Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP0047

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/007 IE/Andersen Ireland, mill-Irlanda) (COM(2014)0616 – C8-0173/2014 – 2014/2098(BUD))

ĠU C 285, 5.8.2016, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 285/21


P8_TA(2014)0047

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/007 IE/Andersen Ireland – Irlanda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/007 IE/Andersen Ireland, mill-Irlanda) (COM(2014)0616 – C8-0173/2014 – 2014/2098(BUD))

(2016/C 285/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0616 – C8-0173/2014),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interinstituzzjonali tas-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0024/2014),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tat-talbiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi tagħhom stess;

D.

billi l-Irlanda ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2014/007 NL/IE/Andersen Ireland għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 171 sensja f'Andersen Ireland Limited li topera fin-NACE Rev.2 diviżjoni 32 (“Manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati”) matul il-perjodu ta' referenza mill-21 ta' Ottubru 2013 sal-21 ta' Frar 2014,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.

Josserva li l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament FEG, b'deroga mill-kriterji tal-Artikolu 4(1)(a), li jeħtieġu tal-anqas sensja ta' 500 ħaddiem jew il-waqfien tal-attività tal-persuna li taħdem għal rasha, matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża li tinsab fi Stat Membru;

2.

Jaqbel mal-Kummissjoni li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mressqa mill-awtoritajiet Irlandiżi, primarjament il-fatt li s-sensji jħallu impatt serju fuq il-qgħad reġjonali u fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, jiġġustifikaw deroga għal-limitu ta' 500 sensja skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament FEG, u li, għaldaqstant, l-Irlanda għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

3.

Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-16 ta' Mejju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ottubru 2014; jilqa' favorevolment il-perjodu ta' evalwazzjoni rapidu ta' inqas minn ħames xhur;

4.

Iqis li l-171 sensja f'Andersen Ireland Limited huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, inkwantu l-importazzjonijiet qabżu b'erba' darbiet is-settur tal-ġojjellerija tal-UE fi żmien erba' snin (mill-2008 sal-2012), li 95 % minnhom huma mill-Asja;

5.

Josserva li din hija l-ewwel applikazzjoni għall-FEG għal ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati, settur li jbati wkoll miż-żieda fil-bejgħ online u li għalhekk jista' jkompli jiddgħajjef;

6.

Josserva li dawn is-sensji se jaggravaw ulterjorment is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjun, billi Andersen Ireland kienet tħaddem ħafna nies f'din iż-żona, prevalentement rurali, li kienet tirreġistra diġà rata ta' qgħad (39,3 %) aktar mid-doppju meta mqabbla mal-medja nazzjonali (19 %);

7.

Jinnota li, apparti l-ħaddiema ssensjati, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jipprovdu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 138 żagħżugħ taħt l-età ta’ 25 sena barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), u li jżidu l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri għal 276 persuna; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċertezza tal-mod kif in-NEETs fil-mira għandhom jiġu identifikati; jappella lill-awtoritajiet Irlandiżi biex iżommu f'moħħhom il-kriterji soċjali u jiżguraw li l-għażla tal-benefiċjarji għall-appoġġ mill-FEG tkun tirrispetta kompletament il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs;

8.

Ifakkar li l-azzjonijiet proposti għandhom ikunu adattati sabiex iqisu d-differenzi bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u n-NEETs;

9.

Jistenna li fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu jkun hemm lista separata ta’ miżuri finanzjarji għan-NEETs fil-mira;

10.

Jinnota li t-taħriġ disponibbli għan-NEETs għandu jkun inklussiv u għandu jinkludi s-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà inklużi l-gruppi żvantaġġati;

11.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-21 ta' Ottubru 2013, ferm qabel id-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

12.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jiġi kofinanzjat se jimmira li joffri l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' opportunitajiet ta' impjieg f'żona li fiha jeżistu ftit setturi jew siti ta' produzzjoni f'espansjoni, u li se jkun neċessarju titjib sinifikanti tal-ħiliet tal-ħaddiema ssensjati;

13.

Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mas-sħab soċjali; jilqa' favorevolment l-intenzjoni li jitwaqqaf forum konsultattiv biex jikkomplementa x-xogħol tal-Unità tal-Koordinament tal-FEG bil-għan li lill-ħaddiema ssensjati joffrilhom l-possibbiltà li jikkontribwixxu b'mod kontinwu fl-implimentazzjoni tal-programm tal-FEG;

14.

Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Unità tal-Koordinament tal-FEG, li se sservi bħala punt ta' kuntatt uniku għall-ħaddiema ssensjati u għan-NEETs, fil-viċinanzi immedjati tal-lokalità milquta;

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-jum miftuħ għall-pubbliku fuq livell lokali kemm għall-ħaddiema ssensjati kif ukoll għan-NEETs biex tintwera l-firxa ta' appoġġi disponibbli taħt il-programm u biex benefiċjarji prospettivi tal-FEG jingħataw l-opportunità li jiddiskutu l-għażliet mal-fornituri tas-servizz;

16.

Josserva li s-servizzi personalizzati li se jingħataw lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu f'dawn l-azzjonijiet li ġejjin, li flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati: appoġġ ta' gwida okkupazzjonali u ppjanar tal-karriera, għoti ta' taħriġ tal-FEG, programmi ta' taħriġ u edukazzjoni tat-tieni livell, programmi edukattivi tat-tielet livell, appoġġ fit-taħriġ minn Skillsnets, appoġġ għall-impriżi/dawk li jaħdmu għal rashom, appoġġ tad-dħul fosthom kontribuzzjonijiet għall-ispiża tal-kors;

17.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fost l-azzjonijiet proposti, hemm l-idea ta' azzjoni ta’ appoġġ għat-taħriġ Skillnets, fejn it-taħriġ huwa maħsub għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol f’kumpaniji li joperaw fl-istess settur industrijali jew żona ġeografika;

18.

Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ tad-dħul se jkunu limitati strettament għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett ġenerali tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament FEG;

19.

Jinnota n-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-estimi tal-ammonti li għandhom jingħataw bħala appoġġ għall-impriżi jew għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom; iqis li l-għadd ta’ benefiċjarji attwali jista’ jkun differenti mill-estimi li jirriżultaw f’distribuzzjoni differenti tal-ispejjeż totali stimati; jinnota r-rwol importanti tal-Bordijiet tal-Intrapriża Lokali fi provvista ta' servizzi “soft” u appoġġi “hard”, u b'mod partikolari fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-proposti ta' negozju u l-għoti ta' ammonti ta' appoġġ, sa massimu ta' EUR 15 000;

20.

Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

21.

Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

22.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni FEG/2014/007 IE/Andersen Ireland, mill-Irlanda)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/877/UE.)


Top