This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013TA0110(03)
Report on the annual accounts of the ENIAC Joint Undertaking for the financial year 2011, together with the replies of the Joint Undertaking
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
ĠU C 6, 10.1.2013, p. 18–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 6/18 |
RAPPORT
dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
2013/C 6/03
INTRODUZZJONI
1. |
L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija dwar in-Nanoelettronika (l-Impriża Konġunta ENIAC), tinsab fi Brussell u twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin. |
2. |
L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta "Aġenda għar-Riċerka" għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Ewropa u jkun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2). |
3. |
Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Nanoelettroniċi Ewropej (AENEAS). Stati Membri oħrajn u pajjiżi assoċjati, kif ukoll kwalunkwe pajjiż ieħor jew kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC, jistgħu jsiru membri tal-Impriża Konġunta ENIAC. |
4. |
Il-kontribuzzjoni massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta ENIAC li tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hija ta’ EUR 450 miljun li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). L-AENEAS għandha tagħmel kontribuzzjoni massima ta’ EUR 30 miljun għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta. L-Istati Membri fl-ENIAC għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operazzjonali (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribuzzjoni tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jipparteċipaw fil-proġetti. L-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka għandhom jagħmlu kontributi in natura li huma minn tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. |
5. |
L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fis-26 ta’ Lulju 2010. |
INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
6. |
L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment. |
ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
7. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ENIAC, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet. |
8. |
Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7). |
Ir-responsabbiltà tal-Maniġment
9. |
Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari. |
Ir-responsabbiltà tal-Awditur
10. |
Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. |
11. |
Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC (11) u l-ISSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) sabiex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari. |
12. |
L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi jew inkella minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditu (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, jiġu meqjusa l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet sabiex jiġu mfassla proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. |
13. |
Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt. |
Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet
14. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li tkun intemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha. |
Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
15. |
L-istrateġija ta’ verifika ex-post (12) tal-Impriża Konġunta ġiet adottata minn deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010 u hija kontroll ewlieni (13) għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-pagamenti magħmula fl-2011 li jirrelataw ma ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) tal-Istati Membri ammontaw għal EUR 6,8 miljun, li jirrappreżentaw 45 % tat-total tal-pagamenti operazzjonali. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex-post bdiet fl-2011. |
16. |
Il-verifika tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti ġiet iddelegata lill-NFAs tal-Istati Membri. Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-NFAs ma jinkludux l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex-post. Sa tmiem il-verifika (Settembru 2012), l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet informazzjoni suffiċjenti relatata mal-istrateġiji tal-verifika tal-NFAs (14) u ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-istrateġija tal-verifika ex post tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (15). Barra minn hekk, ma twettqet ebda verifika ex-post mill-NFAs fuq l-għotjiet imħallsa sal-aħħar tal-2011. |
17. |
L-informazzjoni disponibbli fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta mhijiex suffiċjenti biex tikkonkludi jekk dan il-kontroll ewlieni hux qed jiffunzjona b’mod effettiv. |
Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
18. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti possibli tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għal opinjoni kwalifikata fil-paragrafi 15 sa 17, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha. |
19. |
Il-kummenti li jsegwu fil-paragrafi 20 sa 33 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti. |
KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA
Implimentazzjoni tal-baġit
20. |
Il-baġit finali tal-2011 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li ammontaw għal EUR 66 miljun u EUR 35 miljun rispettivament. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 97 % u 48 % (16) rispettivament. Mill-EUR 63,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal attivitajiet operazzjonali, EUR 20,1 miljun kienu implimentati bħala impenn globali għall-ewwel sejħa għall-proposti 2011 u EUR 42,2 miljun ġew implimentati bħala impenn globali għat-tieni sejħa għall-proposti 2011. |
21. |
Nuqqas ta’ proċeduri adegwati u dgħufijiet fil-kontroll kienu osservati fid-diżimpenjar ta’ approprjazzjonijiet mhux użati. Approprjazzjonijiet li kellhom jiġu implimentati sa tmiem l-2010 u approprjazzjonijiet li kellhom jiġu implimentati sa tmiem l-2011 ġew diżimpenjati f’Jannar 2012. L-impenn globali ta’ EUR 2,8 miljun li ma ntużax fuq il-linja tal-baġit tal-attivitajiet operazzjonali għall-2010 b’data finali ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2011 ma ġiex diżimpenjat. |
Sejħiet għall-proposti
22. |
Is-sejħiet għall-proposti organizzati fl-2008, l-2009 u l-2010 rriżultaw fi ftehimiet ta’ għotja ffirmati li jammontaw għal total ta’ EUR 107,9 miljun, li jirrappreżentaw 25 % tal-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta għall-attivitajiet ta’ riċerka (17). Fl-2011, tnedew żewġ sejħiet għall-proposti li ammontaw għal EUR 62,3 miljun, imma l-firma tal-ftehimiet tal-għotja baqgħet għaddejja. Fl-2012, tnedew żewġ sejħiet oħra għall-proposti li ammontaw għal EUR 84,5 miljun. Matul l-2013, kieku jkollhom jiġu mnedija żewġ sejħiet oħra għall-proposti b’baġit ta’ EUR 185,3 miljun (42 %) sabiex il-kontribuzzjoni disponibbli tal-UE ta’ EUR 440 miljun tintuża kompletament. |
KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA
23. |
L-Impriża Konġunta s’issa għadha ma implimentatx kontrolli interni u sistemi ta’ informazzjoni finanzjarja effettivi u effiċjenti b’mod sħiħ. Dan irriżulta fi żbalji u dewmien sinifikanti fir-rappurtar finanzjarju li ġew ikkoreġuti qabel l-adozzjoni tal-kontijiet finali. |
24. |
L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi (ABAC u SAP) fl-20 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi li jipprovdu informazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms għall-ispejjeż irċevuti mill-NFAs, ma ġewx ivvalidati matul l-2011. |
KWISTJONIJIET OĦRAJN
Kapaċità ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni
25. |
L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi lill-ENIAC jistipola li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità tal-verifika interna. Madankollu, fi tmiem l-2011, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit. |
26. |
Fl-2011, is-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni fit-22 ta’ Novembru 2011. |
27. |
Il-karta tal-missjoni tas-Servizz ta’ Awditjar intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Qafas (18) li jirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni. |
Il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri fl-ENIAC
28. |
L-istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC jistipulaw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri fl-ENIAC għandhom jammontaw għal total ta’ minn tal-inqas 1,8 drabi (19) tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE, filwaqt li l-għotjiet tal-Impriża Konġunta jistgħu jilħqu massimu ta’ 16,7 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġetti. Għall-ewwel ħames sejħiet għall-proposti, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati Membri fl-ENIAC ammontat għal 1,55 drabi tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE. |
29. |
Għall-kuntrarju tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta tal-ENIAC (20), il-Greċja qiegħda tuża l-fondi strutturali tal-EU biex tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħha lill-benefiċjarji Griegi tal-proġetti ENIAC (21) minflok ma tipprovdi finanzjament nazzjonali. L-Impriża Konġunta aċċettat li l-Greċja tkompli tipparteċipa fil-proġetti ENIAC imma ebda finanzjament m’huwa qed jiġi pprovdut mill-Impriża Konġunta lill-benefiċjarji Griegi, minħabba li mhuwiex permess kofinanzjament ma’ sors ieħor ta’ finanzjament tal-UE (22). |
Rapport ta’ attività annwali
30. |
Skont l-Artikoli 19(4) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta u l-Artikolu 40 tar-Regoli Finanzjarji, tagħha u d-Direttur Eżekuttiv huwa mitlub iħejji rapport ta’ attività annwali. Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b’referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Għandu jikkonferma wkoll li l-informazzjoni li tifforma l-kontenut tar-rapport tippreżenta stampa ċara u ġusta sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma’ oqsma definiti ta’ dħul u nfiq. |
31. |
Ir-rapport ta’ attività annwali ma jinkludix valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Ir-rapport annwali jinkludi d-dgħufijiet li ġejjin:
|
Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti
32. |
Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Aktar xogħol huwa meħtieġ sabiex il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru jiġi ffinalizzat. |
33. |
Il-ftehim mal-Istat Ospitanti (23) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012. |
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).
(2) L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.
(3) Is-Seba' Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1) jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
(4) Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fit-30 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazjoni tal-approprjazzjonijiet.
(5) Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.
(6) Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.
(7) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(8) L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).
(9) L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
(10) Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regolamenti finanzjarji tal-Impriża Konġunta.
(11) Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).
(12) L-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta ENIAC tiddikjara li l-Impriża Konġunta għandha tfittex informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-proċedura tal-verifika ex-post applikata fl-Istati Membri ENIAC biex iwettqu valutazzjoni tal-proċeduri nazzjonali fir-rigward tal-idoneità tagħhom li jipprovdu assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet relatati mal-proġetti tal-Impriża Konġunta ENIAC.
(13) L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 72/2008 jiddikjara li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li hija “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta ENIAC. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ENIAC jew mill-Istati Membri fl-ENIAC f’isimha.”
(14) L-Impriża Konġunta kienet irċeviet informazzjoni dwar strateġiji tal-verifika mingħand sebgħa minn tnejn u għoxrin NFA. Id-dokumentazzjoni rċevuta għas-seba’ NFAs fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija insuffiċjenti biex tippermetti lill-Impriża Konġunta tivvaluta l-proċeduri nazzjonali minħabba li m’huma pprovduti ebda dettalji prattiċi dwar l-arranġamenti tal-verifika (jiġifieri l-approċċ u l-metodoloġija tal-verifika, id-daqs tal-kampjun, it-tip ta’ kontrolli finanzjarji li jridu jitwettqu mill-NFAs, eċċ).
(15) Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea vvaluta l-istrateġiji tal-verifika tal-Istati Membri fl-ENIAC. F’Ġunju 2012, huwa kkonkluda li l-istrateġija ex post attwali ma tipprovdix l-informazzjoni neċessarja biex tintlaħaq assigurazzjoni raġonevoli. Konsegwentement, l-istrateġija tal-verifika ex post ġiet reveduta u t-tranżazzjonijiet se jiġu ttestjati fuq bażi ta’ kkampjunar li jitlob lill-NFAs jagħtu dettalji tal-verifika u l-kontrolli mwettqa.
(16) Ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa għal pagamenti operazzjonali hija spjegata bil-fatt li pagamenti mill-ENIAC jiġu kkawżati bil-wasla tard taċ-ċertifikat mill-awtoritajiet nazzjonali u b’dewmien fil-livell tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-ftehim nazzjonali tal-għotja.
(17) Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 72/2008 u l-Artikolu 11(5) għall-Anness tiegħu, il-kontribuzzjoni massima tal-UE li tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Impriża Konġunta għandha tkun ta’ EUR 450 miljun, li minnhom il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż operazzjonali ma tistax teċċedi EUR 10 miljun. Jekk parti mill-kontribuzzjoni tal-ispejjeż operazzjonali ma tintużax, din tista’ ssir disponibbli għall-attivitajiet ta’ riċerka.
(18) Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
(19) L-Artikolu 11(6)(b) tal-Istatuti annessi mar-Regolament (KE) Nru 72/2008.
(20) L-Artikolu 13(1) tal-Istatuti annessi mar-Regolament (KE) Nru 72/2008 jiddikjara li “Il-finanzjament pubbliku għal proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti pubblikati mill-Impriża Konġunta ENIAC għandu jikkonsisti f'kontributi finanzjarji nazzjonali mill-Istati Membri fl-ENIAC u/jew f'kontribut finanzjarju mill-Impriża Konġunta ENIAC. Kull appoġġ pubbliku taħt din l-inzjattiva huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali u tal-għajnuna materjali tal-Istat meta dawn ikunu applikabbli.
(21) Il-baġit totali tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ENIAC tas-sejħiet tal-2008, 2009 u l-2010 jammonta għal EUR 9,7 miljun (EUR 4,4 miljun f’fondi nazzjonali, EUR 1,6 miljun kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta u l-bqija mill-parteċipanti tal-proġetti).
(22) L-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistipola d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) jiddikjara li, “Infiq ko-finanzjat mill-Fondi m'għandux jirċievi għajnuna minn strument finanzjarju tal-Unjoni ieħor”.
(23) Il-Paragrafu 25 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010 tal-Impriża Konġunta ENIAC, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 48).
ANNESS
L-Impriża Konġunta ENIAC (Brussell)
Il-kompetenzi u l-attivitajiet
L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat (L-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) |
L-Impriża Konġunta hija korp Komunitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha hi għaldaqstant soġġetta għar-rilaxx mill-Parlament Ewropew, iżda b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet li jirriżultaw min-natura tal-JTIs bħala partenarjati pubbliċi-privati u b'mod partikolari mill-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta ENIAC ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21). |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008) |
L-objettivi L-Impriża Konġunta ENIAC tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) u t-tema "Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni" tal-Programm Speċifiku "Koperazzjoni". Din għandha b’mod partikolari:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
It-tmexxija |
Il-Membri Fi tmiem l-2011, il-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC kienu: AENEAS li tirrappreżenta l-Industrija, l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-ENIAC (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Il-Bord tat-Tmexxija Il-Bord tat-Tmexxija jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Membri tal-Impriża Konġunta ENIAC u l-President tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta ENIAC u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jikkonsisti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Impriża Konġunta ENIAC. Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka AENEAS għandu jaħtar il-membri tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka. Id-Direttur Eżekuttiv Id-Direttur Eżekuttiv huwa l-kap eżekuttiv responsabbli għat-tmexxija ġurnata b’ġurnata tal-Impriża Konġunta ENIAC u huwa r-rappreżentant legali tagħha. Il-verifika esterna Il-Qorti tal-Awdituri. L-awtorità ta’ kwittanza Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011 |
Il-baġit Il-baġit ivvotat għall-2011 f’EUR:
Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011 |
A PROGRESS OPERAZZJONALI LEJN L-OBJETTIVI Stabbiliment ta’ aġenda għar-riċerka Fi tmiem l-2011, l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġetti magħżula għall-finanzjament kienu aktar minn EUR 1 biljun. Huma jkopru l-oqsma kollha tar-R&Ż iddefiniti fil-Pjan ta’ Strateġija Multiannwali (MASP) Għoti ta’ finanzjament lil parteċipanti Mill-bidu tagħha, l-Impriża Konġunta ENIAC tat EUR 171,6 miljun lill-parteċipanti, aktar mill-EUR 109,3 miljun fi tmiem l-2010, fejn fl-2011 hija kisbet żieda ta’ 85 % meta mqabbel mas-sena preċedenti u dan juri li l-Impriża Konġunta ENIAC għamlet progress konsiderevoli. Żieda fl-investimenti tar-R&Ż fin-nanoelettronika Madwar 47 % tat-total ta’ madwar 3 700 riċerkatur involuti fir-R&Ż dwar in-nanoelettronika fl-2012 se jkunu ingaġġati fil-proġetti magħżula għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta ENIAC, biex b’hekk tinkiseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforz Ewropew tar-R&Ż. L-Impriża Konġunta ENIAC ikkoordinat l-attivitajiet tagħha primarjament mar-raggruppament CATERNE tal-EUREKA, li jikkoorganizza l-Forum Ewropew tan-Nanoelettronika. Promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju L-SMEs qegħdin fuq quddiem nett tal-proġetti tal-Impriża Konġunta ENIAC, fejn jirrappreżentaw 40,7 % tal-organizzazzjonijiet parteċipanti (30,5 % huma universitatjiet u istituti tar-riċerka u 28,8 % kumpaniji industrijali kbar). B PRESTAZZJONI FUNZJONALI Is-sħubija tal-Impriża Konġunta ENIAC ma nbidlitx fl-2011. L-organizzazzjoni pprogressat bil-kbir:
IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT 2011 Fi tmiem is-sena, l-Impriża Konġunta ENIAC kienet ikkommettiet l-approprjazzjonijiet kollha għall-proġetti li nħolqu mis-Sejħiet 2011_1 (Is-sejħa 4) u 2011_2 (Is-sejħa 5) u kienet implimentat 48,09 % tal-pagamenti operazzjonali. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta. |
TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ENIAC
15 - 17. |
Sa mill-2010, l-Impriża Konġunta ENIAC involviet ruħha, flimkien mal-Impriża Konġunta Artemis, fi proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri ta’ awditjar fl-Istati Membri tal-ENIAC. Fl-2011, skont il-pjan strateġiku tal-awditjar, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni, li jaġixxi bħala awditur intern tal-Impriża Konġunta, beda impenn konsultattiv dwar il-valutazzjoni ta’ jekk l-esekuzzjoni tal-istrateġiji ta’ awditjar diġà eżistenti fl-Istati Membri tal-ENIAC tistax tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli. L-IAS lesta l-valutazzjoni fl-2012, fejn ikkonkluda li dan l-approċċ mhux ser jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli. Konsegwentement, l-Impriża Konġunta ENIAC iddefinixxiet u bdiet tesegwixxi l-pjan ta’ awditjar ex post tagħha, li għandu jiġi kkompletat qabel l-aħħar tas-sena. |
21. |
L-Impriża Konġunta ENIAC sofriet minn nuqqas ta’ riżorsi fl-aħħar tal-2012 u esegwiet id-diżimpenn tard wisq. Ittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi evitata kwalunkwe rikorrenza fil-ġejjieni, b’mod partikolari l-esekuzzjoni tal-pjan tal-kiri, li jiddefinixxi proċedura dettaljata għall-ġestjoni tal-għeluq tal-aħħar tas-sena, kif ukoll l-iffissar ta’ skadenzi stretti. |
23. |
L-Impriża Konġunta ENIAC għandha raġunijiet sodi sabiex tikkunsidra li l-operazzjonijiet finanzjarji kollha tagħha huma regolari u affidabbli. Iddaħħlu fis-seħħ pjanijiet dettaljati għall-monitoraġġ tal-kontabilità, iżda ġew iffaċċjati diffikultajiet serji fl-amministrazzjoni xierqa tas-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità. Din is-sitwazzjoni ġiet aggravata min-nuqqas ta’ programmi ta’ taħriġ adegwati, proċeduri ineżistenti applikabbli għall-każ tagħna u appoġġ insuffiċjenti disponibbli għall-utenti. Madankollu, l-iżbalji kollha msemmija b’konnessjoni ma’ din is-sejba fil-fatt issolvew. L-Impriża Konġunta ENIAC sejra tkompli tiddedika sforzi serji sabiex tegħleb id-diffikultajiet u tħaffef il-progress. |
24. |
Fl-20 ta’ Diċembru 2010 (1), wara tliet xhur biss mill-implimentazzjoni tal-baġit proprju, l-uffiċjal tal-kontabilità vvalida s-sistemi finanzjarji u tal-kontabilità implimentati fl-Impriża Konġunta ENIAC u inkluda għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni tal-validazzjoni tiegħu. Fl-2011, l-Impriża Konġunta ENIAC għaddiet minn perjodu ta’ bidliet frekwenti, ikkawżati miċ-ċaqliq għal bini ġdid, l-użu ta’ infrastruttura tal-IT kompletament ġdida għat-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħha, l-esekuzzjoni tal-proċess ta’ reklutaġġ li żied l-għadd ta’ impjegati b’mod konsiderevoli u l-fatt li esperjenzat żieda qawwija fil-livell globali ta’ attività. Konsegwentement, iċ-ċirkwiti finanzjarji għaddew minn evoluzzjoni qawwija u kontinwa. Għalkemm is-sistemi ta’ kontroll intern qegħdin ikomplu jissaħħu u jiġu ottimizzati, il-validazzjoni kumplimentarja saret possibbli fl-2012, ladarba ċ-ċirkwiti u s-sistemi ġew stabbilizzati wara l-ewwel eżerċizzju baġitarju sħiħ amministrat b’mod awtonomu. Dan sar fil-25 ta’ Ġunju 2012, inkluż ukoll analiżi tal-attivitajiet u l-proċessi amministrattivi ewlenin imwettqa mill-Impriża Konġunta ENIAC bil-għan li tappoġġja s-sistemi tal-ġestjoni finanzjarja. |
25. |
Il-funzjoni tal-IAC ġiet stabbilita fis-7 ta’ Frar 2011 matul it-13-il laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija, li mbagħad ġiet issodisfata mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni. Fis-6 ta’ Ottubru 2011, l-IAS għarraf lill-Impriża Konġunta ENIAC li l-provvista tas-servizzi tal-IAC “sfortunatament jeħtieġ li jiġu sospiżi għall-mument”, minħabba d-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni. Billi ma kien hemm ebda progress fl-iżblokkar ta’ din il-funzjoni, fl-2012 l-Impriża Konġunta ENIAC iddeċidiet li tassenja membru tal-persunal tagħha għall-funzjoni tal-IAC skont id-deċiżjoni ENIAC-ED-88-12 tal-25 ta’ April 2012. |
27. |
L-emenda tar-Regolament Finanzjarju Qafas taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Kummissjoni, li attwalment tinsab fil-proċess li tħejji l-allinjament tar-Regolament Finanzjarju Qafas eżistenti mar-Regolament Finanzjarju Ġenerali l-ġdid tal-UE. L-Impriża Konġunta ENIAC għandha tadotta l-verżjoni riveduta malli tkun disponibbli. |
28. |
Il-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta ENIAC lil kwalunkwe parteċipant fil-proġetti li jirriżultaw minn sejħa għall-proposti partikolari għandhom ikunu eżatt fl-istess perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali li jġarrab il-parteċipant. Il-perċentwali tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri tal-ENIAC huwa limitat għad-differenza bejn l-intensità massima tal-għajnuna mill-Istat speċifikata fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 u l-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC. Pereżempju, jekk il-perċentwali tal-Impriża Konġunta ENIAC ikun ta’ 16,7%, imbagħad l-Istat Membru tal-ENIAC ivarja minn 8,3% (fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat b’massimu ta’ 25% għal impriża kbira fi żvilupp sperimentali) għal 83,3% (għal Università). L-intensità medja tal-għajnuna li jista’ jikkontribwixxi l-Istat Membru tal-ENIAC hija imprevedibbli, billi tiddependi mit-tip ta’ riċerka u żvilupp (R&D) imwettqa, l-istatus tal-parteċipanti u l-ammonti li jieħu kull wieħed minnhom. Wara li ġie nnotat li l-medja oriġinat mill-proporzjon speċifikat ta’ 1,8, fl-2012 il-KE pproponiet li tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC għal 15%, għalkemm dan irriżulta wkoll fi tnaqqis tal-volum totali ta’ riċerka u żvilupp, f’kontradizzjoni mal-objettiv ġenerali li jiżdiedu l-investimenti ta’ riċerka u żvilupp. |
29. |
Il-kondizzjoni li taħtha l-Greċja kienet qiegħda tipparteċipa fil-programm mhijiex qiegħda tikkontradixxi l-istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC. L-għan u l-objettivi ġenerali tal-programm jikkonsistu fil-kisba tas-sinerġiji u l-koordinazzjoni għall-iżgurar ta’ parteċipazzjoni wiesgħa fil-proġetti. F’dak il-kuntest, u b’mod konformi għal kollox mal-Istatuti, fil-programm hemm numru ta’ entitajiet ġuridiċi li huma membri leġittimi ta’ konsorzju wara l-iffirmar tal-formola tal-adeżjoni definita fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tal-Impriża Konġunta, għalkemm huma ma jirċievu ebda finanzjament mill-Impriża Konġunta jew inkella ma ffirmaw ebda ftehim ta’ għotja nazzjonali. Dan huwa l-każ għall-entitajiet ġuridiċi li jirċievu appoġġ finanzjarju reġjonali jew li jinsabu f’pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-ENIAC. Il-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi mill-Istati Membri tal-ENIAC għal tali raġunijiet tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-ENIAC, li ma għandhom ebda obbligu li jiżvelaw is-sorsi tagħhom ta’ finanzjament nazzjonali, jekk ikun hemm. Dan jikkontradixxi l-objettivi ġenerali tal-programm. |
31. |
Ir-Rapport ta’ Attività Annwali 2011 jinkludi analiżi dettaljata tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-ICS fil-kapitolu 3.1. L-istatus tal-attivitajiet ta’ awditjar ex post huwa inkluż fil-Paragrafu 3.1.14. L-istatus tal-validazzjoni tas-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità ma nbidilx fir-rigward tas-sena preċedenti, għar-raġunijiet elenkati taħt il-Paragrafu 24. Billi l-Impriża Konġunta ENIAC (2) tistipula fl-Artikolu 19.4 li “Ir-Rapport ta’ Attività Annwali għandu jiġi ppreżentat mid-direttur eżekuttiv flimkien mal-kontijiet annwali u l-karti tal-bilanċi.”, l-Impriża Konġunta ENIAC hija tal-fehma li r-riżervi fformulati u inklużi fid-dokumenti msemmija l-aħħar japplikaw ukoll għad-dokumenti li ssemmew l-ewwel, u ma jiġux iddupplikati. |
32. |
Fit-28 ta’ Jannar 2011, l-Impriża Konġunta ENIAC iffinalizzat u vvalidat il-pjan ta’ kontinwità tan-negozju tagħha u stabbilixxiet ċirkwit finanzjarju speċifiku sabiex tiġi żgurata l-kontinwità f’każ ta’ kriżi. Id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jikkostitwixxu l-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru li mhuwiex elaborat bħala dokument separat. Dan il-pjan huwa sottomess għal titjib u reviżjonijiet perjodiċi; l-aħħar reviżjoni li ħadet f’kunsiderazzjoni l-evoluzzjonijiet importanti matul l-2011 ġiet iffinalizzata fl-20 ta’ April 2012, li kienet tinkludi aktar dispożizzjonijiet dettaljati li jindirizzaw l-irkupru minn diżastru. |
(1) L-Impriża Konġunta ENIAC kisbet il-kapaċità sabiex timplimenta l-baġit proprju tagħha f’Settembru 2010.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).