EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0729

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim imsemmi rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

/* COM/2013/0729 final - 2013/0349 (NLE) */

52013PC0729

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim imsemmi rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva /* COM/2013/0729 final - 2013/0349 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-projbizzjoni tar-rifużjoni tsad-dazji doganali hija stipulata fl-Artikolu 15 tal-Protokoll Nru 4 li jinsab mehmuż mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Tuneżija, hekk kif ġie emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-20 ta' Frar 2012[1]. Il-paragrafu 7 tiegħu jipprevedi perjodu tranżitorju marbut mal-applikazzjoni sħiħa tal-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazji mit-Tuneżija u jagħti lil dan il-pajjiż sieħeb il-possibbiltà li jagħti rifużjoni tad-dazji lill-esportaturi jew lill-operaturi ekonomiċi tiegħu matul dan il-perjodu.

Dan il-perjodu tranżitorju skada fil-31 ta’ Diċembru 2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 15(7) jistipula l-possibbiltà li din id-dispożizzjoni tiġi eżaminata mill-ġdid bi ftehim komuni.

It-Tuneżija talbet, permezz tat-talba bil-miktub tal-21 ta' Diċembru 2012, l-estensjoni tat-tul ta' żmien tal-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

F'konformità mal-Artikolu 39 tal-Protokoll Nru 4, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll imsemmi jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

It-test tad-deċiżjoni jemenda d-dispożizzjoni li hemm fl-Artikolu 15(7).

Il-partijiet qablu li jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(7) bi tliet snin, b'effett mill-1 ta' Jannar 2013 sabiex jassiguraw iċ-ċarezza, il-previdibbiltà ekonomika għal terminu twil u s-sigurtà ġuridika għall-operaturi ekonomiċi.

Bil-għan li din id-deċiżjoni tiġi adottata formalment, intlaħaq qbil, fil-qafas tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Med, li l-kontenut ta' din id-deċiżjoni se jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2013.

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati fil-qafas tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Med u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali – taqsima dwar l-oriġini.

Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern.

Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll fuq ir-regoli dwar l-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Id-dispożizzjoni emendata dwar ir-refużjoni għandha tiġi applikata b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2013.

Il-bażi ġuridika tal-emenda ta' din id-dispożizzjoni hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Strument propost: deċiżjoni tal-Kunsill.

2013/0349 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim imsemmi rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra[2], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", hekk kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-20 ta' Frar 2012[3], jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva.

(2)       L-Artikolu 15 tal-Protokoll Nru 4 fih projbizzjoni ġenerali tar-rifużjonijiet jew tal-eżenzjonijiet tad-dazji doganali għall-materjali mhux oriġinarji li jiġu applikati fil-manifattura ta' prodotti oriġinarji. Madankollu, dan l-Artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li sal-31 ta' Diċembru 2012 tista' tiġi applikata rifużjoni jew eżenzjoni parzjali taħt ċerti kundizzjonijiet.

(3)       Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċarezza u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà ekonomika għal terminu twil u s-sigurtà ġuridika għall-operaturi ekonomiċi, il-partijiet qablu li jtawlu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(7) bi tliet snin, b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

(4)       Għaldaqstant, f'konformità mal-Artikolu 39 tal-Protokoll Nru 4, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim għandu jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll.

(5)       Konsegwentement, fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni l-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni definita fl-abbozz ta' deċiżjoni hawn mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li se tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-emenda tal-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bil-għan li tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, hija definita fl-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni hawn mehmuż.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni hija ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Abbozz ta' DEĊIŻJONI NRU [...] TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA

ta’ [...]

li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il- Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tal-Protokoll Nru 4 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra[4], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", hekk kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-20 ta' Frar 2012[5] jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun hemm ir-rifużjoni jew l-eżenzjoni parzjali tad-dazji doganali jew ta' taxxi b'effett ekwivalenti, sal-31 ta' Diċembru 2012.

(2) Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċarezza u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà ekonomika għal terminu twil u s-sigurtà ġuridika għall-operaturi ekonomiċi, il-partijiet għall-Ftehim, jaqblu li jtawlu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim, bi tliet snin, b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

(3) Għalhekk, il-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(4) Billi l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ma jibqax japplika mill-31 ta' Diċembru 2012, din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2013,

Jiddeċiedi:

Artikolu 1

L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija fuq in-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, huwa sostitwit bit-test segwenti:

"Dan il-paragrafu jibqa' japplika sal-31 ta’ Diċembru 2015 u jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid bi qbil komuni."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2013.

Magħmul fi […]

                                                                       Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

                                                                       Il-President                                                                        […]

[1]               ĠU L 106, 18.4.2012, p. 28.

[2]               ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

[3]               ĠU L 106, 18.4.2012, p. 28.

[4]               ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

[5]               ĠU L 106, 18.4.2012, p. 28.

Top