Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0079

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha

    /* COM/2014/079 final */

    52014DC0079

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha /* COM/2014/079 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha

    WERREJ

    1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 2

    1.1........ Ir-regolament dwar l-istatistika tal-iskart...................................................................... 2

    1.2........ Il-kwalità tad-dejta f’ambjent b’ħafna metodi............................................................. 2

    1.3........ Kontroll tal-kwalità....................................................................................................... 2

    2........... Il-puntwalità u t-tempestività....................................................................................... 3

    3........... Kompletezza................................................................................................................. 4

    4........... Preċiżjoni tad-dejta....................................................................................................... 4

    4.1........ Kopertura tad-dejta...................................................................................................... 4

    4.2........ Tqassim skont is-setturi ekonomiċi............................................................................... 5

    4.3........ Klassifikazzjoni tal-iskart.............................................................................................. 6

    5........... Komparabilità............................................................................................................... 6

    5.1........ Il-komparabilità matul iż-żmien:................................................................................... 6

    5.2........ Il-komparabilità fost il-pajjiżi........................................................................................ 7

    6........... Piż fuq in-negozji.......................................................................................................... 7

    7........... Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart................................................. 8

    8........... Kisbiet u previżjoni..................................................................................................... 10

    1.           Introduzzjoni

    1.1.        Ir-regolament dwar l-istatistika tal-iskart

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2150/2002 tal-25 ta' Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart[1] (minn hawn’ il quddiem “ir-Regolament”) jobbliga lill-Kummissjoni tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin (wara l-ewwel rapport, li kellu jiġi ppreżentat fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament). L-ewwel rapport kien ippubblikat fl-2008[2] u t-tieni fl-2011[3].

    It-Taqsima 7(3) tal-Annessi I u II tar-Regolament tistipula li r-rapporti ta’ kwalità mill-Istati Membri għandhom jiġu inklużi fir-rapport stipulat fl-Artikolu 8. Dawn ir-rapporti huma disponibbli fuq CIRCABC:

    https://circabc.europa.eu/w/browse/9a7ac3a5-2f59-46b8-b90c-95cd7283ec22

    Dan ir-rapport iqis ir-riżultati tal-aħħar twassil tad-dejta f'Ġunju 2012 għas-sena ta’ referenza 2010 u jkopri 27 Stat Membru tal-UE. Dan jiddeskrivi wkoll l-implimentazzjoni tal-annessi riveduti tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart, applikabbli għas-sena ta’ referenza 2010.

    1.2.        Il-kwalità tad-dejta f’ambjent b’ħafna metodi

    Ir-Regolament jiddefinixxi d-dejta li għandha tiġi ppreżentata u l-kwalità meħtieġa, iżda ma jistipulax metodu speċifiku għall-ġbir tal-istatistika tal-iskart, li għaldaqstant tinġabar f’ambjent b’ħafna metodi. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex iżommu s-sistemi tal-ġbir tad-dejta tagħhom u biex jimminimizzaw il-bidliet meħtieġa biex ikunu konformi mar-Regolament.

    Biex jitnaqqas l-impatt ta’ approċċi differenti, il-Eurostat u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib dwar il-konverġenza tal-metodi u t-titjib fil-kwalità tad-dejta. Approċċ ġdid biex ikun hemm qbil fuq kontrolli ta’ validazzjoni tad-dejta standardizzata, li bdew f’Settembru 2013, huwa pass importanti f’din id-direzzjoni.

    Fir-rapporti ta’ kwalità tagħhom, l-Istati Membri jiddeskrivu d-dejta billi jirreferu għall-elementi ta’ kwalità li normalment jintużaw fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika[4] u stabbiliti fir-Regolament (KE) 1445/2005 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-iskart[5].

    1.3.        Kontroll tal-kwalità

    Sa mill-ewwel twassil tad-dejta fl-2006, il-Eurostat waqqaf sistema effiċjenti ta' kontroll tal-kwalità li tikkonsisti minn żewġ stadji. L-ewwel stadju huwa evalwazzjoni ħafifa tad-dejta u tar-rapporti ta' kwalità. Fi żmien xahrejn mill-iskadenza għar-rapportar, l-Eurostat jibgħat rapport ta’ evalwazzjoni.

    F’din il-fażi, il-validazzjoni tad-dejta tikkonċerna l-aktar il-koerenza interna tad-dejta l-ġdida u l-iżviluppi tul iż-żmien. L-analiżi ssir f’livell aggregat ħafna u għandha l-għan li tiskopri pawżiet importanti fis-serje.

    It-tieni stadju huwa validazzjoni aktar profonda mingħajr skadenza stretta. Dan janalizza d-dejta f'livell aktar dettaljat (pereżempju, skont is-settur ekonomiku u skont il-kategoriji tal-iskart) u jqabbel mudelli u żviluppi bejn pajjiż u ieħor. Il-kontrolli tal-validazzjoni jinkludu:

    – tqabbil ta’ ġenerazzjoni tal-iskart fil-pajjiż innifsu b’valuri mis-snin ta’ qabel għal kull attività ekonomika;

    – tqabbil tad-dejta bejn il-pajjiżi għal kull attività ekonomika;

    – tqabbil fil-pajjiż innifsu ta’ skart iġġenerat u skart ittrattat għal kull kategorija ta’ skart;

    – kontrolli reċiproċi ma’ dejta tal-iskart minn obbligi oħrajn ta’ rapportar bħalma hu l-monitoraġġ dwar il-konformità skont leġiżlazzjoni oħra marbuta mal-iskart.

    Kwistjonijiet potenzjali huma ċċekkjati mar-rapporti tal-kwalità tal-pajjiżi u r-rispons għall-evalwazzjoni rapida. Dan jista’ jirriżulta fit-tieni sett ta’ kwistjonijiet li jintbagħtu lill-pajjiżi kkonċernati.

    2.           Il-puntwalità u t-tempestività

    Ir-rapporti dwar id-dejta u l-kwalità għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 18-il xahar wara s-sena ta’ referenza, jiġifieri, l-iskadenza għat-twassil għas-sena ta’ referenza 2010 kienet it-30 ta’ Ġunju 2012. Hemm stabbilita rutina ta’ monitoraġġ ta’ konformità fil-Eurostat u jintbagħtu tfakkiriet lill-Istati Membru f’intervalli qosra skont skeda definita.

    Bħalissa, il-konformità mal-iskadenza ta' rapportar għas-sena ta’ referenza 2010 tista’ titqassar kif ġej:

    · 13-il pajjiż bagħtu s-settijiet tad-dejta tagħhom fil-ħin;

    · sitt Stati Membri ppreżentaw id-dejta fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza (id-Danimarka, Franza, il-Litwanja, l-Irlanda, Ċipru, l-Ungerija);

    · erba' Stati Membri bagħtu d-dejta sa nofs Awwissu biex b'hekk xorta jistgħu jitqiesu fl-ewwel rawnd tal-evalwazzjoni (il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, ir-Rumanija);

    · erba' Stati Membri ppreżentaw id-dejta aktar minn tliet xhur wara d-data ta’ skadenza (il-Greċja, il-Latvja u r-Renju Unit). Id-dejta ntbagħtet bejn il-25 ta’ Ottubru (l-Italja) u s-17 ta’ Novembru 2012 (ir-Renju Unit). Il-Greċja u l-Italja kienu diġà ġarrbu dewmien serju fir-rapportar fis-snin preċedenti ta’ rapportar.

    Fil-qosor, il-konformità mal-iskadenza għar-rapportar tad-dejta tal-2010 kienet taħt il-livell tal-2008. Barra minn hekk, xi pajjiżi rrappurtaw dejta provviżorja u wettqu reviżjonijiet ewlenin diversi xhur wara l-iskadenza, li ħtiġielha validazzjoni mġedda u li dewmet il-proċess tal-pubblikazzjoni . Skont id-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għamlu fir-rapporti tal-kwalità tagħhom, l-implimentazzjoni tal-aħħar emendi tar-Regolament fl-2010 ma kkawżawx problemi serji u ma tispjegax id-dewmien fir-rapportar. Il-Eurostat qed jieħu azzjonijiet fil-livell adegwat biex iħeġġeġ il-pajjiżi jirrevedu l-proċessi tagħhom ta’ produzzjoni u jipprovdu dejta ta' kwalità tajba fl-iskadenzi stabbiliti.

    – Pubblikazzjoni

    Id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart kienet ippubblikata fil-bażi tad-dejta ta' disseminazzjoni tal-Eurostat fl-1 ta’ Ottubru 2012. Sartu aġġornamenti komprensivi minħabba t-twassil tard jew il-korrezzjoni tad-dejta f’Novembru 2012, Marzu 2013 u Lulju 2013.

    3.           Kompletezza

    It-twassil ta' settijiet kompleti tad-dejta huwa kruċjali biex jinħolqu aggregati tal-UE. Id-dejta nieqsa tillimita l-interpretazzjoni u l-valur informattiv ta’ statistika tal-iskart. Il-kompletezza titkejjel bħala n-numru ta’ ċelloli vojta li jiġu mmarkati bħala neqsin permezz ta' M-flag.

    Fl-ewwel rawnd ta' rapportar għas-sena ta’ referenza 2004, sitta mis-27 Stat Membru tal-UE setgħu jipprovdu settijiet ta’ dejta kompleti dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart li jkopru l-kategoriji kollha tal-iskart u s-setturi kollha. 21 Stat Membru wasslu s-settijiet ta’ dejta b’xi differenzi. B’mod ġenerali, is-sehem ta’ valuri nieqsa dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart ammonta għal madwar 9 % tad-dejta meħtieġa.

    Matul is-snin, il-kompletezza tad-dejta tjiebet b’mod konsiderevoli. Mill-2006 sal-2010, is-sehem tal-valuri neqsin kienu fil-firxa ta' bejn 2 % u 3 % tad-dejta mitluba. Fir-rigward tad-dejta dwar it-trattament tal-iskart, is-sehem ta’ valuri nieqsa fil-livell nazzjonali telgħet għal 2,5 % fis-sena ta’ referenza 2004 u naqset b’mod stabbli sal-2008, meta l-pajjiżi kollha rrapportaw dejta dwar it-trattament komplet.

    Bħala konsegwenza tar-reviżjoni tar-Regolament, ir-rekwiżiti tad-dejta għall-2010 dwar it-trattament tal-iskart saru aktar komprensivi minħabba l-analiżi dettaljata fil-kategoriji tal-iskart u kategorija addizzjonali tat-trattament ‘rdim mill-ġdid‘. B’riżultat ta’ dan, ħamsa mis-27 Stat Membru rrapportaw dejta nieqsa għall-2010 u 3,4 % tad-dejta tat-trattament ġiet indikata bħala nieqsa. Aktar min-nofs tal-valuri nieqsa (1,9 %) kienu jirreferu fil-kategorija l-ġdida tat-trattament ‘rdim mill-ġdid‘.

    Ir-rapportar tal-istatistika lill-Eurostat ġie ssimplifikat għall-Istati Membri billi ġew introdotti l-formoli elettroniċi fl-eDAMIS, il-punt ta’ aċċess uniku għad-dejta tal-Eurostat. Dan għamel ukoll il-ġbir tad-dejta konformi għalkollox mal-istandard SDMX.

    4.           Preċiżjoni tad-dejta

    4.1.        Kopertura tad-dejta

    L-għan tar-Regolament huwa li jipproduċi statistika dwar l-iskart f'konformità mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98KE[6]. L-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart għandha tinġabar għas-setturi ekonomiċi kollha u għall-unitajiet domestiċi u għandha tinkludi skart li ġej minn operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi — dak li hu magħruf bħala skart sekondarju. L-istatistika għandha tkopri wkoll skart minn negozji żgħar (< 10 impjegati) għalkemm dawn l-impriżi għandhom jiġu eżentati mill-istħarriġ fejn ikun possibbli.

    L-istatistika dwar it-trattament tal-iskart tkopri l-iskart kollu li huwa rkuprat jew mormi fil-pajjiż stess, irrispettivament mill-oriġini tal-iskart. Il-kunċett bażiku tar-Regolament huwa li tinġabar id-dejta dwar id-destinazzjoni finali tal-iskart; L-operazzjonijiet ta’ trattament preparatorju mhumiex koperti.

    – Żbalji fil-kopertura u d-differenzi fil-kopertura tad-dejta

    Ħafna mill-iżbalji osservati fil-kopertura huma minħabba:

    – id-distinzjoni bejn skart u dak li mhux skart, u d-differenzi fl-applikazzjoni ta’ tali definizzjonijiet;

    – l-approċċi metodoloġiċi differenti u l-prijoritajiet differenti tal-ġestjoni nazzjonali tal-iskart u l-istatistika tal-iskart;

    – problemi speċifiċi għas-settur (pereżempju, il-preżunta sottokopertura tal-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini f’xi pajjiżi)

    Id-differenzi fil-kopertura tad-dejta huma preżunti li jkunu l-akbar fl-oqsma li ġejjin:

    · Il-kopertura ta’ skart estrattiv (skart mill-minjieri u mill-attivitajiet tal-barrieri) meqjusa li għandha impatt qawwi ħafna fuq l-istatistika tal-iskart. Id-differenzi l-aktar sinifikanti fil-pajjiżi kollha huma minħabba l-kopertura ta’ piż eċċessiv, jiġifieri materjal naturali li jitneħħa biex ikun hemm aċċess għall-minerali mingħajr ma jkunu pproċessati, u fir-rigward tal-iskart estrattiv li huma ġestit fil-minjieri.

    · Id-distinzjoni bejn skart u prodotti sekondarji għandha impatt sinifikanti fuq l-ammonti tal-iskart fin-NACE A (l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd) u n-NACE C (il-manifattura), speċjalment għall-kategoriji tal-iskart: skart tal-injam, skart tal-annimali u dak veġetali, u b'mod preżunt fuq gagazza minn produzzjoni tal-metall.

    · Il-varjanza tal-ġenerazzjoni tal-iskart fis-settur NACE F (kostruzzjoni) tindika d-differenzi fil-kopertura tad-dejta.

    · Diversi pajjiżi ma kinux kapaċi jirrapportaw dwar kategorija l-ġdida tat-trattament "rdim mill-ġdid". Madankollu, il-biċċa l-kbira qalu li kienu qed jaħdmu fuq soluzzjonijiet għat-twassil tad-dejta li jmiss.

    L-impatt ġenerali ta' żbalji ta' kopertura huwa diffiċli biex wieħed jivvalutah. Żbalji tal-kopertura jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' valutazzjoni kif ukoll għal valutazzjoni żejda. L-impatt huwa preżunt li jkun l-ogħla għall-iskart minerali min-NACE B (minjieri u barrieri) u min-NACE F (kostruzzjoni), li hija waħda mir-raġunijiet għaliex dawn il-kategoriji tal-iskart huma esklużi mill-indikaturi dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u rimi f’miżbla bbażati fuq ir-Regolament.

    4.2.        Tqassim skont is-setturi ekonomiċi

    Ir-Regolament isejjaħ lill-Istati Membri biex iqassmu d-dejta tagħhom f'19-il attività ta’ ġenerazzjoni tal-iskart (18-il settur ekonomiku kif ukoll l-unitajiet domestiċi). It-tqassim tal-attivitajiet ekonomiċi huwa definit b’referenza għall-Klassifika ta’ Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE). Allokazzjoni korretta għall-attivitajiet ġenerati hija prerekwiżit:

    – għall-komparabilità ta' ammonti ta' skart speċifiċi għas-settur;

    – għall-koerenza tal-istatistika tal-iskart mal-istatistika tan-negozju.

    Il-mod kif l-iskart jiġi allokat lis-settur tal-ġenerazzjoni jiddependi fuq il-metodi applikati għall-ġbir tad-dejta u l-unitajiet statistiċi li għalihom tinġabar l-istatistika tal-iskart. Huwa preżunt li l-aħjar mod li l-komparabilità u l-koerenza tad-dejta jiġu żgurati huma billi jintużaw ir-reġistri kummerċjali għall-ġbir tad-dejta. Peress li r-Regolament jippermetti l-użu jew tal-unitajiet lokali jew l-unitajiet statistiċi bħala bażi għall-ġabra tad-dejta, se jkun hemm differenzi fl-allokazzjoni tal-iskart fil-pajjiżi kollha anki meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament jiġu applikati kif jixraq. Din il-problema mhix unika għall-istatistika tal-iskart, u tinsab ukoll f’oqsma oħra tal-istatistika li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet ekonomiċi.

    L-impatt ġenerali tal-iżbalji tal-allokazzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika tal-iskart jitqies li hu limitat. Ir-riskju ta’ allokazzjoni żbaljata hu ogħla f’pajjiżi fejn id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart tinħareġ indirettament mid-dejta dwar it-trattament tal-iskart. Dan għaliex wieħed isir jaf l-informazzjoni dwar il-kumpanija jew is-settur li jiġġenera l-iskart biss minn sorsi sekondarji (pereżempju, il-kollettur tal-iskart, l-operatur tat-trattament tal-iskart) jew trid tinħareġ permezz ta' mezzi oħrajn (pereżempju, permezz ta' mudelli jew bl-użu tal-Lista Ewropea tal-Iskart (European List of Waste, LoW)[7], li fiha informazzjoni dwar l-oriġini tal-iskart). L-użu tad-dejta amministrattiva jista' jwassal wkoll għal allokazzjoni żbaljata fejn l-unitajiet ta’ rapportar fis-sistema tad-dejta amministrattiva mhumiex konformi mad-definizzjoni ta’ unitajiet statistiċi fir-Regolament.

    4.3.        Klassifikazzjoni tal-iskart

    Ir-Regolament jiddefinixxi t-tqassim skont il-kategorija tal-iskart skont in-nomenklatura tal-istatistika EWC-Stat, iżda ma jippreskrivix klassifikazzjoni speċifika biex tintuża għall-ġbir tad-dejta. Il-pajjiżi huma liberi li jużaw kwalunkwe klassifikazzjoni tal-iskart sakemm ikunu jistgħu jipproduċu l-formati definiti fil-kwalità meħtieġa.

    Il-maġġoranza tal-pajjiżi jiġbru d-dejta tagħhom skont il-LoW, li hija magħmula minn 839 tip ta’ skart. Minkejja xi problemi fl-applikazzjoni tal-lista, l-użu wiesa’ ta’ din il-klassifikazzjoni jiżgura livell għoli ta’ komparabilità. L-impatt ġenerali ta’ żbalji ta’ klassifikazzjoni fuq il-preċiżjoni tad-dejta huwa maħsub li huwa żgħir.

    5.           Komparabilità

    5.1.        Il-komparabilità matul iż-żmien:

    Issa li r-raba’ rawnd tar-rapportar tlesta, huwa possibbli li l-proċess ikompli b'valutazzjoni aħjar tal-komparabilità tad-dejta matul iż-żmien.

    Is-sistema tal-validazzjoni tad-dejta tal-Eurostat tiżgura li pawżiet fis-sekwenza ta’ żmien huma identifikati u jiġu kkoreġuti jew spjegati. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi wrew li huma għodda utli biex jimmonitorjaw bidliet metodoloġiċi u l-impatti tagħhom fl-Istati Membri.

    Evalwazzjoni ta’ rapporti nazzjonali tal-kwalità turi li kważi l-Istati Membri kollha għamlu aġġustamenti konsiderevoli fl-approċċi tal-istatistika nazzjonali tal-iskart mill-2004. Il-maġġoranza tal-pajjiżi issa qed itejbu aktar il-ġbir tad-dejta tagħhom fir-rigward tal-kwalità tad-dejta (pereżempju, l-eliminazzjoni ta’ differenzi bejn id-dejta; titjib tal-kopertura) u fir-rigward tal-effiċjenza tal-metodi tagħhom.

    Fl-2010, il-generazzjoni totali tal-iskart fl-UE-27 ammontat għal 2,50 biljun tunnellata, żieda żgħira ħafna ta’ 0,3 % jew 8 miljun tunnellata meta mqabbla mas-sena preċedenti ta’ referenza. Bidliet sinifikanti f’xi setturi ekonomiċi kkanċellaw lil xulxin meta wieħed iħares lejn il-ġenerazzjoni totali tal-iskart fuq is-setturi kollha.

    Fil-livell nazzjonali, is-sekwenza taż-żmien tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi huma konsistenti. Pawżiet ewlenin fl-iskart totali ġġenerat f'xi pajjiż jistgħu jirriflettu żviluppi reali (pereżempju, il-Finlandja, l-Iżvezja) jew jistgħu jirriżultaw minn bidliet fis-sitema tal-ġbir tad-dejta (pereżempju, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Belgju) jew minn kombinazzjonijiet tat-tnejn (ir-Renju Unit).

    Fl-Iżvezja u l-Finlandja, il-ġenerazzjoni tal-iskart żdied b’mod enormi bejn l-2008 u l-2010, b’31 miljun tunnellata (37 %) u b’23 miljun tunnellata (28 %) rispettivament, minħabba żieda fl-estrazzjoni ta’ minerali fis-settur tal-minjieri.

    Fid-Danimarka u l-Awstrija, pawżiet ewlenin fis-sekwenza ta’ żmien bejn l-2008 u l-2010 huma kkawżati minn bidliet fundamentali fis-sistemi tal-ġbir tad-dejta. Fid-Danimarka, is-sistema ISAG inbidlet fl-2010 b’sistema ġdida ta’ dejta dwar l-iskart li hija kompatibbli bis-sħiħ mal-klassifikazzjonijiet rilevanti tal-UE. B'riżultat ta' dan, l-iskart totali rrapurtat kien 38 % ogħla mis-snin preċedenti. Fl-Awstrija, fejn ġiet introdotta sistema elettronika tal-ġestjoni tad-dejta għall-iskart, it-tendenza nqalbet. Il-ġenerazzjoni tal-iskart irrapportata naqset b’38 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, parzjalment minħabba l-esklużjoni ta’ prodotti sekondarji mir-rapportar u parzjalment minħabba d-differenzi fil-kopertura li jridu jiġu indirizzati fil-ġejjieni. Il-Belġju rrapporta żieda konsiderevoli fil-ġenerazzjoni tal-iskart mill-2008 sal-2010, b’29 %, attribwita l-aktar għal bidliet metodoloġiċi fil-ġbir tad-dejta (pereżempju, kopertura mtejba tal-iskart sekondarju).

    Ir-Renju Unit irrapporta tnaqqis enormi tal-iskart fis-settur tal-minjieri, b’63 miljun tunnellata (73 %), l-aktar minħabba raġunijiet metodoloġiċi (adattament ta’ fatturi skaduti għall-approċċ tal-estimazzjoni bbażata fuq il-mudell), iżda dan huwa preżunt ukoll li jirrifletti r-ritmu ekonomiku fis-settur tal-minjieri.

    5.2.        Il-komparabbiltà fost il-pajjiżi

    Bis-saħħa tad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet komuni, il-komparabilità tad-dejta fil-pajjiżi kollha hija ġustament għolja għal ħafna setturi u tipi ta’ skart. Saret eħfef li jiġu spjegati d-differenzi bejn il-pajjiżi fir-rigward tat-totali ġġenerati u ttrattati.

    Madankollu, għad hemm problemi serji fil-komparabilità tad-dejta fir-rigward tad-differenzi fil-kopertura tad-dejta deskritta fit-Taqsima 4.1. Dawn il-problemi qed jiġu indirizzati, pereżempju, permezz ta’ gruppi ta’ ħidma fejn il-possibbiltajiet għall-armonizzazzjoni ta’ kopertura tad-dejta huma diskussi mal-pajjiżi. Saru laqgħat ta’ ħidma dwar l-iskart tal-minjieri f’Ottubru 2011 u dwar l-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini f’Ottubru 2012. Aktar ħidma dwar il-validazzjoni tad-dejta saret f’Settembru 2013 bħala l-ewwel pass biex jiġu definiti standards komuni għall-validazzjoni. Barra minn hekk, l-analiżi bir-reqqa tad-dejta, permezz ta' indikaturi speċifiċi għas-settur, tiżgura titjib kontinwu tal-komparabilità fost il-pajjiżi.

    6.           Piż fuq in-negozji

    Ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart jitlob lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż fuq dawk li jwieġbu billi jipprovdu aċċess għad-dejta amministrattiva u jeskludu l-impriżi żgħar b’anqas minn 10 impjegati mill-istħarriġ sakemm ma jikkontribwixxux b'mod sinifikanti għall-ġenerazzjoni tal-iskart.

    Dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rapporti tal-kwalità tagħhom juru livell għoli ta’ għarfien dwar l-għan li l-piż jinżamm baxx kemm jista’ jkun. Dan huwa rifless bin-numru dejjem jikber ta’ Stati Membri li jiġbru l-informazzjoni dwar il-piż tar-rapportar f’termini fiżiċi u li huma kapaċi jikkwantifikaw iż-żmien medju dawk li wieġbu għandhom bżonn biex jimlew il-kwestjonarji jew il-formoli tar-rapportaġġ. Meta mqabbel mas-sena ta’ referenza 2008, in-numru ta’ pajjiżi li taw it-tali informazzjoni kwantitattiva żdied minn seba’ għal 10 Stat Membri. L-informazzjoni nġabret minn dawk li wieġbu permezz ta’ kwestjonarji jew determinati minn studji speċifiċi.

    Sebgħa mill-10 pajjiżi stmaw li l-ħin medju meħtieġ biex jimtela l-kwestjonarju jew il-formola tar-rapportar ivarja bejn 20 minuti u tliet sigħat. Iż-żmien użat ta’ aktar minn tliet sigħat ġie rrappurtat mill-Irlanda, il-Polonja u l-Iżvezja. L-itwal żmien kien irrappurtat mill-Polonja (bejn siegħa u 40 siegħa għal kull persuna li wieġbet) fejn, waqt perjodu ta’ tranżizzjoni, id-detenturi tal-iskart huma mtaqqla b'rapportar doppju (rapportar amministrattivi u tal-istatistika) sakemm l-istħarriġ statistiku jintemm gradwalment.

    L-akbar għajnuna għall-kumpaniji hija li jiġi evitat ir-rapportar doppju billi jużaw dejta amministrattiva u/jew billi jikkoordinaw stħarriġ dwar l-iskart fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati (uffiċini tal-istatistika, ministeri tal-ambjent, aġenziji ambjentali). Għal 15-il Stat Membru, id-dejta amministrattiva hija s-sors ewlieni ta’ dejta għall-istatistika tal-iskart. Pajjiżi oħrajn jużaw id-dejta amministrattiva bħala waħda minn bosta sorsi ta’ dejta.

    In-numru ta’ pajjiżi li implimentaw jew jippjanaw li jimplimentaw sistemi ta’ rapportar elettroniċi qed jikber. Għodod elettroniċi ta’ rapportar għal xi dejta tal-iskart jew kollha huma disponibbli fil-Belġju (il-Fjandri), id-Danimarka, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja u r-Renju Unit.

    L-eżenzjoni ta’ kumpaniji żgħar mill-istħarriġ hija trattata b’modi differenti. Xi pajjiżi jkopru l-kumpaniji żgħar permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni u jestrapolaw ir-riżultati. Madankollu, bosta jeskluduhom kompletament. Iċ-ċifri huma jew injorati jew estrapolati permezz ta’ mudelli ta’ stima bbażata fuq il-fattur. Il-pajjiżi stabbilixxew limiti ta' esklużjoni differenti, definiti l-aktar mill-għadd ta' ħaddiema jew mill-ammont ta' skart iġġenerat fis-sena. Xi pajjiżi jiġbru flimkien iż-żewġ kriterji sabiex jiżguraw li anke l-pajjiżi ż-żgħar huma koperti mill-ġbir tad-dejta meta dawn jaqbżu l-limitu ffissat ta’ ġenerazzjoni tal-iskart.

    7.           Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart

    Wara l-ewwel żewġ perjodi ta’ rapportar, xi defiċenzi saru ovvji u diġà ġew identifikati oqsma li kellhom bżonn it-titjib fl-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008) 355). Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta (2008/98/KE) stabbilixxiet ħtiġijiet ġodda ta' informazzjoni u definizzjonijiet emendati. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Regolament kellu jiġi emendat ukoll (bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 849/2010/EU[8]). Il-verżjoni emendata kienet applikabbli għas-sena ta’ referenza 2010. It-tibdiliet ewlenin huma ppreżentati fil-qosor kif ġej:

    – L-aktar bidla importanti hija l-armonizzazzjoni tat-tqassim skont il-kategoriji tal-iskart fit-taqsima 2 tal-Annessi I u II tar-Regolament. Mis-sena ta' referenza 2010, il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart se jiġu rrappurtati skont l-istess 51 kategorija tal-iskart.

    – Barra minn hekk, xi kategoriji tal-iskart ġew organizzati mill-ġdid jew ġew introdotti ġodda sabiex tittejjeb l-użabilità tad-dejta, pereżempju, għall-monitoraġġ ta' politiki dwar l-iskart. Dawn jinkludu:

    – kategoriji separati tal-iskart għal skart minerali mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, għall-ħamrija u għall-ħama mit-tħammil;

    – kategoriji separati ta’ skart għal skart likwidu u minerali minn trattament tal-iskart (skart sekondarju);

    – organnizzazzjoni mill-ġdid tal-kategoriji tal-iskart tal-annimali u dak veġetali u skart tal-metall;

    – aggregazzjoni ta’ skart kimiku differenti f’kategorija waħda.

    – Barra minn hekk, il-kategoriji tat-trattament tal-iskart ġew organizzati mill-ġdid:

    – Id-definizzjoni tat-trattament kategorija “depożitu ġewwa l-art jew fuqha” ġiet armonizzata mad-definizzjoni ta’ rimi f’miżbla fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma[9] biex jiġi integrat il-ġbir tad-dejta dwar l-għadd u l-kapaċità tal-miżbliet li nħabret sa issa skont dik id-Direttiva[10]..

    – Il-kategorija tat-trattament “rdim mill-ġdid” ġiet introdotta biex ir-Regolament jinġieb konformi mad-definizzjonijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart riveduta.

    Il-Manwal għall-Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart ġie adattat fl-2010 u għal darb’ oħra fl-2013.

    Wara li ġew ikkunsidrati d-dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri, l-implimentazzjoni tal-kategoriji riveduti tal-iskart u r-raggruppament tal-operazzjoni tat-trattament "id-depożitu ġewwa l-art jew fuqha” seħħew bla intopp u ma kkawżat l-ebda problema. Xi pajjiżi laqgħu b’mod espliċitu l-bidliet mill-perspettiva teknika.

    Bosta pajjiżi rrapurtaw problemi bl-introduzzjoni tal-kategorija l-ġdida tat-trattament ‘rdim mill-ġdid’, l-aktar minħabba li l-lista ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru fl-Anness II tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart ma tipprovdix entrata speċifika (Kodiċi-R) għal "rdim mill-ġdid". Barra minn hekk, id-definizzjoni tat-terminu "rdim mill-ġdid" ġiet ikkritikata li mhix ċara biżżejjed, u din tqieset bħala problema għall-ġbir tad-dejta.

    B’kollox, ir-Regolament emendat ġie implimentat b’suċċess u wieħed mill-għanijiet tar-reviżjoni, biex jallinjaw l-istatistika tal-iskart mar-rekwiżiti tad-definizzjonijiet rapportar ta’ leġiżlazzjoni oħra dwar l-iskart, intlaħaq.

    Madankollu, il-preżentazzjoni u l-analiżi tas-sekwenza ta’ żmien saru aktar diffiċli, minħabba l-pawżiet ikkawżati mid-definizzjoni mill-ġdid tal-kategoriji tal-iskart u l-operazzjonijiet tat-trattament. Bħalissa l-Eurostat qiegħed jaħdem biex itejjeb il-preżentazzjoni tad-dejta għall-utenti sabiex t-tieni għan l-aktar importanti tar-reviżjoni tar-Regolament, li tittejjeb l-użabilità tal-istatistika dwar l-iskart, jintlaħaq ukoll.

    8.           Kisbiet u previżjoni

    Inkiseb progress sinifikanti fir-rigward tal-ġbir tal-istatistika tal-iskart sa mill-ewwel rapportar fl-2006. Il-kompletezza tat-twassil tad-dejta mill-Istati Membri tjiebet b’mod konsistenti. L-istatistika dwar l-iskart laħqet livell pjuttost għoli ta' komparabilità fil-pajjiżi kollha għal ħafna mill-kategorij u s-setturi tal-iskart u qed isir progress konsiderevoli lejn kopertura sħiħa tad-dejta. Inġenerali, id-dejta hija ta' kwalità xierqa għal ħafna mill-pajjiżi. Madankollu, sabiex jintlaħqu l-għanijiet poltiċi tal-UE dwar l-ambjent, l-industrija u l-materja prima, hemm bżonn ta' aktar titjib.

    L-armonizzazzjoni tad-dejta ssaħħet permezz ta’ sett ta’ dokumenti ta' gwida metodoloġika li huma disponibbli mill-websajt tal-Environmental Data Centre on Waste u minn gruppi ta’ ħidma li jindirizzaw l-oqsma li fihom hemm differenzi serji fil-kopertura tad-dejta. L-iżbalji u d-defiċits metodoloġiċi huma identifikati permezz tas-sistema tal-kontroll tal-kwalità.

    Bħala approċċ ġdid lejn it-titjib tal-kwalità tad-dejta, il-Eurostat qed jistabbilixxi programm li għandu l-għan li jkun ta’ appoġġ għall-pajjiżi li fihom ikun hemm nuqqasijiet serji permezz ta’ laqgħat bilaterali li jippermettu diskussjoni ta’ tali kwistjonijiet, u għażliet għal titjib.

    Bit-twassil tad-dejta għall-2010, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart issa hija disponibbli għal erba' snin ta' referenza, jiġifieri, għall-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2010. Bl-estensjoni tas-sekwenza ta’ żmien, id-dejta qed issir dejjem aktar utli, pereżempju biex jinħolqu indikaturi u għall-użu fil-qasam tal-Kontijiet Ambjentali.

    Fl-istess ħin, bidliet metodoloġiċi f’pajjiżi individwali għad jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-sekwenza ta’ żmien, fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-aggregat tal-UE-27. Għaldaqstant, l-iżviluppi tul iż-żmien għandhom xorta waħda jiġu interpretati b’kawtela u wara analiżi bir-reqqa tad-dejta sottolineata Barra minn hekk, l-effett ta' kunċetti ġodda introdotti permezz tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta, jiġifieri l-kriterji dwar it-tmiem tal-iskart, dwar l-istatistika tal-iskart, se jkollhom jiġu sorveljati.

    Ġew stabbiliti indikaturi dwar ‘il-ġenerazzjoni tal-iskart eskluż l-iskart minerali ewlieni’ (tsdpc210) u dwar ‘il-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż, skont l-attività ekonomika’ (tsdpc 250) u t-tnejn li huma jagħmlu parti mis-sett tal-Indikaturi tal-Iżvilupp Sostenibbli. Ġie żviluppat indikatur ġdid dwar “rimi tal-iskart f’miżbla għajr skart minerali ewlieni” u l-pjan huwa li jiġi inkluż fis-sett tal-Indikaturi tal-Effiċjenza tar-Riżorsi. L-iżvilupp tal-indikaturi ta' kategoriji oħra ta' trattament, inkluż ir-riċiklaġġ, għadu għaddej.

    [1]               ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1.

    [2]               COM(2008) 355 finali, 13.6.2008.

    [3]               COM(2011) 131 finali, 17.3.2011.

    [4]               Il-websajt tal-Eurostat dwar il-Kwalità: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2273.1 2273_47140765&_dad=portal&_schema=PORTAL.

    [5]               ĠU L 229, 6.9.2005, p. 6.

    [6]               ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

    [7]               Id-Deċiżjoni 2000/532/KE fir-rigward tal-lista tal-iskart, ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

    [8]               ĠU L 253, 28.9.2010, p. 2.

    [9]               ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

    [10]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/738/KE tas-17 ta' Novembru 2000 li tikkonċerna kwestjonarji għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE dwar it-tpoġġija tal-iskart f’landfill (ĠU L 298, 25.11.2000, p. 24).

    Top