Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(27)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    ĠU C 365, 13.12.2013, p. 190–196 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/190


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    2013/C 365/27

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenzija", magħrufa wkoll bħala l-“ERCEA”), li tinsab fi Brussell, inħolqot bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE (1). L-Aġenzija ġiet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2008 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2017 bl-għan li ġġesti l-programm speċifiku “Ideat” taħt is-7 Programm Kwadru għar-Riċerka (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-Kumitat ta’ Ġestjoni japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adotatti mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    11.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi meħuda b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-17 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 9, 12.1.2008, p. 15.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

    2011

    L-Aġenzija ma eżerċitatx kontroll suffiċjenti matul l-iżvilupp ta’ assi intern tal-IT imsejjaħ e-Stream, li l-iskop tiegħu kien li jawtomatizza l-proċessi tal-approvazzjoni tal-fluss tax-xogħol tad-dipartiment tal-Ġestjoni Xjentifika. L-argument kummerċjali għal dan il-proġett ma ġiex definit adegwatament, ir-riskji ma ġewx identifikati u indirizzati adegwatement u l-maniġment naqas milli jimmonitorja l-progress tal-proġett. Dawn id-dgħufijiet ikkontribwixxew għall-falliment tal-proġett tal-IT, li rriżulta f’imposta ta’ deprezzament ta’ EUR 258 967.

    Ikkompletata

    2011

    Id-Direttur ad interim tal-Aġenzija nħatar fl-1 ta’ Jannar 2011 b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fi Frar 2012, fiż-żmien tal-awditu, it-tul ta’ żmien ta’ dan il-post qabeż b’xahar il-massimu ta’ sena previst fir-Regolament tal-Persunal. Peress li Kap ta’ Unità ħa f’idejh b’mod temporanju l-funzjoni oriġinali tad-Direttur bħala Kap ta’ Dipartiment, l-istess nuqqas ta’ konformità mar-Regolamenti tal-Persunal japplika hawnhekk ukoll. Kap ta’ Unità ieħor kien Aġent Kap ta’ Dipartiment bejn Ġunju 2009 u Frar 2011 u d-durata tal-post kienet irregolari f’dan il-każ ukoll.

    Ikkompletata


    ANNESS II

    Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (Brussell)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    1.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw programm qafas pluriennali, li fih jitqiegħdu l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni. Il-programm qafas għandu:

    jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz tal-attivitajiet li hemm previsti fl-Artikolu 180 u jiddetermina l-prioritajiet rilevanti,

    jindika l-linji ġenerali ta' dawk l-attivitajiet,

    jistabbilixxi l-ammont massimu totali u r-regoli dettaljati applikabbli għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-programm qafas, kif ukoll id-diversi ishma f’kull attività prevista.

    2.

    Il-programm qafas għandu jiġi adattat jew supplimentat skond kif tinbidel is-sitwazzjoni.

    3.

    Il-programm qafas għandu jiġi implimentat permezz ta' programmi speċifiċi żviluppati f’kull attività. Kull programm speċifiku għandu jiddefinixxi r-regoli dettaljati sabiex dan jiġi implimentat, sabiex jiġi stabbilit kemm idum, kif ukoll sabiex jiġu provduti il-mezzi li jitqiesu meħtieġa. It-total tal-ammonti li jitqiesu meħtieġa, stabbiliti fil-programmi speċifiċi, ma jistax jeċċedi l-ammont massimu totali stabbilit għall-programm qafas u għal kull attività.

    4.

    Il-Kunsill li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, għandu jadotta l-programmi speċifiċi.

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE)

    Objettivi

    L-Aġenzija ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE, għall-ġestjoni tal-Programm speċifiku Komunitarju "Ideat" fil-qasam tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003. "Ideat" huwa implimentat mill-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), li jikkonsisti minn Kunsill Xjentifiku indipendenti li jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika tal-ERC u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha mill-Aġenzija li timmaniġġja l-ġestjoni operazzjonali. L-Aġenzija saret awtonoma mid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-15 ta’ Lulju 2009.

    Kompiti

    Il-kompiti tal-Aġenzija huma deskritti fl-Att ta’ Delegazzjoni (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5694), partikolarment fl-Artikoli 5-7 tiegħu. Fost dawn il-kompiti, l-Aġenzija ġiet fdata b’kompiti li jkopru:

    l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tal-programm u, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni, ir-reviżjoni bejn il-pari u l-proċess tal-għażla skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku;

    il-ġestjoni finanzjarja u xjentifika tal-għotjiet.

    Tmexxija

    (Id-Deċizjonijiet tal-Kummissjoni C(2008) 5132 u C(2011) 4877)

    (Id-Deċizjonijiet tal-Kummissjoni 2007/134/KE u 2011/12/UE)

    (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE)

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003)

    Kumitat ta’ Ġestjoni

    Il-Kumitat ta' Ġestjoni huwa l-korp li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-Aġenzija u jinħatar mill-Kummissjoni (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5132). Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali (wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni), il-baġit amministrattiv u r-rapporti annwali tal-Aġenzija. Huwa kompost minn ħames membri u osservatur wieħed.

    Kunsill Xjentifiku tal-ERC

    Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC huwa fdat bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE li jistabbilixxi strateġija xjentifika għall-Programm Speċifiku Ideat, jiddeċiedi dwar it-tip ta’ riċerka li għandu jkun iffinanzjat skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE u jiggarantixxi l-kwalità tal-attivitajiet mill-perspettiva xjentifika. Il-kompiti tiegħu jkopru, b’mod partikolari, it-tfassil tal-programm annwali ta’ ħidma annwali għall-Programm Speċifiku Ideat, u tal-proċess tar-reviżjoni bejn il-pari, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku "Ideat", mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Huwa kompost minn 22 membru maħtura mill-Kummissjoni.

    Direttur tal-Aġenzija

    Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea għal erba’ snin.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

    Baġit

    EUR 37,8 (35,6) miljun

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2012

    Il-baġit operazzjonali 2012 jipprovdi għal tabella tal-persunal ta’ 100 (100) Persunal temporanju (PT) u baġit għal 289 (260) Persunal kuntrattwali (PK) u esperti nazzjonali sekondati (SNE), jiġifieri persunal totali ta’ 389 (360). Minn dawn il-postijiet, 380 (350) ġew okkupati fit-tmiem l-2012:

    96 (97) persunal temporanju, li minnhom 11 (13)-il PT sekondati u 85 (84) PT esterni;

    275 (245) persunal kuntrattwali;

    9 (8) SNEs,

    Allokati lil:

    attivitajiet operazzjonali (id-Dipartimenti tal-Ġestjoni Xjentifika u tal-Għotjiet): 71 % (68 %)

    attivitajiet amministrattivi (dipartimenti oħra): 29 % (32 %)

    Prodotti u servizzi 2012 (2011)

    1.

    Il-monitoraġġ tal-ftehimiet tal-għotja mogħtija taħt il-Programm ta' Ħidma Ideat, sejħiet għal Għotjiet tal-Bidu, Għotjiet Avvanzati, Għotjiet ta’ Sinerġija u Għotjiet dwar il-Prova ta’ Kunċett. Il-programm ta' ħidma Ideat huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni tas-sejħiet annwali għal proposti, li hija segwita minn evalwazzjoni (minn esperti esterni), it-tħejjija u l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja u finalment il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Kull sejħa għal proposti tirriżulta f’serje ta’ Ftehimiet ta’ Għotja, b’ċiklu ta' proġetti mistenni ta’ madwar ħames snin.

    2.

    L-eżekuzzjoni tas-Sejħiet għal proposti 2012 għall-programm ta' ħidma Ideat. (Għotjiet tal-Bidu, Għotjiet Avvanzati, Għotjiet ta’ Sinerġija u Għotjiet dwar il-Prova ta’ Kunċett): 7 899 applikazzjoni għal proposti ġew ippreżentati fl-2012, li minnhom 4 741 kienu għal Għotjiet tal-Bidu, 2 304 għal Għotjiet Avvanzati, 710 għal Għotjiet ta’ Sinerġija u 144 għal Għotjiet dwar il-Prova ta’ Kunċett. Minn dawn total ta’ 7 740 kienu eliġibbli u għalhekk evalwati mill-panils tal-eżaminar. Total ta’ 960 proposta ntgħażlu għall-proċess ta’ għoti (883 fuq il-listi prinċipali, 77 fuq il-listi ta’ riżerva).

    3.

    Il-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-Programm Speċifiku Ideat u l-attivitajiet tal-Aġenzija fl-2012.

    4.

    Il-Kunsill Xjentifiku kellu laqgħat regolari fl-2012 madwar l-Ewropa, normalment fuq stedina mill- awtoritajiet nazzjonali. Laqgħat f’pajjiżi differenti li huma Stati Membri tal-UE jew pajjiżi assoċjati huwa mod kif l-ERC isir aktar viżibbli. Il-laqgħat huma meqjusa wkoll bħala avvenimenti importanti kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-komunità lokali xjentifika u tar-riċerka. Ħames sessjonijiet plenarji tal-Kunsill Xjentifiku kienu organizzati matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012: fi Frar, f’Ġunju u f’Diċembru fi Brussell (il-Belġju), f’April f’Sofia (il-Bulgarija) u f’Ottubru f’Limassol (Ċipru). Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-panil dwar l-eżami tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-ERC fl-2009, il-Kunsill Xjentifiku stabbilixxa żewġ kumitati permanenti: l-ewwel wieħed jipprovdi gwida dwar kunflitti ta’ interess, mġiba xjentifika skorretta u kwistjonijiet etiċi u t-tieni wieħed jieħu ħsieb l-għażla tal-membri tal-panil tal-evalwazzjoni. L-aġenzija eżekuttiva appoġġat l-attivitajiet operazzjonali taż-żewġ kumitati, li ltaqgħu darba u darbtejn rispettivament fl-2012. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku jiltaqgħu wkoll fi gruppi ta’ ħidma biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. Fl-2012, diversi laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma tal-ERC dwar l-innovazzjoni u r-relazzjonijiet mal-industrija, l-aċċess miftuħ, l-internazzjonalizzazzjoni u l-bilanċ bejn is-sessi ġew organizzati mill-aġenzija eżekuttiva. Il-gruppi ta’ ħidma jwettqu analiżijiet u jikkontibwixxu għall-istrateġija xjentifika tal-ERC permezz ta’ proposti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Xjentifiku fil-plenarja fl-oqsma koperti mill-mandati tagħhom: biex jeżaminaw ir-relazzjoni tal-ERC mas-settur industrijali/tan-negozju u l-impatt tar-riċerka dwar l-innovazzjoni ffinanzjata mill-ERC; biex jiżviluppaw pożizzjoni tal-ERC dwar l-aċċess miftuħ; biex jesploraw mekkaniżmi xierqa għaż-żieda tal-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi mhux Ewropej, partikolarment il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina (il-pajjiżi BRIC) fl-iskemi tal-ERC; u biex jiżguraw li l-ERC tkun fuq quddiem nett fl-aħjar prattika fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fir-riċerka. Serje ta’ dokumenti ta’ ħidma li fihom analiżijiet u messaġġi ewlenin dwar il-kwistjonijiet speċifiċi ttrattati mill-gruppi ta’ ħidma u mill-kumitati permanenti tħejjew mill-aġenzija eżekuttiva, f’kollaborazzjoni mal-membri tal-gruppi.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

    1.

    L-Aġenzija ħa nota tar-rapport tal-Qorti.


    Top