Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0097

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea

    /* COM/2014/097 final */

    52014DC0097

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea /* COM/2014/097 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE)

    Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea

    Ftit aktar minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD - Marine Strategy Framework Directive), dan ir-rapport jirrappreżenta t-tmiem tal-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tiegħu, li waqtha ġew ukoll stabbiliti l-ambizzjonijiet tad-Direttiva Kwadru. Sar eżerċizzju ta' ġbir u ta' analiżi ta’ dejta li qatt ma kien sar bħalu fil-passat, u li bħala parti minnu l-Istati Membri pprovdew valutazzjoni tal-istat tal-ibħra tagħhom (il-valutazzjoni inizjali), taw definizzjoni ta' dak li skont huma huwa "status ambjentali tajjeb" (GES - good environmental status) tal-ibħra tagħhom u stabbilixxew sensiela ta’ miri sabiex jitnaqqas id-distakk bejn is-sitwazzjoni attwali u s-sitwazzjoni li fiha jridu jsibu ruħhom fl-2020, li hija d-data sa meta jrid jinkiseb GES. L-eżerċizzju pprovda opportunità għal dibattitu pubbliku wiesa’ dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, ġabar flimkien ammont kbir ta’ għarfien dwar l-ibħra u l-oċeani tagħna u ta bidu għal aktar kollaborazzjoni reġjonali, b’mod partikolari permezz ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali (RSCs - Regional Sea Conventions). Fl-istess ħin, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rapporti tal-Istati Membri tqajjem tħassib: Id-definizzjoni tal-Istati Membri ta’ status ambjentali tajjeb u l-mogħdija li wittew biex jiksbuha, turi ambizzjoni ġenerali limitata, ta’ spiss ma tqisx l-obbligi u l-istandards eżistenti u turi nuqqas ta' koerenza fl-Unjoni kollha, anki bejn pajjiżi ġirien li jinsabu fl-istess reġjun marittimu.

    Sa Diċembru 2013, ftit biss mill-Istati Membri kkonċernati rrappurtaw lill-Kummissjoni Ewropea.[1] Dan ir-rapport jirrifletti l-fatt li d-dejta hija disponibbli biss b'mod parzjali għal uħud mill-Istati Membri, u li Stat Membru partikolari ma ppreżenta ebda rapport. Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċeduri ta’ ksur f'kull każ fejn kien hemm bżonn li jsir hekk. Flimkien ma' azzjoni legali, hi se tqis kif għandha tikkomunika l-valutazzjoni u l-gwida tagħha lill-Istati Membri li mhumiex inklużi f’dan ir-rapport, wara li dawn jirrappurtaw b’mod sħiħ.

    Abbażi ta’ din l-analiżi, dan ir-rapport jippreżenta gwida[2] fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fil-livell reġjonali, tal-UE u nazzjonali. Minflok ordnat li l-eżerċizzji ta' rappurtar jerġgħu jsiru mill-ġdid f'każijiet fejn ikunu ġew identifikati xi nuqqasijiet, f’dan ir-rapport u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jinsab mehmuż il-Kummissjoni tiddeskrivi fil-qosor approċċ proattiv u orjentat lejn il-futur. L-għan hu li tiġi pprovduta gwida konkreta dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi li jkunu ġew identifikati, sabiex il-proċess ta’ implimentazzjoni ulterjuri ikun jista' jseħħ b'inqas spejjeż u b'mod aktar effiċjenti.

    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal[3] mehmuż ma' dan ir-rapport jinkludi analiżi aktar dettaljata dwar ir-rappurtar tal-Istati Membri rigward is-sett ta’ 11-il deskrittur kwalitattiv tad-Direttiva dwar l-ambjent tal-baħar (eż. il-bijodiversità, speċi mhux indiġeni, ħut, is-saħħa tas-sistemi alimentari, il-kontaminanti, l-iskart, storbju ta’ taħt il-baħar), kif ukoll rakkomandazzjonijiet aktar dettaljati u valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi bbażati fuq pajjiżi individwali. Aktar tard fl-2014, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC) mistenni jiżviluppa valutazzjonijiet dettaljati ta' aspetti aktar tekniċi tar-rappurtar tal-Istati Membri. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se tasal ukoll għal konklużjonijiet dwar l-istat ġenerali tal-ambjent tal-baħar fl-Ewropa.

    1.           L-Istat tal-Ibħra Ewropej

    Id-daqs tat-territorji tal-ibħra tal-Ewropa flimkien huwa akbar mid-daqs tat-territorji tal-art tagħha, u f'dawn tal-ewwel insibu speċijiet differenti ta' ħajja tal-baħar rikki, fraġli u uniċi, li għad hemm ħafna x'niskopru dwarhom. L-ekosistemi tal-baħar qed jitqiegħdu taħt pressjoni dejjem akbar mill-attivitajiet tal-bniedem kemm fuq l-art kif ukoll fl-ibħra, minħabba li 41% tal-popolazzjoni Ewropea tgħix fir-reġjuni kostali u l-attivitajiet ekonomiċi li jiddependu fuq l-ambjent tal-baħar qed ikomplu jikbru u jiżdiedu. Ir-rapporti tal-Istati Membri jikkonfermaw li l-ibħra Ewropej ma jinsabux fi "status ambjentali tajjeb".

    Dawn ir-riżultati huma l-prodott ta' għadd ta’ raġunijiet differenti, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

    · 39% tal-istokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku tal-Grigal u 88% tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadhom qed jiġu mistada żżejjed, u s-sitwazzjoni qed issir aħjar biss bil-mod, [4]

    · It-tniġġis fl-ambjent tal-baħar naqas f’ċertu żoni, iżda b’mod ġenerali l-livelli ta’ nutrijenti u ta' ċertu sustanzi perikolużi għadhom qed jeċċedu l-limiti aċċettabbli. It-tnaqqis tal-ossiġenu bħala riżultat tat-tniġġis minħabba n-nutrijenti huwa problema partikolarment serja fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed.

    · It-tfigħ ta' skart fil-baħar, l-aktar ta' plastik, huwa kwistjoni ta' importanza dejjem akbar kemm fid-dinja kif ukoll fl-UE. Fil-Baħar tat-Tramuntana, aktar minn 90% tal-għasafar tal-baħar Fulmar għandhom biċċiet tal-plastik fl-istonku tagħhom, u fuq kull 100m ta' bajja tal-kosta tal-Atlantiku wieħed jista' jsib medja ta’ 712 oġġett ta' skart. L-impatti ta’ din il-problema li dejjem qed tiżdied fid-daqs huma bosta, iżda għadna ma nafux għal kollox kemm huma kbar.

    · Għalkemm mhuwiex ivvalutat d'mod dirett skont l-MSFD, anki t-tibdil fil-klima jikkontribwixxi għad-degradazzjoni ulterjuri tal-ekosistemi tal-baħar.

    Għandhom isiru aktar sforzi sabiex sal-2020 tintlaħaq il-mira tal-ksib ta' status ambjentali tajjeb bħala parti minn implimentazzjoni sħiħa, xierqa, konsistenti u koerenti tal-MSFD.

    2.           Il-Prinċipji Ewlenin tal-Valutazzjoni

    Il-Kummissjoni applikat sett ta’ prinċipji biex tivvaluta jekk l-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri hijiex qafas komplut, xieraq, konsistenti u koerenti kif meħtieġ[5] skont l-Artikolu 8 (valutazzjoni inizjali), 9 (determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb) u 10 (miri ambjentali) tad-Direttiva. B’mod partikolari, hija kkunsidrat jekk:

    – id-deskritturi rilevanti kollha u l-ilmijiet tal-baħar kollha kienu koperti mir-rapporti tal-Istati Membri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha

    – id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb (GES) kien speċifiku u kwantifikat, u dan għen sabiex il-progress li jsir fir-rigward tal-ilħiq ta’ status ambjentali tajjeb ikun jista' jiġi vvalutat

    – id-definizzjonijiet GES fl-istess reġjun jew subreġjun tal-baħar kienu koerenti ma’ xulxin

    – il-valutazzjoni inizjali rriflettiet l-għarfien xjentifiku disponibbli fl-oqsma koperti mid-Direttiva, u ppermettiet li tiġi stabbilita linja bażi għal referenza fil-ġejjieni

    – il-miri stabbiliti kienu jirriflettu s-sejbiet tal-evalwazzjoni inizjali u d-definizzjoni GES, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu GES b'mod realistiku sal-2020

    – L-Istati Membri qiesu r-regolamenti u l-politiki eżistenti tal-UE li huma rilevanti għall-ambjent tal-baħar, kif ukoll l-istandards rilevanti stabbiliti f’Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (RSCs) meta ma kien hemm sbda standard tal-UE disponibbli.

    Dawn il-prinċipji ġew dettaljati f'serje ta’ kwestjonarji[6]. Li wieħed jew aktar minn dawn il-prinċipji ma jiġix issodisfat wassal biex evalwazzjoni titqies bħala "parzjalment adegwata", jew "mhux adegwata", u bħala "mhux konsistenti" u/jew bħala "ta' livell baxx" jew "ta' livell medju" ta' koerenza. Li dawn jiġu ssodisfati kollha, anki f’livell minimu, wassal biex il-valutazzjoni tkun "adegwata", "konsistenti" u "koerenti".

    Huwa biss jekk dawn il-kriterji tal-aħħar jiġu ssodisfati mill-Istati Membri kollha li jkun jista' jiġi ddeterminat jekk il-politiki fis-seħħ humiex qed iqiegħdu lill-UE fit-triq it-tajba sabiex tikseb "oċeani ekoloġikament diversi u dinamiċi li huma nodfa, sani u produttivi"[7] sal-2020. Bħalissa, dan mhuwiex il-każ. Dawn l-eżempji li ġejjin jispjegaw il-kwistjoni aħjar:

    – L-Istati Membri rrapurtaw dwar listi differenti tal-ispeċijiet u tal-ħabitats - xi wħud minnhom injoraw dawk li ġew stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, filwaqt li oħrajn injoraw ħabitats li jinsabu fl-ilmijiet tagħhom.

    – L-Istati Membri identifikaw kontaminanti differenti stabbiliti fil-lista tas-sustanzi ta’ prijorità skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u ffokaw fuq uħud minnhom filwaqt li injoraw oħrajn.

    – Kienu biss ftit mill-Istati Membri li ddikjaraw b’mod ċar li l-istokkijiet kollha tal-ħut għandhom jiġu sfruttati fil-livelli ta’ rendiment massimi sostenibbli, jew taħthom.

    Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tiġi interpretata primarjament f’termini ta’ konformità mad-Direttiva. Fil-fatt, l-għan tagħha hu li tippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva, u sabiex tkun tista' tinkiseb stampa tal-implimentazzjoni tagħha. Fl-aħħarnett, filwaqt li tirrikonoxxi li r-rappurtar huwa impenn sinifikanti għall-Istati Membri, speċjalment fid-dawl tal-iskadenzi stretti, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija preċiża daqs l-informazzjoni li din tkun ingħatat. Insibu eżempji ta' rappurtar ta' kwalità tajba ħafna, iżda wkoll każijiet fejn ir-rappurtar ikun fih lakuni jew kontradizzjonijiet.

    3.           Is-sejbiet ewlenin

    (1) Valutazzjoni komprensiva

    Il-valutazzjoni dwar l-istat tal-ilmijiet tal-ibħra fl-UE hija olistika, u tintegra kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi. Din tippermetti fehim aħjar ta’ pressjonijiet u impatti fuq il-ħajja tal-baħar ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem, u tiġbor flimkien ħafna informazzjoni prezzjuża. B’mod partikolari, il-bijodiversità, speċijiet mhux indiġeni, l-iskart mormi fil-baħar u l-istorbju ta’ taħt il-baħar ġew indirizzati b’mod aktar sistematiku minn qatt qabel. Ħafna mill-Istati Membri rrappurtaw dwar il-biċċa l-kbira tal-oġġetti u deskritturi, u b'hekk ipprovdew ħarsa ġenerali tajba ħafna rigward l-ambjent tal-baħar fl-Ewropa. Madankollu, il-kwalità tar-rappurtar tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor, ġieli anki minn territorju għal ieħor ta' Stati Membri individwali, u minn deskrittur wieħed għal ieħor.

    Ingħatat konsiderazzjoni akbar lil strumenti bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Politika tal-UE dwar il-bijodiversità fil-qasam marittimu. Din hija kontribuzzjoni importanti lejn il-koerenza tal-politiki, li wasslet għal kooperazzjoni transsettorjali akbar u għal aktar djalogu fl-UE kollha.

    Ix-xogħol fuq l-MSFD ta bidu għal żviluppi ġodda f'RSCs u akkumpanjahom, u dan juri l-komplementarjetà tal-ħidma fil-livell tal-UE u tal-ibħra reġjonali, u jipprovdi benefiċċji reċiproċi għall-partijiet kollha kkonċernati. L-RSCs ħadmu, fi gradi differenti, fuq rapporti dwar l-istat tal-ibħra tagħhom sabiex din l-informazzjoni tkun tista' tiddaħħal fil-valutazzjonijiet inizjali tal-Istati Membri stess. Huma żviluppaw ukoll indikaturi, miri u metodi ġodda fil-livell reġjonali, u qablu dwar il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni reġjonali mtejba.

    Fl-aħħar nett, ġew organizzati konsultazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri[8], u dan ħeġġeġ dibattitu mal-partijiet interessati dwar il-livell ta’ ambizzjoni tal-politiki marittimi fl-UE kollha u lil hinn minnha.

    B’mod ġenerali, l-ewwel fażi tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għaldaqstant ġabet lill-UE ftit aktar viċin tal-implimentazzjoni konkreta tal-approċċ tal-ekosistema fir-rigward tal-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuq l-ibħra tagħna, u dan il-kunċett jinsab fil-qalba tad-Direttiva. Ħarġu għadd ta' lezzjonijiet siewja fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll f’Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali.

    (2) Adegwatezza

    Minkejja dawn l-aspetti pożittivi, il-Kummissjoni Ewropea sabet ukoll nuqqasijiet fl-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri b'saħansitra l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni li għad għandhom jindirizzaw ċerti nuqqasijiet.

    Il-valutazzjoni inizjali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tipprovdi bażi ta’ evidenza li fuqha tiddependi l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, ir-rapporti ta’ valutazzjoni inizjali ta’ spiss jagħtu biss ħarsa ġenerali frammentata tal-qagħda tal-ambjent tal-baħar, li mhux dejjem tirrifletti l-għarfien disponibbli fl-intier tiegħu.

    Il-preżenza ta’ lakuni fid-dejta fir-rapporti tal-Istati Membri hu inevitabbli, peress li għad hemm nuqqasijiet sinifikanti ta’ għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-baħar, u minħabba li l-ambitu tal-valutazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-MSFD huwa komprensiv ħafna. Madankollu, kienu biss ftit l-Istati Membri li ppreżentaw strateġija dwar kif il-lakuni eżisteni fid-dejta jistgħu jiġu solvuti qabel iċ-ċiklu ta’ rappurtar li jmiss, pereżempju permezz ta’ pjanijiet futuri għall-monitoraġġ f'livell nazzjonali jew reġjonali. Mhux dejjem sar l-aħjar użu tar-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka li jindirizzaw b'mod speċifiku n-nuqqas ta’ għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-baħar li huma rilevanti għall-11-il deskrittur tal-MSFD. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri ma wżawx il-valutazzjoni inizjali biex jistabbilixxu xenarju bażi: din kienet opportunità mitlufa li tagħmilha diffiċli, u f'ċertu każijiet, impossibbli, li tiġi evalwata d-distanza mill-ksib tal-mira.

    Barra minn hekk, determinazzjoni xierqa ta’ GES skont l-Artikolu 9 hija partikolarment importanti f’din l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni, peress li tistabbilixxi l-livell ta’ ambizzjoni li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jilħqu sal-2020.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw dwar il-GES għad-deskritturi kollha, u xi wħud minnhom stabbilixxew punti ta’ referenza ambizzjużi permezz tad-definizzjoni tiegħu. Madankollu, il-maġġoranza minnhom naqset milli tmur lil hinn mid-delineazzjoni GES bażika kif inhi stipulata fid-Direttiva. Pereżempju, ħafna minnhom ma kinux jinkludu elementi kwalitattivi jew ta' spjegazzjoni li jispjegaw il-kunċett b'mod aqwa u li jipprovdu valur miżjud, ambizzjoni u għanijiet definiti b’mod ċar. Il-GES ta' spiss ukoll ma ġiex stabbilit b’mod li jista’ jitkejjel. Fil-prattika, dan jagħmilha impossibbli li ssir valutazzjoni dwar sa liema punt fil-fatt ikun inkiseb. Meta jkunu preżenti, ambizzjonijiet kwalitattivi għoljin għad-determinazzjoni tal-GES ħafna drabi jibqgħu biss ta' natura ta' aspirazzjoni.

    Barra minn hekk, f’ċerti każijiet l-Istati Membri ma bnewx b'mod sistematiku fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u fuq l-istandards tal-RSC. Jista' jkun li dan jirriżuta mill-fatt li r-relazzjoni bejn l-MFSD u l-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra mhijiex ċara biżżejjed għal kulħadd. Madankollu, ċerti Stati Membri adottaw approċċ fejn “għażlu biss li riedu”, u b'hekk ikkunsidraw ir-regoli, l-għanijiet u l-valuri ta’ limitu eżistenti biss b'mod parzjali. Jekk dan kollu jibqa' kif inhu, l-ilħiq tal-GES kif inhu definit bħalissa se jwassal biss għal titjib żgħir ħafna fil-kwalità tal-oċeani tagħna.

    L-istess konklużjonijiet jistgħu japplikaw fir-rigward tal-miri stabbiliti skont l-Artikolu 10 tal-MSFD. L-Istati Membri stabbilixxew varjetà wiesgħa ta’ miri, li jvarjaw skont il-livell ta’ ambizzjoni u skont l-ispeċifiċità tagħhom. L-aktar importanti, f’ċerti każijiet, il-miri ambjentali li ġew stabbiliti mhumiex biżżejjed biex jinkiseb status ambjentali tajjeb.

    (3) Konsistenza 

    Element ta' tħassib ġenerali ieħor huwa n-nuqqas ta’ konsistenza fl-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri. B’mod partikolari, ir-rabta loġika bejn il-valutazzjoni inizjali (il-punt tat-tluq), id-determinazzjoni ta' GES (l-għan finali) u l-miri (l-isforz meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan, meta wieħed jibda mill-punt tat-tluq) għadhom ma ġewx rikonoxxuti minn kulħadd. Uħud mill-Istati Membri ma għamlux distinzjoni ċara bejn id-determinazzjoni ta’ GES u l-miri nfushom, jew ma kkunsidrawx il-valutazzjoni inizjali tagħhom fl-iżvilupp tal-miri, u b'hekk spiċċaw dawru proċess komprensiv u olistiku f’sensiela ta’ eżerċizzji ta' rappurtar mhux relatati.

    (4) Koerenza

    Il-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-RSCs għall-ħarsien tal-ibħra tal-UE hija żviluppata tajjeb. Saru impenji sinifikanti mill-RCSs kollha sabiex jiġi implimentat l-approċċ ekosistemiku u sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-MSFD. Sfortunatament, l-użu tar-riżultati dwar il-kooperazzjoni reġjonali min-naħa tal-Istati Membri fi ħdan l-istrateġiji marittimi tagħhom ivarja. F'ċerti każijiet, ix-xogħol rilevanti żviluppat bħala parti minn RSCs wasal tard wisq, iżda meta kien fil-ħin, mhux dejjem intuża fir-rapporti nazzjonali.

    Dan wassal għal nuqqas ta’ koerenza fi ħdan l-UE, u fi ħdan l-istess reġjun jew subreġjun marittimu (kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(5)b u 5(2) MSFD). Filwaqt li l-koerenza tvarja ħafna minn parti għal oħra tal-UE, u filwaqt li hija għolja f’ċerti reġjuni u għal xi deskritturi, il-livelli ġenerali jvarjaw minn moderati għal baxxi. L-Istati Membri tal-Atlantiku tal-Grigal għandhom l-ogħla livell ta’ koerenza (madankollu, b’lok sinifikanti għal titjib) filwaqt li l-koerenza hija l-aktar baxxa fil-Mediterran, u b’mod partikolari fil-Baħar l-Iswed (għalkemm dan tal-aħħar seta’ jiġi stmat biss b'mod parzjali).

    Għalhekk, ma hemm ebda fehim komuni fl-UE dwar il-GES, lanqas fil-livell (sub)reġjonali. Hemm iktar minn 20 determinazzjoni differenti ta' GES madwar l-UE, u għalhekk ma hemm ebda għanijiet komuni jew komparabbli.

    4.           Rakkomandazzjonijiet u l-passi li jmiss

    L-analiżi tal-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tal-MSFD turi b’mod ċar li jeħtieġ li jsir ħafna aktar progress sabiex jiġi evitat li jiġi żviluppat approċċ insuffiċjenti, ineffiċjenti, frammentat u għoli bla bżonn għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

    Il-komparabilità tar-rappurtar tal-Istati Membri hija baxxa, u tagħmilha diffiċli li jsiru azzjonijiet u analiżi kkoordinati. Għalhekk, li jintlaħaq status ambjentali tajjeb sal-2020 se jkun ta’ sfida, għalkemm anki li nkunu nafu kemm għad baqagħlna biex nilħqu l-għan se jkun ta' sfida. Dan se jċaħħad ukoll lill-operaturi ekonomiċi milli jkollhom kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE u madwar ir-reġjuni marini tagħha. Dan jipperikola riżorsa importanti, li mingħajrha t-Tkabbir Blu mhux se jibqa' sostenibbli fit-tul.

    Issa nfetħet opportunità sabiex din is-sitwazzjoni tiġi mtejba qabel l-iżvilupp ta’ Programmi ta’ Monitoraġġ u Programmi ta’ Miżuri ppjanati għall-2014 u l-2015 rispettivament. Jekk jiġu kkoordinati jew żviluppati b’mod konġunt bejn l-Istati Membri, dawn mistennija jagħtu riżultati aħjar b’inqas spejjeż.

    (1) Il-lezzjonijiet li ttieħdu s’issa

    B'antiċipazzjoni tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà ħadu numru ta’ lezzjonijiet, li ġew tradotti f’inizjattivi konkreti:

    – L-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-MSFD[9] ġiet adattata għal sfidi ġodda, u ġie żviluppat programm ta’ ħidma ġdid għall-implimentazzjoni tal-MFSD[10] għall-2014-2018 flimkien mal-Istati Membri, RSCs u atturi rilevanti oħra. Il-programm konġunt jidentifika l-għanijiet ewlenin, isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-RSCs u jipprevedi l-iżvilupp ta’ gwida mmirata lejn it-titjib tal-fehim konġunt tar-rekwiżiti tal-MSFD.

    – L-appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni sar disponibbli għall-Istati Membri, permezz ta’ proġetti mfassla apposta u prattiċi ffinanzjati bħala parti mill-Politika Marittima Integrata tal-UE. Dawn il-proġetti huma, pereżempju, iddedikati lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.

    – Ittieħdu passi biex l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri jiġu simplifikati, u biex isir użu mir-rappurtar eżistenti skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ "irrapporta darba, uża ħafna drabi".

    (2) It-triq 'il quddiem

    Lil hinn minn dawn il-lezzjonijiet li ġew mitgħallma għad irid isir ħafna aktar fiċ-ċiklu ta' implimentazzjoni attwali, u qabel ma l-eżerċizzju ta’ rappurtar jerġa' jsir fl-2018. Dan se jeħtieġ mhux biss għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi u livell ta’ ambizzjoni ogħla, iżda wkoll mod differenti ta’ ħsieb dwar kif għandu jiġi implimentat l-MFSD, sabiex jiġu solvuti n-nuqqasijiet li ġew identifikati.

    F’terminu ta’ żmien qasir, u skont l-Artikolu 12 tal-MFSD, huwa essenzjali li jiġi żgurat li wieħed jibni fuq l-aktar aspetti ta' implimentazzjoni pożittivi sa issa, u li d-dgħufijiet li ġew identifikati ma jaffettwawx l-implimentazzjoni futura tal-MSFD b’mod negattiv. Sabiex jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin b'mod serju u rapidu, inkluż fit-tħejjija ta’ programmi ta’ monitoraġġ u ta' programmi ta’ miżuri. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom:

    – jużaw il-programmi ta’ monitoraġġ biex jindirizzaw in-nuqqasijiet u l-lakuni li ġew identifikati fil-valutazzjoni inizjali;

    – jużaw, b'mod sistematiku u bħala rekwiżiti minimi, standards li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE (bħall-Politiki Komuni tas-Sajd, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, eċċ, kif ukoll id-direttivaproposta dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) u l-Ġestjoni Integrata tal-Kosti (ICM)[11] hekk kif din tidħol fis-seħħ). Jekk dawn l-istandards ma jkunux jeżistu, l-Istati Membri għandhom jużaw indikaturi komuni speċifiċi għar-reġjuni, li jkunu ġew żviluppati mill-RSCs rilevanti fil-programmi ta’ monitoraġġ u fil-programmi ta’ miżuri tagħhom;

    – jirrevedu u, fejn possibbli, jaġġornaw il-GES u l-miri tagħhom bi tħejjija għall-programmi ta' monitoraġġ u ta' miżuri sabiex ikun jista' jintuża approċċ konsistenti fi ħdan ir-reġjuni u fosthom u bejn id-dispożizzjonijiet differenti;

    Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni ssib xi nuqqasijiet, l-Istati Membri għandhom, kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2018, itejbu b’mod sinifikanti l-kwalità u l-koerenza tad-determinazzjonijiet tagħhom tal-GES, kif ukoll il-valutazzjonijiet inizjali u l-miri ambjentali tagħhom, sabiex jiġi żgurat li t-tieni fażi ta’ implimentazzjoni twassal għal benefiċċji akbar. B’mod partikolari, għandhom isiru l-azzjonijiet li ġejjin:

    – ir-reviżjoni, it-tisħiħ u t-titjib tad-Deċiżjoni attwali 2010/477/UE dwar l-istatus ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar sal-2015, bl-għan li jiġi żviluppat sett ta’ kriterji u standards metodoloġiċi GES aktar ċari, sempliċi, konċiżi, koerenti u komparabbli; din ir-reviżjoni tista’ tinkludi u tikkunsidra wkoll l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-valutazzjoni tal-GES[12];

    – l-analiżi mill-ġdid tal-Anness III tal-MSFD u, jekk meħtieġ, ir-reviżjoni u l-iżvilupp ta' gwida speċifika sabiex jiġi żgurat approċċ iktar koerenti u konsistenti għall-valutazzjonijiet fiċ-ċiklu ta' implimentazzjoni li jmiss;

    l-implimentazzjoni ta' sistema moderna u effettiva ta' kondiviżjoni ta’ dejta bejn l-UE (iż-ŻEE) u l-RSCs ('WISE-marine'), filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-iżviluppi li jkunu għaddejjin sabiex jittejbu l-aċċessibilità u l-interoperabilità ta’ dejta dwar il-baħar permezz tal-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020”;

    – l-użu sistematiku ta' valutazzjonijiet li jkunu twettqu għal leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE jew bħala parti minn RSCs ta' Stati Membri, b’bidu immedjat tax-xogħol ta’ tħejjija;

    – l-iżvilupp ta' pjanijiet ta’ azzjoni, ikkoordinati fuq livell (sub)reġjonali u maħsuba biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet li jkunu ġew identifikati sa mhux aktar tard mill-2018[13].

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kooperazzjoni reġjonali għandha tingħata post fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-MSFD, u għandha tinfluwenza l-proċessi ta’ implimentazzjoni nazzjonali, u mhux bil-kontra. Fil-livell reġjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ partijiet kontraenti oħra fil-kuntest tal-RSCs, sabiex jistimolaw aktar koordinazzjoni fil-livell reġjonali jew subreġjonali, filwaqt li ma għandux jintesa li kull RSC għandha l-ispeċifiċitajiet tagħha. L-Istati Membri imbagħad għandhom jużaw ir-riżultati fil-proċessi ta’ implimentazzjoni nazzjonali b’mod sistematiku. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jiddiskutu dwar kif l-aħjar li titrawwem kooperazzjoni reġjonali u dwar kif tista' tiġi msaħħa aktar il-kooperazzjoni ma’ RSCs, b’mod partikolari biex il-programmi ta’ ħidma jiġu allinjati aktar.

    Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jipprovdu qafas ċar għal titjib gradwali tal-approċċ kooperattiv tal-implimentazzjoni tal-MSFD, b’passi gradwali u għanijiet li jridu jintlaħqu fil-livelli rilevanti kollha. Jekk jiġi implimentat malajr u b’mod sħiħ minn kulħadd, ħafna qabel l-2018, dan il-pjan se jgħin biex tintlaħaq il-bidla meħtieġa b'mod urġenti fil-politika, u se jtejjeb il-mod li bih ilkoll kemm aħna nindirizzaw il-protezzjoni tal-ibħra u l-oċeani tagħna fil-ftit żmien li baqa' qabel l-2020.

    Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha terġa’ twettaq valutazzjoni fl-2016, bħala parti mir-rapport tagħha dwar il-programmi ta’ miżuri[14], kemm jekk l-approċċ ta’ kollaborazzjoni deskritt hawn fuq ikun ġie implimentat u jkun wassal għal riżultati, kemm jekk tenħtieġ azzjoni addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b'mod xieraq tal-MSFD. Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni GES fl-2015 u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali huma elementi ewlenin ta’ dan l-approċċ. B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà li tniedi aktar proċeduri ta’ ksur sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-MSFD, kull meta jkun meħtieġ.

    5.           Konklużjoni

    L-ekosistemi marittimi fraġli ħafna tal-UE qed jiffaċċjaw pressjonijiet dejjem akbar ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem. L-implimentazzjoni tal-MFSD u l-qlib tal-approċċ ekosistemiku f’realtà xjentifika konkreta fl-ambjent tal-baħar bħala parti minn ħidma konġunta mal-ġirien tal-UE hija kompitu ta' sfida, iżda wieħed kruċjali ħafna. Fl-ewwel fażi tal-MSFD, ġew stabbiliti kisbiet importanti f’livell tal-Ewropa, reġjonali u nazzjonali, u dan jirrappreżenta sforz importanti. Madankollu, l-UE għadha ferm ’il bogħod milli tgawdi oċeani u ibħra f'saħħithom. L-ilħiq ta’ dan l-għan sal-2020, fi żmien inqas minn seba’ snin, jimplika sforzi imġedda u intensifikati, kif ukoll bidla rapida u importanti fil-mod li bih jaħdmu flimkien l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, l-RSCs u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, b’enfażi fuq l-azzjoni u l-ippjanar konġunti, kif ukoll fuq il-koerenza tal-politika bejn settur u ieħor. Koordinazzjoni akbar ta’ programmi ta’ monitoraġġ u ta' programmi ta’ miżuri, kooperazzjoni reġjonali aktar ambizzjuża u għarfien aktar ċar dwar ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-partijiet kollha se jiffaċilitaw protezzjoni aktar effettiva tal-ambjent tal-baħar b'inqas spejjeż, kif mistennija jagħmlu wkoll l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-qafas leġiżlattiv tal-UE li jittratta s-sorsi ta' tniġġis ibbażati fuq l-art, u sforzi aktar sistematiċi sabiex tinkiseb Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali. Dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw il-minimu meħtieġ biex l-UE tikseb suċċess fl-implimentazzjoni tal-MSFD u fil-protezzjoni tal-oċeani u tal-ibħra tagħha, u biex tiżgura li l-ilmijiet tal-ibħra tagħha jkunu jistgħu jipprovdu sors sostenibbli ta’ żvilupp għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    [1]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: 'L-ewwel passi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina - Valutazzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/56/KE) (First steps in the implementation of the Marine Strategy Framework Directive - Assessment in accordance with Article 12 of Directive 2008/56/EC) għal rendikont tas-sitwazzjoni attwali dwar ir-rappurtar mill-Istati Membri. L-Istati Membri li ma għandhomx territorji kostali ma kellhomx l-obbligu li jirrappurtaw skont l-MSFD.

    [2]               Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

    [3]               Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: 'L-ewwel passi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina - Valutazzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/56/KE) (First steps in the implementation of the Marine Strategy Framework Directive - Assessment in accordance with Article 12 of Directive 2008/56/EC)'.

    [4]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fir-rigward ta’ konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2014 COM(2013) 319 finali.

    [5]               Skont l-Artikolu 12 tal-MSFD: "Abbażi tan-notifiki magħmulin skont l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(3) fir-rigward ta’ kull reġjun jew subreġjun marin, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fil-każ ta’ kull Stat Membru, jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa. Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza tal-oqfsa fir-reġjuni jew subreġjuni marini differenti u mal-Komunità kollha".

    [6]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal, ibid.

    [7]               MSFD, Artikolu 3.5.

    [8]               Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet informazzjoni minn 17-il Stat Membru rigward il-proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika meħtieġa mill-Artikolu 19 tal-MSFD. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal aktar tagħrif.

    [9]               Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu kontribuzzjonijiet koordinati u dettaljati. Sabiex dan ix-xogħol jiġi ffaċilitat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxew programm informali ta’ koordinazzjoni, l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIS).

    [10]             Il-programm ta’ ħidma li sar qbil dwaru bħala parti mis-CIS:

    http://ec.europa.eu/environment/marine/eu-coast-and-marine-policy/implementation/index_en.htm

    [11]             Proposta għal direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta, COM (2013)133 finali.

    [12]             Kif spjegat f’SWD (2013) 133 finali (bħala parti mill-kampanja tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”).

    [13]             Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni jistgħu jiġu ispirati minn Qafas Strutturat ta' Implimentazzjoni u Informazzjoni, u jiddefinixxu d-diversi passi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni (ara COM(2012) 95).

    [14]             L-Artikolu 16 tal-MSFD.

    Top