Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1016(04)

Avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja

ĠU C 300, 16.10.2013, p. 14–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/14


Avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja

2013/C 300/05

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu sulfaniliku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba saret fl-1 ta' Lulju 2013 minn CUF – Quimicos Industriais (“l-applikant”), il-produttur waħdieni tal-aċidu sulfaniliku fl-Unjoni li għalhekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni.

2.   Il-Prodott li qed jiġi rivedut

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja (“il-pajjiżi kkonċernati”), u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2921 42 00.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1000/2008 (3) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1010/2008 (4).

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni ta’ dumping kif ukoll rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.1.   Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta' tkomplija tad-dumping

Fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima fl-Indja, deher li l-livell tal-prezzijiet fis-suq domestiku Indjan kif irrappurtat f’pubblikazzjonijiet speċjalizzati kien qiegħed jagħmel it-telf u għalhekk ma setax jintuża sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ ssoktar ta' dumping għalhekk tissejjes fuq tqabbil ta’ valur normali kostrutt (spejjeż ta’ manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fl-Indja mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' xogħol li joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tagħha mhijiex waħda tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tad-dejta f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Indja. L-allegazzjoni li x'aktarx jibqa' jsir id-dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rivedut meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati huma sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

4.1.2.   Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta' rikorrenza ta’ ħsara

L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara. L-applikant ipprovda evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta' importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta' kapaċità mhux użata mill-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, l-eżistenza ta' barrieri kummerċjali għall-pajjiżi kkoknċernati fl-Istati Uniti u l-attrazzjoni tas-suq tal-UE.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-applikant turi wkoll li, fuq il-bażi tal-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-prodott simili mill-pajjiżi kkonċernati lill-pajjiżi l-oħra, żieda f'importazzjonijiet bħal dawn fl-Unjoni probabbli li jkollha, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni u s-sehem tas-suq, li jirriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq ir-rendiment komplessiv tal-industrija tal-Unjoni

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta’ reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-reviżjoni tal-iskadenza se tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri twassalx għal kontinwazzjoni ta’ dumping tal-prodott taħt reviżjoni li joriġina fil-pajjiżi ikkonċernati u kontinwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott taħt reviżjoni mill-pajjiżi kkonċernati, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura tal-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja

(a)   Teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indja li huma involuti f’din ir-reviżjoni tal-iskadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid tal-kampjun se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tkun tista' tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-reviżjoni, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness A ta’ dan l-avviż.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeasakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' realistikament jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżulin biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur(i) esportatur(i), l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, l-ispiża tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi ridevut fl-Unjoni.

Bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”).

5.1.2.   Proċedura addizzjonali dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta' importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, se jiġi ddeterminat valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur mibni f'pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

Fl-investigazzjoni preċedenti, l-Indja ntużat bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tippjana li terġa' tuża l-Indja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi li mhumiex relatati  (6)  (7)

L-importaturi li mhumiex relatati, tal-prodott li qed jiġi rivedut mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi mhux relatati involuti f'din ir-reviżjoni tal-iskadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll "teħid ta' kampjuni"). It-teħid tal-kampjun se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal din ir-reviżjoni, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom li hu mitlub fl-Anness B ta' dan l-avviż lill-Kummissjoni.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeasakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni u li, b’mod prattiku, jista' jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, u dwar il-bejgħ tal-prodott rivedut.

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara

Sabiex jiġi stabbilit jekk x'aktarx hemmx kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produttur tal-Unjoni

Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa jew lil produtturi tal-Unjoni rappreżentanti u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni.

Il-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni jridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, inter alia,l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni ta’ dumping u ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rivedut.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata din tkun sostnuta b'evidenza fattwali fil-ħin ta' sottomissjoni.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid tkun ippreżentata fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet miktuba kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati “Ristrett (8)

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet iridu jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix is-sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju jridu jitressqu f'forma kartaċea, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks + 32 22962219

Posta elettronika: TRADE-SA-ACID-DUMPING@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u l-konklużjonijiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi ma' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

7.   L-uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid tiġi ppreżentata fil-limiti taż-żmien speċifiċi kif stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet għal smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Peress li din ir-reviżjoni tal-iskadenza tnediet f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jiġu rrevokati jew miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li tkun iġġustifikata reviżjoni tal-livell tal-miżuri, sabiex tippermetti l-possibbiltà li l-livell tal-miżuri jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas), dik il-parti tista’ titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu din ir-reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta' dejta personali

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (9).


(1)  ĠU C 28, 30.1.2013, p. 12.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 275, 16.10.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 276, 17.10.2008, p. 3.

(5)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi ikkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt reviżjoni lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt reviżjoni.

(6)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn persuna terza; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest, “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(7)  Id-dejta pprovduta minn importaturi indipendenti tista' tintuża wkoll għal aspetti ta' din l-investigazzjoni minbarra d-determinazzjoni ta' dumping.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim tal-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image


Top