Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0154

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà

    /* COM/2014/0154 final */

    52014DC0154

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà /* COM/2014/0154 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EWROPEW EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà

    Introduzzjoni

    Fl-aħħar ħames snin, kienu żviluppati politiki għall-promozzjoni ta’ Ewropa aktar miftuħa u sigura. F’Ġunju 2014 il-Kunsill Ewropew se jistabbilixxi l-linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp ulterjuri taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    Filwaqt li jirrikonoxxi li huma meħtieġa soluzzjonijiet komuni Ewropej għal sfidi komuni, il-Kunsill se jkun jista' jibni fuq il-progress sinifikanti li sar minn meta l-Programm ta’ Stokkolma stabbilixxa miri ambizzjużi fl-2009. Minn dakinhar, fl-aħħar intlaħaq qbil dwar Sistema Ewropea Komuni ta’ ażil, li tejbet l-istandards għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni. Iż-żona Schengen - waħda mill-aktar kisbiet popolari tal-proġett Ewropew - ġiet imsaħħa. Kanali ta’ migrazzjoni legali ġew rinfurzati; issa hemm kondizzjonijiet aktar ċari għad-dħul u s-soġġorn u jeżisti sett komuni ta’ drittijiet għall-migranti. Il-politika komuni dwar il-viża għaddiet minn modifiki kbar, li ssimplifikaw id-dħul ta’ vjaġġaturi bona fide fl-Unjoni Ewropea li kkontribwixxew għat-tkabbir ekonomiku tagħha. Ir-rekwiżiti tal-viża għal diversi pajjiżi kienu aboliti.

    Fil-qasam tas-sigurtà, l-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni konkreta issa jipprovdu għodod komuni li jgħinu fil-ħarsien tas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej minn kriminalità serja u organizzata. Żieda fil-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi wriet li hi essenzjali għar-reazzjoni kontra theddid komuni bħalma hu t-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu, il-kriminalità ċibernetika u l-korruzzjoni.

    Qafas tal-politiki tal-migrazzjoni esterna u tal-asil tal-UE ġie stabbilit ukoll, biex b'hekk jippermetti lill-UE biex tinvolvi ruħha b’mod komprensiv ma’ pajjiżi fil-viċinat tagħha u lil hinn, u sabiex tikkontribwixxi għal inizjattivi li hemm għaddejjin tan-NU u dawk mnedija mill-istati fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp.

    Filwaqt li l-kisbiet li saru minn Stokkolma 'l hawn huma sostanzjali, ix-xogħol bl-ebda mod ma hu lest. Għad baqa’ ħafna xi jsir sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ strumenti eżistenti. Il-leġiżlazzjoni dwar l-asil għandha tkun trasposta b’mod koerenti. Il-qafas ġuridiku għal politika komuni ta’ migrazzjoni għad irid jitlesta u sforzi ulterjuri huma meħtieġa fil-qasam tal-integrazzjoni. Tħassib dwar is-sigurtà jeħtieġ li jkun indirizzat bi ħtieġa ċara li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-leġiżlazzjoni u l-politiki għandhom isiru parti integrali taċ-ċiklu tal-politika.

    L-UE u l-Istati Membri tagħha se jkunu wkoll ikkonfrontati bi sfidi ġodda. L-Ewropa hija parti minn dinja globalizzata u interkonnessa fejn il-mobbiltà internazzjonali hija mistennija li tikber. Aktar nies se jkunu jridu jiġu fl-Ewropa — uħud temporanjament, bħal turisti, studenti u fornituri tas-servizzi, oħrajn fuq bażi aktar permanenti sabiex jaħdmu jew biex ifittxu protezzjoni. L-UE se tiltaqa' ma’ bidliet demografiċi, urbanizzazzjoni, soċjetajiet dejjem aktar diversi u skarsezzi fis-suq tax-xogħol. Se jkun kruċjali li jiġu massimizzati l-benefiċċji li l-politiki tal-affarijiet interni jistgħu jġibu għat-trawwim tat-tkabbir ekonomiku u li jkunu attirati n-nies bil-ħiliet ġusti, kif ukoll dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu lejn l-Ewropa.

    L-Ewropa se taffaċċja wkoll il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ stabbiltà f’ħafna partijiet tad-dinja u fil-viċinat immedjat tagħha b’mod partikolari. Avvenimenti bħar-Rebbiegħa Għarbija u l-kriżi attwali fis-Sirja jappellaw għal reazzjoni xierqa u kkoordinata għal influssi migratorji mħallta u se jkun hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex jiġu evitati li jerġgħu jiġru aktar traġedji fil-baħar Mediterran.

    It-teknoloġiji qed jiżviluppaw malajr, biex b'hekk jipprovdu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir ekonomiku u li jibdlu b’mod fundamentali l-mod kif in-nies jikkollegaw u jirrelataw ma’ xulxin. Dawn il-bidliet iġibu wkoll sfidi ġodda għas-sigurtà. Iċ-ċiberkriminalità hija ta’ tħassib dejjem akbar, it-traffikar tal-bnedmin qed isir dejjem aktar sofistikat, il-kriminalità organizzata transfruntiera qed tfeġġ f’forom ġodda u t-terroriżmu baqa’ theddida għas-sigurtà. Jeħtieġ li nħaddnu l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u x-xjenza għax dawn jistgħu jgħinu biex jingħelbu dawn ir-riskji. L-UE se jkollha bżonn li tkompli timmobilizza l-għodod essenzjali għat-tħejjija u r-reżiljenza tas-sigurtà, notevolment bl-użu tal-programm ta’ riċerka u żvilupp tagħha Orizzont 2020.

    F’dinja dejjem aktar interdipendenti, kwistjonijiet tal-affarijiet interni jridu jiġu inkorporati fil-politika esterna kumplessiva tal-UE, li jippermettu djalogu msaħħaħ u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Konsistenza u koerenza mal-politika esterna se jgħinu biex jiġu antiċipati l-isfidi, jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE, ikunu promossi l-valuri tagħha u jkunu mwettqa l-obbligi internazzjonali tagħha relatati mad-drittijiet tal-bniedem.

    Din ir-riflessjoni strateġika ssir fi żmien meta l-Ewropa qiegħda gradwalment toħroġ minn kriżi ekonomika u soċjali li ħalliet it-traċċi tagħha, b'livell li għadu għoli ta’ qgħad u bis-soċjetajiet tagħna li għadhom aktar vulnerabbli u suxxettibbli għall-ksenofobija. Huwa f’dawn iċ-ċirkostanzi li l-mexxejja politiċi għandhom jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiżguraw Ewropa miftuħa u sigura fejn id-drittijiet fundamentali huma garantiti, li jibnu fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet tal-UE meta jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni kif ukoll mill-Istati Membri meta jaġixxu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Politiki fil-qasam tal-Affarijiet Interni jippromwovu u jħarsu l-valuri Ewropej, jippermettu liċ-ċittadini li jgħixu ħajjithom f’sikurezza u sigurtà, waqt li jgawdu r-rikkezza tad-diversità li s-soċjetajiet tagħna jipprovdu.

    Fit-tħejjija ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet involuti u partijiet interessati, b’mod partikolari permezz tas-sistema ‘Ewropa miftuħa u sikura: Xi jmiss? "konferenza tal-partijiet interessati li saret fid-29 u t-30 ta’ Jannar 2014 u permezz ta’ konsultazzjoni pubblika li attirat bosta kontribuzzjonijiet. Diskussjonijiet dwar il-politiki futuri tagħna saru wkoll fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u fil-Bordijiet Maniġerjali tal-Aġenziji tal-UE.

    Id-dibattitu dwar il-politiki tal-Affarijiet Interni għandu jkun ibbażat fuq l-evidenza. Għal dan l-għan, għażla ta’ dejta statistika rilevanti għal din ir-riflessjoni hija ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

    Il-prijoritajiet ta' politika

    1. Politika effettiva tal-migrazzjoni u l-mobilità

    Il-bidliet demografiċi, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa, flimkien ma’ nuqqas ta’ ħiliet sinifikanti f’ċerti setturi (b’mod partikolari inġinerija, IT u kura tas-saħħa) ifixklu l-produttività tal-UE u għalhekk l-irkupru ekonomiku tagħha. Kompetizzjoni dinjija dejjem tikber għal ħiliet u talenti taffettwa s-swieq tax-xogħol f’ħafna Stati Membri u se tkun fattur deċiżiv għall-prosperità ekonomika tal-Ewropa għall-għaxar snin li ġejjin.

    Matul dawn l-aħħar 15-il sena, l-UE segwiet strateġija skont is-settur għall-migrazzjoni legali. Din irriżultat f’qafas ġuridiku komuni, li jirregola d-dħul ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, jirrikonoxxi d-drittijiet u jissanzjona l-vjolazzjonijiet. Huwa jrawwem ukoll impenn komuni tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni u r-ritorn. Issa wasal iż-żmien biex ikun ikkonsolidat politika ta’ migrazzjoni komuni aktar koerenti tal-UE li tkkunsidra wkoll il-ħtiġijiet ekonomiċi fuq perjodu qasir u dawk fuq perjodu twil.

    1.1. Li jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ migrazzjoni u integrazzjoni

    L-Ewropa teħtieġ politika ta' migrazzjoni li effettivament tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-Ewropa għandha tattira talent ġdid u tikkompeti fix-xena globali. Sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika huma importanti. L-UE għandha tiżgura l-konsistenza pereżempju bejn il-migrazzjoni u l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-politiki kummerċjali u dwar l-iżvilupp u tipprovdi għal ċaqliq għal żmien qasir ta’ professjonisti b’ħiliet għoljin fl-għoti ta’ servizzi. L-attirar u ż-żamma ta’ studenti internazzjonali, kif ukoll il-promozzjoni ta’ edukazzjoni fost migranti residenti legalment se tgħin biex tiżgura provvista tal-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol tal-UE fil-ġejjieni.

    Biex tidentifika aħjar is-setturi ekonmiċi u x-xogħlijiet li qed jaffaċċjaw diffikultajiet fir-reklutaġġ jew nuqqas ta’ ħiliet disponibbli, valutazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet għandha tkun implimentata permezz ta’ djalogi strutturali mal-Istati Membri, in-negozji u t-trejdjunjins fuq id-domanda għall-migrazzjoni u l-mobilità tax-xogħol relatati mal-kummerċ. Filwaqt li jagħrfu li l-ħtiġijiet differenti jistgħu jeżistu fl-Istati Membri, pjattaforma ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE tkun utli sabiex tiżgura li l-migrazzjoni u l-mobilità jkollhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-UE.

    B’mod parallel, miżuri li jimmassimizzaw il-potenzjal tal-migranti li diġà huma residenti legalment fl-Istati Membri għandhom jissaħħu minħabba li bħalissa r-rati ta’ impjieg huma sew taħt il-medja u ħafna jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali fuq livell ogħla. Mekkaniżmi ta’ tqabbil ta’ impjieg eżistenti bħal EURES u l-Panorama tal-Ħiliet tal-UE għandhom jittejbu aktar u jkunu estiżi għal nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Miżuri ta’ qabel it-tluq jistgħu jkunu utli biex jassistu lill-immigranti b’informazzjoni, taħriġ jew metodi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki – iżda dawn m’għandhomx jitqiesu bħala kundizzjoni għad-dħul fl-UE. L-intraprenditorija tal-migranti għandha tkun iffaċilitata billi tkun żgurata l-istabbiltà tal-permessi u jkun permess aċċess faċli għall-informazzjoni u l-opportunitajiet ta’ netwerking.

    Se jkun meħtieġ aktar xogħol dwar it-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni u l-intitolamenti soċjali, pereżempju biex jippermettu lill-ħaddiema migranti jittrasferixxu d-drittijiet tal-pensjoni tax-xogħol tagħhom bejn is-setturi u l-pajjiżi kollha, inklużi pajjiżi terzi, bl-istess mod bħala ċittadini tal-UE.

    Biex tattira t-talenti, l-UE għandha tkompli tinkoraġġixxi aktar u jttejeb l-għarfien ta’ kwalifiki barranin u ta' ħiliet professjonali; dan jgħin ukoll biex isir użu tajjeb tal-ħiliet u l-kwalifiki ta’ migranti residenti legalment. Għal dan l-għan l-UE tista’ wkoll tibda diskussjoni mal-imsieħba internazzjonali tagħha. Bħala parti mill-attrattività tal-UE, l-istudenti u r-riċerkaturi għandhom jibbenefikaw minn proċeduri għall-viża aktar faċli u aktar veloċi. 

    Ir-regoli eżistenti tal-UE dwar l-ammissjoni ta’ migranti u dwar id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv u koerenti mill-Istati Membri kollha. Evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-migrazzjoni legali tgħin biex jiġu identifikati lakuni, tittejjeb il-konsistenza u jkun ivvalutat l-impatt tal-qafas eżistenti. Jistgħu jittieħdu passi ulterjuri biex ikunu kkodifiki u ssimplifikati l-kundizzjonijiet sostantivi għal ammissjoni, kif ukoll dawk tad-drittijiet ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi. Dan ikun pass lejn “żona unika ta’ migrazzjoni”, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà fi ħdan l-UE ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ permessi nazzjonali.

    L-Ewropa hija soċjetà diversa fejn l-integrazzjoni tibqa’ sfida. Biex itejbu l-koeżjoni soċjali u biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta’ migrazzjoni, għandu jissaħħaħ l-impenn lejn l-integrazzjoni effettiva tal-migranti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetajiet li jilqgħuhom. F’dawn l-isforzi għandha tingħata aktar attenzjoni għall-bilanċ bejn il-ġeneri u biex tkun indirizzata l-lakuna importanti fl-impjiegi għal migranti nisa. Trattament ġust u aċċess mhux diskriminatorju għas-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati. Migranti vulnerabbli, partikularment nisa, migranti żagħżagħ u minorenni mhux akkumpanjati għandhom jirċievu appoġġ immirat u għandu jkun applikat approċċ li jikkunsidra “l-aħjar interessi tat-tfal” b'mod prattiku f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Billi nibnu fuq xogħol preċedenti fil-qasam tal-integrazzjoni, jistgħu jkunu identifikati politiki ta’ suċċess u tkun imxerrda l-aħjar prassi. Se jkun meħtieġ aktar xogħol fuq il-bini ta’ kapaċità u fuq l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma fuq quddiem nett tal-politiki ta’ integrazzjoni.

    1.2. Approċċ kredibbli għall-migrazzjoni irregolari u r-ritorn

    Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari huma parti essenzjali ta’ kwalunkwe sistema ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb. It-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari jeħtieġ taħlita ta’ miżuri. Il-migrazzjoni irregolari hija ta' spiss marbuta mal-kuntrabandu ta’ persuni u t-traffikar tal-bnedmin u imqanqla minn domanda minn min iħaddem li joffri opportunitajiet ta' xogħol illegali. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu hija essenzjali u għandha tkun parti integrali tal-azzjonijiet esterni tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

    Evalwazzjoni bir-reqqa tar-regoli attwali dwar il-kuntrabandu ta’ persuni jistgħu jiġu segwiti u strateġija komprensiva ġdida tal-UE tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-għodod eżistenti, biex tindirizza n-naħa tad-domanda tal-migrazzjoni irregolari u tittratta netwerks kriminali involuti. Aktar miżuri preventivi, inklużi kampanji ta’ informazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu għandhom jitwettqu sabiex jiftħu għajnejn in-nies dwar ir-riskji ta’ migrazzjoni irregolari.

    L-Unjoni se tkompli tagħti prijorità lill-isforzi ta' ritorn volontarju u għandha tkun ikkunsidrata l-possibilità li jingħata ritorn volontarju Ewropew assistit u miżuri ta' integrazzjoni mill-ġdid li jistgħu jiġu implimentati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ta’ oriġini, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

    B’mod parallel, l-UE teħtieġ li tkompli tikkoopra ma’ pajjiżi terzi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ riammissjoni eżistenti fi ftehimiet internazzjonali konklużi ma’ pajjiżi terzi li jiżguraw ritorn effettiv ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu fl-UE. Ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini importanti oħra jistgħu jkollhom jiġu kkunsidrati filwaqt li jkunu sfruttati l-possibbiltajiet eżistenti kollha fid-dominju estern tal-UE. L-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-politika tar-ritorn bbażata fuq standards komuni li jiżguraw ritorn kredibbli u uman, li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-dinjità ta’ kull individwu.

    2. Schengen, il-viża u l-fruntieri esterni

    2.1. Schengen

    Il-ħolqien taż-żona ta’ Schengen, li tippermetti lin-nies jivvjaġġaw mingħajr ma jkunu suġġetti għal kontrolli, huwa parti essenzjali mill-kostruzzjoni Ewropea. Kull sena, iċ-ċittadini Ewropej jagħmlu aktar minn 1,25 miljun vjaġġ għal turiżmu, negozju jew biex iżuru qraba u ħbieb madwar l-Ewropa kollha mingħajr ostakli fil-fruntieri interni. Minbarra li hu popolari maċ-ċittadini, dan il-moviment liberu jġib miegħu wkoll benefiċċji kbar għall-ekonomija Ewropea. Iż-żona Schengen għandha tkun kompluta. L-implimentazzjoni effettiva tal-bidliet li ntlaħaq qbil dwarhom reċentament għall-governanza ta’ Schengen hija prijorità ewlenija. Din għandha tgħin biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fost l-Istati ta’ Schengen, tipprevjeni l-abbużi u tippermetti lill-Unjoni biex tiġġestixxi sitwazzjonijiet fejn Stat Membru ma jkunx qed iwettaq l-obbligi tiegħu li jikkontrolla s-sezzjoni tiegħu tal-fruntieri esterni.

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-operat korrett tas-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) sabiex tkun issalvagwardata s-sigurtà u l-moviment ħieles tal-persuni. Din il-ħidma hija responsabbiltà ċentrali għall-Aġenzija tal-UE għal sistemi fuq skala kbira (EU-LISA) stabbilita fl-2012. Barra milli twassal għall-operat effettiv kemm tas-sistemi tal-IT attwali u dawk futuri fil-qasam tal-Affarijiet Interni, fis-snin li ġejjin EU-LISA għandha tfittex sinerġiji bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE fir-rigward tas-sigurtà u l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT.

    2.2. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża

    L-għan tal-politika dwar il-viża għandu jkun li tiffaċilita l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar għal dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu u jagħmel iż-żona Schengen destinazzjoni aktar attraenti għal nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà. Huwa fl-interess tal-UE li tkun miftuħa għal viżitaturi, li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku. Wasal iż-żmien li jitlesta l-proċess ta’ politika komuni dwar il-viża billi ikun irrevedut il-kodiċi tal-viżi ta’ Schengen biex tkun żgurata aktar konverġenza fil-mod kif il-viżi ta’ Schengen huma pproċessati mill-Istati Membri u billi titlesta l-introduzzjoni dinjija tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). It-tqarrib lejn sistema bbażata aktar fuq il-valutazzjoni ta’ individwi milli dwar in-nazzjonalitajiet tista' titqies wara evalwazzjoni tal-impatt ta’ politika ta’ din ix-xorta.

    Għandna nkomplu nħeġġu l-kooperazzjoni konsulari lokali u l-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġ żgurat ħruġ tal-viża aktar armonizzat u rapidu. L-istabbiliment ta’ Ċentri tal-Viża ta’ Schengen għandhom jitħeġġu sabiex tiżdied u tkun razzjonalizzata l-preżenza tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi għall-ġbir u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-viża.

    Politika inteliġenti dwar il-viża għandha tinvolvi wkoll reviżjonijiet regolari tal-listi ta’ pajjiżi fejn il-viża hija meħtieġa għaċ-ċittadini tagħhom. Il-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba u ż-żieda fil-kuntatti bejn in-nies, jistgħu jiġu kkunsidrati ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-viża fejn il-liberalizzazzjoni għadha mhijiex alternattiva realistika. Il-prattika attwali li jkunu konklużi ftehimiet ta' riammissjoni b’mod parallel ma’ kwalunkwe ftehim tal-iffaċilitar tal-viża wriet li hija utli u għandu titkompla fil-ġejjieni.

    2.3. Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni

    Matul is-snin, sar progress sinifikanti lejn ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE. Bis-saħħa tal-mandat rivedut tagħha, ir-rwol tal-FRONTEX ġie msaħħaħ, biex jippermetti appoġġ aħjar lill-Istati Membri involuti f’operazzjonijiet konġunti u żieda fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Eurosur se jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Frontex, billi jikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet, speċjalment fil-Baħar Mediterran. Skont l-istrateġija tas-sigurtà marittima tal-UE l-kooperazzjoni bejn atturi marittimi għandha tkun imfittxija wkoll.

    Madankollu, b’għadd dejjem jikber ta’ nies li jaslu fl-UE u b'żieda ulterjuri mistennija, speċjalment fin-numri ta' dawk li jużaw vjaġġar bl-ajru, l-UE teħtieġ li timxi lejn ġestjoni moderna tal-fruntieri u aktar effiċjenti, bl-użu ta’ teknoloġija avvanzata. Għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Ewropa għal dawk li jivvjaġġaw b’mod leġittimu filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà fuq il-fruntieri. L-implimentazzjoni tal-“Pakkett ta' Fruntieri Intelliġenti” li jikkonsisti f’Sistema ta’ Dħul/Ħruġ Ewropea u Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati għandhom għalhekk ikunu prijorità. Approċċi ġodda għall-ġestjoni effettiva tal-fruntieri jistgħu jkunu kkunsidrati, billi titqies il-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-istabbiliment ta’ Sistema ta' għassa tal-fruntiera Ewropea.

    3. Sistema Ewropea Komuni tal-Asil fil-prattika

    Fis-snin li ġejjin, u f’kuntest ta’ żidiet possibbli fin-numru ta’ dawk li jfittxu asil, l-UE tista’ taffaċċja sfidi kbar li jikkonċernaw il-protezzjoni internazzjonali. Flussi kumplessi u mħallta ta’ migranti jitfgħu pressjoni fuq il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tat-talbiet għall-asil, l-ilqugh u r-reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli kif ukoll l-integrazzjoni ta’ dawk li huma rikonoxxuti bħala li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali.

    3.1. Konsolidazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)

    Il-leġiżlazzjoni tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil (SEKA) issa hemm qbil dwarha, u tipprovdi aċċess aħjar għal asil għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni, kwalità ogħla ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u d-deċiżjonijiet aktar rapidi u affidabbli dwar l-asil. It-traspożizzjoni effettiva u l-implimentazzjoni koerenti issa jeħtieġ li sseħħ, biex b'hekk tippermetti lill-Istati Membri biex iwieġbu għall-isfidi fil-protezzjoni internazzjonali.

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) se jkollu rwol importanti f’dan l-isforz, billi jgħin biex titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-asil u biex il-prattiki jiġu armonizzati madwar l-UE, kif ukoll billi jimmonitorja l-kwalità tad-deċiżjonijiet dwar l-asil u jiġbor flimkien l-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini (IPO) mill-Istati Membri.

    Regoli ġodda dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-asil bejn l-Istati Membri u qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni jistgħu jiġu żviluppati skont l-objettiv tat-Trattat li jinħoloq status uniformi validu madwar l-UE. Dan inaqqas l-ostakli għall-moviment fi ħdan l-UE u jiffaċilita t-trasferiment ta’ benefiċċji marbuta mal-protezzjoni bejn il-fruntieri interni.

    3.2. Responsabbiltà u solidarjetà

    Ir-responsabbiltà u s-solidarjetà għandhom jimxu id f’id. Dan ifisser, minn naħa waħda, li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw kompletament mar-regoli tal-acquis tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw lil Stati Membri oħra li jkunu qed jiffaċċaw pressjoni għolja temporanja fuq is-sistemi ta’ asil tagħhom.

    Ir-rilokazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li ġiet misjuqa f’dawn l-aħħar snin minn Malta, hija forma waħda ta’ solidarjetà li għandha tissaħħaħ. Forma ġdida li tista’ tiġi żviluppata fis-snin li ġejjin hija l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil. L-ippuljar ta’ postijiet ta’ akkoljenza fi żminijiet ta’ emerġenza jista' jkun esplorat ukoll biex ikun żgurat li l-ebda pajjiż ma jkun iffaċċjat b’iffullar filwaqt li oħrajn ikollhom kapaċità żejda. Modi ulterjuri biex tintlaħaq kondiviżjoni tar-responsabbiltà aktar ekwa bejn l-Istati Membri għandhom ikunu ikkunsidrati fil-futur.

    3.3. Il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ kriżijiet

    Mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, l-istat ta' tħejjija u ġestjoni tal-kriżijiet issa huwa ankrat fir-Regolament ta’ Dublin. L-applikazzjoni xierqa ta’ kull waħda minn dawn il-fażijiet se teħtieġ fluss akbar ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u l-EASO dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar xi nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għal kriżi. Dan ifisser aktar ġbir ta’ dejta u analiżi tar-riskju bbażata fuq informazzjoni pprovduta minn Stati Membri, Delegazzjonijiet tal-UE, Aġenziji tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u sorsi oħra. Nuqqasijiet fis-sistemi ta’ asil politiku fl-Istati Membri għandjom jiġu evitati permezz ta’ miżuri preventivi u ppjanar ta’ kontinġenza.

    Sabiex jittejjeb l-istat ta' tħejjija tal-Unjoni biex jiġu ġestiti influssi tal-massa, il-qafas eżistenti dwar il-protezzjoni temporanja għandu jkun evalwat, u jekk ikun meħtieġ, emendat biex ikun strument aktar prattiku u flessibbli.

    3.4. L-indirizzar ta’ Sfidi Esterni u Rotot Legali għall-Aċċess tal-Asil fl-UE

    Il-promozzjoni ta' standards għoljin ta’ protezzjoni f’pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ oriġini, u t-tnaqqis tan-numru ta’ persuni li jagħmlu vjaġġi perikolużi biex jaqsmu s-Saħara, il-Mediterran u rotot oħra bit-tama li jilħqu l-Ewropa għandhom jiġu intensifikati bħala partijiet integrali tal-politiki esterni tal-UE.

    Jeħtieġ li jitwessa’ l-ambitu tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPP), bħal dawk fl-Afrika ta’ Fuq u l-Qarn tal-Afrika u li tkun ivvalutata l-ħtieġa li jkunu stabbiliti oħrajn ġodda. Il-RPPs għandhom jagħmlu aktar enfasi aktar qawwi fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jindirizzaw l-ispostamenti tan-nies, inkluża l-kapaċità li jirċievu assistenza internazzjonali u l-promozzjoni tal-impatti pożittivi tar-refuġjati fuq il-komunitajiet lokali.

    L-UE għandha tfittex li tiżgura wasla aktar ordnata ta’ persuni bi ħtiġijiet fondati tajjeb ta’ protezzjoni, biex b'hekk jitnaqqas l-ambitu għal kuntrabandu tal-bnedmin u t-traġedji umani.

    Bil-finanzjament ġdid disponibbli, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-politika tal-UE għall-iżvilupp, l-UE għandha żżid l-impenn tagħha għar-risistemazzjoni, li tista' offri soluzzjonijiet fit-tul għal persuni identifikati mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) bħala li jeħtieġu protezzjoni. Ir-rekord ta’ risistemazzjoni tal-UE s’issa huwa relattivament baxx.  Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jkomplu jospitaw il-biċċa l-kbira tar-refuġjati fid-dinja.  It-28 Stat Membru kollha kemm huma għandhom juru aktar solidarjetà mal-pajjiżi ospitanti fid-dinja li qed tiżviluppa permezz ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ risistemazzjoni u billi jieħdu fuqhom sehem akbar mir-responsabbiltà.

    Proċeduri ta’ Dħul Protett - li jippermettu lin-nies biex jitolbu l-protezzjoni mingħajr ma jgħaddu minn vjaġġ potenzjalment letali biex jilħqu l-fruntiera tal-UE — jistgħu jikkomplementaw ir-risistemazzjoni, li tibda b’approċċ koordinat għall-viżi umanitarji u linji gwida komuni. Jista' jinbeda studju ta’ fattibbiltà dwar il-possibbiltà ta' ipproċessar konġunt ta' talbiet għall-protezzjoni barra l-UE, mingħajr preġudizzju għad-dritt eżistenti ta’ aċċess għal proċeduri tal-asil fl-UE.

    4. Aktar tisħiħ għall-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM)

    Passi meħuda biex jiżguraw libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Ewropa huma influwenzati wkoll minn avvenimenti u żviluppi barra mill-UE. Tibdil politiku u instabbiltà, li kabbru d-differenzi fil-prosperità u t-tibdil fil-klima jinstigaw kemm il-mobilità volontarja fuq skala ikbar u kif ukoll l-ispostament furzat li jirriżultaw fi pressjoni fuq il-fruntieri esterni tal-UE. L-UE għandha taħdem b’mod aktar effettiv mal-pajjiżi ġirien, kemm tal-Lvant kif ukoll tan-Nofsinhar, u dawk iktar 'il bogħod sabiex tindirizza l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u furzata. Għal dan l-għan, l-UE għandha tkompli tassisti lill-pajjiżi ta’ oriġini u dawk ta' tranżitu biex isaħħu l-kapaċità tagħhom biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu kontra l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, itejbu l-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ asil u akkoljenza.

    L-UE għandha ssaħħaħ s-sħubiji ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mir-rwol tal-qafas u l-istrumenti tal-GAMM. Sħubijiet għall-mobilità b’mod partikolari jista' jkollhom rwol importanti fl-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ impjiegi u ħiliet fl-Ewropa u biex tiġi ffaċilitata l-mobilità relatata mal-kummerċ. Djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża u l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal perjodu qasir jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex jistimolaw it-tkabbir ekonomiku fl-UE u l-promozzjoni tal-iżvilupp f’pajjiżi terzi.

    It-titjib tal-impatt tal-GAMM f’pajjiżi terzi għalhekk jeħtieġ ikun prijorità. It-tħassib u l-prioritajiet dwar relazzjonijiet esterni għandhom ikunu riflessi b’mod xieraq meta jiġu definiti l-objettivi u l-azzjonijiet. Il-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati hija essenzjali. Il-kapaċitajiet tas-SEAE, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, għandhom jiġu sfruttati b’mod sħiħ biex tiġi żgurata l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-UE.

    Taħt l-aġenda tal-UE għall-migrazzjoni u l-iżvilupp, għandha tingħata attenzjoni li jiġu massimizzati l-impatti tal-iżvilupp tal-migrazzjoni fin-Nofsinhar, l-integrazzjoni politika tal-migrazzjoni u tal-iżvilupp nazzjonali u l-pjanijiet għat-tnaqqis tal-faqar, it-tisħiħ tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, kif ukoll il-promozzjoni ta’ miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid għal migranti li jirritornaw. Tali kooperazzjoni biex tiġi żgurata migrazzjoni ġestita sew tista’ tipproduċi benefiċċji sinifikanti għall-iżvilupp fil-pajjiżi ta' oriġini.

    L-UE għandha tintensifika r-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tal-viċinat permezz ta’ djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà u l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ Sħubijiet għall-Mobilità. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ tali Sħubijiet mal-Marokk (iffirmat fl-2013) u mat-Tuneżija (iffirmat fl-2014) għandha tkun żgurata. L-UE għandha tkompli tinvesti fi proċessi ta’ djalogi dwar il-migrazzjoni reġjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi prijoritarji lil hinn mill-Viċinat, u tkompli wkoll l-appoġġ tagħha għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-valuri fundamentali u l-governanza tajba.

    5. Ewropa li tipproteġi

    Fl-2010, l-UE adottat l-ewwel Strateġija ta’ Sigurtà Interna (ISS) u l-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanjaha. L-istrateġija tiffoka fuq oqsma ta’ prijorità fejn azzjoni komuni fil-livell tal-UE tindirizza theddid ewlieni għas-sigurtà u twassal valur miżjud għall-isforzi tal-Istati Membri. Hija tagħraf il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. Il-ħames objettivi strateġiċi magħżula kienu (1) it-tfixkil tan-netwerks kriminali internazzjonali, (2) il-prevenzjoni tat-terroriżmu u li jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, (3) jiżdiedu l-livelli tas-sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fl-ispazju ċibernetiku, (4) tissaħħaħ is-sigurtà permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri u (5) tiżdied ir-reżiljenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri. Dawn l-objettivi għadhom validi. Madankollu, bl-isfidi li qed jevolvu, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jaħdmu flimkien fl-iżvilupp ta' verżjoni aġġornata tal-ISS, bl-analiżi tal-azzjonijiet taħt kull objettiv għall-2015-2020. Bil-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq il-prevenzjoni u l-infurzar tal-liġi, l-ISS mġedda għandha wkoll tħeġġeġ sinerġiji akbar bejn l-Affarijiet Interni u oqsma oħra ta’ politika marbuta mas-sigurtà interna bħat-trasport, is-suq intern, l-unjoni doganali, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-suq diġitali, il-protezzjoni ċivili u r-relazzjonijiet esterni. Ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà ġiet iffinanzjata fi ħdan is-7 Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Għall-programm li jmiss, Orizzont 2020, hu previst sforz kbar. L-UE se tkompli tappoġġja s-settur Ewropew tas-sigurtà bil-ħsieb li jinkisbu prijoritajiet strateġiċi tas-sigurtà.

    5.1. It-tfixkil tan-netwerks tal-kriminalità internazzjonali

    Il-penetrazzjoni tal-ekonomija tal-UE minn gruppi kriminali organizzati hija ta’ riskju għas-sigurtà. Reati serji b’dimensjoni transfruntiera, bħall-korruzzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, tad-drogi, tal-armi u oġġetti illeċiti oħra, u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkawżaw ħsara gravi lil vittmi u għas-soċjetà kollha kemm hi. Għadd min dawn it-theddidiet qed jikbru fl-iskala tagħhom. Il-kriminalità organizzata hija dejjem aktar flessibbli u qed tiżviluppa l-attivitajiet tagħha fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa. Hija qed tkompli tippreżenta theddida importanti għas-sigurtà interna tal-UE u jista’ jkollha effetti destabbilizzanti fuq pajjiżi terzi.

    L-UE għandha tkompli tadatta u ssaħħaħ ir-reazzjoni tagħha għal dan it-theddid, billi tikkoordina l-azzjoni tagħha fi ħdan l-UE u lil hinn minnha. Kooperazzjoni operazzjonali prattika bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li tiffoka fuq prijoritajiet maqbula fil-livell tal-UE fiċ-Ċiklu tal-Politika għal Kriminalità Serja u Organizzata hija essenzjali f’dan l-isforz. Il-fiduċja reċiproka għandha tissaħħaħ, u l-użu ta’ Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni (JITs) u operazzjonijiet konġunti oħrajn għandu jiżdied, appoġġjat mill-fondi tal-UE u mill-aġenziji. Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE biex  il-kooperazzjoni prattikka tal-JITs ma tkunx imxekkla minn regoli nazzjonali diverġenti dwar it-tekniċi tal-investigazzjoni għandha tkun eżaminata.

    L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri mal-aġenziji relevanti tal-UE u fost l-aġenziji tal-UE għandu jissaħħaħ, billi jsir użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti tal-UE. Ir-rwol tal-Europol bħala ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni madwar l-UE għandu jissaħħaħ, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-OLAF u l-FRONTEX. L-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt uniċi, b’kunsiderazzjoni tal-qafas rilevanti ta’ kooperazzjoni doganali. Sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni jistgħu jsiru aktar interoperabbli, billi jqisu l-iżviluppi fil-qafas usa’ ta’ Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea.

    Biex tkun appoġġjata l-kooperazzjoni prattika fil-livell tal-UE, it-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi għandu jkun żviluppat aktar. L-Iskema Ewropea ta’ Taħriġ dwar l-Infurzar tal-Liġi għandha tkun kompletament implimentata fis-snin li ġejjin, biex tkun ta’ benefiċċju għal numru ta’ uffiċjali mil-livelli kollha tal-infurzar tal-liġi, gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tad-dwana.

    Fl-istess ħin, l-UE trid tintensifika l-isforzi immirati speċifikament lejn reati li jikkawżaw l-ikbar dannu għall-vittmi u għas-soċjetà. Il-korruzzjoni tnawwar il-fiduċja fid-demokrazija, tidanneġġa s-suq intern, tiskoraġġixxi l-investiment barrani, iċċaħħad lill-awtoritajiet pubbliċi minn dħul mit-taxxa, u tiffaċilita l-attivitajiet ta’ gruppi kriminali organizzati. Biex jindirizzaw il-korruzzjoni b’mod aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom isegwu s-suġġerimenti magħmula fir-rapport tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-pubblikazzjoni tiegħu għandha tkompli fis-snin li ġejjin. Miżuri kontra l-korruzzjoni għandhom ikunu marbuta aħjar mal-oqsma ta’ politika tal-UE u l-finanzjament tal-UE għandu jappoġġa l-bini ta’ kapaċità istituzzjonali u amministrattiva. Għandha tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Gruppi ta' kriminalità organizzata huma xprunati mill-qligħ kbir iġġenerat minn traffikar illeċitu, korruzzjoni, kriminalità finanzjarja u attivitajiet kriminali oħra. Huwa meħtieġ aktar xogħol biex ikun miġġieled dak l-inċentiv u biex  il-profitti kriminali jitwaqqfu milli jinfiltraw l-ekonomija legali. Id-Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-UE jeħtieġ li tiġi trasposta u implimentata mill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien. L-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji u amministrattivi, bħal korp tat-taxxi jew tal-liċenzji, għandhom iżidu l-kooperazzjoni biex jittejjeb it-traċċar tal-assi. Il-ħasil tal-flus jgħin gruppi kriminali jaħbu r-rikavati tar-reati tagħhom. Biex tipprevjeni l-abbuż tas-sistema finanzjarja, il-proposta għar-raba’ Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus għandha tkun adottata, trasposta u implimentata mingħajr dewmien u l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus kriminali tal-UE għandha tkun eżaminata.

    It-traffikar tal-bnedmin huwa theddida dejjem tikber. L-UE adottat Strateġija tal-UE 2012-2016 bil-għan li teqred din il-kriminalità u Direttiva li issa għandha tiġi trasposta u implimentata bis-sħiħ mingħajr dewmien. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha titlesta, inklużi aspetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi terzi. Għandha tiġi stabbilita strateġija għal wara l-2016, li tkopri fost l-oħrajn il-prevenzjoni, l-assistenza għall-vittmi, ir-ritorn sikur u l-integrazzjoni mill-ġdid, u r-rwol tal-internet. Il-ħtieġa li jkun kriminalizzat l-użu intenzjonat ta’ servizzi ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandha tkun eżaminata. Biex jintlaħqu dawk l-obbjettivi, il-pożizzjoni ta’ Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar għandha tkun estiża.

    It-traffikar tad-drogi illeċiti għadu negozju li jagħmel ħafna qligħ għall-kriminalità organizzata. Fl-2013, il-Europol u l-Aġenzija tal-UE dwar id-Drogi (EMCDDA) b’mod konġunt ipproduċew l-ewwel “Rapport dwar is-Swieq tad-Drogi", li ġibed l-attenzjoni għal żieda ta’ sustanzi psikoattivi ġodda. Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni biex tirtira tali sustanzi malajr mis-suq jekk dawn huma ta’ ħsara għas-saħħa, filwaqt li tirrispetta użi industrijali u kummerċjali leġittimi. Dik il-leġiżlazzjoni wkoll għandha tkun adottata u implimentata bħala parti mill-approċċ ibbilanċjat rifless fl-Istrateġija tal-UE għad-Drogi.

    L-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal jikkawża ħsara tul il-ħajja tal-vittmi tiegħu. Id-Direttiva tal-UE li għandha fil-mira l-isfruttament onlajn trid tkun trasposta u implimentata bħala kwistjoni ta’ prijorità. L-importanza li t-tfal jiġu protetti kontra reati sesswali għandha tkun aktar integrata f’oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE, u l-ħtieġa għal strateġija komprensiva tal-UE għandha tkun eżaminata.

    Il-vjolenza relatata mal-armi tan-nar tkompli tikkawża korrimenti serji u telf ta’ ħajja umana madwar l-UE, u għandu jsir aktar sabiex ikun indirizzat it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-bejgħ u trasferimenti intra-UE ta’ armi tan-nar, jekk ikkombinat ma’ prattika tal-infurzar tal-liġi msaħħa, inaqqas ir-riskju tal-użu illegali u t-traffikar tal-armi tan-nar.

    Fl-aħħar nett, l-effikaċja ta’ ftehimiet eżistenti u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi ma’ pajjiżi terzi għandha tibqa’ taħt rieżami u, jekk neċessarju, tiġi żviluppata ulterjorment. L-użu dejjem jiżdied ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), kemm f’pajjiżi terzi u bejn l-Istati Membri, għandu jkun indirizzat fil-kuntest ta’ qafas regolatorju ġdid fil-livell tal-UE, li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta kemm tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR fl-UE u għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mill-UE lejn pajjiżi terzi. Strument tal-PNR tal-UE għandu jkun finalment adottat u implimentat. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar iż-żamma tad-dejta għandha tiġi rieżaminata, b’mod parallel ma’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u b’kunsiderazzjoni tan-negozjati tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta.

    5.2. Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ

    Matul l-aħħar snin seħħew diversi attakki terroristiċi, l-aktar minn individwi jew gruppi iżgħar iżda ħafna minnhom kellhom konsegwenzi serji. It-theddida mit-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti se toħloq sfida serja għall-UE fis-snin li ġejjin. Hemm xejra inkwetanti l-aktar biż-żgħażagħ li jmorru lejn pajjiżi oħra bħas-Sirja biex isiru ġellieda barranin. Waqt li jkunu hemm, xi wħud jintrabtu ma’ gruppi terroristiċi. Meta jirritornaw, dawn jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-UE.

    Ir-reazzjoni tagħna għandha tkun li nipprevjenu t-terroriżmu, kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu, u tindirizza r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu. Jeħtieġ li nsaħħu r-rispons tagħna għal l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu b’mod komprensiv, filwaqt li nqisu kemm id-dimensjonijiet interni u dawk esterni. L-Istrateġija tal-UE aġġornata ippjanata għall-Ġlieda Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu se tkun vitali biex tiggwida aktar xogħol. Kif propost mill-Kummissjoni, l-enfasi għandha tkun fuq l-għajnuna lin-nies li jixtiequ jitilqu ambjenti ta' estremiżmu, taħriġ ta’ atturi lokali, l-involviment mal-komunitajiet lokali, aktar ħidma mas-settur privat kontra r-radikalizzazzjoni onlajn, u integrazzjoni aħjar ta' azzjonijiet interni bi sforzi esterni. Il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti għandha tkompli tagħmel parti mill-assistenza għall-iżvilupp u għas-sigurtà tal-UE għall-pajjiżi terzi, li tinkludi aspetti ta’ edukazzjoni, is-soċjetà ċivili, il-ġeneru, il-governanza u l-midja.

    Biex jappoġġja dawn l-isforzi n-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni għandu jissaħħaħ u jiġi żviluppat f’ċentru ta’ għarfien li jiġbor prattiki tajba u koordinazzjoni aħjar tax-xogħol bejn il-professjonisti.

    L-UE għandha rwol biex tgħin lill-Istati Membri biex jibnu netwerk tal-infurzar tal-liġi u jtejbu t-taħriġ u l-eżerċizzji għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi responsabbli għall-immaniġġar ta' attakki terroristiċi. ATLAS, netwerk tal-UE ta’ forzi ta’ intervent kontra t-terroriżmu, fl-2013 wettaq l-akbar eżerċizzju fl-UE li qatt sar. Din il-ħidma għandha tkun avvanzata b’aktar eżerċizzji fuq livell operazzjonali, iżda wkoll fuq dak strateġiku. Li jkun hemm forzi imħarrġa aħjar u aktar interoperabbli għandu jkun għan għas-snin li ġejjin.

    L-UE diġà qablet fuq leġiżlazzjoni biex l-aċċess għall-prekursuri għall-produzzjoni ta’ splussivi jsir aktar diffiċli. Issa rridu niżguraw din qed tiġi implimentata b’mod effettiv. Hemm ukoll il-ħtieġa li x-xogħol fuq il-materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u fuq l-isplussivi jissaħħaħ u jkompli jinagħta prijorità.

    Il-Koordinazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li tqis l-istrutturi istituzzjonali l-ġodda stabbiliti mit-Trattat ta’ Lisbona, inkluż is-sostenn għall-ħidma tar-Rappreżentant Għoli/SEAE fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b’mod partikolari fit-trawwim ta’ komunikazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

    5.3. Iż-żieda fil-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju

    Is-soċjetajiet tagħna huma aktar u aktar dipendenti fuq l-Internet. Hemm il-ħtieġa li nibnu sistema sikura u affidabbli sabiex in-nies u n-negozji jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tal-internet. L-iżgurar li l-pagamenti elettroniċi jistgħu isiru b’mod sikur huwa essenzjali. Madanakollu, qed jinħolqu sfidi ġodda, inkluż l-użu ta’ muniti diġitali u ta’ pjattaformi onlajn li jiffaċilitaw ħafna forom ta’ kriminalità serja u organizzata. L-ammont ta’ attakki ċibernetiċi x’aktarx li jiżdied fis-snin li ġejjin, minkejja l-miżuri meħuda biex jitjiebu l-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u biex tissaħħaħ is-sigurtà ċibernetika.

    Il-kapaċità operazzjonali biex biex  tkun miġġielda ċ-ċiberkriminalità jeħtieġ li tiżdied. L-UE waqqfet Ċentru Ewropew għaċ-Ċiberkriminalità (EC3) fi ħdan il-Europol. Fl-ewwel sena tal-eżistenza tiegħu, iċ-ċentru diġà wera l-valur tiegħu billi appoġġa investigazzjonijiet li saru mill-Istati Membri f’firxa wiesgħa ta’ reati, li jvarjaw minn frodi għal abbuż sesswali onlajn tat-tfal. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ EC3 bħala l-punt fokali għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fl-Ewropa. Waħda mill-ħidmiet ewlenin għall-UE se tkun li tassisti lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Idealment l-Istati Membri kollha għandhom ikunu mgħammra b’ċentru taċ-ċiberkriminalità.

    Fuq livell strateġiku, l-UE teħtieġ reazzjoni aktar ikkoordinata. L-ewwel Strateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE ġiet adottata bil-għan li jinħoloq l-aktar ambjent onlajn sikur fid-dinja. Din il-viżjoni issa teħtieġ li tkun tradotta f’azzjoni.

    L-istrateġija tagħraf ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali akbar, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operazzjonali. F’dan ir-rigward, il-ftehim li ntlaħaq mal-Istati Uniti fis-Samit fl-2010 li jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità wera li kien utli biex jintlaħqu riżultati konkreti u b’mod partikolari l-Alleanza Globali għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali onlajn, imwaqqfa mill-UE u l-Istati Uniti. Fil-preżent, l-Alleanza tiġbor 52 pajjiż minn madwar id-dinja kollha, u tista' sservi biex ikunu ispirati inizjattivi futuri. L-UE għandha tiżgura li tkompli tagħti r-riżultati, kif ukoll tkompli taħdem biex jissieħbu pajjiżi oħra.

    L-UE diġà qablet dwar leġiżlazzjoni aktar ħarxa għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, li teħtieġ li tkun implimentata malajr. Azzjoni effettiva f’dan il-qasam tirrikjedi wkoll li tiżdied il-kooperazzjoni mas-settur privat. Hemm ukoll il-ħtieġa li tkun iċċarata l-ġurisdizzjoni fid-dinja elettronika. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità se jkompli jkollu rwol importanti għal kooperazzjoni globali u l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għandhom jagħmlu dan.

    5.4. Tisħiħ tas-sigurtà permezz ta' mmaniġġjar tal-fruntieri

    Standard uniformi u għoli tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri f’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali huwa indispensabbli. Il-politiki tal-ġestjoni tal-fruntieri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà.

    L-istrateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri għandha tkun aġġornata abbażi tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-politika attwali. L-UE għandha tikkunsidra kif sistemi u pjattaformi eżistenti jistgħu jiġu integrati u għandha timmira għal aktar kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn il-gwardjani tal-fruntiera u awtoritajiet oħra li jaħdmu fuq il-fruntieri sabiex tiżdied is-sigurtà.

    B’rabta mal-moviment tal-merkanzija, wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013, fl-2014 se tkun ippreżentata strateġija dwar il-ġestjoni tar-riskju doganali u s-sigurtà tal-katina tal-provvista. Din l-inizjattiva se tippermetti ġestjoni tar-riskju aktar effikaċi billi ttejjeb id-disponibbiltà u l-użu tad-dejta fil-katina tal-provvista; issħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet doganali internazzjonalment u ma' aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà; tirrinforza l-kapaċitajiet fil-livell tal-Istat Membru u tal-UE għal reazzjoni aktar integrata u konsistenti għar-riskji tal-katina ta' forniment.

    5.5. Żieda tar-reżiljenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri

    L-UE tejbet b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Issa l-enfasi se tkun fuq l-iżgurar li s-sistemi li twaqqfu jaħdmu. Iċ-Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza assuma r-rwol tiegħu bħala fornitur ta’ servizz u bħala pjattaforma għall-koordinazzjoni tar-rispons għal diżastri kbar.

    L-isfida ewlenija se tkun li tkun implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-protezzjoni ċivili, li tiddeskrivi ħidma futura fil-livell tal-UE f’dan il-qasam. Modalitajiet għall-użu tal-klawsola ta’ solidarjetà, li jipprovdu l-qafas ta’ reazzjoni għal kriżi maġġuri, għad irid jintlaħaq qbil dwarhom. L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-diżastri f'politiki u fondi oħra, kif ukoll it-tisħiħ tal-input tax-xjenza u l-innovazzjoni fil-ġestjoni tad-diżastri se jkunu segwiti.

    Sfidi operazzjonali bħalma huma l-interoperabbiltà ta’ tagħmir u sistemi ta’ komunikazzjoni jeħtieġ li jkunu indirizzati u x-xogħol fuq it-taħriġ u l-eżerċizzji se jkollu jkun intensifikat.

    5.6. Bini tas-sigurtà interna f’kuntest globali

    Sigurtà Interna Ewropea tfisser ukoll li wieħed jaġixxi lil hinn mill-fruntieri tal-UE u f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi msieħba. Ir-radikalizzazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi pereżempju jeħtieġu tali kooperazzjoni.

    Il-livelli ta’ instabilità f’ħafna pajjiżi terzi jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi iżda jista’ wkoll ikollhom impatti importanti fuq l-UE.  Tħassib dwar is-sigurtà interna għandu jkun indirizzat b’mod aktar sistematiku bħala parti mill-politiki esterni tal-UE, marbuta ma’ programmi ta’ assistenza u kooperazzjoni tal-UE u għoddod oħra ta’ politika użati għal kooperazzjoni internazzjonali. Dan għandu jsir billi tkun ipprovduta assistenza għall-bini tal-kapaċità ta’ infurzar tal-liġi, billi jkun offrut taħriġ, jew permezz tal-iskambju tal-għarfien u l-aqwa prassi. L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha mal-imsieħba tagħha, waqt li tappoġġa l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, aspetti ta' governanza bħalma huma t-trasparenza, il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà.

    L-UE għandha tkompli taħdem ma’ msieħba fuq livell nazzjonali u reġjonali lejn il-bini ta' aġenda kondiviża dwar is-sigurtà, li tħares lejn is-sinerġiji u l-koerenza mal-Istati Membri u donaturi oħra. Sabiex il-prijoritajiet strateġiċi tal-affarijiet interni jkunu riflessi fl-aġenda internazzjonali, il-kooperazzjoni mas-SEAE għandha tkun ulterjorment imsaħħa.

    Konklużjoni

    L-iżgurar tal-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja huwa objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea. Sa mill-1999, meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam u ġie adottat il-Programm ta’ Tampere sar ħafna biex tkun issalvagwardjata Ewropa miftuħa u sigura, ankrata fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u bbażata fuq id-determinazzjoni li taqdi liċ-ċittadini Ewropej. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-konsolidazzjoni ta’ dawn il-kisbiet kif ukoll il-kooperazzjoni prattika msaħħa għandhom ikunu prijoritajiet għax-xogħol futur. Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effettività tal-leġislazzjoni u l-politiki se jippermettu l-aġġustament tal-azzjonijiet tagħna u l-użu strateġiku tal-finanzjament mill-UE se jippermetti ffukar aħjar fuq il-prijoritajiet tal-UE skont l-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE għal regolazzjoni intelliġenti. L-approċċ orjentat lejn iċ-ċittadini għandu jibqa’ prinċipju ta’ gwida għal aktar xogħol.

    Fl-istess ħin jeħtieġ li niffokaw l-attenzjoni fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li ġejjin. Għandu jkun ċar għal kulħadd li l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli/SEAE, l-aġenziji tal-UE, u ħafna oħrajn se jkollhom jingħaqdu aktar bil-qawwi biex ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv għal ambjent li qiegħed dejjem jinbidel. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tidentifika tali sfidi u tippreżenta miżuri li l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu diskussi mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u għandha titqies meta l-Kunsill Ewropew jiddefinixxi linji gwida strateġiċi tiegħu skont l-Artikolu 68.

    Top