqajjem xi tħassib fost il-partijiet interessati dwar il-formulazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni (nuqqas ta’ dettall u motivazzjoni). Kważi f’nofs l-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva, il-partijiet interessati ssottolineaw it-traduzzjoni (tal-elementi ewlenin tad-deċiżjoni tar-ritorn) u, sa ċertu punt, l-interpretazzjoni bħala oqsma għal titjib potenzjali.

Il-valutazzjoni naqset milli tidentifika xejriet ewlenin jew li tkejjel il-bidla biż-żmien fir-rigward tas-salvagwardji sar-ritorn pospost. (L-Artikolu 14 tad-Direttiva jkopri l-għaqda tal-familja, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għall-iskola, il-bżonnijiet ta' persuni vulnerabbli kif ukoll id-dritt ta' ksib ta' konferma bil-miktub fil-każi ta' ritorn pospost.) Salvagwardji bażiċi jidhru li huma pprovduti permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali implimentattivi u l-leġiżlazzjoni ta' aċċess universali (b'mod partikolari l-kura tas-saħħa f'emerġenza u l-iskola).

Dwar l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu lill-persuni rimpatrijati b’rimedju legali effettiv, skont l-Artikolu 13, li-valutazzjoni tikkonkludi li, anki jekk dispożizzjoni legali għall-appell teżisti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kollha, fil-prattika jidħlu numru ta’ fatturi li jistgħu jikkompromettu d-dritt ta’ rimedju legali reali. L-ewwel nett l-informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli — minkejja traspożizzjoni legali xierqa tad-Direttiva — mhijiex dejjem ikkomunikata biżżejjed fil-prattika lil ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri kollha f'lingwa li jifhmu l-persuni rimpatrijati (kwistjoni ta' traduzzjoni u spjegazzjoni/għajnuna legali). It-tieni, b'relazzjoni mal-punt ta’ qabel, il-possibbiltà ta’ appell effettiv tista’ titnaqqas minħabba d-dispożizzjoni mhux effettiva tal-għajnuna legali, f’każijiet li fihom l-Istati Membri jagħmlu użu estensiv mid-dispożizzjoni skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva li jagħmel l-għajnuna legali bla ħlas soġġetta għal kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 15 minn (3) sa (6) tad-Direttiva 2005/85/KE. Il-valutazzjoni wriet li b’riżultat ta’ dan, f’diversi Stati Membri, spiss id-deċiżjonijiet ta’ ritorn ma ġewx appellati fil-prattika, jew xi ftit inqas milli kien mistenni. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib din il-kwistjoni.

Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu jekk l-appell għandux effett ta’ effett ta' sospensjoni awtomatiku, jew jekk dan l-effett jistax jingħata biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-Korp tal-Appell. Il-valutazzjoni sabet li huwa biss f'disa' Stati Membri li appell ġeneralment jissospendi temporanjament l-infurzar tad-deċiżjoni tar-ritorn u/jew tneħħija awtomatikament skont il-liġi nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-immigrant għandu japplika għall-effett ta' sospensjoni temporanja, li jista' jiġi miċħud (jew mogħti) mill-imħallef f’ċirkostanzi speċifiċi.

Tabella 9: Effett ta’ sospensjoni ta’ appell

Effett ta’ sospensjoni temporanja tal-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta jiġi ppreżentat appell ||

Iva: Awtomatiċi || AT, CZ, DK, FR, LT, MT, PL, RO, SI, UK

Xi drabi: F’deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti || BE, BG, CY, DE, EE, EL, ES, FI, HU, IT, LU, LV, NL, PT, SE, SK, CH, LI, IS, NO, IE

Sors: MATRIX 2013.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-QĠE, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-383/13 PPU (G u R),[24] ikkonferma li d-drittijiet tal-konvenut msemmija fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tal-UE (id-dritt għal smigħ u d-dritt għal aċċess għall-fajl) iridu jiġu osservati fit-teħid tad-deċiżjonijiet skont id-Direttiva tar-Ritorn anki meta din id-Direttiva ma tipprovdix espressament għal dan.

4. Il-kriminalizzazzjoni ta’ dħul u permanenza irregolari

Is-sejbiet tal-valutazzjoni kif ukoll studju reċenti mwettaq minn FRA juru li hemm liġijiet fis-seħħ li jikkriminalizzaw "dħul u/jew permanenza irregolari", f’forom differenti, fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Ladarba d-Direttiva tar-Ritorn u lanqas kull strument legali ieħor ma jipprevjenu lill-Istati Membri milli jqisu d-dħul u/jew is-permanenza irregolari bħala reat kriminali skont il-liġi kriminali nazzjonali. Madankollu, diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja llimitaw il-kapaċità tal-Istati Membri li jżommu lill-persuni rimpatrijati pajjiżhom fil-ħabs b’konsegwenza ta’ dan. B'mod partikolari, fil-Kawża C-61/11 (El Dridi) il-Qorti tal-Ġustizzja wriet li d-Direttiva tar-Ritorn tipprekludi l-liġijiet nazzjonali li jikkriminalizzaw is-permanenza irregolari sakemmdawn ir-regoli jostakolaw l-effettività tad-Direttiva tar-Ritorn. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-imponiment ta' terminu ta' ħabs fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod b'mod irregolari li ma jkun wettaq l-ebda reat ieħor ħlief in-nuqqas ta' konformita ma’ ordni biex jitlaq mit-territorju nazzjonali, huwa kontra d-Direttiva. Sentenza f’kawża simili (C-329/11 Achoughbabian) kkonfermat is-sejbiet tas-sentenza ta' El Dridi u sabet li s-sanzjonar tal-liġi nazzjonali ta' sempliċi permanenza irregolari b’theddida ta' priġunerija ta' liġi kriminali kien inkompatibbli mad-Direttiva tar-Ritorn. Is-sentenza fil-Kawża C-430/11 (Sagor) ikkonfermat li s-sanzjoni tal-liġi kriminali ta' multa finanzjarja li tista’ tiġi sostitwita b’ordni ta’ tkeċċija tista' tiġi applikata, sakemm il-proċedura ta’ tkeċċija tirrispetta s-salvagwardji proċedurali rilevanti kollha tad-Direttiva tar-Ritorn u li sanzjoni tal-liġi kriminali tad-detenzjoni fid-dar jistgħu jiġu applikati biss sakemm ikun hemm garanziji fis-seħħ li jiżguraw li l-imġiba ma taffettwax ir-ritorn.

Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq wasslu għal firxa wiesgħa ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiżi eżaminati u bosta Stati Membri dan l-aħħar biddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom bħala konsegwenza ta’ din il-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u diġà nidiet proċeduri pilota tal-UE kontra xi Stati Membri.

Tabella 10: Il-kriminalizzazzjoni ta’ dħul irregolari

Sors: FRA 2014.

Tabella 11: Il-kriminalizzazzjoni ta’ permanenza illegali

Sors: FRA 2014.

5. It-tnedija ta’ proċeduri ta’ ritorn (l-Artikolu 6) u projbizzjonijiet ta’ dħul (l-Artikolu 11)

Fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tar-Ritorn hemm livell għoli ta’ konsistenza bejn l-Istati Membri dwar id-definizzjoni ta’ permanenza illegali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi listi dettaljati ta’ ċirkostanzi skont liema ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi kkunsidrat li qed joqgħod b’mod irregolari, bil-ħames kategoriji ewlenin ikunu: viża skaduta; permess ta' residenza skadut; revokar tal-permess ta' residenza; irtirar tal-istatus ta' rifuġjat dħul irregolari. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw regoli aktar favorevoli għas-suġġett ta' persuna ta' proċedura pendenti biex tikseb jew iġġedded permess jew viża. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu proċedura ta’ fażi waħda biss, li fiha d-deċiżjoni ta’ ritorn u d-deċiżjoni ta' tneħħija jinħarġu f'att wieħed (amministrattiv), disa’ Stati Membri biss (IT, LT, LV, MT, PL, SE, HU, IE, UK) għandhom proċedura f’żewġ fażijiet fis-seħħ. Id-Direttiva ġabet ukoll aktar armonizzazzjoni madwar l-UE kollha dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ permanenza għal raġunijiet ta’ kumpassjoni, umanitarji jew raġunijiet oħra għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti li joqogħdu illegalment fit-territorju tagħhom: L-Istati Membri kollha jippermettu din il-possibilità fil-qafas legali tagħhom. L-obbligu ta' tnedija ta' proċedura ta’ ritorn ma biddilx b'mod sostanzjali l-prattika ta' qbid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-għadd ta’ qbid. Jekk Stat Membru jfittixx ċittadini ta’ pajjiżi terzi irregolari b'azzjonijiet tradizzjonali mill-pulizija ġenerali jew fuq bażi ad hoc mhux stabbilit mid-Direttiva, iżda jiddependi fuq fatturi u kunsiderazzjonijiet domestiċi. Peress li d-Direttiva ma tiddefinixxix b’mod espliċitu l-kunċett ta’ qbid u lanqas ma tipprovdi gwida dwar kif jitwettqu dawn il-proċeduri, l-Istati Membri ħallew l-istruttura istituzzjonali eżistenti kważi mhux mimsusa. Hemm żewġ tipi differenti ta' prattiċi ta' qbid fl-Istati Membri: L-ewwel, il-qbid fuq il-bażi ta' kontrolli ta' runtina tal-puliżija jew operazzjonijiet immirati f'postijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli li hemm mingranti mingħajr dokumenti. It-tieni, qbid inizjata b’talba tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni fir-rigward ta’ persuni li ma jirrispettawx ordni biex jitilqu mit-territorju jew li ma humiex konformi ma’ deċiżjoni biex jitilqu b’mod volontarju.

Id-Direttiva tar-Ritorn teħtieġ li l-Istati Membri joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul b’deċiżjoni ta’ ritorn meta ma jingħata l-ebda perjodu ta’ tluq volontarju[25] jew meta l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat. F’każijiet oħra, il-kwistjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul hija fakultattiva. Biex ikun determinat it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul, iċ-ċirkostanzi relevanti kollha għandhom jitqiesu, u d-dewmien massimu ta’ ħames snin jista’ jinqabeż biss jekk il-persuna tirrappreżenta theddida serja għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Il-valutazzjoni wriet li b’mod ġenerali, id-Direttiva tar-Ritorn ikkontribwixxiet għall-konverġenza madwar l-Istati Membri dwar it-tul (massimu) ta' projbizzjonijiet tad-dħul relatati mar-ritorn ta’ ħames snin, kif previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tiddetermina wkoll tul massimu ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul għal każijiet li fihom il-persuna rimpatrijata titqies bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali u fejn skont id-Direttiva, t-tul jista’ f'xi każi eċċezzjonali jaqbeż il-ħames snin. Fi tmien Stati Membri, it-tul ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul tnaqqas bħala riżultat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, ir-riċerka wriet ukoll li f’sitt Stati Membri, l-għadd ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul li jinħarġu lill-persuni rimpatrijati żdied. Fil-prattika, l-Istati Membri kollha joffri l-opportunità għal migranti irregolari li jitolbu l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’ċirkostanzi umanitarji eċċezzjonali. Kull deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul hija mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tipprevjeni li l-migranti jerġgħu jidħlu fiż-żona ta’ Schengen. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-297/12 (Filev/Osmani) Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li l-limiti ta’ żmien massimi għal projbizzjonijiet ta’ dħul ipprovduti fid-Direttiva japplikaw ukoll għal “projbizzjonijiet ta’ dħul storiċi” li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

Tabella 12: Projbizzjonijiet ta' dħul

Raġunijiet għall-użu ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul || L-Istati Membri li jagħmlu użu minn dawn ir-raġunijiet

Projbizzjoni tad-dħul hija imposta awtomatikament fuq il-każijiet ta' deċiżjoni ta’ ritorn kollha || AT, CY, DE, EE, EL, ES, IT, LT, MT, PL, PT, HU, IE, UK

Projbizzjoni fuq id-dħul mhux imposta fil-każijiet kollha iżda hija (għall-inqas) maħruġa awtomatikament (a) jekk ma jingħata l-ebda perjodu għat-tluq volontarju. (b) jekk l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie rispettat || BE, BG, CZ, DK, FI, HU, LU, LV, NL, RO, SE, SK, CH, NO

Projbizzjonijiet ta’ dħul huma maħruġa fuq bażi ta’ każ b’każ (raġunijiet differenti) || FR, SI, LI

Bidliet minħabba Direttiva tar-Ritorn || Stat Membru

Tnaqqis fit-tul ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul || DE, ES, IT, LV, PL, PT, CH, NO

Żieda fin-numru ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa || AT, BE, DK, FI, NL, CH

Regolament speċifiku dwar projbizzjonijiet ta’ dħul/standardisation madwar il-pajjiż kollu || LT, MT, SI

Il-possibbiltà ta’ rtirar || ES, PL

Projbizzjoni ta’ dħul bil-miktub || LU, PL

Tnaqqis tan-numru ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa || SK

Sors: MATRIX 2013.

6. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-Direttiva tar-Ritorn

Matul l-aħħar ħames snin, il-Qrati nazzjonali ssottomettew diversi referenzi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Dwar id-detenzjoni:

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-357/09 (Kadzoev) tat-30 ta’ Novembru 2009 il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espressament l-elementi protettivi tad-dispożizzjonijiet relatati mad-detenzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn, b’mod partikolari l-obbligu li tirrilaxxa l-persuna kkonċernata immedjatament ladarba r-raġunijiet preskritti mid-Direttiva ma jkunux sodisfatti aktar.

Tliet referenzi preliminari minn qrati Ġermaniżi ġew sottomessi fis-sajf tal-2013: Fil-Kawżi C-473-13 (Bero) u C-514-13 (Bouzalmate) (pendenti) il-Qorti ntalbet jekk Stat Membru huwiex obbligat skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva biex iżomm biss il-persuni rimpatrijati f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati jekk jiddisponi minn faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati biss f'xi subentitatjiet reġjonali tagħha (u f’oħrajn le).  Il-Kawża C-474/13 (Thi Ly Pham) (pendenti) jirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva ma’ prattika amministrattiva nazzjonali biex detenut, qabel it-tneħħija jitpoġġa f'akkomodazzjoni ma’ priġunieri ordinarji jekk jaqbel b'din l-akkomodazzjoni

Il-kriminalizzazzjoni tal-permanenza irregolari:

Fit-28 ta’ April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-Kawża C-61/11 (El Dridi). F’din is-sentenza importanti ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-Direttiva tar-Ritorn teskludi r-regoli nazzjonali li jimponu żmien il-ħabs fuq ċittadin minn pajjiż terz li joqgħod illegalment li ma jikkonformax ma’ ordni biex jitlaq mit-territorju nazzjonali, minħabba li din il-piena tista’ tipperikola l-ksib tal-objettiv ta’ introduzzjoni ta’ politika effettiva għat-tneħħija u ripatrijazzjoni f’konformità mad-drittijiet fundamentali. Sentenza f’kawża simili (il-Kawża C-329/11 Achoughbabian) relatata mas-sitwazzjoni fi Franza nħarġet f’Diċembru 2011. Din ikkonfermat is-sejbiet tas-sentenza ta' El Dridi u sabet li l-liġi nazzjonali tissanzjona l-permanenza illegali b’theddida ta' priġunerija tal-liġi kriminali inkompatibbli mad-Direttiva tar-Ritorn. Is-sentenza fil-Kawża C-430/11 (Sagor) (relatata mal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali Taljan li timponi sanzjonijiet penali ta' kompitu ta' permanenza id-dar u t-tkeċċija mmedjata għal permanenza illegali) ingħatat f’Diċembru 2012 u rfinat aktar il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. Fl-ordni tagħha tal-21.3.2013 fil-Kawża C-522/11 (Mbaye) il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-każistika msemmija hawn fuq u tenniet il-konklużjonijiet tagħha. Il-Kawża C-189/13 (Da Silva) (pendenti) hija segwitu tal-każ ta' Achoughbabian u għandu x'jaqsam mal-kompatibbiltà tad-Direttiva tar-Ritorn mal-liġi nazzjonali li tissanzjona d-dħul illegali b’theddida bi priġunerija skont il-liġi kriminali.

Dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva tar-Ritorn u tal-acquis tal-Asil:

Is-sentenza ta’ Mejju 2013 fil-Kawża C-534-11 (Arslan) ttrattat ir-relazzjoni bejn detenzjoni relatata mar-ritorn (skont id-Direttiva 2008/115/KE) u detenzjoni relatata mal-Asil (skont id-Direttiva 2003/9/KE) f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm skont id-Direttiva tar-Ritorn u jissottometti applikazzjoni għall-asil bil-għan li jipposponi r-ritorn. Is-sentenza tikkonferma li d-detenzjoni relatata mal-asil u d-detenzjoni relatata mar-ritorn huma koperti minn żewġ reġimi legali differenti b’salvagwardji legali rispettivi adattati għas-sitwazzjoni speċifika tal-persuni li jfittxu l-asil u dawk rimpatrijati. Il-Qorti għamlitha ċara li l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ reġimi differenti ma timplikax xi obbligu fuq Stat Membru biex awtomatikament tirrilaxxa l-persuni rimpatrijati detenuti ladarba dawn jagħmlu applikazzjoni għall-asil: Is-sentenza tikkonferma espressament li d-detenzjoni tista’ titkompla – sakemm l-Istati Membri jieħdu mingħajr dewmien deċiżjoni skont il-liġi nazzjonali biex ikomplu d-detenzjoni f’konformità mal-acquis dwar l-asil.

Dwar projbizzjonijiet ta’ dħul:

Is-sentenza tad-19.9.2013, fil-Kawża C-297/12 (Filev/Osmani) tirrigwarda l-validità ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul “storiċi” maħruġin qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tar-Ritorn kif ukoll regoli dwar it-tul tal-projbizzjonijiet ta’ dħul. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja:

- ikkonfermat li l-Artikolu 11(2) jipprekludi dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tillimita t-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul suġġett għal applikazzjoni li tfittex li tikseb benefiċċju ta’ limitu bħal dan.

- iċċarat li projbizzjoni fuq id-dħul li nħarġet aktar minn ħames snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentaw dik id-direttiva ma tistax tiżviluppa aktar effetti, sakemm il-persuna tikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

- ipprekludiet l-Istati Membri milli jeskludu skont l-Artikolu 2(2)(b) ta’ dik id-Direttiva persuni li matul id-data li fiha dik id-Direttiva għandha tiġi implimentata u d-data li fiha ġiet implimentata, ibbenefikaw minn effett dirett aktar favorevoli tad-Direttiva.

Dwar it-tluq volontarju:

Ir-referenza preliminari mir-Raad van State tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet ippreżentata f’Ottubru 2013 fil-Kawża C-554/13 (Zh. u O.) (pendenti), dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju għall-politika pubblika” bħala raġuni għar-rifjut li jingħata perjodu ta’ tluq volontarju fil-kuntest tal-Artikolu 7.

Dwar id-dritt li jinstemgħu (l-Artikolu 41 tal-Karta tal-UE) fil-kuntest tad-Direttiva tar-Ritorn:

-Żewġ referenzi preliminari minn imħallfin Franċiżi dwar din il-kwistjoni kienu ppreżentati fir-rebbiegħa 2013: Fil-Kawżi C-166/13 (mukarubega) u C-249/13 (boudjilida) (pendenti) il-Qorti ntalbet jekk id-dritt li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta japplika għal proċeduri ta’ ritorn (Mukarubega) u li jiġi speċifikat il-limitu eżatt ta’ dan id-dritt (Boudjilida). 

Fis-sentenza tagħha ta’ 10.9.2013 fil-Kawża C-383/13 PPU (G u R), il-Qorti kkonfermat li d-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rispettati meta tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni. Hija ċċarat li mhux kull irregolarità fl-osservazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni. Dan l-effett iseħħ biss jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-ksur inkwistjoni fil-fatt kien iwassal għal riżultat differenti.

Parti V — Konklużjonijiet

Din il-Komunikazzjoni turi li t-twaqqif ta’ acquis tar-ritorn tal-UE matul l-aħħar 10 snin wassal għal bidliet leġiżlattivi u prattiċi sinifikanti fl-Istati Membri kollha. Id-Direttiva tar-Ritorn influwenzat b’mod pożittiv il-liġi nazzjonali u l-prattika dwar it-tluq volontarju u serviet ta’ xprun għall-bidla fis-sorveljanza ta’ ritorn imġiegħel. Hija kkontribwixxiet għal konverġenza — u b'mod ġenerali għal tnaqqis — tal-perjodi massimi ta' detenzjoni madwar l-UE u kien hemm ukoll ċaqliq konsistenti lejn implimentazzjoni aktar wiesgħa ta' alternattivi ta' detenzjoni madwar l-Istati Membri. Hija limitat wkoll il-kapaċità tal-Istati Membri sabiex jikkriminalizzaw biss is-permanenza irregolari, u s-salvagwardji proċedurali tagħha kkontribwixxew għal aktar sigurtà legali.

It-tħassib, espress minn xi Stati Membri fil-ħin tal-adozzjoni tagħha, li miżuri protettivi jxekklu l-effiċjenza ta’ proċeduri ta’ ritorn ma sarx realtà: L-esperjenza tikkonferma li l-proċeduri previsti fid-Direttiva tar-Ritorn jippermettu azzjoni determinata. Ir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' ritorn għandhom x'jaqsmu ma' problemi prattiċi fl-identifikazzjoni tal-persuni rimpatrijati u fil-kisba tad-dokumentazzjoni meħtieġa minn awtoritajiet mhux tal-UE.   

Gradwalment żviluppaw sjieda konġunta ta’ u appoġġ għall-għanijiet ta’ politika ewlenin ta’ din il-politika l-ġdida tal-UE. L-Istati Membri kollha issa ġeneralment jaċċettaw l-għanijiet tal-politika li ġejjin:

rispett tad-drittijiet fundamentali; proċeduri ġusti u effiċjenti; tnaqqis ta’ każijiet fejn il-migranti sfaw mingħajr ebda status ċar; Il-primat ta’ tluq volontarju; Il-promozzjoni tar-riintegrazzjoni u t-trawwim ta’ alternattivi għad-detenzjoni.

Dan sar evidenti matul djalogi politiċi reċenti mal-Istati Membri, li saru fl-2013. Dawn il-bidliet pożittivi ġew ikkonfermati wkoll mit-tmien rapport tal-Kummissjoni tal-Liġi Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tkeċċija ta’ persuni barranin, li fih ir-Rapporteur Speċjali tan-NU jirrikonoxxi li d-Direttiva tar-Ritorn tal-UE “fiha dispożizzjonijiet progressivi ħafna dwar kwistjonijiet bħal dawn li huma ħafna aktar avvanzati min-normi f'reġjuni oħra tad-dinja.”  

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, u li l-Istati Membri ġeneralment żguraw li d-Direttiva dwar ir-ritorn hija trasposta fil-liġi nazzjonali tagħhom, għad hemm lok għal titjib fl-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva u ta’ politiki dwar ir-ritorn b’mod ġenerali, li jiżguraw rispett għall-istandards tad-drittijiet fundamentali (pereż. il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, ir-rimedji legali effettivi) u l-effettività (pereż. proċeduri aktar veloċi u rati ogħla ta’ — ritorn — volontarju).

L-azzjoni stipultata f’din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa u effettiva tar-regoli eżistenti, il-promozzjoni ta’ prattiċi kompatibbli mad-drittijiet fundamentali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll kooperazzjoni ma’ Stati li mhumiex membri tal-UE. Din l-azzjoni se tiżgura implimentazzjoni aħjar u l-applikazzjoni prattika ta’ politiki dwar ir-ritorn, li ssaħħaħ u tapprofondixxi l-kisbiet tal-politika tar-ritorn tal-UE matul is-snin li ġejjin, b’rispett sħiħ tad-drittijiet inaljenabbli u d-dinjità ta’ kulħadd — ikun xi jkun l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom.

[1] “ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser kull persuna li mhix ċittadin tal-UE u li mhix persuna li tgawdi d-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni.

[2] Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ĠU L 348/98 tal-24.12.2008.

[3] Komunikazzjoni dwar L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà — (COM(2011) 743.

[4] Għal aktar dettalji dwar dan l-aspett, ara l-Komunikazzjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Riammissjoni tal-UE (FRUE), COM(2011) 76 finali tat-23.2.2011.

[5] Dejta tal-Eurostat: L-istatistika tista' madankollu tagħti stampa magħwġa minħabba li bħalissa ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri biex jiġbru d-dejta dwar ritorni volontarji u dawn mhumiex lanqas irreġistrati kif suppost fuq bażi volontarja. Din id-differenza statistika tista' tispiċċa biss ladarba tkun fis-seħħ ir-referenza sistematika ta’ tluq volontarju. Is-sistema tal-UE ta' Dħul u ta' Ħruġ li bħalissa qed tiġi nnegozjata għandha l-potenzjal li tiffaċilita b’mod sinifikanti ġbir ta' dejta bħal dan.

[6] It-terminu “Stati Membri” użat fil-kuntest tad-Direttiva tar-Ritorn jirreferi għal 30 Stat: It-28 Stat Membru ħlief ir-Renju Unit u l-Irlanda, flimkien ma' CH, NO, Icl u Lie. Spjegazzjoni: Id-Direttiva tar-Ritorn hija strument ibridu u min-naħa waħda hija parti mill-acquis ta’ Schengen. Hija tapplika għalhekk għall-Isvizzera, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein.  Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta b’din il-parti tal-acquis ta’ Schengen bi qbil mal-Protokoll 19. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tar-Ritorn hija żvilupp tal-acquis koperta mit-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat, li r-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jiġu inklużi fih skont il-Protokoll 21. Madankollu, dawn l-Istati Membri ma għamlux inklużjoni bħal din. 

[7] L-Artikolu 31(2) tar-Regolament VIS jipprovdi deroga mill-prinċipju ġenerali li d-dejta proċessata fil-VIS ma għandhiex tiġi ttrasferita jew issir disponibbli lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali: ċertu tip ta' dejta tista' tiġi ttrasferita jew issir disponibbli lil pajjżi terz jekk meħtieġ f'każijiet individwali għall-iskop li tingħata l-identità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż għall-iskop ta' ritorn, u biss fejn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġijiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

[8] Tinsab fit-taqsima tal-inkjesti ad hoc tal-websajt tal-EMN: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/european_migration_network/index_en.htm

[9] Valutazzjoni dettaljata tal-ewwel snin ta’ esperjenzi mal-Fond tar-Ritorn tingħata fir-"Rapport dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perjodu 2008-2010”, tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2014.

[10] Ippubblikat fi: http://frontex.europa.eu/publications ("FRAN").

[11] Mill-2010, “ir-Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil” tal-Kummissjoni“ jipprovdi għal rapportaġġ regolari dwar JROs ikkoordinati mill-Frontex.

[12] Tħarrġu 225 mexxej akkumpanjatur bejn l-2007 u l-2013.

[13] Ara: http://www.icmpd.org/Ongoing-Projects.1570.0.html.

[14] Ħoloq għal miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali jinsabu fit-taqsima MNE tal-EUR-Lex:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:72008L0115:EN:NOT

[15] Il-minuti kkumpilati ta’ dawn il-laqgħat tal-Gruppi ta’ Kuntatt (fil-forma ta' dokument b'mistoqsija u tweġiba ) huma aċċessibbli permezz tar-Reġistru tal-Gruppi ta' Esperti tal-Kummissjoni.

[16] Ħafna minn dawn l-istudji huma disponibbli għall-pubbliku fil-librerija elettronika tas-sit Europa tad-DĠ HOME taħt: ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/documents/categories/studies.

[17] Il-partijiet interessati li kellhom jiġu kkonsultati mill-kuntratturi kienu:

1. L-awtoritajiet ġudizzjarji/imħallfin responsabbli għall-appelli ta' monitoraġġ/smigħ dwar il-politika ta’ ritorn (permezz tal-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin nazzjonali u internazzjonali);

2. L-avukati u l-istituzzjonijiet li jipprovdu għajnuna legali lill-persuni rimpatrijati (permezz ta’ assoċjazzjonijiet ta’ avukati nazzjonali u internazzjonali);

3. Il-korpi ta’ monitoraġġ tar-ritorn (korpi stabbiliti skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva tar-Ritorn);

4. Il-partijiet interessati li jgħinu lill-migranti jew konsulenti legali f’isimhom (NGOs, entitajiet ta’ konsulenza legali);

5. Il-partijiet interessati li jikkummentaw fuq jew jistudjaw il-politika tar-ritorn (NGOs, akkademiċi, eċċ.);

6. L-Organizzazzjonijiet internazzjonali (l-UNHCR, l-IOM, is-Salib l-Aħmar, eċċ.) b’interess dwar kwistjonijiet ta’ ritorn.

[18] Filwaqt li l-Belġju ilu ma japplika xi alternattivi elenkati tad-detenzjoni, mill-2008 offra konsulenza u akkomodazzjoni speċjali għall-familji, li ssemmiet bħala l-aħjar prattika f'pubblikazzjoni reċenti tal-NGO.

[19] dokument CPT/Inf/E (2002) 1 — Rev. 2013, disponibbli fuq: www.cpt.coe.int/en/docsstandards.htm

[20] Valutazzjoni tal-Konformità tal-Kummissjoni Ewropea (2013) tad-Direttiva 2008/115/KE, in-Norveġja. Verżjoni 3.0 – 20.06.2013. Artikolu Mhux Ippubblikat 10(1).

[21] Proposta biss (dejta tal-2012 permezz ta' FRA)

[22] Għaddejja diskussjoni dwar is-sistema ta’ kontroll doppju fil-gvern li tipprevedi l-monitoraġġ mill-Ombudsman flimkien mal-NGOs.

[23] L-Artikolu 2(2)(a) jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx id-Direttiva f’ċerti “sitwazzjonijiet tal-fruntieri” (in-nies li ma jitħallewx jidħlu fil-fruntiera u n-nies maqbuda b'rabta ma’ qsim irregolari tal-fruntiera). F’dan il-każ għandu japplika sett ta’ salvagwardji minimi bażiċi elenkati fl-Artikolu 4(4). L-Artikolu 2(2)(b) jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx id-Direttiva f’ċerti “sitwazzjonijiet ta' liġi kriminali” persuni suġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew persuni li huma s-suġġett ta' proċeduri ta’ estradizzjoni).

[24] Żewġ referenzi preliminari pendenti oħra — C 166/13 (Mukarubega) u C 249/13 (Boudjilida) — huma marbutin ma' kwistjoni simili.

[25] Dan jista’ jkun il-każ meta jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal permanenza legali tiġi miċħuda bħala manifestament bla bażi jew doluża, jew jekk il-persuna kkonċernata toħloq riskju għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

Op