This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013XG0614(01)
Council conclusions on the social dimension of higher education
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja
ĠU C 168, 14.6.2013, p. 2–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 168/2 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja
2013/C 168/02
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FIL-KUNTEST TA':
1. |
L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
2. |
L-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari, il-mira ewlenija li jiżdied il-proporzjon ta' persuni ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għal mill-inqas 40 %. |
3. |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (1) li identifikaw il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva bħala wieħed mill-erba' objettivi strateġiċi tiegħu u li enfasizzaw li l-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tippermetti liċ-ċittadini kollha, irrispettivament miċ-ċirkostanzi personali, soċjali jew ekonomiċi tagħhom, jiksbu, jaġġornaw u jiżviluppaw tul ħajjithom kemm ħiliet speċifiċi għall-impjieg kif ukoll ħiliet u kompetenzi prinċipali. |
4. |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (2), li enfasizzaw l-importanza li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, kif ukoll l-ekwità fit-trattament u eżiti li jkunu indipendenti mill-isfond soċjoekonomiku u fatturi oħra li jistgħu jwasslu għal żvantaġġ edukattiv, u li rrikonoxxew il-ħsieb ekonomiku u soċjali biex jogħlew il-livelli ġenerali ta' kisba fl-edukazzjoni u biex jiġu żviluppati livelli għolja ta' ħiliet u nnotaw li l-forniment ta' ħiliet u kompetenzi prinċipali għal kulħadd ser ikollu rwol kruċjali fit-titjib tal-impjegabbiltà taċ-ċittadini, l-inklużjoni soċjali u s-sodisfazzjon personali. |
5. |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (3), li stiednu lill-Istati Membri biex jippromwovu l-iżvilupp sistematiku ta' strateġiji effettivi sabiex jiġi żgurat aċċess għall-gruppi sottorappreżentati u jżidu l-isforzi sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-rati ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni għolja billi jittejbu l-kwalità, ir-rilevanza u l-attraenza tal-korsijiet, b'mod partikolari permezz ta’ tagħlim iċċentrat fuq l-istudent u billi jiġu pprovduti appoġġ, gwida u pariri rilevanti wara li jibdew l-edukazzjoni għolja. |
6. |
Il-Komunikazzjoni ta' Bukarest mill-Ministri li attendew il-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Bolonja tas-26 u s-27 ta' April 2012, li fiha qablu li jadottaw miżuri nazzjonali biex jitwessa' l-aċċess b'mod ġenerali għal edukazzjoni għolja ta' kwalità u tennew l-objettiv li l-istudenti li jibdew u jtemmu l-edukazzjoni għolja għandhom jirriflettu d-diversità tal-popolazzjonijiet tal-Ewropa, flimkien mat-trattament speċifiku tad-dimensjoni soċjali fl-edukazzjoni għolja fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja tal-2012, li jeżamina l-informazzjoni ta' statistika disponibbli dwar l-impatt tal-isfond tal-istudenti fuq il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-approċċi ta' politika differenti biex iwessgħu l-aċċess. |
7. |
Il-Komunikazzjoni tal-20 ta' Novembru 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar (4), li fid-dokument ta' ħidma tal-persunal (5) li jakkumpanjah jippromwovi l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' sħubijiet u ta' mogħdijiet flessibbli għall-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja. |
8. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012, dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (6), fejn l-Istati Membri qablu li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-validazzjoni ta' dan it-tagħlim, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-individwi jingħataw l-opportunità li jużaw dak li jkunu tgħallmu barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali għall-karrieri tagħhom kif ukoll għall-għan ta' tagħlim ulterjuri, inkluż fl-edukazzjoni għolja. |
9. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013, li jidentifika l-edukazzjoni bħala xprun fundamentali għat-tkabbir u l-kompetittività, flimkien mal-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, u jissottolinja r-rwol fundamentali tal-investimenti fil-kapital uman għat-trattament tal-qgħad u t-tħejjija għall-irkupru ekonomiku. |
10. |
L-attività ta' tagħlim bejn il-pari tal-ET 2020 dwar il-politiki u l-prattiki biex jitnaqqas it-tluq bikri u jkun hemm titjib fir-rati ta' tlestija tal-edukazzjoni għolja, li saret fi Praga f'Marzu 2013, li ffukat fuq l-approċċi fil-livell nazzjonali, istituzzjonali u Ewropew biex ikun hemm titjib fir-rati ta' tlestija u biex ir-realtajiet istituzzjonali jiġu adattati għal korp studentesk b'aktar diversità, b'sostenn mill-evidenza u l-analiżi. |
JAQBEL LI:
1. |
Filwaqt li l-isfidi li qed taffaċja l-Ewropa llum ma jistgħux jiġu solvuti biss bl-edukazzjoni u t-taħriġ weħidhom, huwa kruċjali kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll soċjali li n-nies jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi ta' livell għoli li teħtieġ l-Ewropa, inkluż b'impenn biex jiġi żgurat aċċess aktar ekwu għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja u t-tlestija tagħha. Għad hemm wisq individwi kapaċi li ma jipparteċipawx fl-edukazzjoni għolja għal raġunijiet soċjali, kulturali jew ekonomiċi jew minħabba n-nuqqas ta' sistemi suffiċjenti ta' appoġġ u gwida. |
2. |
L-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u l-ħidma għat-tkabbir sostenibbli, inkluż permezz ta' riċerka u innovazzjoni msaħħa, jiddependu dejjem aktar fuq il-kapaċità tagħha li tiżviluppa l-ħiliet taċ-ċittadini kollha tagħha, li turi l-interdipendenza tal-objettivi soċjali u ekonomiċi. B'mod parallel mal-isforzi biex jiġu mtejba l-ħiliet permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom ukoll rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u biex tiżdied il-kompetittività, waqt li fl-istess ħin jippromwovu l-iżvilupp personali u professjonali tal-istudenti u l-gradwati, u jistimulaw is-solidarjetà soċjali u l-impenn ċiviku. |
3. |
Il-Proċess ta' Bolonja kif ukoll l-iżvilupp sussegwenti ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA), l-aġenda tal-UE għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja u l-Istrateġija Ewropa 2020 kollha juru li l-kooperazzjoni Ewropea u r-risponsi ta' politika kondiviżi għandhom kontribut siewi x'jagħtu fl-affrontar ta' sfidi komuni permezz ta' skambju ta' prassi tajba, analiżi tal-politika komparattiva bbażata fuq l-evidenza u l-provvista ta' appoġġ finanzjarju, kif ukoll permezz ta' għajnuna biex jiġu pprovduti mekkaniżmi sostenibbli li jiffaċilitaw mobbiltà akbar ta' gruppi diversi ta' studenti. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ U L-AWTONOMIJA TAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-EDUKAZZJONI GĦOLJA, BIEX:
1. |
Jadottaw objettivi nazzjonali, li huma maħsuba biex iżidu l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rati ta' tlestija ta' gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati fl-edukazzjoni għolja, bil-ħsieb li jimxu 'l quddiem lejn l-għan tal-Proċess ta' Bolonja li l-istudenti li jibdew, jipparteċipaw fi u jtemmu l-edukazzjoni għolja fil-livelli kollha għandhom jirriflettu d-diversità tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri. |
2. |
Jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn fornituri tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, inkluzi dawk li jipprovdu tagħlim mhux formali u informali, u partijiet interessati rilevanti oħra, sabiex jidentifikaw il-gruppi partikolari li jistgħu jkunu sottorappreżentati fl-edukazzjoni għolja, kif ukoll jippromwovu parteċipazzjoni akbar ta' gruppi sottorappreżentati fi ħdan il-professjoni tal-għalliema nfisha fis-setturi kollha tal-edukazzjoni. |
3. |
Jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' strateġiji proattivi u strutturi relatati fil-livell istituzzjonali, inkluż attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, l-għoti ta' informazzjoni dwar opportunitajiet u eżiti edukattivi u dawk relatati mas-suq tax-xogħol, gwida dwar l-għażla adegwata tal-korsijiet, konsulenza u gwida bejn il-pari u servizzi ta' appoġġ. |
4. |
Jippromwovu l-permeabbiltà u l-iżvilupp ta' toroq ta' progressjoni flessibbli u trasparenti għall-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u mit-tagħlim mhux formali u informali, ffaċilitat mill-għodod ta' trasparenza bħal oqfsa nazzjonali ta' kwalifiki marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. |
5. |
Iżidu l-opportunitajiet għat-tagħlim flessibbli billi jiddiversifikaw il-mod kif jitwassal il-kontenut tat-tagħlim, pereżempju billi jadottaw approċċi ċċentrati fuq l-istudenti għat-tagħlim mogħti u miksub, billi jestendu l-għoti ta' tagħlim part-time, billi jiżviluppaw apprentistati bbażati fuq kreditu, billi jimmodularizzaw programmi u tagħlim mill-bogħod permezz tal-użu tal-ICT u billi jiżviluppaw riżorsi edukattivi miftuħa b'garanzija ta' kwalità tajba. |
6. |
Jesploraw kif il-mekkaniżmi ta' finanzjament jistgħu jipprovdu inċentivi għall-istituzzjonijiet biex jiżviluppaw u jagħtu opportunitajiet ta' tagħlim flessibbli u b'garanzija ta' kwalità. |
7. |
Jeżaminaw kif l-istruttura globali tal-finanzjament istituzzjonali u tal-appoġġ finanzjarju għall-istudenti tħalli impatti fuq il-parteċipazzjoni ta' gruppi sottorappreżentati u ta' dawk żvantaġġati fl-edukazzjoni għolja u jikkunsidraw kif l-aħjar jiġi mmirat l-appoġġ finanzjarju biex itejjeb l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rati ta' tlestija. |
8. |
Jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u partijiet interessati rilevanti oħra biex iżidu r-rati ta' tlestija tal-edukazzjoni għolja billi jtejbu l-kwalità tal-proċess ta' tagħlim mogħti u miksub, b'mod partikolari permezz ta' aktar flessibbiltà fit-twassil u bl-għoti ta' appoġġ rilevanti wara li tinbeda l-edukazzjoni għolja, u billi titjieb l-attraenza tal-korsijiet u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol. |
9. |
Jeżaminaw u jfittxu li jnaqqsu kwalunkwe differenza reġjonali u ġeografika fl-Istati Membri f'termini ta' aċċess għal, parteċipazzjoni fi, u t-tlestija tal-edukazzjoni għolja. |
10. |
Jinvolvu ruħhom fil-ġbir sistematiku ta' data komparabbli rilevanti – filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu tar-riżorsi eżistenti – sabiex titjieb il-bażi ta' evidenza għall-iżvilupp tal-politika u sabiex jippermettu l-monitoraġġ effettiv tal-objettivi nazzjonali dwar l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rati ta' tlestija fl-edukazzjoni għolja fost gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati. |
JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:
Issaħħaħ il-bażi tal-evidenza għall-Ewropa 2020 b'appoġġ għall-azzjoni tal-Istati membri biex iżidu l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rati ta' tlestija fl-edukazzjoni għolja billi:
(a) |
tibda studju ta' tfassil tal-politiki dwar l-aċċess u r-rati ta' tluq bikri mill-iskola u t-tlestija fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li tiġi analizzata l-effettività ta' approċċi nazzjonali u istituzzjonali differenti u kif fatturi strutturali, istituzzjonali, personali, soċjokulturali u soċjoekonomiċi, jinfluwenzaw it-tluq bikri u t-tlestija; |
(b) |
issegwi ħidma konġunta mal-Eurostat dwar studju ta' fattibbiltà biex ikun hemm titjib fil-metodoloġija għall-ġbir ta' data amministrattiva dwar it-tul tal-istudji u r-rati ta' tlestija fl-edukazzjoni għolja; |
(c) |
tiżviluppa studju dwar l-influwenza ta' mudelli differenti ta' finanzjament, jew ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż, fuq l-effettività, l-effiċjenza u l-ekwità tal-edukazzjoni għolja f'konformità mal-impenji fl-aġenda tal-2011 għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (7). |
U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:
1. |
Iwettqu l-ħidma fuq id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja, pereżempju billi jiżviluppaw it-tagħlim bejn il-pari u l-analiżi tal-politika bbażata fuq l-evidenza dwar dan is-suġġett permezz tal-użu tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, kif ukoll permezz ta' ħidma fi ħdan il-Proċess ta' Bologna u mal-korpi adegwati u bl-inizjattivi eżistenti. |
2. |
Jużaw ir-riżultati u l-eżiti tal-istudji u ta' ħidma oħra li qed twettaq il-Kummissjoni u sorsi oħra rilevanti bħala bażi għal aktar dibattitu u konsiderazzjoni tal-politika fl-eżami ta' kwistjonijiet ta' aċċess, parteċipazzjoni, tlestija u l-impatt ta' mudelli differenti ta' finanzjament fir-rigward tal-edukazzjoni għolja. |
3. |
Isaħħu s-sinerġiji bejn l-UE u l-Proċess ta' Bolonja fit-twettiq tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja bl-aħjar użu tal-appoġġ finanzjarju taħt il-programm tal-Unjoni ta' wara l-2013 fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. |
4. |
Jużaw l-appoġġ finanzjarju taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-għoti ta' opportunitajiet immirati fl-edukazzjoni għolja għal żgħażagħ żvantaġġati u bla xogħol taħt l-età ta' 25 sena, sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu ħiliet speċifiċi għall-impjieg. |
(1) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(2) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.
(3) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.
(4) 14871/12.
(5) 14871/12 ADD 6.
(6) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(7) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.