This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0037
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On Progress in Romania under the Co-operation and Verification Mechanism
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika
/* COM/2014/037 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika /* COM/2014/037 final */
1. INTRODUZZJONI F'Lulju 2012,
il-Kummissjoni Ewropea rrappurtat permezz ta' valutazzjoni ġenerali
tal-progress li qed tagħmel ir-Rumanija, ħames snin wara li
nħoloq il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (MKV).[1] Hija
nnutat li ħafna mill-elementi strutturali meħtieġa kienu
fis-seħħ, u li l-MKV kien għamel kontribut importanti
għar-riforma fir-Rumanija. L-attenzjoni kienet qed timxi lejn
l-implimentazzjoni tar-riformi. Ir-rapport, il-metodoloġija tiegħu u
l-konklużjonijiet tiegħu kienu apporvati fil-konklużjonijiet
tal-Kunsill tal-Ministri.[2] Ir-rapport kien
ukoll karatterizzat mill-avvenimenti ta' Lulju 2012 fir-Rumanija, u qajjem
mistoqsijiet speċifiċi rigward l-istat tad-dritt u l-indipendenza
tal-ġudikatura fir-Rumanija. F'Jannar 2013 il-Kummissjoni ddedikat rapport
interim għal dawn il-kwistjonijiet.[3]
Ir-rapport ikkonkluda li r-Rumanija kienet implimentat ħafna
mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda
mhux kollha. Huwa nnota ukoll il-bżonn li jitħaffef il-progress
fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-ġudikatura,
l-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan ir-rapport
jivvaluta l-progress li għamlet ir-Rumanija minn meta saru dawn
iż-żewġ rapporti fiż-żewġ oqsma ewlenin tal-MKV
li huma r-riforma tal-ġudikatura u l-ħidma kontra l-korruzzjoni.
Il-ġrajja tal-MKV s'issa turi li l-progress mhwiex mingħajr xkiel,
għaldaqstant il-progress f'qasam wieħed jista' jiġi mxekkel jew
ikkanċellat bi tfixkil x'imkien ieħor. F'Diċembru 2013,
id-deċiżjonijiet fil-Parlament servew biex ifakkru li
l-prinċipji u l-objettivi ċentrali tar-riforma għadhom qed
jiġu kkontestati - l-intervent tal-Qorti Kostituzzjonali kien
meħtieġ biex itenni dawn il-prinċipji. Dan jagħmilha partikolarment
diffiċli biex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tar-riforma u jiġi
kkalkulat kemm hemm momentum domestiku biex tkun żgurata xejra
ġeneralment pożittiva. Ta' min
wieħed jinnota li ċ-ċirkustanzi diffiċli tal-2012 ma
xellfux id-determinazzjoni ta' ħafna istituzzjonijiet u individwi fir-Rumanija
biex ikomplu jikkonsolidaw il-progress. Il-Kummissjoni temmen li l-proċess
ta' monitoraġġ tal-MKV, l-opportunitajiet li jipprovdu l-fondi tal-UE
u l-impenn kostruttiv tal-Kummissjoni u ta' ħafna Stati Membri jkomplu
jipprovdu sostenn prezzjuż għar-riforma fir-Rumanija. Ir-rapport li
jmiss se jsir fi żmien madwar sena.
2. IL-QAGĦDA
TAL-PROĊESS TA’ RIFORMA FIR-RUMANIJA
2.1 Is-Sistema Ġudizzjarja L-indipendenza
ġudizzjarja u l-istat tad-dritt kienu tema partikolari fir-rapport ta'
Lulju 2012 u s-segwitu tiegħu f'Jannar 2013.[4] Kienet
ukoll kwistjoni konsistenti fid-dibattitu domestiku Rumen, fejn
l-istituzzjonijiet ġudizzjarji poġġew enfasi akbar fuq dan
l-aspett tal-ħidma tagħhom. Din setgħet influwenzat il-livell
ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji fir-Rumanija.[5] L-Indipendenza
Ġudizzjarja u l-istat tad-dritt L-Ordni
Kostituzzjonali Għalkemm
mhux strettament parti mill-ġudikatura, il-Kostituzzjoni u l-Qorti
Kostituzzjonali jinsabu fil-qalba tal-istat tad-dritt. L-isfida
għall-awtorità tal-Qorti Kostituzzjonali fis-sajf tal-2012 ma rrepetietx
ruħha, u din pjuttost ikkonsolidat l-irwol tagħha bħala arbitru
importanti. Il-Qorti se jkompli jkollha rwol ewlieni biex tiddefendi
l-prinċipji ewlenin bħas-separazzjoni tal-poteri, inkluż
kwalunkwe diskussjoni futura dwar it-tibdil fil-Kostituzzjoni. Bid-dibattitu
Kostituzzjonali mistenni li jirritorna din is-sena, huwa importanti wkoll li
jiġi żgurat li l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura jkollu
l-opportunità jikkummenta dwar l-oqsma kollha relevanti għall-ġudikatura.
B'mod partikolari, se tkun meħtieġa attenzjoni biex jiġu
ostakolati tibdiliet li jżidu l-opportunità biex il-politiċi jkollhom
akar influwenza fuq it-tmexxija ġudizzjarja jew biex jisfidaw l-indipendenza
jew l-awtorità ġudiazzjarja. Għal din ir-raġuni, l-impenn
tal-gvern li jikkonsulta l-Kummissjoni ta' Venezja b'mod partikolari huwa
sinjal importanti fl-impenn tar-Rumanija biex tibbaża kwalunkwe tibdil
Kostituzzjonali futur fuq normi Ewropej. L-awtoritajiet Rumeni għamlu ċar
ukoll l-intenzjoni tagħhom li jżommu lill-Kummissjoni Ewropea
infurmata. Pressjoni fuq
l-indipendenza ġudizzjarja Fis-sajf u
fil-ħarifa tal-2012, il-Kummissjoni rċeviet għadd kbir ta'
rappreżentanzi minn istituzzjonijiet ġudizzjarji rigward kritika
diretta minn politiċi u attakki minn mezzi tal-informazzjoni
b'motivazzjoni politika fuq imħallfin u prosekuturi individwali u membri
tal-familji tagħhom kif ukoll fuq istituzzjonijiet ġudizzjarji u
tal-prosekuzzjoni.[6]
L-għadd u l-qawwa ta' tali attakki jidher li naqas minn Lulju 2012 'l
hawn, iżda għad fadal xi eżempji. Dawn jinkludu każi fejn
istituzzjonijiet ġudizzjarji u maġistrati ġew ikkritikati
direttament hekk kif ħadu deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar
personalitajiet politiċi importanti. Dan jikkuntrasta
mal-prassi f'ħafna Stati Membri oħra, fejn ir-rispett
għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza
ġudizzjarja, kemm jekk permezz ta' regoli jew konvenzjonijiet, jillimita
safejn il-politiċi jikkummentaw fuq id-deċiżjonijiet
ġudizzjarji. Il-Kunsill Superjuri
tal-Maġistratura (KSM) huwa d-difensur ewlieni tal-indipendenza
tal-ġustizzja u segwa dan il-kompitu b'mod sistematiku u professjonali, u
dan għen biex il-kwistjoni tittieħed b'aktar serjetà
miċ-ċittadini u mill-politiċi. Mill-kompiti li għandu l-KSM
dan irriżulta f'wieħed b'importanza dejjem tiżdied, u
proċedura ċara u miftuħa għall-pubbliku dwar kif il-KSM
jirreaġixxi f'każi bħal dawn għandha tgħin biex
tikkonsolida dan l-irwol. Il-KSM jista' wkoll ifittex modi oħra biex juri
l-appoġġ istituzzjonali għall-applikazzjoni tal-indipendenza
ġudizzjarja fil-prattika billi jagħti appoġġ lil
maġistrati individwali f'ċirkustanzi bħal dawn.[7] Il-Ministru
tal-Ġustizzja kien ukoll mexxa inizjattiva utili biex jitwaqqaf djalogu
bejn il-mezzi tal-informazzjoni u l-maġistrati. Għarfien
reċiproku aħjar u approċċ professjonali lejn trattament
tal-mezzi tal-informazzjoni fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji jistgħu
jwasslu biex jitjiebu r-relazzjonijiet. Iżda jibqa' l-każ li
l-progress se jkun diffiċli jekk il-kritika minn dawk fl-awtorità
għall-maġistrati u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tibqa'
għaddejja. Rispett
għad-deċiżjonijiet tal-qrati. Din hija marbuta
ma' aspett importanti tas-separazzjoni tal-poteri u l-istat tad-dritt,
ir-rispett għad-deċiżjonijiet tal-qrati. Din topera fuq
ħafna livelli differenti. In-nuqqas ta' implimentazzjoni
tad-deċiżjonijiet tal-qorti jew każi fejn l-amministrazzjoni
pubblika tikkontesta mingħajr ġustifikazzjoni
d-deċiżjonijiet tal-qorti jikkostitwixxu sfidi għan-natura
vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Din hija
problema li tmiss lill-ogħla organi tal-istat. Minn Lulju 2012 'l hawn,
il-ġudikatura aktar minn darba kellha tirrikorri għall-Qorti
Kostituzzjonali wara nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Parlament biex
jittermina mandati bħala riżultat ta' deċiżjonijiet finali
tal-qorti dwar inkompatibbiltà ta' membru parlamentari. L-aktar
deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali dwar din
il-kwistjoni tmur lura għal Novembru 2013, Madankollu s-Senat għadu
ma ħax azzjoni. Ħatriet
f'livell għoli Il-ħatriet
fis-sistema ġudizzjarja huma wieħed mill-mezzi ewlenin biex tintwera
l-indipendenza ġudizzjarja u tal-prosekuzzjoni. Il-proċess tal-MKV
enfasizza l-importanza ta' proċeduri ċari, oġġettivi u
maħsuba biex jirregolaw ħatriet bħal dawn:[8]
ħatriet mhux motivati politikament ta' persuni li għandhom livell
għoli ta' professjonaliżmu u integrità huma essenzjali
għall-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja. Ir-rekord
tas-sena li għaddiet hija mħallta.[9] Fil-każ
tat-tmexxija tal-Qorti Superjuri ma kien l-ebda sinjal ta' indħil
fil-proċess. Is-sitwazzjoni hija aktar diffiċli fil-każ
tal-prosekuzzjoni, fejn il-proċess tal-ħatriet imniedi f'Settembru
2012 kellu xaqliba politika qawwija tant li tibdil sussegwenti ma rnexxilux jegħlibha.
Dan seta' wassal biex jiskoraġġixxi xi kandidati milli japplikaw.
Il-proposta finali tal-kandidati kienet tinkludi xi personalitajiet b'rekords
stabbiliti fil-qasam kontra l-korruzzjoni. Madankollu, l-eżitu
ġenerali ma kienx ir-riżultat ta' proċess trasparenti imfassal
biex jippermetti skrutinju tal-kwalitajiet tal-kandidati u kompetizzjoni vera u
proprja. Il-Kummissjoni sogħobiha mid-deċiżjoni li ma tiġix
segwita proċedura solida, filwaqt li nnutat li dan kien ipoġġi
r-responsabbiltà fuq dawk maħtura biex juru l-impenn tagħhom li
jsegwu x-xogħol ta' dawn l-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra
l-korruzzjoni. Fil-ħarifa
tal-2013 qamet kwistjoni diffiċli oħra bil-ħatriet ta' kap u
deputat kap tat-taqsima tad-DNA. Hawn ukoll, ħatriet temporanji għal
pożizzjonijiet ad interim ġew itterminati ħesrem, u saru
nominazzjonijiet mill-Ministru tal-Ġustizzja li ma segwewx għal
kollox il-proċedura ta' konsultazzjoni mal-kap tad-DNA. Wara li saret
kritika mill-pubbliku u mill-KSM, sar it-tieni proċess, iktar konsenswali
u skont ir-regoli, li rriżulta f'sett differenti ta' ħatriet
permanenti. L-għażla taż-żmien wasslet ukoll għal
tħassib pubbliku li kien hemm rabta bejn deċiżjonijiet tad-DNA
dwar personalitajiet politiċi, flimkien mal-kritika pubblika politika
tal-prosekuturi.[10]
Il-qafas legali Il-Kodiċijiet legali ġodda Rapport tal-MKV
wara l-ieħor segwew il-proċess tal-iżvilupp tal-Kodiċijiet
legali ġodda fir-Rumanija. Ir-rapport ta' Lulju 2012 jenfasizza li dan
kien jirrappreżenta modernizzazzjoni sostanzjali tal-qafas legali Rumen.
Filwaqt li l-implimentazzjoni ma kinitx faċli, partikolarment meta kellhom
jinżammu sistemi paralleli, kien hemm sens dejjem jiżdied li
l-istituzzjonijiet tat-tmexxija ġudizzjarja qed jaħdmu flimkien
mal-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni. It-tħejjijiet
għad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċijiet Kriminali
l-ġodda fittxew li tittieħed tagħlima mill-esperjenza
tal-passat.[11]
Il-Ministeru tal-Ġustizzja ggarantixxa wkoll baġit addizzjonali u
postijiet biex isostnu l-implimentazzjoni tal-Kodiċijiet ġodda. Dan
kien ta' għajnuna biex jiġu stabbiliti skandenzi itwal, iżda
realistiċi, għall-proċess. Il-Kodiċi
ta' Proċedura Kriminali l-ġdid li se jiġi implimentat minn Frar
huwa karigu importanti: id-dispożizzjonijiet kollha huma direttament
applikabbli, u l-kodiċi jintroduċi żewġ istituzzjonijiet
ġodda, l-imħallef tad-"drittijiet u tal-libertà" u
l-imħallef tal-"kamra preliminari." Huwa għalhekk
partikolarment importanti li l-problemi jiġu antiċipati u solvuti
fejn possibbli. Monitoraġġ regolari tal-effett u l-implimentazzjoni
fil-fatt tad-dispożizzjonijiet ġodda se jkun importanti ladarba
l-Kodiċijiet il-ġodda jidħlu fis-seħħ. Diffikultà li
għadha hemm hija l-instabbiltà tal-Kodiċijiet il-ġodda ftit xhur
qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ. Diversi problemi
leġali ġew identifikati, li jistgħu jirrikjedu emendi
fil-kodiċijiet jew fil-liġi għall-applikazzjoni tal-Kodiċi
tal-Proċedura Kriminali li għad iridu jiġu adottati qabel
id-dħul fis-seħħ[12].
Barra minn hekk, f'Diċembru 2013, il-Parlament Rumen ivvota sensiela
ta' emendi għall-Kodiċi Kriminali, li ġew dikjarati mhux
kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali (ara iktar 'l isfel). Il-Konsistenza tal-Ġurisprudenza L-introduzzjoni
tal-Kodiċijiet hija wkoll opportunità importanti biex tiġi
indirizzata l-konsistenza tal-ġurisprudenza. Inkonsistenza u n-nuqqas ta'
prevedibbiltà fil-ġurisprudenza tal-qrati jew fl-interpretazzjoni
tal-liġijiet għadha tippreżenta tħassib kbir
għall-komunità tan-negozju u għas-soċjetà in generali. Il-Qorti
Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (HCCJ) ħadet għadd ta'
passi siewja biex tindirizza din il-kwistjoni. Il-Kodiċijiet
ta' Proċedura l-ġodda jiffukaw mill-ġdid l-appelli tat-tieni
istanza fuq l-iskop primarju tagħhom ta' kassazzjoni u jirrinfurzaw
l-irwol tal-Qorti Għolja li ttejjeb il-konsistenza. Il-proċedura
preliminari ta' deċiżjoni se ġġib proċedura ġdida
biex tippermetti mistoqsijiet li jridu jitressqu quddiem il-Qorti Għolja
għal deċiżjoni interpretattiva li hija vinkolanti kemm għall-qorti
nnifisha kif ukoll għal kawżi futuri. Kemm f'dak li hu
taħriġ kif ukoll fil-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet
motivati tal-qorti, il-Qorti Għolja u l-KSM qed jieħdu passi
importanti biex jindirizzaw dan, inkluż li jagħtulill-imħallfin
u lill-iskrivani aċċess għad-deċiżjonijiet tal-qorti
mill-qrati l-oħra kollha tal-pajjiż. Il-pass li jmiss għandu
jkun li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet kollha tal-qorti
jkunu aċċessibbli għall-professjoni legali u l-pubbliku in
ġenerali.[13]
Jibqa' l-fatt li
għad hemm reżistenza f'ċerti oqsma biex isegwu
l-ġurisprudenza jew il-gwida tal-qrati superjuri u dan jimpedixxi
l-funzjonament normali tas-sistema ġudizzjarja. L-inċertezza li
tirriżulta toħnoq il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja,
filwaqt li toħloq ineffiċjenza u frustrazzjoni kemm
għall-operaturi kummerċjali kif ukoll għaċ-ċittadini.
Il-kapijiet tal-qrati jistgħu jagħmlu aktar biex jenfasizzaw
l-importanza tal-konsistenza lill-kollegi tagħhom, u b'mod partikolari
biex jikkontestaw kawżi fejn id-deċiżjonijiet jidhru li jkunu
mhux skont il-prassi tal-Qorti Għolja. Għall-parti tagħha,
il-Qorti Għolja jeħtieġ issib tarf ta' kawżi fejn
id-deċiżjonijiet tagħha stess jidhru inkonsistenti. Sors
addizzjonali ta' diffikultajiet fl-applikazzjoni uniformi tal-liġi
tirrigwarda l-kwalità u l-istabbiltà tal-qafas legali. L-għadd kbir ta'
Ordinanzi ta' Emerġenza jew proċedimenti parlamentari li ma
jirrispettawx il-minimu tat-trasparenza ħafna drabi ma jħallux spazju
għal valutazzjoni,
konsultazzjonu u tħejjija xierqa, anke meta l-urġenza mhijiex
ċara. B'riżultat
ta' dan l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati, in-negozji,
l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini li jridu japplikaw il-liġi
jikkonfondu u jagħmlu l-iżbalji, u hemm ir-riskju ta' lakuni li
jistgħu jintużaw biex il-liġi tiġi interpretata b'mod
diverġenti. Riforma strutturali tas-sistema ġudizzjarja Strateġija
għar-Riforma tal-Ġudikatura (2014-2018) Il-Ministeru
tal-Ġustizzja qed jaħdem biex jiżviluppa Strateġija
għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura (2014-2018). L-istrateġija
għandha l-għan li ssaħħaħ ir-riformi attwali u
l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u li żżid il-fiduċja
fil-ġudikatura. Il-miri ġenerali - effiċjenza akbar,
tisħiħ istituzzjonali, integrità, kwalità, trasparenza u
aċċess għall-ġustizzja - huma konsistenti max-xogħol
magħmul fi Stati Membri oħra u fil-livell Ewropew. L-għan
hu li jkun hemm strateġija u pjan ta' azzjoni li jakkumpanjawha adottati
fi Frar 2014. Għal inizjattiva bħal din, kooperazzjoni mill-qrib bejn
il-gvern u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji hija essenzjali, u l-Ministru
rnexxielu jġib l-istituzzjonijiet flimkien. Il-kunsens se jgħin ukoll
biex jirfed l-awtorità tal-istrateġija. Ikun importanti li jiġu
involuti wkoll professjonijiet
legali oħra bħal avukati, nutara u bailiffs fil-proċess. Element
importanti għal kwlaunkwe riforma futura tas-sistema ġudizzjarja jkun
li tiżdied il-kapaċità tal-ġestjoni ġudizzjarja biex b'hekk
jittieħdu deċiżjonijiet infurmati aktar, ibbażati fuq
il-ġbir affidabbli tad-dejta dwar il-funzjonament tas-sistema
ġudizzjarja, riċerka u ppjanar fit-tul. Stati Membri oħra
wkoll; użaw prattiki bħal stħarriġ dwar l-utenti tal-qrati
u stħarriġ dwar il-persunal biex ikunu infurmati bid-dgħufijiet
tas-sistema. Il-ġestjoni
tal-volum tax-xogħol u l-effiċjenza tal-ġustizzja Il-volum
eċċessiv tax-xogħol f'ċerti qrati huwa rikonoxxut
bħala problema li għadha għaddejja, li jagħmluha agħar
l-inċertezzi dwar l-impatt tal-Kodiċijiet. Diversi xejriet siewja
fis-sistema ġudizzjarja, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni, użu
aħjar tal-iskrivani tal-qorti, u miżuri ta' prassi tal-qorti biex
jiġi evitat dewmien fastidjuż, jista' lkoll ikollhom impatt. Madankollu, huwa
importanti wkoll li wieħed iħares lejn il-kwistjoni li ilha
teżisti[14]
tal-ibbilanċjar mill-ġdid tar-riżorsi disponibbli billi jsir
tfassil mill-ġdid tal-mappa ġudizzjarja. Din il-bidla madankollu tkun
teħtieġ emendi leġiżlattivi, u minkejja s-sostenn
tal-Ministeru tal-Ġustizzja, jidher li l-appoġġ tal-Parlament
għadu inċert. L-integrità
tal-ġudikatura Il-KSM enfasizza
l-politika tiegħu ta' tolleranza żero rigward it-trattar ta' problemi
tal-integrità fil-ġudikatura u bl-għajnuna tal-Ispettorat, qed
jiżviluppa approċċ iktar konsistenti u mirqum. Se jkun
importanti li dan jiġi rifless f'approċċ konsistenti mit-taqsima
amministrattiva tal-Qorti Għolja. Jidher li dan irriżulta
f'għadd kbir ta' kawżi,[15]
iżda se jkun meħtieġ monitoraġġ ulterjuri biex
jiġi stabbilit jekk l-effett deterrent huwiex qed jaħdem.
2.2 Il-qafas tal-Integrità
Il-qafas
tal-Integrità huwa wieħed mill-karatteristiċi ewlenin tal-MKV. Huwa
jiddependi fuq istituzzjonijiet u regoli biex jiżgura li l-aspettattivi
jkunu ċari u implimentati kif suppost. Huwa jiddependi ħafna wkoll
fuq l-aċċettazzjoni politika u kulturali li l-integrità hija
prinċipju importanti għall-uffiċjali pubbliċi u li
t-trasgressjonijiet għandu jkollhom il-konsegwenzi. L-Aġenzija
Nazzjonali għall-Integrità (ANI) u l-Kunsill Nazzjonali
għall-Integrità (NIC) Matul din
l-aħħar sena, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI)
kompliet tikkonsolida r-rekord tajjeb tagħha.[16]
Madankollu hemm ostakoli kontinwament, u differenzi bejn il-progress li jsir
fuq l-inkompatibilitajiet, il-kunflitt ta' interess u ġid mhux
ġustifikat. B'mod, partikolari, l-ANI u l-amministrazzjoni tagħha
ffaċċaw sensiela ta' attakki, li ħafna drabi kienu jidhru li
jikkoinċiedu ma' kawżi tal-ANI kontra personalitajiet politiċi
għolja. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Integrità wera l-valur
tiegħu bħala korp ta' sorveljanza li hu kapaċi jispjega l-mandat
tal-ANI u li jintervjeni pubblikament meta meħtieġ. L-ANI sar iktar
stabbilit bħala istituzzjoni, bil-gvern jappoġġa titjib
fir-riżorsi biex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tiegħu.
Ir-relazzjonijiet tiegħu ma' aġenziji oħra tal-gvern huma
kruċjali, u l-ANI daħħal fis-seħħ sensiela ta'
ftehimiet ta' ħidma biex jirregolaw dawn ir-relazzjonijiet - anke jekk
uħud minnhom huma iktar produttivi minn oħrajn.
Id-deċiżjonijiet tal-ANI huma ħafna drabi kkontestati fil-qorti,
iżda d-dejta turi li f'aktar minn 80% tal-kostestazzjonijiet
tad-deċiżjonijiet tal-ANI fuq il-kunflitt ta' interess, il-qrati
kkonfermaw il-konklużjonijiet tal-ANI. Il-qrati jidhru
li saru familjari mal-qafas tal-integrità. Iżda l-każisitka
għadha mhix uniformi, b'deċiżjonijiet kontradittorji fil-livell
tal-qrati tal-Appell iżda wkoll fil-livell tal-HCCJ, u l-proċedimenti
tal-qrati dwar l-inkompatibbiltà tal-kawżi għadhom twal. Kawża
quddiem l-HCCJ dwar jekk jistax isir appell kontra deċiżjoni
tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Ġid biex kawża tal-ANI
ma tmurx quddiem it-tribunal tal-qorti għadha pendenti. Iż-żmien
li jittieħed sakemm jiġu kkanċellati kuntratti ffirmati bi ksur
tal-kunflitt ta' interess, u rekord fqir tal-amministrazzjoni tal-gvern biex
issegwihom, ukoll inaqqsu l-forza dissważiva tal-ħidma tal-ANI, kif
ukoll jinvolvu telf ta' finanzi pubbliċi. Id-deċiżjoni
li tiġi żviluppata sistema ġdida għall-verifika ex-ante
rigward il-kunflitt ta' interess fil-proċess tal-għoti ta' kuntratti
ta' akkwist pubbliku hija attività addizzjonali prezzjuża għall-ANI.[17] Huwa
ovvjament mixtieq li kunflitti ta' interess potenzjali jkunu jistgħu
jiġu identifikati u evitati bil-quddiem, qabel jiġu ffirmati
l-kuntratti. Obbligu legali fuq l-awtoritajiet kontraenti biex iwieġbu
għall-problemi identifikati mill-ANI se jkun importanti biex is-sistema
taħdem. Importanti wkoll tkun dispożizzjoni li, jekk il-kuntratt
jibqa' għaddej u s-sentenza tal-ANI tiġi kkonfermata, l-uffiċjal
involut fil-kunflitt ta' interess ikun obbligat iħallas proporzjon minimu
tal-ispejjeż tal-kuntratt. Jekk jirnexxi, dan l-approċċ
għandu malajr jiġi estiż mill-fondi tal-UE
għall-proċeduri kollha ta' akkwist. Ikun loġiku
li jittieħdu l-lezzjonijiet mill-ħidma preżenti tal-ANI sabiex
jiġi mirqum il-qafas legali tagħha. Pakkett li qed jiġi diskuss
mal-gvern ikun jinkludi passi importanti bħall-kanċellazzjoni
immedjata ta' kuntratt meta deċiżjoni dwar kunflitt ta' interess
issir finali, iktar kontrolli fl-istadju tal-ħatra, u aċċess
iktar faċli għad-dikjarazzjonijiet ta' interess. Din tkun ukoll
opportunità tajba għall-ANI biex tmexxi kodifikazzjoni tal-qafas ta' integrità,
li għandha tiżgura wkoll li kwalunkwe ambigwitajiet li jiġu
perċepiti fil-qafas jitneħħew. Madankollu,
passi sensibbli bħal dawn jiffaċċaw l-inċertezza li
ħolqu d-diversi attentati fil-Parlament biex ixekklu l-effettività
tal-qafas tal-integrità.[18]
Dan jinkludi pereżempju, attentati biex jinbidlu r-regoli dwar
l-inkompatibiltajiet għal rappreżentanti eletti fis-sajf tal-2013 jew
l-attentati reċenti biex jiġi mmodifikat il-Kodiċi Kriminali,
bl-effett li kategoriji sħaħ ta' individwi jinsatru mir-regoli dwar
l-integrità inkluż il-kunflitt ta' interess (ara iktar 'l isfel). Dan
jinkludi wkoll każi fejn il-Parlament wera li ma għandux ir-rieda li
jimplimenta sentenza tal-ANI, anke meta din ikollha l-appoġġ ta'
deċiżjoni tal-qorti. Proposta tal-gvern biex tiġi emendata
l-liġi tal-ANI għalhekk għandha ssaħħaħ u
tikkonsolida r-rwol tal-ANI bħala test importanti tar-rieda politika li
jinżamm fis-seħħ qafas effettiv ta' integrità. Il-qafas tal-Integirtà
Il-Parlament Rapporti
preċedenti tal-MKV ġibdu l-attenzjoni wkoll għar-riskju li
r-regoli parlamentari kienu jidhru li jostru lill-parlamentari
mill-proċess tal-liġi.[19]
Ir-rapport tal-MKV ta' Jannar innota li l-Parlament kien addotta f'Jannar 2013
emendi għall-istatut tal-Membri Parlamentari, li biddlu l-proċedura
biex jitneħħew l-immunitajiet f'każi ta' tiftix, arrest jew
detenzjoni ta' membri parlamentari u l-prosekuzzjoni ta' eks-Ministri.
L-Istatut jidher li huwa pass li jgħin, billi jintroduċi iktar
ċarezza rigward l-inkompatibbiltà billi jiġi tterminat mandat, u
japplika skadenzi għall-kunsiderazzjoni parlamentari ta' talbiet
mill-prosekuzzjoni għal detenzjoni, arrest jew tifftixija ta'
parlamentari. Madankollu, ma jeħtieġx iċ-ċaħda ta'
prosekuzzjoni biex ikun motivat.[20] Minħabba
kontestazzjoni li saret fil-Qorti Kostituzzjonali, dawn id-dispożizzjonijiet
damu sa Lulju biex jidħlu fis-seħħ, u r-regolamenti ta'
implimentazzjoni u Kodiċi ta' Kondotta ġdid[21]
għadhom ma ġewx adottati. L-effettività tal-Istatut se jkollha
tiġi evalwata maż-żmien. Sfortunatament, il-prattika matul
il-ħarifa tal-2013 ma kinitx dejjem tindika li l-membri parlamentari kienu
qed ifittxu regoli ġodda biex jipprovdu enerġija ġdida
fil-proċedimenti.[22]
B'mod partikolari, it-tħassib li esprima r-rapport ta' Jannar kien rifless
f'sentenza tal-Qorti Għolja li kienet tikkonferma deċiżjoni
tal-ANI u ma ġietx implimentata mill-Parlament.[23]
2.3 It-trattament tal-korruzzjoni f'livell
għoli
Rapporti passati
tal-MKV u konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw ir-rekord tajjeb
tal-istituzzjonijiet responsabbli biex jittrattaw il-korruzzjoni f'livell
għoli bħala waħda mit-toroq l-aktar importanti li permezz
tagħhom ir-Rumanija qed tavvanza l-objettivi tal-MKV. Mill-aħħar
rapporti tal-Kummissjoni, kemm id-DNA fil-livell tal-prosekuzzjoni[24] kif
ukoll l-HCCJ fl-istadju tal-proċess[25]
żammew rekords tajbin f'ċirkustanzi diffiċli. Kemm f'termini ta'
akkużi kif ukoll ta' kundanni, l-applikazzjoni tas-sistema
ġustizzjarja lil personalitajiet politiċi b'saħħithom
kienet turija importanti ta' fejn tasal il-ġustizzja Rumena. Kien hemm titjib
sostanzjali fil-prassi tal-qrati, l-aktar f'dik li hija rapidità
tal-investigazzjoni tad-DNA u tas-sentenza.[26]
Ingħalqet lakuna sinifikanti, biex ma tippermettix kawża tiddewwem
permezz ta' riżenja minn post bħal membru parlamentari, u avukati
difensuri tar-ronda jkunu jinsabu disponibbli fil-Qorti Għolja biex ma
jippermettux li l-assenza ta' avukat difensur tintuża biex il-kawża
tiġi differita. It-trattament
tal-korruzzjoni fil-maġistratura[27]
huwa element importanti għall-kredibilità tas-sistema. Hawnhekk, saru
sforzi biex jitjiebu kemm il-koerenza kif ukoll id-dissważività
tas-sanzjonijiet permezz tal-proposta ta' abbozz ta' liġi biex
il-maġistrati titteħdilhom il-"pensjoni speċjali
għas-servizz" wara kundanna definittiva għal reati kriminali
b'intenzjoni, inkluża l-korruzzjoni.[28]
Madankollu,
jibqa' l-fatt li t-trattament tal-korruzzjoni fil-livell għoli
jiffaċċa ħafna ostakoli. Filwaqt li l-investigazzjonijiet,
l-akkużi u l-kundanni jinsabu għaddejjin, hemm evidenza li
l-korruzzjoni mhix dejjem tiġi ttrattata bħala delitt serju.
Fis-sistema ġudizzjarja, il-preċentwal għoli ta' sentenzi
sospiżi jidher li jirrifletti nuqqas ta' rieda min-naħa
tal-imħallfin li jaraw sal-aħħar il-konsegwenzi ta' verdett ta'
ħtija[29]
- f'kontradizzjoni mal-linji ġwida tal-Qorti Għolja nnifisha li
jirrigwardaw is-sentenzjar . Kwistjoni importanti oħra f'dan ir-rigward se
tkun li jitjiebu r-rekords tal-konfiska tal-assi u tal-irkupru tal-assi.
Konfiska estiża, biex tippermetti li jiġu kkonfiskati assi
mingħand il-qraba, għadha proċedura reċenti u li
relattivament rari tintuża.[30]
Din
ir-reluttanza hija enfasizzata meta l-politiċi Rumeni jagħmlu
stqarrijiet li jesprimu simpatija ma' dawk kundannati għall-korruzzjoni.
L-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli fuq Ministri li jitneħħew
mill-karigi tagħhom tagħti l-impressjoni ta' suġġettività.
Dan jista' jkun marbut mal-emendi għall-Kodiċi Kriminali li
għadda l-Parlament f'Diċembru 2013 mingħajr dibattitu minn qabel
jew konsultazzjoni pubblika. Korpi ġudizzjarji Rumeni, inkluża
l-Qorti Għolja u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura esprimew
tħassib serju rigward l-emendi, għar-raġunijiet li dawn ikollhom
l-effett li joħogu lill-parlamentari[31]
mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tkopri r-reati ta'
korruzzjoni bħat-tixħim, it-traffikar ta’ influwenza u l-abbuż
tal-kariga. Dejta tad-DNA turi li madwar 28 membru parlamentari ġew
ikkundannati jew għaddejjin minn proċess ġudizzjarju
għall-korruzzjoni.[32] Emenda oħra
kienet reġim modifikat tal-preskrizzjoni li jnaqqas sostanzjalment
il-perjodu ta' preskrizzjoni. Rapporti tal-MKV ħafna drabi kkummentaw fuq
ir-reġim tal-preskrizzjoni fir-Rumanija,[33] li jinkludi
dispożizzjoni relattivament mhux tas-soltu li l-preskrizzjoni
tispiċċa biss meta jkun hemm sentenza tal-aħħar istanza.
Dispożizzjonijiet oħra importanti jinkludu d-definizzjoni
mill-ġdid tal-kunflitt ta' interess sabiex titneħħa firxa
wiesgħa ta' kategoriji ta' persuni mir-responsabbiltà għal reat
kriminali.[34]
Emenda oħra ssuġġerita tidher li jkollha l-effett li
tneħħi kwalukwe konsegwenza għall-korruzzjoni minn dawk
ikkundannati u sentenzjati.[35] Dawn l-emendi
ġabu reazzjonijiet mill-maġistrastura Rumena,[36] u
mill-komunità internazzjonali.[37]
Kwistjoni li tqajjmet kien il-fatt li l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Korruzzjoni
tiddikjara li l-uffiċjali pubbliċi kollha li
għandhom kariga leġiżlattiva, eżekuttiva, amministrattiva
jew ġudizzjarja għandhom ikunu koperti mir-regoli li jirrigwardaw
il-korruzzjoni u l-kunflitt ta' interess.[38] F'Jannar
2014 il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija ddeċidiet li l-emendi ma kinux
kostituzzjonali, u kkwotat b'mod partikolari l-ħtieġa tar-rispett
għall-obbligi li joħorġu mil-liġi internazzjonali, kif
ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi li hija mnaqqxa
fil-Kostituzzjoni Rumena. Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali
kienet turija importanti ta' kontrolli u bilanċi fil-prattika, iżda
hija ħaġa stramba kif għaddew emendi li jidhru li jmorru
direttament kontra prinċipji importanti bħal dawn.
2.4 It-Trattament tal-korruzzjoni fil-livelli
kollha
Il-MKV
jeħtieġ ukoll sforzi qawwija biex jittratta l-korruzzjoni fil-livelli
kollha tas-soċjetà Rumena. L-istħarriġ kontinwament juri li
livell għoli ta' tħassib tal-pubbliku rigward il-prevalenza
tal-korruzzjoni.[39]
Filwaqt li l-fatt li personalitajiet bi profil għoli jinġiebu quddiem
il-qorti biex jiffaċċaw akkużi ta' korruzzjoni jista' jkollu
impatt pożittiv fuq il-perċezzjonijiet, l-indirizzar tal-korruzzjoni
fil-livelli kollha jeħtieġ ukoll sforzi kontinwi biex jitnaqqsu
l-opportunitajiet għall-korruzzjoni, u imbagħad jintwera li meta din
tinkixef ikun hemm il-konsegwenzi. Miżuri maniġerjali u perventivi
bħal dawn għadhom lura.[40]
L-Istrateġija
Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (National Anticorruption Strategy - NAS) hija
inizjattiva importanti li rnexxielha testendi qafas komuni għal varjetà
wiesgħa ta' istituzzjonijiet Rumeni. [41]
Ix-xogħol tagħha li tifrex l-aħjar prattika u
tinkoraġġixxi l-korpi pubbliċi biex jiddedikaw riżorsi u
attenzjoni lix-xogħol kontra l-korruzzjoni huwa kjarament prezzjuż.[42]
Il-pass li jmiss għandu jkun li jiġu applikati regoli aktar
konsistenti f'oqsma bħal valutazzjoni tar-riskju u standards tal-kontroll
intern. Fin-nuqqas ta' setgħat tal-infurzar,[43]
madankollu, l-Istrateġija tiddependi ħafna fuq il-prijoritizzazzjoni
tat-tmexxija tad-diversi istituzzjonijiet. Hemm modi li bihom jista' jintwera
l-impenn biex tiġi ttrattata l-korruzzjoni, bħar-rieda li jiġu
notifikati l-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni bi trasgressjonijiet:
il-fatt li istituzzjonijiet differenti għandhom varjetà wiesgħa ta'
rekords diversi fuq miżuri bħal dawn juri nuqqas ta' konsistenza
fl-approċċ. Approċċ
importanti ieħor għandu jkun li jiġi żgurat li politiki u
leġiżlazzjonijiet ġodda jkunu mfassla diġà bil-ħsieb
tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Eżempju ta' dan ikunu inizjattivi
għall-promozzjoni ta' deċentralizzazzjoni u
r-reġjonalizzazzjoni, fejn l-iżvilupp tat-teħid ta'
deċiżjonijiet finanzjarji għandu jkun akkumpanjat minn
valutazzjoni tar-riskju u passi biex jagħmlu tajjeb għal vulnerabilitajiet
ġodda.[44]
Proġetti
speċifiċi kontra l-korruzzjoni sostnuti minn fondi tal-UE,
pereżempju fil-Ministeri għall-Edukazzjoni, is-Saħħa,
il-Ġustizzja u l-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll fl-Aġenzija
Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali komplew għaddejjin, filwaqt
li rendew riżultati interessanti u eżempju possibbli tal-aħjar
prattiki. Il-Kummissjoni qed tistenna bil-ħerqa li tibni fuq dawk
l-inizjattivi meta tkun qed taħdem biex tiżviluppa proġetti
speċifiċi għall-perjodu ta' programmar li jmiss. Barra
mill-ħtieġa li jiġu limitati l-meżżi sabiex tiġi
evitata l-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess fl-akkwist pubbliku,
is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-iżgurar ta' iktar
stabbiltà joħorġu bħala kwistjonijiet ewlenin
mill-maġistrati u l-operaturi li jittrattaw l-akkwist pubbliku
fir-Rumanija.[45]
Diversi NGOs, negozji u esperti indipendenti rrappurtaw il-vulnerabilità
kontinwa li għandhom il-proċeduri tal-akkwist pubbliku
għall-korruzzjoni. Filwaqt li din mhix problema unika għar-Rumanija,
hemm ukoll il-kwistjoni ta' kapaċità amministrattiva biex jiġu
ttrattati l-proċeduri, b'mod partikolari fil-livell lokali, li titlob
għal attenzjoni partikolari, l-aktar min-naħa tal-prevenzjoni.
Kwistjoni importanti se tkun it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn
l-ANRMAP u l-ANI biex tiġi stabbilita sistema ex-ante ta' verifika
tal-kunflitt ta' interess fil-proċess tal-għoti ta' kuntratti ta'
akkwist pubbliku, inkluża l-estensjoni rapida tal-aproċċ minn
offerti għal fondi tal-UE għall-akkwist pubbliku Rumen kollu.
3. KONKLUŻJONI
U RAKKOMANDAZZJONIJIET
Din l-evalwazzjoni turi li r-Rumanija għamlet
progress f'ħafna oqsma mir-rapporti preċedenti tal-MKV. Ir-rekord
tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-integrità baqgħet
pożittiva. Tibdil neċessarju leġiżlattiv li ilu mistenni
baqa' għaddej skont l-iskeda, u spirtu ta' kooperazzjoni bejn
l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-Ministeru tal-Ġustizzja qed
jgħin biex il-kwistjonijiet maniġerjali jiġu ttrattati. F'dan
is-sens is-sitwazzjoni bbenefikat minn atmosfera politika iktar kalma
mir-rebbiegħa tal-2013 'l hawn. Madankollu, it-tħassib rigward l-indipendenza
għadu hemm u għad baqa' ħafna eżempji ta' reżistenza
għall-miżuri ta' integrità u kontra l-korruzzjoni fil-livelli
politiċi u amministrattivi. L-emenda mħaffa u nieqsa mit-trasparenza
għall-Kodiċi Kriminali f'Diċembru 2013 qajjmet tħassib
mifrux ħafna għaliex kienet sfida fundamentali lir-reġim legali
biex jittratta l-korruzzjoni u jippromwovi l-integrità, anke jekk il-Qorti
Kostituzzjonali wriet li kienu qed jaħdmu l-kontrolli u l-bilanċji
meta ddikjaratha mhux kostituzzjonali. Il-miżura importanti ta'
ħatriet kruċjali turi stampa mħallta, b'uħud
mill-proċeduri joperaw b'mod miftuħ, trasparenti u bbażati fuq
il-meritu filwaqt li oħrajn huma miftuħa għall-kritika minħabba
interferenza politika. Din l-istampa għandha konsegwenzi safejn
il-proċess tar-riforma fir-Rumanija jista' jidher sostenibbli.
Ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni fil-konfront ta'
pressjoni kontinwa wriet li l-approċċ ta' riforma xenxel
l-għeruq f'taqsimiet importanti tas-soċjetà Rumena. B'kuntrast
għal dan, il-prontizza li biha l-pedamenti ta' riforma jistgħu
jiġu kkontestati fil-Parlament serviet bħala tfakkira li ma hemmx
kunsens biex jiġu segwiti l-objettivi tal-MKV.
Il-Kummissjoni tistieden lir-Rumanija biex tieħu
azzjoni fl-oqsma li ġejjin:
L-Indipendenza tal-Ġudikatura
Id-difiża
tal-indipendenza tal-ġudikatura mit-tmexxija ġudizzjarja
jeħtieġ li tkompli. L-Integrità u l-professjonaliżmu
jeħtieġ li jkunu l-fatturi ewlenin li jiggwidaw proċeduri
ċari dwar il-ħatriet. F'dan il-qasam ir-Rumanija għandha: ·
Tiżgura
li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-parlamentari jkun jinkludi
dispożizzjonijiet ċari sabiex il-membri u l-proċess parlamentari
jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura, u b'mod partikolari
d-deċiżjonijiet ġudizzjarji; ·
Tipprovdi
l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Kunsill Superjuri
tal-Maġistratura jikkonsolida l-kompitu tiegħu li jipproteġi
l-indipendenza ġudizzjarja u li jagħti appoġġ lil
maġistrati individwali li jiffaċċaw kontestazzjonijiet li jmissu
l-indipendenza ġudizzjarja; ·
Tieħu
l-opportunità tar-reviżjoni possibbli tal-Kostituzzjoni biex issegwi
d-dipożizzjonijiet eżistenti dwar is-separazzjoni tal-poteri
b'dikjarazzjoni ċara dwar l-obbligu tal-fergħat tal-eżekuttiv u
dak leġiżlattiv li jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura; ·
Tagħmel
sforzi aktar affidabbli rigward informazzjoni/sensibilizzazzjoni immirati lejn
il-mezzi tal-informazzjoni u l-pubbliku dwar l-irwol u l-istatus
tal-ġudikatura u dwar il-kawżi li jkunu jinsabu għaddejjin.
Ir-Riforma ġudizzjarja
Il-progress li
sar fit-titjib tal-konsistenza tal-ġurisprudenza u l-prassi
ġudizzjarja għandhom jitjiebu, inklużi miżuri biex
il-proċedimenti fil-qrati jitħaffu u biex isir użu minn
opportunitajiet ġodda bħall-konfiska estiża. F'dan il-qasam
ir-Rumanija għandha: ·
Tkompli
tħabrek biex tindirizza l-kwistjonijiet tal-volum ta' xogħol u
tgħaddi l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex
tirristruttura s-sistema tal-qrati; ·
Tgħammar
lill-maniġment ġudizzjarju bl-għodod ta' informazzjoni
meħtieġa dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja
(bħall-għodod statistiċi, il-ġestjoni tal-kawżi,
stħarriġ dwar l-utenti u stħarriġ dwar il-persunal)
għal teħid ta' deċiżjonijiet aktar infurmat u biex jintwera
progress; ·
Tiżgura
l-pubblikazzjoni kompleta u fil-ħin u l-aġġornament kontinwu
tad-deċiżjonijiet u l-motivazzjonijiet kollha tal-qrati; ·
Tiżgura
proċess li jinvolvi l-professjonijiet kollha legali u l-amministrazzjoni
pubblika; ·
Tiffinalizza
l-proċedimenti tal-liġi li tirrigwarda l-pensjonijiet
tal-maġistrati li jiġu kkundannati għal reati kriminali; ·
Ttejjeb
is-segwitu tas-sentenzi tal-qrati fil-livelli kollha biex tiżgura li
d-deċiżjonijiet u l-penali finanzjarji jiġu implimentati kif
suppost. 3. L-Integrità Il-progress li
sar fil-qafas dwar l-integrità jeħtieġ li jiġi kkonsolidat billi
jiġi ċċarat il-qafas legali biex jiżgura li ma
jitħallew barra ebda dubji rigward l-applikazzjoni tiegħu. F'dan
il-qasam ir-Rumanija għandha: ·
Tiżgura
li ma jkunx hemm eċċezzjonijiet għall-applikabbiltà
tal-liġijiet dwar inkompatibilitajiet, kunflitt ta' interess u ġid
mhux ġustifikat; ·
Il-gvern
u l-ANI għandhom jaħdmu flimkien u jipproponu leġiżlazzjoni
biex jitjieb il-qafas tal-integrità; ·
Timplimenta
l-kontroll ex-ante tal-akkwist pubbliku fl-ANI, bil-għan li
testendi din il-forma minn fondi UE biss għall-proċeduri kollha
tal-akkwist pubbliku; ·
Tiżgura
li l-implimentazzjoni tal-Istatut Parlamentari ġdid jimmassimizza
l-awtomaċità li biha jiġu applikati d-deċiżjonijiet finali
tal-qorti.
Il-Ġlieda kontra
l-korruzzjoni
Ir-riżoluzzjoni
li biha ġiet applikata l-liġi għall-korruzzjoni fl-livell
għoli teħtieġ tinżamm u tiġi estiża
għall-korruzzjoni fuq skala żgħira. F'dan il-qasam ir-Rumanija
għandha: ·
Tiżgura
li l-liġijiet dwar il-korruzzjoni japplikaw l-istess għal
kulħadd fuq bażi ugwali ·
Ittejjeb
il-konsistenza u d-dissważività tal-penali applikati fil-kawżi ta'
korruzzjoni fil-qrati kollha madwar ir-Rumanija; ·
Ittejjeb
l-isforzi fil-prosekuzzjoni ta' korruzzjoni fuq skala żgħira; ·
Tiżviluppa
Strateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni biex tintroduċi parametri
referenzjarji u obbligi aktar konsistenti għall-amministrazzjoni pubblika,
u r-riżultati tagħmilhom pubbliċi. [1] COM(2012)410 finali [2]
24 ta' Settembru 2012 [3]
COM(2013)47 finali L-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu kienu
approvati fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għall- Affarijiet
Ġenerali fil-11 ta' Marzu 2013. [4] COM(2012) 410 finali ,
COM(2013) 47 finali [5] F'edizzjoni
speċjali Nru 385 tal-Ewrobarometru dwar il-ġustizzja, il-fiduċja
tal-pubbliku Rumen fil-ġudikatura, b'44%, ma kinitx wisq taħt il-medja
tal-UE (53%) u r-Rumanija kienet fis-17-il post mill-UE-28 f'dik li hija
fiduċja. [6] COM (2013) 47 finali,
p 4 [7] Tasqsima 1.1.1.
tar-Rapport Tekniku [8]
Pereżempju, COM(2012) 410 finali sejħet għal "proċess
trasparenti u oġġettiv ta’ ħatriet [għall-istituzzjonijiet
kontra l-korruzzjoni], permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa bl-użu ta’
kriterji ċari, li timmira għat-tmexxija l-aktar b’saħħitha
possibbli u bil-għan ta’ kontinwità fil-funzjonament ta’ dawn
l-istituzzjonijiet". Ara wkoll il-konklużjonijiet mill-Kunsill
tal-Ministri, l-aktar reċenti tat-13 ta' Marzu 2013. [9] Tasqsima 1.5.
tar-Rapport Tekniku [10] Tasqsima 1.5.
tar-Rapport Tekniku [11] Tasqsima 1.2.2.
tar-Rapport Tekniku [12] Tasqsima
1.2.2. tar-Rapport Tekniku [13] Taqsima 1.3.2
tar-Rapport Tekniku tiddeskrivi l-inizjattivi differenti li ttieħdu
s'issa. [14] Ara pereżempju
COM(2012) 410 finali, p. 8 [15] Taqsima 1.4.4.
tar-Rapport Tekniku Din it-taqsima tinnota wkoll il-proporzjon kbir ta'
kawżi li ġew kontestati b'suċċess fil-Qorti Għolja,
biex b'hekk l-effettività tal-miżuri ġiet kompromessa. [16] Taqsima 2.1.3.
tar-Rapport Tekniku [17] It-taqsima 2.1.4.
tar-Rapport Tekniku tiddeskrivi l-proċess maħsub fid-dettall. [18] COM(2012) 410 finali,
p. 14 tiddeskrivi eżempji minn snin reċenti.. [19]
Pereżempju COM(2012) 410 finali, p. 14 [20] COM(2013) 47 finali, p.
7 irrakkomandat li “Għandha tingħata ġustifikazzjoni
sħiħa jekk il-Parlament ma jħallix l-infurzar normali
tal-liġi jitwettaq.” [21] Il-President tal-Kamra
tad-Deputati esprima atteġġament miftuħ biex il-Kodiċi ta' Kondotta
jkun ispirat mill-prassi internazzjonali, b'abbozz mibgħut lill-Parlament
Ewropew f'Diċembru 2013. [22] Taqsima 2.2.
tar-Rapport Tekniku [23] Anke wara
appoġġ ċar mill-HCCJ u l-Qorti Kostituzzjonali f'kawża li
tirrigwarda Senatur. [24] Is-sena 2013 rat
żieda sinifikanti fl-għadd ta' imputati (1073 b'kollox). Ara
t-tasqsima 3.2.3. tar-Rapport Tekniku [25] Il-Qorti Għolja rrappurtat
ċifri li huma ta' manjitudni komparabbli maċ-ċifri tal-2012. Ara
t-tasqsima 3.1. tar-Rapport Tekniku [26] Minn 205 kawżi
tad-DNA li fihom deċiżjonijiet finali ttieħdu fil-perjodu ta'
referenza, il-maġġoranza (madwar 73%) irċevew soluzzjoni f'inqas
minn 4 snin (li fosthom, il-maġġoranza rċevewha fi żmien
sentejn). Ara t-tasqsima 3.1. tar-Rapport Tekniku [27] Xi kawżi
reċenti ġew irrapportati kemm mill-HCCJ kif ukoll id-DNA. [28] Dan l-abbozz ta'
liġi għadda mill-Kamra tad-Deputati iżda għadu quddiem
is-Senat. [29] Fil-kawżi li
mexxiet id-DNA bejn l-1 ta' Jannar 2013 u
l-15 ta' Ottubru 2013, 853 imputat ġew ikkundannati
għal priġunerija. Eventwalment, 22,2% (189 kundanna) ġew
deċiżi li jiġu esegwiti f'detenzjoni u 77,8% (664 kundanna)
ġew deċiżi b'sospensjoni tas-sentenza (jew - sospensjoni
b'kundizzjoni, jew sospensjoni taħt sorveljanza). Ara t-tasqsima 3.6.1.
tar-Rapport Tekniku [30] Il-Ministeru
għall-Ġustizzja rrapporta li l-liġi tal-2012 dwar il-konfiska
kienet ġiet implimentata mill-prosekuzzjoni bejn l-1 ta' Jannar
u l-1 ta' Settembru 2013 f'34 kawża. Deċiżjoni
tal-qorti waħda biss li tinvolvi l-konfiska estiża ġiet adottata
u l-kawża bħalissa tinsab taħt appell fil-Qorti Għolja ta'
Kassazzjoni u l-Ġustizzja. [31] Kif ukoll il-President
u persuni li jħaddmu professjoni bħal avukati, nutara jew bailiffs. [32] Tasqsima 3.2.1.
tar-Rapport Tekniku [33] COM(2012) 410 finali
rrakkomandat li l-perjodi ta' preskrizzjoni jiġu sospiżi hekk kif
tibda investigazzjoni ġudizzjarja. [34] Iktar minn 100 sindku u
viċi-sindku bħalissa jinsabu għaddejjin minn proċess
ġudizzjarju għal ksur fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tad-DNA. [35] Il-konsiderazzjoni
għal din l-emenda ġiet posposta. [36] Ara pereżempju
l-istqarrija għall-istampa tad-DNA: http://www.pna.ro/comunicat.xhtml?id=4510&jftfdi=&jffi=comunicat;
u l-HCCJ: http://www.scj.ro/sesizari%20CC/Hot%20SU%201%202013.pdf [37] Ara pereżempju
r-reazzjoni tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti fir-Rumanija http://romania.usembassy.gov/policy/media/pr-12112013.html [38] Ara pereżempju,
l-Artikolu 4(5) propost tal-Proposta għad-Direttiva dwar il-COM(2012)
363 finali tal-11.7.2012. dwar il-ġlieda kontra l-frodi
għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali
COM(2012) 363 finali tal-11.7.2012. Dan huwa wkoll skont il-Konvenzjoni tan-NU
dwar il-Korruzzjoni, li tiddefinixxi uffiċjali pubbliċi bħala li
jaqgħu taħt ir-regoli dwar il-korruzzjoni bħal kwlunkwe persuna
li għandha kariga leġiżlattiva, eżekuttiva, amministrattiva
jew ġudizzjarja ta' Stat Parti, sew jekk maħtura sew jekk eletta. [39] Ara l-Ewrobarometru Nru°
374 ta' Frar 2012, http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_374_en.pdf u l-Indiċi
tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni: "Transparency International
2013" http://cpi.transparency.org/cpi2013/results/ [40] Bħala
eżempju, ta' min jinnota li ħafna sindki kienu f'qagħda ta'
inkompatibbiltà meta ma ttieħdet ebda azzjoni sakemm l-ANI bdiet
tenfasizza l-problema. Għaldaqstant il-kontrolli amministrattivi
eżistenti kienu fallew. [41] Pereżempju,
kważi 80 % tal-awtoritajiet lokali issa qed jipparteċipaw fl-Istrateġija,
wara li nnominaw persuni ta' kuntatt għall-attivitajiet relatati
mal-implimentazzjoni tan-NAS. [42] In-NAS għandha
wkoll portal, li joffri l-possibbiltà li jirraporta dejta dwar indikaturi ta'
miżuri preventivi kif ukoll awtovalutazzjonijiet tal-istituzzjonijiet
pubbliċi. [43] Lil hinn minn lista
sewda ta' dawk li ma ppubblikawx ir-rapporti tagħhom. [44] Il-liġi dwar
id-deċentralizzazzjoni dan l-aħħar kienet is-suġġett
ta' kontestazzjoni b'suċċess fil-Qorti Kostituzzjonali. [45] Pereżempju,
il-fatt li saru diversi modifiki fil-liġi dwar il-Qafas Ġenerali
tal-Akkwist Pubbliku f'inqas minn sena, ħoloq ħafna konfużjoni.
Barra minn hekk, iż-żieda fil-limiti tal-proċess tal-akkwist
pubbliku li jista' jsir mingħajr il-proċeduri miftuħa ta'
offerti żżid il-vulnerabilitajiet.