EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0824

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

/* COM/2013/0824 final - 2013/0409 (COD) */

52013PC0824

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew /* COM/2013/0824 final - 2013/0409 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.           Din il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew għal persuni mixlija fi proċedimenti kriminali meta huma jkunu mċaħħdin mil-libertà, u għal għajnuna legali proviżjorja kif ukoll għajnuna legali għal persuni suġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (“il-persuni mitluba”).

2.           Il-Programm ta’ Stokkolma[1] jagħmel enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali. Il-Kunsill Ewropew, fil-punt 2.4 tiegħu stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jistipulaw pass pass strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni ssuspettati u ta' persuni mixlija, billi jiġu stabbiliti standards komuni minimi dwar id-dritt għal proċess ġust. Il-miżuri li ġew identifikati minn Stati Membri kif ukoll minn partijiet interessati li għandhom bżonn jiġu msaħħa permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, għandhom x'jaqsmu ma' drittijiet proċedurali distinti għal persuni ssuspettati jew mixlija, u b’hekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala komponent importanti fit-tiswira kollha.

3.           Diġà ġew adottati tliet miżuri, id-Direttiva 2010/64/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f'Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali[2], u d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f'Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali[3], u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà f'Ottubru 2013.[4] Il-miżuri dwar il-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali huma ppreżentati bħala pakkett, ma’ din l-inizjattiva, u flimkien ma' Direttiva għat-tisħiħ ta’ ċerti aspetti waqt il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt is-smigħ tal-proċedimenti kriminali, li huma parti mill-prinċipji bażiċi tad-dritt għal proċess ġust.

4.           Simili għall-miżuri ta' qabilha, din il-proposta għandha l-iskop li ttejjeb id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew mixlija waqt proċedimenti kriminali. Li jkun hemm standards minimi komuni li jirregolaw dawn id-drittijiet għandu jżid il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u b'hekk jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Li jkun hemm ċertu livell ta' kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri huwa essenzjali biex titjieb il-koperazzjoni ġudizzjarja fl-UE.

5.           Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dak l-Artikolu jistabbilixxi li "[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

"Dawn jirrigwardaw:

            (a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

            (b) id-drittijiet tal-individwi fil-proċedimenti kriminali;

            c) id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità;

(d)(…)".

6.           Il-proposta attwali hija marbuta mill-qrib mad-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, u għandha l-għan li trendi effettiv id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta’ avukat ipprovdut f’din id-Direttiva fl-istadji bikrin tal-proċedimenti għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà, u li tiżgura li l-persuni fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom aċċess għal għajnuna legali sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat kemm fl-Istat Membru li jesegwixxih kif ukoll dak li joħorġu (“id-dritt ta’ difiża doppja”).

7.           Il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett ibbilanċjat ta’ miżuri, li jirrispettaw id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 82 (2) TFUE, kif ukoll tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex titrawwem il-fiduċja reċiproka filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5 TUE). Ġie vvalutat bir-reqqa jekk għandhiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, u jekk iva, f’liema livell u f’liema forma. Hija b'mod partikolari evidenti l-ħtieġa għal kawtela fi żminijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali, meta l-implikazzjonijiet tal-ispiża jeħtieġ li jitqiesu bir-reqqa.

8.           L-aspetti dwar l-għajnuna legali fil-proċedimenti kriminali trattati f’din id-Direttiva ġew identifikati bħala ta’ importanza partikolari biex jikkomplementaw u tiġi żgurata l-effikaċja tad-drittijiet fid-Direttiva dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat, u sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali.

9.           Id-dritt għall-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali huwa stipulat fl-Artikolu 47(3) tal-Karta u fl-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB. Huwa wkoll rikonoxxut fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 (d) tal-ICCPR. Il-prinċipji fundamentali li fuqhom is-sistema ta’ għajnuna legali għandha tkun ibbażata huma deskritti fil-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għal Għajnuna Legali f’Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali adottati fl-20 ta’ Diċembru 2012 mill-Assemblea Ġenerali.

10.         Huwa fil-fażi bikrija tal-proċedimenti, speċjalment jekk tkun nieqsa l-libertà, li persuni ssuspettati jew mixlija se jkunu l-aktar vulnerabbli, u l-aktar li jkollhom bżonn ta’ għajnuna legali bl-assistenza ta' avukat. Għalhekk, id-Direttiva tagħmel dispożizzjonijiet proviżorji għal dik li tissejjaħ “għajnuna legali proviżorja” li ġġib valur miżjud sinifikanti u ttejjeb il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali.[5]

11.         Barra minn hekk, filwaqt li l-Istati Membri kollha jipprovdu aċċess għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, jidher li l-persuni mitlubin fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mhux dejjem ikollhom aċċess għal għajnuna legali fl-Istati Membri. Dan ifixkel l-eżerċizzju tad-dritt previst fid-Direttiva dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat, jiġifieri kemm aċċess għal avukat fi Stat Membru li jesegwixxi l-mandat kif ukoll dak li joħorġu. Barra minn hekk, id-drittijiet fl-Artikolu 6 tal-KEDB, inkluż id-dritt għall-għajnuna legali, ma jkoprux l-proċedimenti ta’ estradizzjoni. Għalhekk, sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka u sabiex id-dritt għal difiża doppja fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikun effettiv, id-Direttiva tesiġi wkoll li l-Istati Membri jagħtu aċċess għal għajnuna legali, lil hinn minn għajnuna legali proviżorja, minħabba li l-persuni mitluba, mhux dejjem jkunu mċaħħda mil-libertà.

12.         Din il-miżura hija ppreżentata flimkien mar-Rakkomandazzjoni mehmuża tal-Kummissjoni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali. Ir-rakkomandazzjoni tfittex li trawwem ċerta konverġenza rigward il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-għajnuna legali fl-Istati Membri, kif ukoll tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni biex itejbu l-kwalità u l-effikaċja tas-servizzi u tal-amministrazzjoni tal-għajnuna legali.

13.         Il-proposta attwali se tikkontribwixxi wkoll sabiex jissaħħu s-salvagwardji legali li jipproteġu l-individwi involuti fi proċedimenti mmexxijin mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill[6] ippreżentata reċentement, tagħmilha ċara li l-persuna ssuspettata għandha d-drittijiet kollha mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll drittijiet oħra li joħorġu direttament mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandhom jiġu applikati skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Tirreferi b’mod espliċitu għad-dritt għal għajnuna legali, u bl-introduzzjoni ta' standards imsaħħin dwar l-għajnuna legali, il-proposta attwali ssaħħaħ ukoll salvagwardji proċedurali li japplikaw fi proċedimenti mmexxijin mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

14.         Id-dritt għal rimedju effettiv, għal proċess ġust u dritt tad-difiża huma stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta tal-UE), l-Artikoli 47 u 48, u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (KEDB). Id-dritt għall-għajnuna legali, jiġifieri li wieħed jibbenefika mill-assistenza ta’ avukat fi proċedimenti kriminali bla ebda ħlas jew parzjalment b'xejn, huwa espliċitament rikonoxxut bħala parti integrali tad-dritt għal proċess ġust u d-dritt tad-difiża. L-Artikolu 47 (3) tal-Karta jipprevedi li: "Tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, kull meta din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja." Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB jistipula li kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-dritt li “jiddefendi ruħu personalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk”. Sabiex jiġi żgurat rispett lejn il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, huwa tal-akbar importanza l-aċċess effettiv għal rappreżentanza ġudizzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 48 tal-Karta.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

15.         F’Marzu 2009, ġiet organizzata fuq jumejn laqgħa għall-esperti dwar id-drittijiet proċedurali inkluż id-dritt għal għajnuna legali. F’laqgħa li saret nhar it-3 ta’ Ġunju 2013, l-Istati Membri kollha kkonċernati ġew ikkonsultati f’laqgħa għall-esperti. L-Istati Membri, fil-Kunsill f’Ġunju 2012, kienu preċedentement stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta mill-aktar fis possibbli proposta leġiżlattiva dwar l-għajnuna legali.[7] Il-Parlament Ewropew, fil-vot ta' orjentazzjoni tiegħu rigward id-Direttiva dwar l-Aċċess għas-Servizzi ta' Avukat tat-12 ta’ Lulju 2012, talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar l-għajnuna legali.

16.         F’Diċembru 2011, il-Presidenza Pollakka, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Avukatura u tas-Soċjetajiet Legali tal-Ewropa (CCBE) u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA), organizzat konferenza ta’ jumejn dwar l-għajnuna legali fi kwistjonijiet kriminali. Il-konferenza tat opportunità sabiex esperti bi sfondi differenti – ġuristi, imħallfin, prosekuturi, akkademiċi, rappreżentanti tal-korpi tal-UE, NGOs u l-Kunsill tal-Ewropa, jaqsmu fehmiet u esperjenzi sabiex jeżaminaw il-problemi u possibilment il-kontenut ta’ miżura futura.

17.         Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati waqt diversi okkażjonijiet. Il-Kummissjoni kellha kuntatti regolari u bilaterali ma’ għadd ta’ NGOs u partijiet oħra interessati, u diversi NGOs qasmu fehmiethom mal-Kummissjoni dwar il-miżuri futuri[8].

18.         Fil-kuntest tal-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt, seħħet komunikazzjoni wiesgħa mal-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Istati Membri, gruppi ta' interess fl-Istati Membri, Assoċjazzjonijiet tal-Avukatura u bordijiet dwar l-għajnuna legali. Saru intervisti aktar fil-fond ma’ avukati fl-assoċjazzjonijiet tal-avukatura, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati u mal-Ministeri tal-Ġustizzja fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ġew organizzati f’għadd ta’ Stati Membri gruppi li jiffukaw fuq temi speċifiċi, li jinkludu rappreżentanti minn Ministeri tal-Ġustizzja, assoċjazzjonijiet tal-avukatura, l-akkademiċi, il-persunal ġudizzjarju u organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, twettqet fl-Istati Membri konsultazzjoni onlajn għall-fornituri tal-għajnuna legali.

19.         Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt biex issaħħaħ il-proposta tagħha. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/governance.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Artikolu 1 – Is-suġġett

20.         L-objettiv tad-Direttiva huwa sabiex jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali li jkunu mċaħħdin mil-libertà u l-persuni suġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jkollhom aċċess għall-għajnuna legali, sabiex ikun effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat kif previst fid-Direttiva dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat.

Artikolu 2 – Il-kamp ta’ applikazzjoni

21.         Id-Direttiva tapplika għal persuni ssuspettati jew mixlija, li huma mċaħħdin mil-libertà. Din tapplika mill-mument li tiġi miċħuda l-libertà, jiġifieri meta wieħed jinżamm fil-kustodja tal-pulizija jew f'kustodja simili, u tkopri wkoll il-perjodu qabel ma sseħħ l-akkuża formali u l-arrest. Din tirrifletti l-ġurisprudenza tal-QEDB skont l-Artikolu 5(1) tal-KEDB.

22.         Id-direttiva tapplika wkoll fil-każ ta' persuni mitluba waqt proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-Direttiva tapplika minn meta jitwettaq l-arrest fl-Istat Membru li jeżegwixxih sakemm dak li jkun iċedi, jew f’każijiet fejn wieħed ma jċedix, sakemm id-deċiżjoni dwar iċ-ċediment tkun saret finali.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

23.         Għajnuna legali tfisser finanzjament u assistenza mill-Istat Membru sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv għad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat. Din għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża, bħall-ispiża tal-avukat, u spejjeż oħra tal-proċedimenti, bħall-miżati tal-qorti.

24.         Għajnuna legali proviżorja tfisser għajnuna legali lil persuna mċaħħda mil-libertà sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-għajnuna legali.

Artikolu 4 – Aċċess għal għajnuna legali proviżorja

25.         Fl-istadji bikrija tal-proċedimenti, persuni ssuspettati jew mixlija huma partikolarment vulnerabbli u l-aċċess għas-servizzi ta' avukat huwa ta’ importanza kbira sabiex jiġu protetti d-drittijiet għal proċess ġust, inter alia d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.[9] L-Artikolu 6 tal-KEDB jitlob li, bħala regola, persuna ssuspettata għandha tingħata aċċess għal assistenza legali mill-mument li din tittieħed fil-kustodja tal-pulizija jew taħt arrest preventiv, u li din l-assistenza jekk ikun hemm bżonn għandha tkun assenjata uffiċjalment.[10]

26.         Skont id-Direttiva dwar l-aċċess għal avukat, il-persuni ssuspettati jew mixlija jkollhom id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' avukat inter alia mingħajr dewmien wara ċ-ċaħda tal-libertà u, qabel kull interrogazzjoni. Sabiex il-persuni ssuspettati jew mixlija, li huma mċaħħda mil-libertà, ikunu f'qgħada li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat fl-istadji bikrin tal-proċedimenti, huma ma għandhomx għalfejn jistennew li jkollhom aċċess għas-servizzi ta' avukat sakemm tiġi pproċessata l-applikazzjoni għall-għajnuna legali u sakemm jiġu vvalutati l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal għajnuna legali, li jistgħu jkunu twal. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-għajnuna legali proviżorja għandu jkun disponibbli mingħajr dewmien wara li ma tingħatax il-libertà kif ukoll qabel ma sseħħ kull interrogazzjoni.

27.         Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri u mekkaniżmi, pereżempju skemi b'avukati li jkunu fuq servizz jew servizzi ta' difiża f'emerġenza, li jippermettu intervent wara avviż ta' malajr fi stazzjonijiet tal-pulizija jew f'ċentri tad-detenzjoni, sabiex id-dritt għall-għajnuna legali proviżorja u l-aċċess għas-servizzi ta' avukat mingħajr dewmien wara li ma tingħatax il-libertà kif ukoll qabel ma sseħħ kull interrogazzjoni, ikun prattiku u effettiv.

28.         Id-dritt ta’ aċċess għal avukat jinvolvi numru ta’ drittijiet għal persuni ssuspettati jew mixlija, kif previst fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat, bħalma huwa d-dritt li wieħed jiltaqa' fil-privat u jikkomunika ma’ avukat, id-dritt li jkun preżenti avukat li jipparteċipa b’mod effettiv meta l-persuna ssuspettata jew mixlija qiegħda tiġi interrogata, u d-dritt għal avukat li jassisti għal ċertu ġbir ta’ provi. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, pereżempju rigward kemm it-tul u kemm tkun frekwenti l-komunikazzjoni mal-avukat, u għaldaqstant jista' jkun hemm ċerti limiti għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, dejjem jekk dawn ma jippreġudikawx il-qofol tad-dritt. Id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għandu jkun pprovdut sakemm ikun meħtieġ biex l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat iseħħ, u kull limitazzjoni għandha tiżgura li l-persuni ssuspettati jew mixlija ma jiġux impediti milli jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom.

29.         Id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għandu tal-inqas idum sakemm l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew mixlija hijiex eliġibbli u jekk għandiex tibbenefika minn għajnuna legali. F’każ li l-applikazzjoni għall-għajnuna legali hija kompletament jew parzjalment irrifjutata, id-dritt għal għajnuna legali proviżorja jieqaf meta din id-deċiżjoni tkun saret finali u meta d-drittijiet għal appell jew għal reviżjoni jkunu ġew eżawriti. Jekk l-applikazzjoni għal għajnuna legali tingħata, id-dritt għall-għajnuna legali proviżorja jieqaf meta l-għajnuna legali tkun daħlet fis-seħħ u, jekk applikabbli, il-ħatra ta’ avukat mħallas b'din l-għajnuna tkun daħlet fis-seħħ. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jiżguraw li ma jkunx hemm lok fejn il-persuna ssuspettata jew mixlija ma tkunx irrappreżentata.

30.         Id-dritt għal għajnuna legali proviżorja japplika wkoll għal persuni mitluba fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jkunu mċaħħdin mil-libertà. Dawn il-persuni għandu jkollhom id-dritt għal għajnuna legali proviżorja effettiva, minn meta ma tingħatax il-libertà fl-Istat Membru li jeżegwixxiha, u mill-inqas sakemm l-awtorità kompetenti tkun trattat l-applikazzjoni għall-għajnuna legali u tkun ddeterminat l-eliġibbiltà u, jekk applikabbli, sakemm il-ħatra ta’ avukat mħallas b'din l-għajnuna tkun daħlet fis-seħħ.

31.         L-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-ispejjeż relatati mal-għajnuna legali proviżorja jistgħu sussegwentement jiġu rkuprati mingħand il-persuni ssuspettati jew mixlija, jew mingħand il-persuni mitluba, jekk wara d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali, il-persuna ma tkunx eliġibbli jew tkun parzjalment eliġibbli għall-għajnuna legali taħt is-sistema ta’ għajnuna legali tal-Istat Membru.

Artikolu 5 – L-għajnuna legali għall-persuni mitluba

32.         L-Istati Membri jiżguraw li persuni mitluba fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom dritt għall-għajnuna legali fl-Istat Membru li jeżegwixxih hekk kif persuna tiġi arrestata skont il-mandat ta’ arrest Ewropew, sa ma din ċċedi, jew f’każijiet fejn ma ċċedix, sakemm id-deċiżjoni dwar iċ-ċediment tkun saret finali.

33.         Sabiex ikun effikaċi d-dritt li wieħed jaħtar avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat sabiex dan jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxih, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm id-dritt ta’ aċċess għall-għajnuna legali fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat għal persuni mitluba li jeżerċitaw dan id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru li jeżegwixxih.

34.         Id-dritt għall-għajnuna legali fl-Istat Membru li jeżegwixxi u joħroġ il-mandat jista' jkun suġġett għal valutazzjoni tal-mezzi tal-persuna mitluba u/jew jekk huwiex fl-interess tal-ġustizzja li tiġi pprovduta għajnuna legali, skont il-kriterji ta’ eliġibilità applikabbli fl-Istat Membru li jeżegwixxi jew joħroġ il-mandat inkwistjoni.

35.         Madankollu, fil-perjodu ta’ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna mitluba tibbenefikax minn għajnuna legali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-persuni mitluba li huma mċaħħda mil-libertà huma intitolati għal għajnuna legali proviżorja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 6 – L-għoti tad-dejta

36.         Sabiex isir monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li tinġabar dejta affidabbli mill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżerċizzju tad-dritt għal għajnuna legali proviżorja fl-Artikolu 3, u rigward li jkun eżerċitat id-dritt għall-għajnuna legali għall-persuni mitluba fl-Artikolu 4.

Artikolu 7 – Klawżola ta' nonregressjoni

37.         L-għan ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni skont din id-Direttiva ma jkollux l-effett li jbaxxi l-istandards ogħla li hemm f'ċerti Stati Membri kif ukoll dawk fil-Karta u fil-KEDB. Peress li d-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiffissaw standards ogħla minn dawk maqbula f'din id-Direttiva.

Artikolu 8 – Traspożizzjoni

38.         Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva [18-il xahar wara l-pubbblikazzjoni tagħha] u li sal-istess data, jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonjiet li jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 9 – Dħul fis-seħħ

39.         Dan l-Artikolu jipprevedi li d-Direttiva se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.           IL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

40.         L-objettiv ta’ din il-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, ladarba hemm varjazzjoni sinifikanti fid-dritt għall-għajnuna legali proviżorja għall-persuni ssuspettati jew mixlija li jkunu mċaħħda mill-libertà, kif ukoll għall-persuni mitluba. Minħabba li l-għan tal-proposta huwa li tippromwovi l-fiduċja reċiproka, hija biss l-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea li tippermetti li jiġu stabbiliti standards minimi komuni li japplikaw fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta se tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna legali proviżorja fil-proċeduri kriminali u mal-għajnuna legali fil-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

6.           Il-prinċipju tal-proporzjonalità

41.         Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi relevanti. Ġie vvalutat bir-reqqa jekk għandhiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, u jekk iva, f’liema livell u f’liema forma.    Id-Direttiva tindirizza biss aspetti dwar l-għajnuna legali fil-proċedimenti kriminali li ġew identifikati bħala indispensabbli biex tkun żgurata u kkumplimentata l-effikaċja tad-dritt fid-Direttiva dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ avukat, u sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali. Il-Kummissjoni ma tipproponix f'din id-Direttiva parametri li jorbtu legalment il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà jew il-kwalità. Dawn l-elementi huma indirizzati f’Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkumplimenta din il-proposta.

7.           L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-UE.

2013/0409 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat billi l-Istati Membri jipprovdu assistenza lil persuni mċaħħda mil-libertà fi stadju bikri tal-proċedimenti kriminali kif ukoll lil dawk il-persuni mitluba li għaddejjin minn proċedura ta' ċediment, skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[11] (proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew).

(2)       Din id-Direttiva, bl-istabbiliment ta' regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni ssuspettati jew mixlija, għandha ssaħħaħ il-fiduċja ta’ Stat Membru fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra, u b’hekk tista’ tgħin biex ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali jitjieb.

(3)       Il-Programm ta’ Stokkolma[12] jagħmel enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali. Il-Kunsill Ewropew, fil-punt 2.4 tiegħu stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jistipulaw pass pass strateġija[13] għat-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni ssuspettati jew mixlija.

(4)       It-tliet miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali ġew adottati s’issa, jiġifieri, d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.[16]

(5)       L-għajnuna legali għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża tal-persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali kif ukoll tal-persuni mitluba fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

(6)       Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat huma stabbiliti fid- Direttiva 2013/48/UE. Persuna ssuspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi avukat minn meta tiġi mgħarrfa, permezz ta’ notifika uffiċjali jew mod ieħor, mill-awtoritajiet kompetenti, li hija ssuspettata jew mixlija li kkommettiet reat, u dan irrispettivament minn jekk hijiex imċaħħda mil-libertà. Dan id-dritt japplika sa ma jintemmu l-proċedimenti, u dan ifisser sakemm jiġi determinat fl-aħħar mill-aħħar jekk il-persuna ssuspettata jew mixlija wettqitx ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u l-qtugħ ta’ kull appell.

(7)       Wieħed mill-aspetti fundamentali ta' proċess ġust, kif iddikjarat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“QEDB”) huwa li kull min jiġi mixli b’reat kriminali jkun b'mod effettiv difiż minn avukat li jekk ikun hemm bżonn jiġi assenjat uffiċjalment. Proċedimenti kriminali ġusti jeħtieġu li persuna suspettata għandha tingħata aċċess għal assistenza legali mill-mument li ma tingħatax il-libertà.

(8)       Id-Direttiva 2013/48/UE tipprevedi li, f’każijiet fejn il-persuni ssuspettati jew mixlija jiġu mċaħħda mil-libertà, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, dejjem jekk ma jirrinunzjawx għal dan id-dritt.

(9)       Sabiex il-persuni ssuspettati jew mixlija, li jiġu mċaħħda mil-libertà, ikunu f'qagħda li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat fl-istadji bikrin tal-proċedimenti, huma ma għandhomx għalfejn jistennew li jkollhom aċċess għas-servizzi ta' avukat sakemm tiġi pproċessata l-applikazzjoni għall-għajnuna legali u sakemm jiġu vvalutati l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna legali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun disponibbli għajnuna legali proviżorja effettiva mingħajr dewmien żejjed wara li ma tingħatax il-libertà u qabel kull interrogazzjoni, u din għandha tkun disponibbli mill-inqas sakemm l-awtorità kompetenti tkun ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna legali u, f’każijiet ta’ rifjut totali jew parzjali, sakemm id-Deċiżjoni tkun saret finali, jew, meta l-applikazzjoni għal għajnuna legali tingħata, sakemm isseħħ il-ħatra ta’ avukat mill-awtorità kompetenti.

(10)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata għajnuna legali proviżorja sakemm ikun meħtieġ u ma tkunx limitata b'tali mod li ma tħallix lil persuni ssuspettati jew mixlija milli jeżerċitaw effettivament id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat kif previst b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48/UE.

(11)     Il-persuni mitluba fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li huma mċaħħda mil-libertà għandu jkollhom id-dritt, meta ma tingħatax il-libertà, li jingħataw għajnuna legali proviżorja fl-Istat Membru li jeżegwixxi, mill-inqas sakemm l-awtorità kompetenti tkun ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna legali u, f’każijiet ta’ rifjut totali jew parzjali, sakemm id-Deċiżjoni tkun saret finali, jew, meta l-applikazzjoni għal għajnuna legali tingħata, sakemm isseħħ il-ħatra ta’ avukat mill-awtorità kompetenti.

(12)     L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiġbru lura l-ispejjeż relatati mal-għajnuna legali proviżorja mogħtija lil persuni suspettati jew mixlija li jkunu mċaħħda mil-libertà u l-ispejjeż relatati ma’ għajnuna legali provoiżorja mogħtija lil persuni mingħand dawn il-persuni jekk, fil-verifika sussegwenti dwar jekk dawn għandhomx dritt għall-għajnuna legali, jinstab li ma jissodisfawx il-kriterji li bihom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali skont il-liġi nazzjonali.

(13)     Biex jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi ta' avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat għall-persuni mitluba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jkollhom aċċess għall-għajnuna legali sakemm dak li jkun iċedi, jew f’każijiet fejn wieħed ma jċedix, sakemm id-deċiżjoni dwar iċ-ċediment tkun saret finali. Id-dritt għall-għajnuna legali jista' jkun suġġett għal valutazzjoni tal-mezzi tal-persuna mitluba u/jew jekk huwiex fl-interess tal-ġustizzja li tiġi pprovduta għajnuna legali, skont il-kriterji ta’ eliġibilità applikabbli fl-Istat Membru inkwistjoni li jeżegwixxi.

(14)     Biex jiġi żgurat li l-persuni mitluba jistgħu jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom li jaħtru avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxih, skont id-Direttiva 2013/48/UE, l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jiżgura li l-persuni mitluba jkollhom aċċess għal għajnuna legali fil-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru li jeżegwixxih. Dan id-dritt jista' jkun suġġett għal valutazzjoni tal-mezzi tal-persuna mitluba u/jew jekk huwiex fl-interess tal-ġustizzja li tiġi pprovduta għajnuna legali, skont il-kriterji ta’ eliġibilità applikabbli fl-Istat Membru inkwistjoni li joħorġu.

(15)     Din id-Direttiva tipprevedi d-dritt ta' għajnuna legali proviżorja għal tfal mċaħħda mil-libertà u għal għajnuna legali għat-tfal li jintalbu fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

(16)     Meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-għajnuna legali kif previst fl-Artikolu 47(3) tal-Karta u l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, u jiżguraw li l-għajnuna legali hija disponibbli għal dawk li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu l-assistenza legali meta dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja.

(17)     L-Istati Membri għandhom jiġbru dejta li turi kif kien hemm aċċess għad-dritt ta' għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew mixlija u għal persuni mitluba. L-Istati Membri għandhom ukoll jiġbru dejta dwar l-għadd ta’ każijiet fejn l-għajnuna legali proviżorja ngħatat lil persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà, kif ukoll lil persuni mitluba, u n-numru ta’ każijiet fejn dan id-dritt ma kienx eżerċitat. Din id-dejta għandha tinkludi l-għadd ta’ talbiet għal għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta l-Istat Membru jeżegwixxi u joħroġ il-mandat, kif ukoll l-għadd ta’ każijiet meta dawn it-talbiet ġew mogħtija. Għandha tinġabar ukoll dejta dwar l-ispejjeż għall-għoti ta’ għajnuna legali proviżorja għal persuni mċaħħda mil-libertà kif ukoll għal persuni mitluba.

(18)     Din id-Direttiva għandha tapplika għal persuni ssuspettati jew mixlija irrispettivament mill-istatus legali, miċ-ċittadinanza jew min-nazzjonalità tagħhom. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(19)     Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li dawn ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-QEDB.

(20)     Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iffissar ta’ regoli minimi komuni għad-drittt ta' għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-miżura, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(21)     [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni] JEW [Skont l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 ta' dan il-protokoll, dawn l-Istati Membri mhumex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin minnha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha][17].

(22)     Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.           Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar:

(a) id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali li huma mċaħħda mil-libertà, u

(b) id-dritt għal għajnuna legali proviżorja u għajnuna legali għal persuni mitluba li huma soġġetti għal proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

2.           Din id-Direttiva tkompli mad-Direttiva 2013/48/UE. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala li jillimita d-drittijiet previsti f’dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal:

a) persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, li huma mċaħħda mil-libertà u li għandhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat skont id- Direttiva 2013/48/UE;

b) persuni mitluba.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a) għajnuna legali tfisser finanzjament u assistenza mill-Istat Membru sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat,

b) għajnuna legali proviżorja tfisser għajnuna legali lil persuna mċaħħda mil-libertà sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-għajnuna,

c) “persuna mitluba” tfisser persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew,

d) "avukat" tfisser kull persuna li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun ikkwalifikata u intitolata, anke permezz ta’ akkreditazzjoni minn korp awtorizzat, li tipprovdi pariri u assistenza legali lil persuni ssuspettati jew mixlija.

Artikolu 4

L-aċċess għal għajnuna legali proviżorja

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-persuni li ġejjin, jekk dawn ikunu jixtiequ, għandhom id-dritt għall-għajnuna legali proviżorja:

(a) il-persuni ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, li huma mċaħħda mil-libertà;

(b) il-persuni mitluba, mċaħħda mil-libertà fl-Istat Membru li jeżegwixxi.

2.           L-għajnuna legali proviżorja tingħata mingħajr dewmien żejjed wara li ma tingħatax il-libertà, u f'kull każ qabel ma ssir interrogazzjoni.

3.           Tiġi żgurata għajnuna legali proviżorja sakemm id-deċiżjoni finali dwar l-għajnuna legali tkun ittieħdet u tidħol fis-seħħ, jew, meta l-persuni ssuspettati jew mixlija jiġu mogħtija għajnuna legali, sakemm isseħħ il-ħatra ta’ avukat.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna legali proviżorja tingħata sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi eżerċitat b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat fid-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, b’mod partikolari wara li ġie kkunsidrat l-Artikolu 3(3).

5.           L-Istati Membri jkunu kapaċi jipprevedu li jirkupraw l-ispejjeż relatati, mingħand il-persuni ssuspettati jew mixlija, jew mingħand il-persuni mitluba, li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna legali, skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

L-għajnuna legali għall-persuni mitluba

1.           L-Istati Membri li jeżegwixxu jiżguraw li persuni mitluba għandhom id-dritt għall-għajnuna legali hekk kif il-persuna tiġi arrestata skont il-mandat ta’ arrest Ewropew, sa ma din ċċedi, jew f’każijiet fejn ma ċċedix, sakemm id-deċiżjoni dwar iċ-ċediment tkun saret finali.

2.           L-Istat Membru li joħroġ il-mandat, jiżgura li l-persuni mitluba li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħtru avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxih, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48/UE, għandhom id-dritt għall-għajnuna legali f'dak l-Istat Membru għall-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru li jeżegwixxih.

3.           Id-dritt għall-għajnuna legali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jista' jkun suġġett għal valutazzjoni tal-mezzi tal-persuna mitluba u/jew jekk huwiex fl-interess tal-ġustizzja li tiġi pprovduta għajnuna legali, skont il-kriterji ta’ eliġibilità applikabbli fl-Istat Membru inkwistjoni.

Artikolu 6

L-għoti tad-dejta

1.           L-Istati Membri jiġbru d-dejta dwar kif id-drittijiet fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 jkunu ġew implimentati.

2.           L-Istati Membri sa [36 xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva] u kull sentejn wara din id-data, jibagħtu lill-Kummissjoni din id-dejta.

Artikolu 7

Klawżola ta’ nonregressjoni

L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma tiġi interpretata bħala li tillimita jew tidderoga minn xi dritt u salvagwardja proċedurali li hija stipulata fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jew minn dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew mill-liġi ta’ kull Stat Membru li jipprovdi livell ta’ protezzjoni ogħla.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [18-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva]. Huma jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

2.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri, skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[2]               Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

[3]               Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

[4]               Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

[5]               Intervent bikri jista’ wkoll jgħin biex jitnaqqas l-użu tal-arrest preventiv (fi Franza u l-Belġju r-rati ta’ arrest preventiv naqsu bi 30 % u b'20 % rispettivament wara l-introduzzjoni ta’ skemi simili).

[6]               Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew COM (2013) 534 final; 17.7.2013.

[7]               Bħala tweġiba l-Kummissjoni għamlet id-Dikjarazzjoni li ġejja: "Il est de l'intention de la Commission de présenter, sur base d'une analyse approfondie des différents systèmes nationaux et de leur impact financier, une proposition d'instrument juridique concernant l'aide juridictionnelle dans le courant de 2013, conformément à la feuille de route visant à renforcer les droits procéduraux des suspects et des personnes poursuivies dans le cadre des procédures pénales."

[8]               Ara pereż. "The practical operation of legal aid in the EU", Fair Trials International, Lulju 2012, " Compliance of Legal Aid systems with the European Convention on Human Rights in seven jurisdictions" li jkopri l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ingilterra u Wales, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda u l-Litwanja, Rapport ta' Justicia Network, April 2013, Cornerstones on Legal Aid tal-ECBA, Mejju 2013, ir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Għajnuna Legali tas-CCBE.

[9]               Salduz vs it-Turkija, QEDB, Awla Manja, sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008.

[10]             Dayanan vs it-Turkija Rikors Nru 7377/03, sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2009, paragrafi 30 sa 32.

[11]             Ara d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

[12]             ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[13]             ĠU C 291, 4.12.2009, p. 1.

[14]             Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

[15]             Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 142, 1.6.2010, p. 1).

[16]             Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

[17]             Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva tiddependi mill-pożizzjoni li jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 21.

Top