This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013TA0110(01)
Report on the annual accounts of the Artemis Joint Undertaking for the financial year 2011, together with the replies of the Joint Undertaking
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
ĠU C 6, 10.1.2013, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 6/1 |
RAPPORT
dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta
2013/C 6/01
INTRODUZZJONI
1. |
L-Impriża Konġunta ARTEMIS, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin. |
2. |
L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta "Aġenda għar-Riċerka" għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2). |
3. |
Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, u ARTEMISIA, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-Ewropa. Fl-2009, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja saru wkoll membri tal-Impriża Konġunta. |
4. |
Il-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-Impriża Konġunta ARTEMIS biex jiġu koperti l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hija ta’ EUR 420 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). L-assoċjazzjoni ARTEMISIA għandha tagħmel kontribuzzjoni massima ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun għall-ispejjeż operazzjonali. L-Istati Membri fl-ARTEMIS għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operazzjonali (billi jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proġetti), u jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet tal-kontribuzzjoni tal-UE. Kontributi in natura għandhom jiġu pprovduti wkoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jipparteċipaw fil-proġetti. |
5. |
L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2009. |
INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
6. |
L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment. |
ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
7. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ARTEMIS, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet. |
8. |
Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7). |
Ir-responsabbiltà tal-Maniġment
9. |
Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari. |
Ir-responsabbiltà tal-Awditur
10. |
Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. |
11. |
Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC (11) u l-ISSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari. |
12. |
L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) tal-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tagħha tal-awditu (verifika). Meta jsiru dawn il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. |
13. |
Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt. |
Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet
14. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha. |
Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
15. |
L-istrateġija ta’ verifika ex-post (12) tal-Impriża Konġunta ġiet adottata minn deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010 u hija kontroll ewlieni (13) għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-pagamenti li saru fl-2011 relatati ma’ ċertifikati tal-aċċettazzjoni tal-ispejjeż li nħarġu mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali tal-Istati Membri (NFAs) ammontaw għal EUR 4,8 miljun, li jirrappreżenta 32 % tat-total ta’ pagamenti operazzjonali. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex post bdiet fl-2011. |
16. |
Il-verifika tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti ġiet iddelegata lill-NFAs tal-Istati Membri. Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-NFAs ma jinkludux l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post. Sat-tmiem tal-verifika (Settembru 2012), ARTEMIS kienet għadha ma rċevitx biżżejjed informazzjoni relatata mal-istrateġiji tal-verifika ta’ tmienja mill-NFAs (14) u ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-istrateġija tal-verifika ex post tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata (15). |
17. |
L-informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex post tal-Impriża Konġunta mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar jekk dan il-kontroll ewlieni hux qed jiffunzjona b’mod effettiv. |
Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
18. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, ħlief għall-effetti possibbli tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għal opinjoni kwalifikata fil-paragrafi 15 sa 17, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha. |
19. |
Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 20 sa 35 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti. |
KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA
Implimentazzjoni tal-baġit
20. |
Għal kuntrarju tar-regoli finanzjarji ta’ ARTEMIS (16), il-baġit 2011 tal-Impriża Konġunta ma jirriflettix approprjazzjonijiet ta’ pagament differenzjati għan-nefqa operazzjonali. |
21. |
Il-baġit 2011 ġie adottat fil-25 ta’ Novembru 2010 u kien jinkludi approprjazzjonijiet operazzjonali li ammontaw għal EUR 46,6 miljun. Fis-17 ta’ Diċembru 2011 ġie adottat baġit emendatorju fejn l-approprjazzjonijiet operazzjonali tnaqqsu għal EUR 18,6 miljun. Filwaqt li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali kienet 100 % (b’riżultat tat-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet operazzjonali għal EUR 18,6 miljun), ir-rata għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet biss 51 %. |
22. |
Skont il-maniġer tal-programm, l-estimi għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sejħa għall-proposti għall-2008, 2009 u 2010 fi tmiem is-sena ammontaw għal 86 %, 53 % u 18 % rispettivament. Madankollu, il-pagamenti li fil-fatt saru taħt is-sejħa tal-2008 kienu biss 50 %, 31 % għas-sejħa tal-2009 u ma kien sar l-ebda pagament taħt is-sejħa tal-2010. Skont l-Impriża Konġunta, ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali, hija konsegwenza tad-dewmien fil-livell tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotjiet nazzjonali. |
23. |
Kuntrarju għall-Istatuti tal-Impriża Konġunta ARTEMIS (17), il-Greċja qed tuża l-fondi strutturali tal-UE biex tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħha lill-benefiċjarji Griegi tal-proġetti ARTEMIS (18) minflok ma tipprovdi finanzjament nazzjonali. L-Impriża Konġunta Artemis aċċettat il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ARTEMIS iżda l-ebda finanzjament mhu qed jiġi pprovdut mill-Impriża Konġunta lill-benefiċjarji Griegi peress li l-kofinanzjar ma’ sors ieħor ta’ finanzjament mill-UE mhuwiex permess (19). |
24. |
L-Impriża Konġunta qed tuża riport mhux awtomatiku ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-sena finanzjarja li jmiss, iżda mingħajr deċiżjoni tal-Bord ta’ tmexxija kif meħtieġ mill-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji (20). Barra minn hekk, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati minn snin preċedenti u approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali. |
Sejħiet għall-proposti
25. |
Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Artemis ppreveda baġit totali massimu ta’ EUR 420 miljun biex ikopri n-nefqa operazzjonali. L-imlimentazzjoni proprja u l-valur previst tas-sejħiet għall-proposti jirrappreżentaw EUR 244 miljun jew 58 % tal-baġit totali. |
KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA
26. |
Matul L-2011 l-Impriża Konġunta intensifikat l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi u timplimenta proċeduri ta’ kontroll finanzjarju, ta’ kontabilità u ta’ ġestjoni li huma effettivi. Madankollu jinħtieġ aktar xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ kontroll intern (21) u l-verifikazzjoni finanzjarja tal-klejms ta’ spejjeż (22). |
27. |
L-Uffiċjal tal-Kontabilità vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità użati, iżda għadu ma vvalidax il-proċessi tan-negozju ta’ bażi li jipprovdu informazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms ta’ spejjeż irċevuti mill-awtoritajiet nazzjonali. |
KWISTJONIJIET OĦRA
Kapaċità tal-Verifika Interna u Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni
28. |
L-Artikolu 62 tar-Regolament li jistabbilixxi l-ARTEMIS jistipola li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità ta’ verifika interna. Madankollu, fi tmiem l-2011, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit. |
29. |
Fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju u l-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni fil-25 ta’ Jannar 2012. |
30. |
Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord ta’ tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta s’issa għadhom ma ġewx emendati biex jinkludi d-dispożizzjoni tar-Regolament Strutturali (Qafas) (23) li jirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni. |
Rapport ta’ attività annwali
31. |
Skont l-Artikoli 194 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta u l-Artikolu 40 tar-Regoli Finanzjarji tagħha, id-Direttur Eżekuttiv huwa meħtieġ li jfassal rapport ta’ attività annwali. Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b’referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar tar-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Huwa għandu jikkonferma wkoll li l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tippreżenta fehma vera u ġusta ħlief kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma’ oqsma definiti ta’ dħul u nfiq. |
32. |
Għalkemm ir-rapport ta’ attività annwali jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta, huwa ma jinkludix valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Ir-rapport ta’ attività annwali fih id-dgħufijiet li ġejjin:
|
Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti
33. |
Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Jinħtieġ li jsir aktar xogħol biex jiġi ffinalizzat il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru. |
34. |
B’kuntrarju għar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS (24), l-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali s’issa għadhom ma ddikjaraw ebda mgħax bankarju ġġenerat fuq pagamenti ta’ prefinanzjament. |
35. |
Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (25) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012. |
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-"Impriża Konġunta ARTEMIS" għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).
(2) L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.
(3) Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittvità u impjieg. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
(4) Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fl-1 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.
(5) Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.
(6) Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.
(7) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(8) L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).
(9) L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
(10) Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.
(11) Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).
(12) Il-ftehim ta’ finanzjament ġenerali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Impriża Konġunta jiddikjara li l-Impriża Konġunta fil-bord kompetenti tagħha, tadotta l-istrateġija ta’ verifika ex-post tagħha bil-għan li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u li l-istrateġija tal-verifika ex-post għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-proċeduri u ta’ kampjun tat-tranżazzjonijiet għall-benefiċjarji kollha jew għal kampjun tagħhom u għandha, b’mod partikolari, tirrifletti adegwatament ir-riskji involuti.
(13) L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 74/2008 jiddikjara li “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta ARTEMIS. Dawn il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ARTEMIS jew mill-Istati Membri fl-ARTEMIS f’isimha. L-Istati Membri fl-ARTEMIS jistgħu jwettqu kwalunkwe kontroll u verifika oħra fost id-destinatarji tal-finanzjament nazzjonali tagħhom li huma jqisu meħtieġa u għandhom jikkomunikaw ir-riżultati lill-Impriża Konġunta ARTEMIS.”
(14) Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dokumentazzjoni li waslet s’issa mhijiex biżżejjed biex l-Impriża Konġunta tkun tista’ tivvaluta dawn l-istrateġiji u l-implimentazzjoni tagħhom peress li ma jingħata l-ebda dettall dwar l-arranġamenti tal-verifika (jiġifieri approċċ u metodoloġija tal-verifika, daqs tal-kampjun, it-tip ta’ kontrolli finanzjarji li għandhom jitwettqu mill-NFAs eċċ.).
(15) Skont l-istrateġija tal-verifika ex post adottata mill-Bord ta’ Tmexxija ta’ ARTEMIS l-Impriża Konġunta għandha tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri tal-ARTEMIS tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet esegwiti. Sat-tmiem tal-verifika erbgħa biss mill-Istati Membri tal-ARTEMIS kienu bagħtu informazzjoni dwar il-verifiki ex post imwettqa.
(16) L-Artikolu 8(1) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara li l-baġit għandu jkun fih approprjazzjonijiet mhux differenzjati u approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn tal-aħħar għandhom jikkonsistu minn approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament.
(17) L-Artikolu 13(1) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara “Il-finanzjament pubbliku għal proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti pubblikati mill-Impriża Konġunta ARTEMIS għandu jikkonsisti f’kontributi finanzjarji nazzjonali mill-Istati Membri fl-ARTEMIS u/jew f’kontribut finanzjarju mill-Impriża Konġunta ARTEMIS. Kull appoġġ pubbliku taħt din l-inzjattiva huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali u tal-għajnuna materjali tal-Istat meta dawn ikunu applikabbli.”
(18) Il-baġit totali tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ARTEMIS tas-sejħiet tal-2008, l-2009 u l-2010 jammonta għal EUR 12,2 miljun (stmat bħala EUR 5,7 miljun ta’ fondi nazzjonali, EUR 2,03 miljun ta’ kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta u l-kumplament mill-parteċipanti fil-proġetti).
(19) L-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) jiddikjara li “infiq kofinanzjat mill-Fondi m’għandux jirċievi għajnuna minn strument finanzjarju ieħor tal-Unjoni”.
(20) L-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjara li l-approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq ta’ mhux aktar tard mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f’konformità mal-Artikolu 27. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss.
(21) Fit-22 ta’ Settembru 2010 l-Bord ta’ Tmexxija approva l-qafas ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta li huwa magħmul minn 16-il standard ta’ kontroll intern. Għalkemm sar progress sinifikanti, xi wħud minn dawn l-istandards għadhom mhumiex implimentati bis-sħiħ.
(22) Fir-rigward tal-verifikazzjoni finanzjarja tal-ispejjeż, isir serħan sħiħ fuq iċ-ċertifikati pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali. Minbarra l-kontrolli mwettqa mill-Impriża Konġunta fuq il-persunal assenjat għall-proġetti (bħala indikatur biss tal-ispejjeż tal-persunal użati għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet), l-ebda kontroll finanzjarju ieħor ma jitwettaq mill-Impriża Konġunta.
(23) Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
(24) L-Artikolu 103(2) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara li mgħax iġġenerat minn pagamenti ta’ prefinanzjament għandu jiġi assenjat lill-programm implimentat mill-Impriża Konġunta u mnaqqas mill-pagament tal-bilanċ tal-ammonti dovuti lill-benefiċjarju. Ma għandux ikun dovut imgħax lill-Impriża Konġunta jekk il-prefinanzjament ma jeċċedix l-ammont ta’ EUR 50 000.
(25) Il-paragrafu 26 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 1).
ANNESS
L-Impriża Konġunta ARTEMIS (Brussell)
Il-kompetenzi u l-attivitajiet
L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat (Siltiet mill-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) |
L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni (konġunti) jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni tal-Unjoni. |
||||||||||||||
Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008) |
L-objettivi L-Impriza Konġunta ARTEMIS għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru u t-tema "teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni" tal-programm speċifiku "kooperazzjoni". Il-kompiti
|
||||||||||||||
It-tmexxija |
Il-Bord ta’ Tmexxija (BT): għandu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Id-Direttur: huwa l-kap eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-Impriża Konġunta skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi: huwa responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-baġit tas-sejħiet għall-proposti, l-għażla tal-proposti u l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi lill-proposti magħżula. Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka: jelabora l-pjan strateġiku multiannwali kif ukoll l-aġenda għar-riċerka u l-programm annwali ta' ħidma. Il-verifika esterna Il-Qorti tal-Awdituri. L-awtorità ta’ kwittanza Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill |
||||||||||||||
Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011 |
Il-baġit: il-baġit fih approprjazzjonijiet ta’ impenn għal EUR 28,5 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament għal EUR 32 miljun. Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011 8 postijiet previsiti fit-tabella tal-persunal kienu kompletament okkupati Persunal ieħor:
Allokati lil:
|
||||||||||||||
L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011 |
Ġiet organizzata Sejħa għall-Proposti fl-2011 b’baġit totali ta' EUR 72 miljun. |
||||||||||||||
Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta. |
TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ARTEMIS
Paragrafi 15-16-17
Aħna nieħdu nota tal-importanza tal-istrateġija ta’ verifika ex-post u l-pertinenza tal-osservazzjonijiet tal-Qorti. Madanakollu, nixtiequ nżidu xi informazzjoni:
1. |
Id-diversi skemi ta’ finanzjament u regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri differenti jfissru li l-verifika ex-post hija fattibbli biss fuq proġetti mitmuma. Fid-dawl ta’ dan, proposta għal modifikazzjoni ad-hoc tal-istrateġija ta’ verifika ex-post ta’ ARTEMIS se tiġi sottomessa lill-Bord ta’ Governanza għal adozzjoni f'Diċembru 2012. |
2. |
Għaldaqstant, peress li nafu li l-ewwel grupp ta’ proġetti jew parti minnhom (is-Sejħa tal-2008) se tintemm matul l-2011, antiċipajna l-kwistjoni tal-verifika ex-post billi bdejna niġbru mingħand l-Istati Membri, kmieni fl-2011 (eżatt wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Governanza tal-ARTEMIS, tal-istrateġija ta’ verifika ex-post), id-dokumentazzjoni dwar l-istrateġija ta’ verifika ex-post. |
3. |
Matul l-2011, irċivejna “ċertifikat ta’ tmiem tal-proġett u informazzjoni ta’ verifika ex-post” wieħed biss u 15 oħra waslulna fl-ewwel tliet xhur tal-2012. Fiż-żmien tal-verifika, April 2012, hija verita li d-dokumentazzjoni li rċevejna mingħand l-Istati Membri ma kinitx sħiħa, u diġà ntwera progress sinifikanti fl-2012. |
4. |
Għal dawn ir-raġunijiet, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv ma għamlitx referenza għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ verifika ex-post, billi kkonsidrat in-nuqqas ta’ materjalità għas-sena 2011. Ovvjament din se tkun inkluża fir-Rapport ta’ Attività Annwali 2012. |
Paragrafu 24
Artikolu 10(1) tar-regolamenti finanzjarji kien traspost mir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas għall-Aġenziji u huwa rrispettat b’mod sħiħ fl-ARTEMIS JU għall-approprjazzjonijiet tal-impenji. Din it-talba (dwar l-approprjazzjonijiet ta’ ħlas) lill-Bord ta’ Governanza tagħmel sens għal Aġenziji li jibagħtu l-eċċess tad-dħul lura lill-Kummissjoni Ewropea. Artikolu 15 tal-Istatut tal-ARTEMIS ma jippermettix din il-possibbiltà, bl-eċċezzjoni ta’ xenarju fejn l-Aġenzija tkun se tagħlaq.
Paragrafu 28
Is-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni ilu l-Awditur Intern tal-ARTEMIS sa mill-25 ta’ Novembru 2010, u b'konsiderazzjoni tad-daqs tal-persunal tal-Impriża Konġunta tal-ARTEMIS, ġentilment offra li jkun ukoll il-Kapaċità tal-Verifika Interna tal-ARTEMIS. Id-diskussjonijiet fit-tul bejn il-IAS u l-Kummissjoni għadhom għaddejjin u ttardjaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Dan ġie kkonfermat mill-IAS fil-laqgħa tal-Bord ta’ Governanza li saret fil-25 ta’ Jannar 2012. L-ARTEMIS JU jittama li l-IAS jissodisfa dak l-irwol mill-aktar fis possibbli. Sadanittant, id-Direttur Eżekuttiv issostitwixxa dak l-irwol tal-IAS minn laqgħat kollettivi (it-tim kollu) li ma sarux fuq il-post u indirizzaw it-temi ewlenin relatati mal-iżviluppi tal-proċess.
Paragrafu 30
Aħna naqblu mal-osservazzjoni, iżda, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza, iddeċidejna li nemendaw ir-Regolamenti Finanzjarji tagħna għal dan il-punt, u fil-waqt opportun se nemendawhom għar-reviżjoni kontinwa tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.
Paragrafu 32
Id-differenzi bejn iż-żewġ rapporti (il-Kontijet Annwali u r-Rapport ta’ Attività Annwali) irriżultaw minħabba kriterji differenti użati. Kif imsemmi fir-Rapport ta’ Attività Annwali t-tipi kollha ta’ sorsi ta’ krediti/fondi huma rrappurtati (nota f’qiegħ il-paġna ta’ tabella 1) filwaqt li fil-Kontijiet Annwali hija rrappurtata biss l-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena attwali.