This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013XC0315(07)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 77, 15.3.2013, p. 29–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 77/29 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
2013/C 77/10
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9
“STELVIO”/“STILFSER”
Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0939-18.01.2012
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:
— |
|
Isem tal-prodott |
— |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
— |
|
Żona ġeografika |
— |
|
Prova tal-oriġini |
— |
☒ |
Metodu tal-produzzjoni |
— |
|
Rabta |
— |
|
Tikkettar |
— |
|
Rekwiżiti nazzjonali |
— |
☒ |
Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati] |
2. Tip ta’ emenda/i:
— |
☒ |
Emenda ta’ Dokument Uniku jew Skeda Sommarja |
— |
|
Emenda ta’ Speċifikazzjoni ta’ DPO jew IĠP reġistrat li għalihom ma ġew ippubblikati la Dokument Uniku u lanqas Skeda Sommarja |
— |
|
Emenda ta’ Speċifikazzjoni li ma tirrikjedi l-ebda emenda fid-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006) |
— |
|
Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjonij ta' miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006) |
3. Emenda/i:
3.3.2. |
Qed titneħħa l-projbizzjoni oriġinali tal-użu tal-prodotti li fihom l-għalf tal-qamħirrum fid-dieta tal-bovini. Din ir-regola kienet probabbilment ir-riżultat ta' fehim ħażin, għaliex l-għalf tal-qamħirrum ilu jintuża għal żmien twil fiż-żona identifikata u huwa apprezzat għaliex huwa partikolarment stabbli. Din id-dispożizzjoni li ‘l-prodotti li fihom l-għalf tal-qamħirrum mhumiex permessi’ għalhekk qed tiġi mibdula bi ‘prodotti li fihom għalf tal-qamħirrum miksub minn barra ż-żona identifikata fl-Artikolu 2 mhumiex permessi’. |
4.1. |
Matul l-istadju inizjali tal-ħżin, it-temperatura tat-tkessiħ għall-ħalib intenzjonat għall-ipproċessar kienet ingħatat bħala firxa ‘sa temperatura ta’ madwar 6,1-9,0 C’, fejn l-applikazzjoni tagħha ma kinetx ċara. Il-limitu ta’ tkessiħ inġab konformi mal-aħjar prattiki fil-preżent u għandu jinbidel għal “temperatura ta' mhux inqas minn 4,0 C”, struzzjoni li hija ħafna iżjed ċara. Ir-regoli orġinali kienu jgħidu wkoll li l-perjodu massimu tal-proċess ta’ dan it-tkessiħ preliminarju kien ta' 25 siegħa. Taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, dan il-perjodu reġa’ ġie definit bħala ‘massimu ta’ 48 siegħa’. F’dan il-kuntest, jidher neċessarju li għandu jkun hemm iktar ħin disponibbli, essenzjalment għaliex il-ħalib li jinġabar matul tmiem il-ġimgħa wkoll jeħtieġ li jiġi pproċessat (il-perjodu mhux partikolarment rilevanti għall-kundizzjonijiet tat-temperatura speċifikati). Finalment, l-ispeċifikazzjoni preżenti tiddikjara li l-ħalib irid jintbagħat għall-proċess li jagħmel il-ġobon fi żmien 48 siegħa wara li jinġabar il-ħalib. Minħabba l-aġġustamenti preċedenti proposti għal dan l-istadju u filwaqt li jiġu kkunsidrati għal darb'oħra l-aħjar prattiki, l-iskadenza biex il-ħalib jintbagħat sabiex isir il-ġobon għandha tiġi emendata biex issir iżjed realistika ‘fi żmien 72 siegħa mill-ġbir’. Fattur ieħor hawnhekk huwa l-fatt li dawk li jagħmlu l-ġobon jistgħu jkunu konformi biss teoretikament mar-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni u l-kontrolli tal-iskadenza oriġinali, li tibda “wara l-fażi tal-ġbir tal-ħalib”, għaliex ma jistgħux ikunu jafu l-ħin preċiż ta' meta nġabar il-ħalib. |
4.2.1. |
Id-deskrizzjoni tal-proċess għat-tnaqqis tax-xaħam permezz ta’ separatur tibqa fis-seħħ, iżda ġiet issuplimentata permezz taż-żieda tal-possibbiltà li jitwettaq proċess preliminarju tal-battofugazzjoni. Dan il-proċess huwa rilevanti biss għas-sikurezza tal-prodott u normalment isir qabel is-separazzjoni sabiex jiġu eliminati ċ-ċelloli somatiċi, li huma magħrufin sew bħala ostaklu għall-maturazzjoni koretta. Għalhekk l-emenda tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-proċess tat-tnaqqis biex tiġi ssupplimentata bil-klawżola “possibbilment jitnaddaf permezz tal-battofugazzjoni” fil-konfront tal-ħalib konċernat. |
4.2.2. |
It-trattament tal-ħalib bis-sħana ġie deskritt aħjar u b’mod aktar preċiż. Għalhekk, filwaqt li l-kundizzjonijiet tat-temperatura diġà indikati (72 °C) mhux se jinbiddlu, ir-referenza tad-dewmien inbidlet għal ‘mhux inqas minn 3 sekondi’ minflok ‘perjodu li ma jaqbiżx iż-2-3 sekondi’ kif kien hemm stipulat oriġinarjament f’manjiera li ma kinetx adattata għall-proċess ġeneralment użat. |
4.2.5. |
L-iskala tal-ħin li matulu għandha tiżdied il-baqta kienet oriġinarjament speċifikata bħala 50-60 minuta wara l-inokulazzjoni bl-enżimi tal-ħalib. Din ġiet emendata għal ħin iktar xieraq ta’ ‘fi żmien 85 minuta’ wara l-inokulazzjoni bl-enżimi tal-ħalib. B’hekk, l-iskala tal-ħin biex jitwettaq dan il-pass se tkun definita b'mod iktar ċar u se tkun iktar konformi mal-aħjar prattiki u mar-rekwiżiti tal-ipproċessar, li huma suġġetti għall-varjazzjonijiet staġonali fil-maturazzjoni/l-attività tal-ħalib. Dwar is-suġġett tal-baqta, ir-rekwiżit oriġinali li ‘il-baqta għandha tiġi prodotta fiż-żona bl-użu ta' metodu tradizzjonali’ inbidel għal ‘il-baqta għandha tiġi prodotta bl-użu ta' metodu tradizzjonali’. Din l-emenda saret neċessarja għal raġunijiet tekniċi marbuta mad-diffikultà biex il-produtturi jiksbu l-baqta meħtieġa biex jipproduċu “Stelvio/Stilfser” ġewwa d-distretti tal-Provinċja ta’ Bolzano. Din l-emenda tkabbar iż-żona tal-produzzjoni tal-baqta u tiżgura l-konformità mal-karatteristiċi tal-baqta li dejjem kienu speċifikati fl-ispeċifikazzjoni. Is-sentenza li tgħid “Dan it-tisħin (jiġifieri tat-taħlita li qed tiġi pproċessata) jitwettaq billi jiżdied l-ilma misħun (50-70 °C) fil-volum meħtieġ …” kellha bżonn tiġi ċċarata f’diversi modi minħabba l-metodi attwali, kemm tradizzjonali kif ukoll kontemporanji, biex tiġi rregolata t-temperatura f’dan l-istadju. Għalhekk, ittejbet u saret iktar dettaljata kif ġej: ‘It-tisħin jitwettaq billi jiżdied l-ilma misħun (miżmum bejn 45-70 °C wara li jkun laħaq tal-inqas 50 °C) fil-volum meħtieġ.’ Din ir-regola hija iktar ċara u konsistenti. Finalment, id-dispożizzjoni dwar kemm idum il-proċess li jagħmel il-ġobon, jiġifieri li ‘id-dewmien tal-proċess, miż-żieda tal-baqta sakemm jinħatt fuq il-mejda jew fil-bittija, għandu jkun fil-medja ta’ madwar 80-90 minuta' ġiet emendata f’manjiera simili sabiex tispeċifika aħjar in-natura tagħha li torbot. Issa ġiet iċċarata kif ġej: ‘Id-dewmien tal-ipproċessar, miż-żieda tal-baqta għall-ħatt fuq il-mejda jew fil-bittija, għandu normalment jieħu bejn 80-90 minuta u ma għandux jaqbeż il-110 minuti.’ |
4.2.6. |
Id-dewmien tat-tmelliħ kien irregolat kif ġej: “It-trattament għandu jdum bejn 36-48 siegħa.” Sabiex il-proċess tradizzjonali jiġi definit aħjar u biex il-parametri assoċjati jkunu iktar preċiżi, u wkoll minħabba l-għan kontinwu biex ġeneralment jonqos l-ammont ta' melħ fl-ikel, din id-dispożizzjoni qed tiġi emendata biex tgħid “It-trattament (jiġifieri t-tmelliħ) ma għandux idum iktar minn 48 siegħa”, u l-bqija jibqa l-istess. It-tneħħija tad-dewmien minimu tat-tmelliħ jagħmilha possibbli li l-proċess isir konformi mal-evoluzzjoni kontinwa tal-proċess, fid-dawl tal-għanijiet tas-saħħa li qed jinbidlu. Tabolixxi r-rekwiżit li jkun osservat dewmien minimu – l-iskala tal-ħin taffettwa r-riżultat tal-proċess – u tippermetti li d-dewmien ikompli jonqos fil-futur mingħajr ma jbiddel il-kwalitajiet organolettiċi tal-prodott. |
4.2.7. |
Fuq il-ġobon tifforma patina esterna li tvarja fil-kulur hekk kif ikun qed jimmatura minħabba l-proliferazzjoni ta’ varjetajiet ta’ batterji li jikkaratterizzaw l-mikroflora lokali tal-uċuħ tar-raba' li jitkabbru speċifikament. F’din il-konnessjoni, ġie kkunsidrat meħtieġ li tiġi elaborata d-deskrizzjoni tal-fatturi interattivi billi ssir dispożizzjoni għaż-żieda tal-ħmira naturali, li hija importanti għat-tneħħija tal-aċidu fil-qoxra, proċess li huwa tradizzjonalment meħtieġ biex titwettaq il-proliferazzjoni mixtieqa. Għalhekk, qed tiżdied sentenza li tgħid “Il-ħmira naturali tista’ tiżdied biex tħeġġeġ it-tneħħija tal-aċidu fil-qoxra” wara “… proliferazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet lokali.” Id-dewmien tal-perjodu ta’ maturazzjoni kellu definizzjoni suġġettiva u pjuttost approssimizzata, jiġifieri “is-sittin jum tal-maturazzjoni tal-prodott, li jibdew minn meta jitlesta l-istadju tat-tmelliħ”. Sabiex id-dewmien ta’ dan il-perjodu jiġi speċifikat aħjar, ġiet ippreferuta definizzjoni iktar ċara f’konformità mal-prattika, jiġifieri “… li tibda minn meta l-ġobon jitqiegħed fil-forma”, li jagħti referenza definita sew, mingħajr ambigwitajiet. |
L-emendi mhux sustantivi li ġejjin saru skont id-deskrizzjoni tal-prodott finali:
Dik oriġinali “żmien: tal-inqas sittin jum ta’ maturazzjoni” inbidlet b’dik iktar ċara u koretta “maturazzjoni: tal-inqas sittin jum” (din fil-fatt mhix emenda ħlief fit-termini lingwistiċi).
Il-limitu tal-perċentwal tax-xaħam fil-materja niexfa kien żbaljat fit-test oriġinali minħabba żball ortografiku ċar meta mqabbel ma’ testi oħrajn ippubblikati u ġie kkoreġut kif ġej:
xaħam fil-materja niexfa: “> 50 %” (minflok “< 50 %”)
Il-varjazzjonijiet tad-dijametru u l-għoli tal-ġobon huma differenti, kif ġej:
Deskrittur |
Kejl oriġinali |
Kejl emendat |
Dijametru |
36-38 cm |
34-38 cm |
Għoli |
8-10 cm |
8-11 cm |
L-iskop ta’ dan huwa li tiġi kkunsidrata aħjar il-varjazzjoni limitata iżda inevitabbli li tista’ taffettwa d-dimensjonijiet tal-ġobon individwali fl-aħħar ta’ proċess ta’ maturazzjoni naturali li huwa konformi kif suppost, minħabba r-restrizzjoni mill-forma għaliex jista’ jkun hemm konfigurazzjoni differenti u għaliex jista' jkun li l-ġnub u l-qiegħ ma qagħdux biżżejjed.
Skont l-istruzzjonijiet fis-seħħ, dan l-artikolu ġie ssuplimentat bid-dettalji kollha tal-identifikazzjoni u kuntatt tal-korp tal-monitoraġġ.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (3)
“STELVIO”/“STILFSER”
Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0939-18.01.2012
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem:
L-isem “Stelvio”/”Stilfser” kien iddaħħal bħala Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini (DPO) fir-“Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 148/2007 tal-15 ta’ Frar 2007, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali L 46/2007.
2. Stat membru jew pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta’ prodott:
Klassi 1.3: |
Ġobon |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):
Meta jkun lest għall-konsum, il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser”, ikun dam jimmatura għal minimu ta’ sittin jum, huwa ċilindriku bil-ġnub ċatti jew kważi ċatti u qiegħ lixx jew daqsxjen imbewwaq. Id-daqs tal-ġobon huwa kif ġej: jiżen bejn 8 u 10 kg, b’dijametru ta’ bejn 34 u 38 cm u għoli ta’ bejn 8 u 11-il cm. Il-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa huwa tal-inqas 50 % u l-kontenut tal-umdità ma jaqbiżx l-44 %. Il-qoxra trid tkun tvajra minn safra fl-oranġjo għal oranġjo fil-kannella. Is-sawra tal-ġobon hija kompatta, flessibbli u lastikuża. Għandu kulur isfar ċar tat-tiben, b’toqob irregolari li jvarjaw minn żgħar għal medji.
Il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser” jinbiegħ bħala ġobna sħiħa jew f’biċċiet u jinħareġ għall-konsum bit-tikketta tal-oriġini tad-denominazzjoni.
3.3. Materja prima (għall-prodotti proċessati biss):
Il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser” huwa prodott mill-ħalib tal-bovini li jinkiseb fiż-żona ġeografika identifikata, mill-bovini li jgħixu fuq l-għalf maħsud f’dik iż-żona u għandu kontenut ta’ proteini li jaqbeż it-3,10 %. Il-ħalib jista’ jkun ftit xkumat biex jiġi rregolat il-kontenut tax-xaħam għal bejn 3,45 % u 3,6 %.
3.4. Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
Meta l-bovini jkunu qed jirgħu fil-mergħa Alpina, dawn għandhom jieklu primarjament ħaxix frisk u meta jkunu fl-istalel, id-dieta bażika tagħhom, li jieklu minnha liberalment, tkun magħmula mit-tiben u l-għalf tal-ħaxix maħsud fiż-żona identifikata sa massimu ta’ 15-il kilo għal kull baqra. Huwa permess l-użu tal-għalf tal-qamħirrum miksub miż-żona ġeografika identifikata; għalf niexef; xgħir, segala, tritikal, qamħ, ħafur u qamħirrum, fil-forma tal-prodotti nfushom, prodotti sekondarji jew, bħala tiben għall-ewwel ħamsa. Huwa possibbli wkoll li jintużaw żerriegħa taż-żejt u l-prodotti jew il-prodotti sekondarji tagħhom kif ġej: soja mhux ġenetikament modifikata, lift, kittien u ġirasol, inkluż imqaxxrin kollha jew parzjalment; polpa tal-pitravi mnixxfa; grani tal-birrier u residwi mnixxfa tat-tuffieħ; pitravi; patata; ħmira tal-birrier; molassi; ħarrub; prodotti tal-ħalib fil-forma ta’ trab; aċidi amino u proteini nobbli mhux derivati minn protejoliżi; xaħmijiet veġetali.
3.5. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:
L-operazzjonijiet kollha deskritti fl-ispeċifikazzjoni u f’dan id-dokument iridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4 hawn taħt, mit-trobbija tal-bovini għal meta jinħalbu, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib, is-sawra tal-ġobon u l-maturazzjoni.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkettar, eċċ.:
Ġobniet sħaħ jinqatgħu f’biċċiet biss wara li tkun twaħħlitilhom it-tikketta tad-denominazzjoni tal-oriġini. Il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser” jista’ jkun ippakkjat ukoll f’biċċiet barra miż-żona ġeografika identifikata. Il-biċċiet tal-ġobon “Stelvio”/”Stilfser” jinbiegħu bit-tikketta li tidentifika d-denominazzjoni tal-oriġini, jew b’tikketta li teħel mal-pakkett u/jew imballaġġ stampat minn qabel li fuqu jkollu d-denominazzjoni tal-oriġini “Stelvio”/”Stilfser”.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:
Il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser” li jinbiegħ bħala ġobna sħiħa għandu fuqu t-tikketta tad-denominazzjoni tal-oriġini – li titwaħħal biss wara li l-ġobna tkun damet timmatura 60 jum – flimkien mat-timbru li jindika l-lott, id-data tal-produzzjoni u l-kodiċi tal-produttur.
Il-prodotti għall-bejgħ għandhom it-tikketta speċifika li tindika d-denominazzjoni tal-oriġini.
It-tiketta tad-denominazzjoni tal-oriġini hija magħmula mill-kliem “Stelvio”/”Stilfser” miktubin bl-aħmar.
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika identifikata għall-ġobon “Stelvio”/”Stilfser”, fejn iridu jseħħu l-passi kollha tat-trobbija, fejn jinħalbu l-bovini, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib, l-għamla tal-ġobon u l-maturazzjoni, hija magħmula mid-distretti li ġejjin tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano: Val Venosta, Burgraviato, Salto-Sciliar, Val Pusteria, Val d'Isarco u l-muniċipalità kollha ta’ Bolzano. Dawn id-distretti jinkorporaw it-territorju taċ-ċensiment u amministrattiv ta’ 84 muniċipalità.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Il-ġobon “Stelvio”/”Stilfser”, tradizzjonalment prodott ġewwa ż-żona definita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, matul iż-żmien żamm il-karatteristiċi speċifiċi li ġew ffurmati mill-ambjent Alpin fiż-żona muntanjuża ta’ “Stelvio”/”Stilfser”, li hija ż-żona tal-produzzjoni ewlenija u għalhekk tagħti l-isem lil dan il-ġobon. Il-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona Alpina Alto-Adige jinfluwenzaw in-natura tal-għalf li jintuża prinċipalment fid-dieta tal-bovini u għalhekk il-ġobon prodott fiż-żona mill-ħalib tagħhom.
Xi testi storiċi jiddeskrivu l-pjanura tal-mergħa Alpina (marbl u madaun) li għenet biex ittejjeb il-kwalità tal-ħalib prodott. Il-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi speċifiċi fiż-żona ġeografika identifikata huma marbuta man-natura muntanjuża tagħha, li dejjem kienet karatterizzata mill-impriżi tal-bhejjem (masi) li jinsabu f’altitudni ta’ bejn 500 u 2 000 metru. Dawn il-kundizzjonijiet jitħalltu mal-azzjoni tal-mikroflora lokali matul il-proċess ta’ maturazzjoni. Dawn il-fatturi ambjentali esklussivi, ta’ darba u l-evoluzzjoni matul iż-żmien tat-tradizzjoni tal-produzzjoni jgħinu biex “Stelvio”/”Stilfser” jikseb il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ġobon bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta li jagħmluh uniku, prodott ta’ klassi għalih li ċertament huwa mmarkat bil-karatteristiċi uniċi lokali tiegħu.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Barra minn dawk indikati fil-punt 3.2, il-prodott għandu ċerti karatteristiċi speċifiċi uniċi u partikolari li jistgħu jinġabru kif ġej:
— |
il-kulur tal-qoxra: ivarja minn isfar fl-oranġjo għal oranġjo fil-kannella; |
— |
togħma: aromatika u tispikka, xi kultant qawwija ħafna; |
— |
xaħam fil-materja niexfa: 50 % jew iktar. |
5.3. Rabta kawżali maż-żona ġeografika u l-kwalità jew karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP):
Meta jkunu fil-mergħa Alpina l-bovini jieklu ħaxix frisk u meta fl-istalel id-dieta tagħhom hija primarjament ibbażata fuq għalf li ġej mill-ħaxix taż-żona ġeografika identifikata; barra minn hekk, jintuża biss ħalib prodott f’dik iż-żona. In-natura muntanjuża u l-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona, flimkien mal-karatteristiċi tal-ħaxix Alpin speċifiku u l-mikroflora lokali bil-batterji diversi tagħha li huma użati fl-ipproċessar, jagħtu lill-proċess ta’ maturazzjoni tal-ġobon ċerti karatteristiċi distintivi uniċi li jgħinuh ikollu dik it-togħma distinta. Dawn il-fatturi għandhom rwol deċisiv kemm f’li jagħtu l-kulur lill-qoxra tiegħu kif ukoll jikkontribwixxu għat-togħma u l-aroma distinti tal-prodott. Barra minn hekk, id-dieta kumplessiva tal-bovini tikkontribwixxi għal-livell pjuttost għoli ta’ xaħam meta mqabbel mal-materja niexfa.
Il-fatturi ta’ hawn fuq jistgħu jiġu ntraċċati matul iż-żmien f'sorsi li jmorru lura lejn l-aħħar tal-Medjuevu u ġew ikkonsolidati permezz tad-drawwiet u permezz tal-istituzzjonijiet tradizzjonali lokali li jinkludu l-irziezet maso, kif jidher fuq id-deskrizzjoni tal-prodott u l-proċess tal-produzzjoni tal-fabbrika tal-ġobon fi Stilf (Stelvio) fl-1914. Dan kollu ta bidu għal benefiċċji ekonomiċi sinifikanti madwar iż-żona ġeografika. L-ispeċifikazzjoni tagħmel dawn il-fatturi obbligatorji billi timponi rekwiżiti kemm fuq il-bdiewa tal-bovini u l-proċesssuri li għandhom jiġu dokumentati permezz ta’ entrati u rekords speċifiċi, sistemi ta’ identifikazzjoni għal kull operatur individwali fiż-żona u ż-żamma ta' dokumentazzjoni speċifika dwar l-ipproċessar, il-produzzjoni u l-allokazzjoni tad-denominazzjoni.
Referenza għall–pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))
Il-Ministeru nieda l-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali mal-pubblikazzjoni tal-proposta biex jemenda “Stelvio”/”Stilfser” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 218 tad-19 ta’ Settembru 2011.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew
billi wieħed imur direttament fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Politika tal-Forestrija (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fil-kantuniera ta’ fuq tal-lemin) u wara fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.
(3) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.
(4) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.