Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AR3236

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol mhux Iddikjarat

    ĠU C 415, 20.11.2014, p. 37–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/37


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol mhux Iddikjarat

    2014/C 415/08

    Relatur

    is-Sur Dainis Turlais (Latvja, ALDE)President tal-Kummissjoni tas-sigurtà, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kwistjonijiet tal-ordni pubbliku, Kunsill Muniċipali ta' Riga

    Dokument ta' referenza

    Proposta għal Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat

    COM(2014) 221 final

    I.   PUNTI ĠENERALI

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jagħraf li jeħtieġ li l-ġlieda kontra dan il-fenomenu tkun koordinata u konġunta sabiex fl-Unjoni Ewropea jinżammu standards għoljin ta' impjieg, jiġu evitati konsegwenzi soċjali u ekonomiċi ibsin u jiġu riżolti l-problemi marbuta mal-mobbiltà tal-ħaddiema, kif ukoll jintuża l-kapital uman b'mod iktar komplet u effikaċi;

    2.

    jappoġġja l-proposta li fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjattaforma jiġi inkluż ix-xogħol indipendenti fittizju. Dan huwa essenzjali peress li x-xogħol indipendenti dikjarat b'mod falz, fejn l-għan huwa li jiġu evitati l-obbligi legali jew fiskali, jipproduċi effetti ħżiena simili għal dawk tax-xogħol mhux iddikjarat, b'mod partikolari fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-finanzjament tagħhom fuq medda twila ta' żmien;

    3.

    jirrikonoxxi li l-Pjattaforma Ewropea proposta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat tikkostitwixxi kontribut konkret għall-isforzi li qed isiru bħalissa sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi bil-għan mhux biss li tiżdied ir-rata tal-impjieg u jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 iżda wkoll sabiex titjieb il-kwalità tal-impjieg u tas-sigurtà fuq il-post ix-xogħol fl-Unjoni Ewropea;

    4.

    jirrimarka li r-rapport tal-Eurofound (1) jisħaq li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-programmi ta' awsterità (fis-sens wiesa' tal-kelma) u d-daqs u l-iżvilupp tal-ekonomija mhux iddikjarata. Għaldaqstant jiddispjaċih li hemm distakk bejn id-dgħufija tal-ekonomiji li jużaw miżuri ta' awsterità u l-potenzjal tal-ekonomiji possibbli permezz tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

    5.

    huwa tal-istess fehma tal-Kumissjoni li tqis li x-xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet baġitarji serji minħabba li jinvolvi tnaqqis fid-dħul fiskali u tas-sigurtà soċjali, u għaldaqstant għandu impatti negattivi fuq l-impjiegi, il-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u fuq it-tagħlim tul il-ħajja. Dan iwassal għal drittijiet aktar baxxi tal-pensjoni u anqas aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa jisħaq li x-xogħol mhux iddikjarat huwa theddida serja għall-koeżjoni soċjoekonomika;

    6.

    jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet huma ta' importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li t-tnaqqis fid-dħul fiskali għandu impatt negattiv fuq id-dħul baġitarju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali filwaqt li jżid l-infiq tagħhom maħsub sabiex jiggarantixxi l-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadini. Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu l-effett fit-terminu qasir u twil li jnaqqas il-pagi fis-suq tax-xogħol affettwat, u għal dawk il-persuni li jaħdmu b'dan il-mod, dan ifisser in-nuqqas ta' kura tas-saħħa diretta, ta' sigurtà soċjali kif ukoll pensjoni mnaqqsa b'mod sinifikanti meta mqabbla ma' dik ta' min hu impjegat legalment. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali kkonċernati mill-problema tax-xogħol mhux iddijarat ikollhom anqas possibbiltà li jestendu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu liċ-ċittadini u jtejbu l-kwalità b'mod sostenibbli;

    7.

    jiddeplora l-fatt li fil-proposta tal-Kummissjoni ma tissemmiex l-importanza li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni stess, u jtenni li sikwit il-livell lokali u reġjonali huwa l-eqreb ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol u ta' ħafna mill-impjegaturi u li s-suq tax-xogħol huwa b'mod predominanti suq lokali (2);

    8.

    f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, meta tqis il-kooperazzjoni li diġà tinsab fis-seħħ bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, dawk tal-ħaddiema jew il-korpi għall-impjieg, kif ukoll il-prattiki tajbin f'dan il-qasam żviluppati fil-livelli lokali u reġjonali. Fil-fatt, azzjoni min-naħa tal-atturi lokali hija deċiżiva għas-suċċess tal-pjattaforma, fid-dawl tal-fatt li huma jsegwu mill-qrib il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u jifhmuhom l-aħjar. Skont dak li hu previst li jsir bin-netwerk tal-EURES, nistgħu ninkludu wkoll is-sħubiji tas-soċjetà ċivili bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-pjattaforma;

    9.

    huwa tal-fehma li l-pjattaforma, maħsuba għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajbin u d-definizzjoni ta' prinċipji komuni, tista' ġġib magħha valur miżjud importanti fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u għall-ħtieġa li jintużaw b'mod aktar effikaċi r-riżorsi umani u ekonomiċi disponibbli. Il-pjattaforma għandha l-possibbiltà li tippromovi pjanifikazzjoni koerenti tal-miżuri li jridu jiġu adottati għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li, madankollu, jitqies il-karattru ġeneralizzat tal-fenomenu kif ukoll niftakru li l-eliminazzjoni tiegħu teħtieġ li jiġu applikati miżuri speċifiċi mmirati;

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    10.

    għandu riżervi dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tiġġustifikax b'mod aktar sostanzjali l-kompatibilità bejn l-obbligu propost tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-pjattaforma mal-bażi legali tal-proposta, l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jippermetti biss miżuri intiżi sabiex iħajru koperazzjoni bejn l-Istati Membri; jinnota wkoll li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità hija limitata għall-ġustifikazzjoni tal-għażla tal-istrument legali (Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u ssemmi l-valur miżjud ġenerali tal-proposta minflok ma tiġġustifika l-parteċipazzjoni obbligatorja fil-pjattaforma; għalhekk, il-KtR jesprimi riżervi dwar il-konformità tan-natura obbligatorja tal-proposta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    11.

    jinsisti dwar il-ħtieġa li ma jkunx hemm dewmien fl-applikazzjoni ta' miżuri effikaċi u aċċessibbli. Dan għandu jseħħ fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju;

    12.

    jinnota li sabiex jitwettqu b'mod effettiv l-għanijiet tal-pjattaforma, jeħtieġ li nibbażaw fuq l-għarfien u l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li dawn jikkooperaw mas-servizzi tal-impjieg, il-korpi tas-sigurtà soċjali, il-partijiet konċernati u n-netwerks formali u informali taċ-ċittadini u dawn għandhom esperjenza diretta u għarfien li għandu x'jaqsam mal-kwistjoni tal-eżistenza tal-ekonomija moħbija fil-livelli lokali u reġjonali;

    13.

    jenfasizza li meta tadotta strateġiji ta' livell reġjonali jew Ewropew sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat, il-pjattaforma għandha tikkollabora mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ma jkunux f'kuntradizzjoni ma' dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u biex ma jwasslux għal spejjeż finanzjarji u amministrattivi supplementari. Għalhekk għandha tiġi garantita flessibbiltà ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f'termini tan-natura tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet li jsiru mill-pjattaforma;

    14.

    jindika li x-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu partikolarment negattiv: iċaħħad lill-ħaddiem mill-possibbiltà li jibbenefika minn kura tas-saħħa adegwata f'każ li jisfa vittma ta' inċident fuq ix-xogħol, jimrad jew isofri minn marda marbuta mal-professjoni, kif ukoll li jibbenefika mill-għajnuna soċjali pubblika li għandu d-dritt għaliha kull min għandu assigurazzjoni soċjali; ix-xogħol mhux iddikjarat jesponi lill-ħaddiem ukoll għar-riskju tal-faqar meta jasal fl-età li jirtira. Barra minn hekk, dan kollu jnaqqas ukoll il-finanzjament disponibbli biex jiġu estiżi s-servizzi pubbliċi u titjieb il-kwalità. Barra minn hekk, ta' spiss huma n-nisa u ż-żgħażagħ li jkunu implikati fix-xogħol mhux iddikjarat, sitwazzjoni li hija kompletament inaċċettabbli għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-ħtieġa li jiġu promossi kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni għal sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-aspetti negattivi tax-xogħol mhux iddikjarat sabiex il-gruppi differenti taċ-ċittadini, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, jiġu informati b'mod effikaċi dwar il-firxa ta' dan il-fenomenu u dwar ir-riperkussjonijiet negattivi għall-ekonomiji nazzjonali u l-livell tal-għajxien taċ-ċittadini, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali tul il-ħajja kollha kif ukoll il-possibbiltajiet li jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iwessgħu l-firxa ta' servizzi li joffru u jtejbu l-kwalità tagħhom. Huwa jenfasizza li r-responsabbiltà hija f'idejn l-individwu u anke l-impjegatur potenzjali;

    16.

    jinnota kif minħabba r-rabta diretta li dawn għandhom mal-popolazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom mal-impjegaturi li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jekk jirċievu appoġġ nazzjonali, jistgħu jagħmlu kontribut sinifikanti fl-identifikazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat u jgħinu lill-ħaddiema, b'mod partikolari l-aktar gruppi vulnerabbli, sabiex jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol iddikjarat;

    17.

    josserva li jeħtieġ mhux biss li niġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat iżda wkoll innaqqsu l-ġibda lejn dan it-tip ta' attività u nippromovu l-impjieg legali bi tnaqqis fl-ispejjeż fiskali u amministrattivi, fejn adatt;

    18.

    itenni li jeħtieġ li niġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat billi nikkunsidraw il-kuntest usa' tal-migrazzjoni, peress li l-possibbiltà li wieħed jagħmel xogħol ta' dan it-tip hija wieħed mill-fatturi li jħeġġu l-fluss tal-migranti illegali u l-isfruttament tagħhom fis-suq tax-xogħol (3);

    Atturi, għanijiet u attivitajiet tal-pjattaforma

    19.

    jilqa' l-fatt li ser ikunu assoċjati mal-pjattaforma, bħala osservaturi, l-imsieħba soċjali, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u l-Istati taż-ŻEE, u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa, jingħata dan l-istess statut ta' osservatur, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 1(3) tal-proposta;

    20.

    huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġi evitat ir-rikors għal approċċ minn isfel għal fuq u li tittieħed azzjoni fuq il-kawżi soċjali tax-xogħol mhux iddikjarat fil-livell lokali billi l-azzjonijiet jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ġeografiċi differenti;

    21.

    jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jintużaw strumenti effikaċi għall-ħidmiet tal-pjattaforma: bank ta' għarfien, fiduċja reċiproka u akkumulazzjoni ta' esperjenzi, taħriġ komuni u skambju ta' persunal, jew anki linji gwida u prinċipji ta' funzjonament komuni. Fil-kuntest ekonomiku attwali, dawn il-forom ta' kollaborazzjoni jassumu importanza partikolari billi joffru l-possibbiltà li r-riżorsi umani u finanzjarji jintużaw bl-aktar mod effikaċi;

    22.

    jenfasizza l-importanza li jiġu promossi proġetti fi ħdan u bejn l-Istati Membri għall-iskambju tad-data fost korpi pubbliċi li jaħdmu fil-qasam tal-impjieg u l-għajnuna soċjali bil-għan li jkun hemm għarfien aħjar tal-problema u li jiġu esposti iżjed faċilment il-każi ta' frodi;

    23.

    jappoġġja l-intenzjoni espressa li jiġu organizzati kampanji dwar ix-xogħol mhux iddikjarat fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex il-popolazzjoni tiġi inforamta dwar id-danni li x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju jagħmlu lis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, lis-sistemi tas-sigurtà soċjali, lill-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali, u għaldaqstant lis-soċjetà kollha kemm hi. Minħabba d-dimensjoni li għandu bħalissa l-Ewroxettiċiżmu fl-Ewropa, ikun partikolarment importanti li jitjieb l-għarfien tas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali dwar il-vantaġġi li jinkisbu kieku l-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri jkunu koordinati fil-livell Ewropew;

    24.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, jew lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom tul il-proċess sabiex f'kull Stat Membru jinħatar punt ta' kuntatt uniku, bħala membru tal-pjattaforma, kif ukoll sostitut possibbli;

    25.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-punti ta' kuntatt tagħhom sabiex jiddeterminaw b'mod ċar ir-rappreżentanti pertinenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew tal-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom li magħhom ser ikollhom djalogu strutturat u jiskambjaw b'mod regolari informazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat sabiex b'hekk jiżguraw li r-rappreżentanti tal-livell nazzjonali jkollhom aċċess għall-għarfien u l-esperjenzi miksuba fil-livell lokali u reġjonali. Dan l-approċċ jiżgura b'hekk li l-informazzjoni dwar il-progress imwettaq fil-livell tal-Istati u dak tal-Unjoni Ewropea jasal ukoll sal-livelli lokali u nazzjonali.

    Miżuri oħra

    26.

    huwa tal-fehma li l-istrumenti użati mill-pjattaforma għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu imsieħba effikaċi għall-awtoritajiet nazzjonali fil-kwistjoni tal-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat;

    27.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Eurostat sabiex jiġbru u jipproċessaw għadd akbar ta' data u data ta' kwalità ogħla dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, inkluż dak fil-livell lokali u reġjonali, sabiex b'hekk jitjieb il-fehim dwar din il-problema u jsir kontribut għar-riżoluzzjoni tagħha;

    28.

    jenfasizza li huwa importanti li jkun żgurat li l-għan tal-iżvilupp ta' għodod ta' valutazzjoni, ta' indikaturi u ta' analiżijiet komparattivi konġunti ma jkunx li tiġi valutata s-sitwazzjoni tal-Istati Membri differenti b'mod kompetittiv, billi jitqiegħdu fi klassifikazzjoni f'dan il-qasam, anzi li dawn l-inizjattivi jikkostitwixxu mezzi li jippermettu l-identifikazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat, jiġu formulati rakkomandazzjonijiet u jitjieb l-għarfien dwar dan il-fenomenu ta' dan it-tip ta' xogħol fl-UE;

    29.

    jassoċja ruħu mat-talba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 biex il-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tniedi u, fejn meħtieġ, tpoġġi għad-dispożizzjoni karta Ewropea tas-sigurtà soċjali li tiġbor fiha d-dettalji neċessarji għall-monitoraġġ tan-natura tax-xogħol tad-detentur, pereżempju dettalji dwar l-istat tal-assigurazzjoni soċjali u l-ħinijiet tax-xogħol;

    30.

    jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jsaħħu r-riżorsi tal-ispezzjonijiet tagħhom tax-xogħol sabiex jilħqu l-għan li jkun hemm spettur għal kull 10,000 ħaddiem, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, speċjalment permezz ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali għat-tisħiħ tal-miżuri ta' spezzjoni tax-xogħol li, fejn ikun hemm bżonn jistgħu jibbenefikaw minn kofinanzjamenti mill-Fondi Strutturali Ewropej;

    31.

    jitlob lill-Kummissjoni tipproponi direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol biex jiġu implimentati fl-Istati Membri abbażi tal-Konvenzjoni Nru 81 tal-ILO. Din id-direttiva għandha tistabbilixxi l-mod kif taħdem is-sistema għall-ispezzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ transkonfinali tal-ispetturi tax-xogħol, kif ukoll is-setgħat u l-obbligi tagħhom;

    III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 1(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    3)   Dawn li ġejjin jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma bħala osservaturi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha:

    3)   Dawn li ġejjin jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma bħala osservaturi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha:

    a)

    rappreżentanti tal-imsieħba soċjali trans-industrijali fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll imsieħba soċjali fis-setturi b’inċidenza għolja ta’ xogħol mhux iddikjarat,

    a)

    rappreżentanti tal-imsieħba soċjali trans-industrijali fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll imsieħba soċjali fis-setturi b’inċidenza għolja ta’ xogħol mhux iddikjarat,

    b)

    rappreżentant tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u rappreżentant tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA),

    b)

    rappreżentant tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u rappreżentant tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA),

    c)

    rappreżentant tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

    c)

    rappreżentant tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

    d)

    rappreżentanti tal-Istati taż-ŻEE.

    d)

    rappreżentant maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni;

     

    d e)

    rappreżentanti tal-Istati taż-ŻEE.

    Raġuni

    Minħabba n-natura lokali tas-suq tax-xogħol u l-attivitajiet li, fost dawk previsti fil-kuntest tal-funzjonijiet tal-pjattaforma, għandhom dimensjoni lokali u reġjonali, bħall-adozzjoni ta' strateġija reġjonali, huwa essenzjali li rappreżentant maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-pjattaforma, sabiex jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri.

    Emenda 2

    Artikolu 4(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (1)   Biex twettaq il-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha b’mod partikulari twettaq il-kompiti li ġejjin:

    1)   Biex twettaq il-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha b’mod partikulari twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    Ittejjeb l-għarfien tax-xogħol mhux iddikjarat permezz ta’ kunċetti komuni, għodod ta’ kejl u l-promozzjoni ta’ analiżi komparattiva konġunta u indikaturi rilevanti relatati,

    (a)

    Ittejjeb l-għarfien tax-xogħol mhux iddikjarat billi tiġi elaborata metodoloġija maħsuba biex tkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat, permezz ta’ kunċetti komuni, għodod ta’ kejl u l-promozzjoni ta’ analiżi komparattiva konġunta u l-ipproċessar ta' aktar datata' data ta' kwalità ogħla indikaturi rilevanti relatati,

    (b)

    Tiżviluppa l-analiżi tal-effikaċja tal-miżuri politiċi differenti fit-trażżin tal-inċidenza tax-xogħol mhux iddikjarat, inklużi miżuri preventivi kif ukoll punittivi u kif ukoll miżuri ta' skoraġġiment b'mod ġenerali,,

    (b)

    Tiżviluppa l-analiżi tal-effikaċja tal-miżuri politiċi differenti fit-trażżin tal-inċidenza tax-xogħol mhux iddikjarat, inklużi miżuri preventivi kif ukoll punittivi u kif ukoll miżuri ta' skoraġġiment b'mod ġenerali,,

    (c)

    Tistabbilixxi għodda, per eżempju bank ta’ għarfien ta’ prattiki/miżuri differenti, inklużi ftehim bilaterali użat fl-Istati Membri għall-iskoraġġiment u l-prevenzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat,

    (c)

    Tistabbilixxi għodda, per eżempju bank ta’ għarfien ta’ prattiki/miżuri differenti, inklużi ftehim bilaterali użat fl-Istati Membri għall-iskoraġġiment u l-prevenzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat,

    (d)

    Tadotta linji gwida għall-ispetturi, manwali ta’ prattika tajba u prinċipji komuni ta’ spezzjonijiet biex jiġi ttrattat ix-xogħol mhux iddikjarat,

    (d)

    Tadotta linji gwida għall-ispetturi, manwali ta’ prattika tajba u prinċipji komuni ta’ spezzjonijiet biex jiġi ttrattat ix-xogħol mhux iddikjarat,

    (e)

    Tiżviluppa forom ta’ kooperazzjoni li jżidu l-kapaċità teknika biex jiġu trattati l-aspetti transkonfinali tax-xogħol mhux iddikjarat billi jiġi adottat qafas komuni għal operazzjonijiet konġunti għall-ispezzjonijiet u l-iskambju ta’ persunal,

    (e)

    Tiżviluppa forom ta’ kooperazzjoni li jżidu l-kapaċità teknika biex jiġu trattati l-aspetti transkonfinali tax-xogħol mhux iddikjarat billi jiġi adottat qafas komuni għal operazzjonijiet konġunti għall-ispezzjonijiet u l-iskambju ta’ persunal,

    (f)

    Ittejjeb il-modi tal-qsim tad-dejta f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni, inkluż l-aħjar użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u tiġi eżaminata l-possibilità li jintuża Skambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali (EESSI).

    (f)

    Ittejjeb il-modi tal-qsim tad-dejta f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni, inkluż l-aħjar użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u tiġi eżaminata l-possibilità li jintuża Skambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali (EESSI).

    (g)

    Tiżviluppa kapaċità ta’ taħriġ permanenti għall-awtoritajiet tal-infurzar u tadotta qafas komuni għat-twettiq ta’ taħriġ konġunt,

    (g)

    Tiżviluppa kapaċità ta’ taħriġ permanenti għall-awtoritajiet tal-infurzar u tadotta qafas komuni għat-twettiq ta’ taħriġ konġunt,

    (h)

    Torganizza evalwazzjoni bejn il-pari biex jiġi segwit il-progress tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi relatati mal-ġlieda kontra jew il-prevenzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat maħruġa mill-Kunsill.

    (h)

    Torganizza evalwazzjoni bejn il-pari biex jiġi segwit il-progress tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi relatati mal-ġlieda kontra jew il-prevenzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat maħruġa mill-Kunsill.

    (i)

    Iżżid l-għarfien tal-problema billi twettaq attivitajiet komuni bħal Kampanji Ewropej u tadotta strateġiji reġjonali jew madwar l-UE, inklużi approċċi settorjali.

    (i)

    Iżżid l-għarfien tal-problema billi twettaq attivitajiet komuni bħal Kampanji Ewropej u tadotta strateġiji reġjonali jew madwar l-UE, inklużi approċċi settorjali.

    Raġuni

    L-effikaċja operattiva tal-pjattaforma tista' tiġi żgurata permezz ta' deċiżjonijiet opportuni bbażati fuq elementi stabbiliti sew. Għal dan il-għan jeħtieġ li jkun hemm disponibbli bażi vasta ta' data komparabbli u kwalitattiva, fejn it-twaqqif tagħha għandu jirrappreżenta wieħed mill-ewwel azzjonijiet tal-pjattaforma sabiex din tkun tista' twettaq b'suċċess il-missjoni tagħha.

    Emenda 3

    Artikolu 5(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    2)   Meta jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi kollha li għandhom rwol fil-prevenzjoni u/jew l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet fiskali, is-servizzi tal-impjieg u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, minn hawn ’il quddiem msejħa l-“awtoritajiet tal-infurzar”. Jistgħu wkoll, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu l-imsieħba soċjali.

    2)   Meta jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi kollha li għandhom rwol fil-prevenzjoni u/jew l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet fiskali, is-servizzi tal-impjieg u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, minn hawn ’il quddiem msejħa l-“awtoritajiet tal-infurzar”. Jistgħu wkoll, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjali.

    Raġuni

    Minħabba r-rabtiet diretti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom maċ-ċittadini u l-kooperazzjoni li għandhom mal-impjegaturi u mal-amministrazzjonijiet inkarigati mill-kwistjonijiet tal-impjieg, tax-xogħol mhux iddikjarat u tas-sigurtà soċjali, huwa essenzjali li niffukaw ukoll fuq il-kontribut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-problemi marbuta max-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll sabiex ifittxu u jimplimentaw soluzzjonijiet f'dan il-qasam.

    Brussell, 7 ta' Ottubru 2014

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Michel LEBRUN


    (1)  http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2013/243/en/1/EF13243EN.pdf

    (2)  Opinjoni CdR5278-2013 dwar il-“Kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi”.

    (3)  Opinjoni CdR 9/2012 fin dwar “Migrazzjoni u mobilità — approċċ globali”.


    Top