This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013SC0074
COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT Accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on measures to reduce the cost of deploying high speed electronic communications networks
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja
/* SWD/2013/074 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja /* SWD/2013/074 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni
elettronika b'veloċità għolja 1. Definizzjoni tal-problema It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv kif maħsub fl-Istrateġija Ewropa 2020 se jkun
jiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà u l-użu mifrux ta' internet b'veloċità
għolja. Infrastruttura diġitali bi kwalità għolja tirfed
prattikament kull settur ta' ekonomija moderna u innovattiva. Din hija s-sinsla
tas-Suq Uniku, sors kbir tat-tkabbir u li fil-biċċa l-kbira
tiegħu għadu mhux sfruttat, u fattur ewlieni
għall-kompetittività tal-UE. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa,
waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020,
tiffissa miri ambizzjużi għall-kopertura u l-veloċità
tal-broadband. Madanakollu, filwaqt li l-kumpaniji diġà għamlu investimenti
sinifikanti fis-settur tat-telekomunikazzjoni, jidher li hemm bżonn
li jissaħħu l-isforzi biex jiġi stimulat it-tifrix
tal-broadband. Din il-valutazzjoni tal-impatt takkumpanja
proposta leġiżlattiva li, jekk tiġi adottata mill-Parlament
Ewropew u mill-Kunsill, għandha traħħas u tiffaċilita
t-tifrix tan-netwerks tal-broadband b'veloċità għolja. Dan isir billi
jkun żgurat aċċess aħjar għal infrastruttura passiva
li tkun adattata għat-twettiq tal-broadband, aktar opportunitajiet
għal koperazzjoni fil-ħidmiet tal-inġinerija ċivili,
proċeduri razzjonalizzati għall-għoti tal-permessi, u aktar bini
lest li jiflaħ l-internet b'veloċità għolja. Il-proposta
tħejjiet wara sejħa mill-Kunsill tar-rebbiegħa tal-2012 sabiex
jittieħdu passi fuq il-livell tal-UE ħalli jiġu ffrankati
l-ispejjeż bħala parti mill-isforzi biex jitlesta s-Suq Uniku
Diġitali sal-2015. Din hija parti mill-Att II dwar is-Suq Uniku. Din l-inizjattiva tindirizza l-problema li
ġejja mill-bosta ineffiċjenzi u konġestjonijiet li hemm
fil-proċess tat-twettiq tan-netwerks broadband. Dawn l-ineffiċjenzi u
konġestjonijiet joħolqu spejjeż kbar u piżijiet
amministrattivi kbar għall-impriżi li jixtiequ jagħmlu
n-netwerks. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-akbar spiża (sa 80%)
biex jinfirxu netwerks ġodda hija marbuta mal-inġinerija ċivili.
Ġew identifikati erba' oqsma ta' azzjoni,
abbażi ta' studji u rispons estensiv mingħand il-partijiet
interessati: (1) l-ineffiċjenzi jew
il-konġestjonijiet fejn jidħol l-użu tal-infrastruttura passiva
eżistenti (bħal pereżempju l-kanali, il-pajpijiet flessibbli,
it-toqob tal-ispezzjoni, il-kaxxi, l-arbli, l-antenni, l-installazzjonijiet, it-torrijiet
u strutturi oħra ta' appoġġ), (2) il-konġestjonijiet
marbutin mal-użu kondiviż, (3) ineffiċjenzi fejn jidħol
l-għoti ta' permessi amministrattivi, u (4) il-konġestjonijiet marbutin
mal-użu ġol-bini bil-ħsieb li jiġu konnessi l-klijenti. Huwa maħsub li jistgħu jiġu
ffrankati bejn 20 u 30% billi f'dawn l-oqsma jiġi adottat sett ta'
miżuri koerenti u li jsaħħu lil xulxin. 2. Analiżi tas-sussidjarjetà Dawn il-miżuri huma meħtieġa fuq
il-livell tal-Unjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u
l-funzjonament tas-suq intern, bħala kumpliment tal-qafas regolatorju
għall-komunikazzjoni elettronika, sabiex: –
jitneħħa x-xkiel għall-funzjonament
tas-Suq Uniku li ġej mit-traqqigħ tar-regoli fuq il-livelli
nazzjonali u subnazzjonali, li jfixkel milli jsir aktar żvilupp u tkabbir
ta' kumpaniji Ewropej, li għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività
Ewropea, u li jxekkel l-investiment u l-ħidma transfruntiera, u
għalhekk ifixkel il-libertà li jingħataw servizzi u jinħolqu
netwerks tal-komunikazzjoni elettronika kif tiżgura
l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni; –
tiġi stimulata kopertura ambizzjuża
tal-broadband, li hija prekundizzjoni għall-iżvilupp tas-Suq Uniku
Diġitali, u għalhekk tgħin biex jitneħħa xkiel
importanti milli jitlesta s-Suq Uniku; –
jingħaraf il-potenzjal sinifikanti mhux
sfruttat li jonqsu l-ispejjeż u jitħeffef it-tifrix tal-broadband. 3. Għanijiet Din l-inizjattiva għandha l-għan
speċifiku li jonqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effiċjenza
fit-tifrix tal-broadband b'veloċità għolja. B'aktar
preċiżjoni, l-ispejjeż fit-tifrix tal-broadband b'veloċità
għolja għandhom jonqsu b'25%. Fl-istess waqt, azzjoni f'dan il-qasam
fuq il-livell tal-UE se jikkonsolida wkoll is-Suq Uniku. Dan l-għan speċifiku doppju jrid
jitqies fil-kuntest ġenerali li jiġi stimulat it-tifrix tal-broadband
mal-UE, skont il-miri tal-Aġenda Diġitali. Din l-inizjattiva għandha dawn
l-għanijiet operattivi: (1) Jiżdied l-użu tal-infrastruttura
passiva eżistenti li hija adattata biex jinfirex il-broadband, billi
tinkiseb aktar trasparenza fejn tidħol din l-infrastruttura u reġim
regolatorju aktar konsistenti u effettiv fejn jidħol l-aċċess
għaliha, irrispettivament mis-sid; (2) Tiżdied il-koperazzjoni fil-proġetti
tal-inġinerija ċivili li huma rilevanti għat-tifrix
tal-broadband mal-UE, b'mod partikolari billi tkun żgurata t-trasparenza u
tiżdied iċ-ċertezza legali għal koperazzjoni bejn
is-setturi (koperazzjoni intersettorjali) jew bejn l-impriżi tas-settur pubbliku;
(3) Jiġu razzjonalizzati l-proċeduri
amministrattivi marbuta mat-tifrix tan-netwerk mal-UE, prinċipalment billi
tiżdied it-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-proċessi
għall-għoti tal-permessi, filwaqt li jkun żgurat l-infurzar
tal-iskadenzi u standards minimi fir-rigward tal-"kundizzjonijiet
raġonevoli"; u (4) Jiżdied l-ammont ta' binjiet li jkunu
lesti b'infrastruttura miftuħa li tiflaħ l-internet b'veloċità
għolja mal-UE, sabiex jonqsu l-ispejjeż u l-piżijiet marbutin
mal-modifiki li jsiru wara. 4. Għażliet Ta' Politika Intgħażlu erba' għażliet
ta' politika wisgħin għal aktar analiżi, imsejsa fuq
il-potenzjal li għandhom biex inaqqsu l-ispejjeż tat-tifrix
tal-broadband u jħaffuh, fuq il-koerenza u l-kompletezza ġenerali
tagħhom, u fl-aħħar nett fuq il-karattru teknoloġikament
newtrali. Bl-Għażla 1, il-Kummissjoni
tibqa' għaddejja bil-ħidma tas-soltu għax dawn il-miżuri
mhumiex ġodda għalkollox u diġà ħerġin l-aqwa
prattiċi. L-azzjoni tinkludi li jsir monitoraġġ, jiġu
infurzati r-regoli eżistenti u tingħata aktar gwida dwar ċerti
artikoli. L-Għażla 2 tippromwovi
applikazzjoni aktar intensiva, koerenti u armonizzata
tad-dispożizzjonijiet u l-għodod eżistenti tal-qafas regolatorju
għall-komunikazzjoni elettronika. B'mod konkret, il-Kummissjoni toħroġ
Rakkomandazzjoni li tiċċara l-applikazzjoni ta' dawn
id-dispożizzjonijiet. Bl-Għażla 3, il-Kummissjoni
tipproponi miżuri aktar olistiċi u ambizzjużi biex jonqsu
l-ispejjeż mal-UE, li jkunu japplikaw ukoll għall-atturi li mhumiex
tat-telekomunikazzjoni. B'mod konkret, qed jiġu proposti dawn
il-miżuri li ġejjin: (1) dritt ġenerali li jkunu offruti u
jintużaw l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti li huma adattati
għat-tifrix tal-broadband skont termini u kundizzjonijiet ġusti,
irrispettivament minn jekk dawn ikunux proprjetà tal-fornituri tan-netwerks
tal-komunikazzjoni elettronika jew użati minnhom. It-termini dwar
l-użu jitħallew għal negozjati kummerċjali, bil-possibbiltà
għal intervent minn mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim biss
meta n-negozjati kummerċjali jfallu mingħajr xi ġustifikazzjoni
raġonevoli; (2) dritt għal aċċess ta'
informazzjoni trasparenti dwar l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti
li huma adattati għat-tifrix tal-broadband, irrispettivament minn sidhom
(operaturi tat-telekomunikazzjoni jew mhux tat-telekomunikazzjoni, partijiet
privati jew pubbliċi); (3) drittijiet u obbligi speċifiċi
bil-għan li tkun tista' ssir aktar koordinazzjoni fil-ħidmiet
tal-inġinerija ċivili (dritt ġenerali biex tiġi nnegozjata
l-koordinazzjoni fil-ħidmiet tal-inġinerija ċivili flimkien ma'
dritt ġenerali għal aċċess ta' informazzjoni dwar
il-ħidmiet ċivili ppjanati; huma maħsuba obbligi oħra meta
l-ħidmiet ikunu ffinanzjati minn flus il-poplu); (4) zieda fit-trasparenza u l-puntwalità fejn
jidħlu l-proċeduri għall-għoti tal-permessi, flimkien ma'
salvagwardji bil-għan li jiżguraw rekwiżiti u/jew
kundizzjonijiet nondiskriminatorji, trasparenti, oġġettivament
ġustifikati u proporzjonati; (5) obbligu li l-bini ġdid u l-bini qadim
li jsirlu xogħol ta' rinnovament kbir, jingħataw infrastruttura
fiżika interna li tiflaħ l-internet b'veloċità għolja
(eż. spazju biżżejjed spazju fil-kanali ż-żgħar),
filwaqt li tkun żgurata n-newtralità teknoloġika, u obbligu li l-bini
l-ġdid u rinnovat bil-kbir li jkun fih ħafna abitazzjonijiet ikollu
punt ta' konċentrazzjoni intern jew estern. L-Għażla 3 tinqasam f'żewġ
għażliet iżgħar, it-3a u t-3b, li jvarjaw fil-funzjoni
tal-istrument propost biex jimplimenta l-miżuri deskritti hawn fuq. Bl-Għażla 4, il-Kummissjoni
tipproponi strument vinkolanti ġdid, li jistabbilixxi atlasijiet
tal-infrastrutturi li jsegwu l-istandards tal-UE, obbligu ta' aċċess
għall-infrastrutturi kollha li huma adattati għat-tifrix
tal-broadband bi prezzijiet orjentati lejn l-ispiża, aktar obbligi li ssir
koperazzjoni fil-ħidmiet tal-inġinerija ċivili, il-ħolqien
ta' post wieħed mnejn ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi kollha
meħtieġa għat-tifrix tal-infrastruttura l-ġdida, u
dispożizzjoni mandatorja li l-binjiet kollha jkunu lesti b'infrastruttura
li tiflaħ l-internet b'veloċità għolja sal-2020. 5. Valutazzjoni tal-Impatti Peress li prinċipalment din l-inizjattiva
għandha natura ekonomika, l-iktar impatti importanti huma dawk
ekonomiċi. L-impatti soċjali u ambjentali, l-aktar li għandhom
huwa karattru indirett, għax jiddependu fuq l-investiment li jsir
fin-netwerk u mill-bqija tal-impatti ekonomiċi indiretti. Ġie
analizzat l-impatt li l-miżuri proposti jħallu fuq id-drittijiet
fundamentali. Huwa mistenni li x-xenarju ta' "ħidma
bħas-soltu" (l-Għażla 1) la jnaqqas b'mod
konsiderevoli l-ispejjeż għat-tifrix tal-broadband mal-Ewropa kollha,
u lanqas ikollu effett qawwi fuq l-investiment. Peress li mal-EU kollha huwa
mistenni biss impatt limitat ħafna fuq l-investiment, l-effetti sekondarji
tiegħu jkunu limitati ukoll. Barra minn hekk, aktarx ħafna li
tiżdied il-frammentazzjoni attwali tar-regoli fl-UE. Minħabba
l-impatt limitat fuq l-investiment, l-effetti soċjali u ambjentali jkunu
marġinali wkoll. Minħabba l-ispejjeż u
l-benefiċċji għall-partijiet interessati ewlenin involuti u
l-effetti aktar qawwijin ta' Rakkomandazzjoni meta mqabbla mal-gwida u
l-iskambju tal-aqwa prattika, huwa mistenni li bl-Għażla 2
jitħalla impatt pożittiv moderat ġenerali fuq l-investiment
fin-netwerks. Minħabba f'hekk, huwa mistenni li jkun hemm kopertura
tal-broadband pjuttost akbar u aktar kompetizzjoni. Madanakollu, b'din
l-għażla, il-potenzjal kollu li jiġu ffrankati l-ispejjeż bil-koperazzjoni
bejn l-impriżi tas-settur pubbliku fil-livell tal-infrastruttura (fejn
jidħlu l-immappjar u l-kondiviżjoni tal-infrastruttura u
l-koordinazzjoni tal-ħidmiet ċivili) jibqa' mhux sfruttat
biżżejjed u għalhekk jintlaqat ħażin il-proporzjon
kostijiet-benefiċċji tal-eżerċizzju kollu. Iridu jiġu
sfruttati wkoll l-effetti makro pożittivi moderati fuq l-ekonomija. Safejn
għandu x'jaqsam is-Suq Uniku, aktarx li Rakkomandazzjoni żżid
biss, sa ċertu punt, il-konsistenza fl-UE peress li l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju tkun promossa iktar. Safejn
għandhom x'jaqsmu l-impatti soċjali, huwa mistenni li l-effett
pożittiv moderat fuq l-investiment fin-netwerks jissarraf f'effett
pożittiv żgħir fuq il-ħolqien tax-xogħol. Aktar
trasparenza u koordinazzjoni tal-ħidma fis-settur tat-telekomunikazzjoni
jissarrfu wkoll f'impatt pożittiv modest fuq l-ambjent (l-aktar
minħabba li jevitaw ix-xogħol doppju). L-Għażla 3 ("li
tippermetti titjib fl-effiċjenza") toħloq benefiċċji
netti għoljin għall-impriżi kollha tal-UE li jixtiequ jużaw
il-broadband, prinċipalment minħabba ffrankar sinifikanti fin-nefqa
kapitali fuq l-investimenti fin-networks li jkun ġej miż-żieda
fit-trasparenza, opportunitajiet l-infrastruttura passiva eżistenti biex
tintuża ferm aktar, opportunitajiet ta' użu kondiviż bejn
is-setturi, tifrix aktar mgħaġġel, eħfef u orħos
fosthom permezz ta' permessi ssimplifikati u binjiet li jkunu jifilħu
l-internet b'veloċità għolja. Għas-sidien tal-infrastruttura
passiva, l-għażla tkun tinvolvi obbligu li jagħtu informazzjoni
u aċċess fuq l-infrastrutturi tagħhom, u għalhekk timplika
ċerti spejjeż. Madanakollu l-benefiċċji ikunu aktar
mill-ispejjeż, b'mod partikolari minħabba li l-aċċess
jingħata wara li jsiru n-negozjati kummerċjali, u għalhekk dan
jippermetti dħul addizzjonali. Safejn għandhom x'jaqsmu
l-awtoritajiet pubbliċi, minkejja li l-ispejjeż ta' dawn
il-miżuri jidhru għoljin, jeżistu bosta sinerġiji bejn dawn
il-miżuri u miżuri oħra li huma meħtieġa mill-politika
nazzjonali (eż. il-prevenzjoni mid-diżastri) jew mil-liġi tal-UE
(eż. id-Direttiva INSPIRE) li jnaqqsu l-ispejjeż generali. Għalhekk bl-Għażla 3 huwa
mistenni impatt pożittiv sinifikanti ġenerali fuq l-investiment
fin-netwerks b'veloċità għolja, u għaldaqstant kopertura
tal-broadband akbar u aktar kompetizzjoni. In-netwerks broadband jilħqu
bnadi li altrimenti jitqiesu li mhumiex kummerċjalment attraenti.
Biż-żieda fl-investiment fin-netwerks, jibdew ifeġġu
makroeffetti pożittivi fuq l-ekonomija, kemm mil-lat ta' effetti
sekondarji għal industriji relatati (manifatturi tat-tagħmir,
kumpaniji tal-ħidma ċivili), kif ukoll mil-lat ta' aktar innovazzjoni
u produttività għall-impriżi kollha inklużi l-SMEs. Dan jista'
jħalli effett ġenerali pożittiv fuq il-kompetittività tal-UE
permezz ta' tifrix mgħaġġel ta' sistemi tat-trasport
intelliġenti u tal-ismartgrid, u titjib relatat fl-effiċjenza
enerġetika. Miżuri ta' armonizzazzjoni bħal dawn
inaqqsu wkoll l-ostakli għad-dħul, l-aktar għal operaturi
iżgħar, u jnaqqsu b'mod sinifikanti l-frammentazzjoni fis-Suq Uniku Diġitali. Safejn għandhom x'jaqsmu l-impatti
soċjali, l-Għażla 3 tiżgura impatti pożittivi
sinifikanti fuq l-investiment, u għalhekk anki fuq is-suq tax-xogħol.
Iż-żieda fil-kondiviżjoni tal-infrastruttura u l-koordinazzjoni
tal-ħidmiet ċivili tiżgura li jonqos l-inkonvenjent pubbliku. Minħabba l-karattru intersettorjali
tal-miżura, jekk jiżdiedu s-sinerġiji, dawn jaf iħallu
wkoll impatt ambjentali sinifikanti, permezz ta' tifrix mgħaġġel
ta' sistemi tat-trasport intelliġenti u tal-ismartgrid, u għaldaqstant
itejbu l-effiċjenza enerġetika. Fejn jidħlu l-impatti
tal-Għażla 4, l-obbligu ta' aċċess għal
infrastrutturi passivi bejn l-impriżi tas-settur pubbliku bi prezzijiet
orjentati lejn l-ispiża, iżid kemm jista' jkun il-kondiviżjoni,
iżda joħloq ukoll riskju sinifikanti li jiddiżinċentiva
l-investiment f'infrastrutturi fiżiċi. Barra minn hekk, uħud
mill-miżuri jidhru diffiċli wisq biex jiġu implimentati u jaf
jirduppjaw l-ispejjeż u l-isforzi amministrattivi. Minħabba f'hekk
l-impatti ekonomiċi huma stmati li se jkunu inqas minn dawk
tal-għażla ta' politika preċedenti. Min-naħa l-oħra,
lis-Suq Uniku din l-għażla tippreżentalu benefiċċji
ċari. Bl-Għażla 4 huwa mistenni wkoll
impatti soċjali u ambjentali pożittivi. 6. Tqabbil tal-Għażliet L-għażliet tqabblu filwaqt li tqiesu
l-effikaċja tagħhom, l-effiċjenza tagħhom (inklużi
l-ispejjeż u l-benefiċċji deskritti hawn fuq), u l-koerenza
tagħhom (bilanċ bejn l-effetti ekonomiċi, soċjali u
ambjentali, koerenza ma' għanijiet ta' politika ġenerali tal-UE). Għaldaqstant, minħabba dan in-nuqqas
ta' effikaċja, l-Għażla 1 ma tilħaqx l-għanijiet
mixtieqa u għalhekk ma tidhirx proporzjonata. L-Għażla 2, li tippromwovi
applikazzjoni aktar intensiva, koerenti u armonizzata
tad-dispożizzjonijiet u l-għodod eżistenti tal-qafas regolatorju
attwali għall-komunikazzjoni, ikollha xi effetti pożittivi meta
mqabbla max-xenarju bażi, iżda xorta ma ttejjibx l-effiċjenza
daqs kemm mistenni, b'mod partikolari peress li ma tisfruttax il-potenzjal li
jonqsu l-ispejjeż marbut mal-koperazzjoni intersettorjali u
l-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi. B'kuntrast, l-Għażla 3 tassew
tisfrutta l-potenzjal li jonqsu l-ispejjeż billi twessa' l-ambitu
tal-miżuri vinkolanti fost is-setturi u matul l-istadji tat-tifrix
tal-broadband. Fl-istess waqt, l-Għażla 3 tħares
in-negozjati kummerċjali, inċentiv minnu nnifsu, u tirrispetta
l-awtonomija organizzattiva tal-Istati Membri. L-ispejjeż
tal-implimentazzjoni jiddependu ferm fuq l-istrutturi u s-sistemi
fis-seħħ fl-Istati Membri, u għalhekk jista' jkun hemm
iffrankar. Aktar importanti minn hekk, dawn l-ispejjeż jidher li se
jiġu kkumpensati mill-benefiċċji sinifikanti li huma mistennija
b'tifrix aktar effiċjenti tal-broadband min-naħa tal-operaturi, u b'kopertura
tal-broadband aħjar għas-soċjetà kollha. B'mod ġenerali,
l-Għażla 3 tiżgura effikaċja fid-dawl
tal-għanijiet identifikati bi proporzjon tajjeb ħafna
tal-ispejjeż u l-benefiċċji, u koerenza mal-għanijiet ta'
politika ġenerali tal-UE (bħal-Linji Gwida għal Għajnuna
mill-Istat għall-Broadband, u d-Direttiva INSPIRE). Jidher li l-Għażla 4
żżid kemm jista' jkun il-benefiċċji għall-impriżi
li jixtiequ jużaw in-netwerks broadband. Madanakollu, dan jinvolvi
għadd ta' obbligi u limitazzjonijiet li jaf ma jkunux meħtieġa
jew jaf ikunu sproporzjonati mal-kisba tal-għanijiet mixtieqa.
L-Għażla 4 żżid ukoll il-kumplessità istituzzjonali b'mod
sinifikanti, inklużi t-trasferimenti tal-kompetenzi. Barra minn hekk,
l-għażliet kummerċjali jaf jintlaqtu ħażin ħafna,
bir-riskju ta' diżinċentivi assoċjati għall-investiment, li
jwassal għal inqas benefiċċji soċjali u ambjentali, u
għalhekk jixxekklu l-għanijiet ġenerali tal-UE u l-koerenza
ġenerali ta' din l-għażla. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jidher li
l-Għażla 3 hija l-aħjar għażla disponibbli, kemm
minħabba l-effikaċja tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet
identifikati, l-effiċjenza tagħha u l-koerenza tagħha biex
jiġi sfruttat il-potenzjal li jonqsu l-ispejjeż fl-għanijiet ta'
politika ġenerali tal-UE. 7. Monitoraġġ u Evalwazzjoni Serje ta' indikaturi li jikkorrispondu
mal-għanijiet ġenerali u speċifiċi ta' din l-inizjattiva Se
jiġi ssorveljat fil-qafas tal-eżerċizzju tal-Valutazzjoni
tal-Aġenda Diġitali. B'mod partikolari, l-għan ġenerali (li
jistimula t-tifrix tal-broadband) u l-għan speċifiku (li tiżdied
l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż tat-tifrix tal-broadband) se
jiġu ssorveljati billi jiġu analizzati l-investimenti annwali
fin-netwerks. Kull erba' snin hemm maħsub li jsir
eżerċizzju ta' evalwazzjoni dwar l-impatt tal-istrument, li jkun
imsejjes fuq l-informazzjoni miksuba mill-monitoraġġ u l-istudji
profondi bil-ħsieb li, jekk ikun hemm bżonn, jiġu proposti
l-aġġustamenti meħtieġa.