EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0693

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti rigward l-abbozz tar-Regolament dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni.

/* COM/2013/0693 final - 2013/0333 (NLE) */

52013PC0693

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti rigward l-abbozz tar-Regolament dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni. /* COM/2013/0693 final - 2013/0333 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Raġunijiet u għanijiet tal-Proposta

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Economic Commission for Europe/UNECE) tiżviluppa rekwiżiti armonizzati, intenzjonati biex ineħħu l-ostakli tekniċi fil-kummerċ tal-vetturi bil-mutur u tas-sistemi użati fuq it-tali vetturi bil-mutur, bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u biex jiżguraw li tali vetturi u sistemi joffru livell għoli ta’ sikurezza u ħarsien ambjentali.

Dan l-aħħar l-UNECE ffinalizzat abbozz ta’ Regolament dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ Tagħmir Modifikat għall-Monitoraġġ tal-Emissjonijiet (Retrofit Emission Control Devices/REC) għall-vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni. L-għan ta’ dan l-abbozz ta’ Regolament huwa li jiġi stabbilit sett ta’ rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ dak it-tagħmir, li jiżguraw livell aċċettabbli ta’ prestazzjoni ambjentali u t-tħaddim korrett għat-tul ta’ ħajja tagħhom.

Il-proposta preżenti għandha l-għan li tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni rigward l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE li jikonċerna l-approvazzjoni ta’ tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet (REC) u konsegwentement li tipprevedi li l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tivvota favur dan l-abbozz.

· Kuntest Ġenerali

Ir-rekwiżiti tekniċi dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tagħmir modifikat intenzjonat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet attwalment huma indirizzati fil-livell nazzjonali. Bl-adozzjoni tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar l-approvazzjoni ta’ tagħmir REC, se jittieħed pass importanti ’l quddiem f’termini ta’ armonizzazzjoni tas-suq u tat-tneħħija ta’ ostakli eventwali ta’ kummerċ dwar tagħmir REC, billi l-Istati Membri fi ħdan l-UE jistgħu jieħdu t-test bħala referenza meta jfasslu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Għalhekk issa huwa previst li l-Unjoni tivvota favur l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar l-approvazzjoni tal-REC biex ikun hemm rekwiżiti armonizzati komuni fil-livell internazzjonali, u dan se jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali. Dan jippermetti li l-kumpaniji Ewropej isegwu sett wieħed ta’ rekwiżiti li jkunu rikonoxxuti fid-dinja kollha, jiġifieri fil-pajjiżi li huma Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-UNECE tal-1958.

· Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-rekwiżiti tekniċi fil-qasam tal-proposta attwalment huma indirizzati fil-livell nazzjonali, u għalhekk s’issa la hemm leġiżlazzjoni tal-UE u lanqas leġiżlazzjoni tal-UNECE.

· Konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni.

Il-proposta hija f’konformità mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI), u d-Direttiva 97/68/KE dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jigu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq, u għalhekk hija konsistenti mal-għan tal-UE li tipprovdi għal livell għoli ta’ ħarsien ambjentali fit-territorju kollu tal-Unjoni.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Waqt li kienet qiegħda tiżviluppa l-proposta, il-Kummissjoni Ewropea pparteċipat fil-Grupp Informali tal-UNECE dwar tagħmir REC, fejn iltaqgħu r-rappreżentanti tal-partijiet interessati kif ukoll tal-Istati Membri. Barra minn hekk, waqt l-abbozzar tad-dokument, ġew diskussi l-aspetti ewlenin tat-test fil-laqgħa tal-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur fl-10 ta’ Lulju 2012. · Valutazzjoni tal-impatt Id-dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet jistgħu jitqiesu bħala komplementari għal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-UNECE u tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ magni u vetturi “heavy-duty” (Euro VI) u makkinarju mobbli mhux tat-triq. Fil-każ tal-ewwel, twettqet valutazzjoni tal-impatt fejn ġew ivvalutati diversi għażliet ta’ politika. Rigward makkinarju mobbli mhux tat-triq, attwalment qed tiġi elaborata valutazzjoni tal-impatt, u għalhekk l-ebda valutazzjoni tal-impatt separata hija meqjusa meħtieġa għall-finijiet tal-adozzjoni tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta se tippermetti lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, biex tivvota favur l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-Tagħmir Modifikat għall-Monitoraġġ tal-Emissjonijiet (REC) għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni.

· Bażi legali

Meta wieħed iqis l-għan u l-kontenut tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-bażijiet legali huma l-Artikoli 114 u 218(9) tat-TFUE. Il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill hija dik stipulata fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE.

· Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Id-Direttiva 2008/50/KE tistabbilixxi l-għanijiet dwar il-kwalità tal-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, u tħalli għall-ġudizzju tal-Istati Membri d-deċiżjoni dwar il-miżuri preċiżi li għandhom jittieħdu sabiex ikunu konformi mal-għanijiet imsemmija hawn fuq. F’dan ir-rigward, it-tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet jista’ jkollu rwol fundamentali, għaliex meta jitwaħħlu f’vetturi li diġà tqiegħdu fis-suq, dan jikkostitwixxi element li huwa ta’ spiss indirizzat fil-livell nazzjonali bħala parti mill-azzjonijiet meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja.

Minħabba l-kuntest mogħti hawn fuq, u skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa xieraq li l-UE taderixxi mar-Regolament tal-UNECE dwar l-approvazzjoni ta’ tagħmir REC, filwaqt li tirrispetta l-kapaċità tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk ir-Regolament għandux jiġi applikat, fil-livelli nazzjonali rispettivi tagħhom, għall-finijiet ta’ tagħmir REC mandatorju tal-approvazzjoni tat-tip, jew għal finijiet differenti oħrajn. Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-fakultà tal-Istati Membri li jiddeċiedu fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom, ir-regoli bażiċi tal-Ftehim tal-1958 japplikaw għall-UE u bl-istess mod għall-Istati Membri kollha.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

· Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern waqt li fl-istess ħin ikun previst livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.

· Għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-użu ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill huwa kkunsidrat adegwat minħabba li huwa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2013/0333 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti rigward l-abbozz tar-Regolament dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE[1], l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, għal tagħmir u partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet ("il-Ftehim Rivedut tal-1958").

(2)       Ir-rekwiżiti standardizzati tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ Tagħmir Modifikat għall-Monitoraġġ tal-Emissjonijiet (REC) għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni[2] huma intenzjonati biex ineħħu ostakli tekniċi fil-kummerċ ta’ tagħmir REC bejn il-partijiet kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u biex jiżguraw li sistemi bħal dawn joffru livell għoli ta’ prestazzjoni u ta’ ħarsien ambjentali.

(3)       Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim Rivedut tal-1958 dwar l-adozzjoni ta’ dak l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI :

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim Rivedut tal-1958 hija li tivvota favur l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tagħmir modifikat għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet (REC) għal vetturi “heavy duty”, għal tratturi agrikoli u tal-forestrija u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammra b’magni li jaqbdu bil-kompressjoni, kif stipulat fid-dokument ECE TRANS/ WP.29/ /2013/119.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsilll

                                                                      

[1]               ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

[2]               Id-Dokument tal-UNECE ECE TRANS/WP.29/GRPE/2013/6.

Top