EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0507

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14

/* COM/2013/0507 final - 2013/0236 (NLE) */

52013PC0507

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14 /* COM/2013/0507 final - 2013/0236 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd adottati matul it-tieni nofs ta' kull sena ma għadhomx jinkludu t-TAC għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay minħabba ċ-ċiklu annwali differenti segwit mill-bijoloġija ta' dan l-istokk u l-parir xjentifiku dwaru. Jeħtieġ li tiġi stabbilita TAC għall-inċova kull sena, lejn Lulju.

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2012, il-Kunsill stabbilixxa t-TAC għas-sajd li jisfrutta dan l-istokk applikabbli mill-1 ta' Lulju 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013. It-TAC u l-allokazzjoni tagħha lill-Istati Membri kkonċernati issa jridu jiġu ffissati għat-12-il xahar li jmiss.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Wara li kkunsidra l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti skont il-parir xjentifiku disponibbli u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

Il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ta' Lulju 2013 għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay hu bbażat fuq l-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2013 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2014.

Skont il-parir tal-STECF, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv hija stmata madwar 56 055 tunnellata. Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2009 għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk[1] u filwaqt li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata dik il-proposta, li tipprovdi għall-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal dan l-istokk, ir-Regolament (UE) Nru 694/2012 iffissa t-TAC għal dan l-istokk skont ir-regola tal-ħsad stipulata fil-proposta.

Fl-2013 ġew riveduti l-metodoloġija u l-parametri bijoloġiċi li juża l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) biex jivvaluta l-istatus tal-istokk tal-inċova. Fid-dawl ta' din l-informazzjoni xjentifika ġdida, fil-futur qarib jaf ikun jixraq li ma tiġix riveduta biss ir-regola attwali għall-kontroll tal-ħsad stipulata fil-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2009 iżda anki li jerġgħu jitqiesu miżuri oħra tal-ġestjoni tas-sajd. F'dal-każ, ikunu jistgħu jiġu proposti emendi skont dan. Sakemm issir din ir-reviżjoni, jixraq li tibqa' tapplika r-regola attwali għall-kontroll għax hu kkonfermat li tibqa’ prekawzjonarja iżda anki għax din tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-qbid u l-istabbiltà għas-settur tas-sajd. Il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali rilevanti (ir-RAC tal-Ilmijiet tal-Lbiċ) kien qed isegwi dawn l-iżviluppi xjentifiċi, u l-konsultazzjonijiet informali fost il-membri tiegħu juru li dan l-approċċ jistgħu jaqblu miegħu. Il-RAC se jkun assoċjat mal-ħidma li jmiss biex jerġgħu jiġu vvalutati r-regola għall-kontroll tal-ħsad u regoli oħra tal-ġestjoni, bħall-istaġun regolatorju, li se tagħmel il-Kummissjoni bil-korpi konsultattivi xjentifiċi tagħha.

Għaldaqstant, it-TAC għall-istaġun tas-sajd mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014, għandha tiġi stabbilita għal 17 100 tunnellata, skont ir-regola tal-ħsad stipulata fil-proposta li tissemma hawn fuq.

Il-Kunsill huwa mitlub jadotta din il-proposta malajr kemm jista' jkun sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom għall-istaġun tas-sajd il-ġdid.

2013/0236 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal kull tip ta' sajd jew grupp ta' sajd. Dawn l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri b'tali mod li f'kull Stat Membru tkun żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew grupp ta' stokkijiet u billi jitqiesu sew l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd[2].

(2)       Għall-finijiet tal-ġestjoni adegwata u s-simplifikazzjoni tal-istokk, jixraq li jiġu stabbiliti t-TAC u l-kwoti għall-Istati Membri għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay (is-subżona VIII tal-ICES) għal staġun tal-ġestjoni annwali li jibda fl-1 ta' Lulju u jintemm fit-30 ta' Ġunju tas-sena ta’ wara, minflok perjodu tal-ġestjoni ta' sena kalendarja. Madanakollu, is-sajd għandu jibqa' soġġett għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 39/2013[3] fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kwoti.

(3)       It-TAC għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14 għandha tkun stabbilita abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

(4)       Sabiex tagħmel ġestjoni multiannwali tal-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay, fid-29 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk. Filwaqt li jitqies li l-valutazzjoni tal-impatt li fuqha tissejjes il-proposta, tipprovdi għall-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-impatt tad-deċiżjonijiet tal-ġestjoni għall-istokk, jixraq li tiġi stabbilita TAC għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay skont dan. Skont il-parir li ta l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f'Lulju 2013 il-bijomassa tal-istokk riproduttiv hija stmata madwar 56 055 tunnellata. Għaldaqstant, it-TAC għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2013 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2014 għandha tiġi stabbilita għal 17 100 tunnellata.

(5)       Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti[4], hemm bżonn jiġi stabbilit safejn l-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay hu soġġett għall-miżuri stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(6)       Minħabba l-bidu tal-istaġun tas-sajd 2013/14 u għall-finijiet tar-rappurtar annwali tal-qabdiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih u japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay

1.           Il-qabda totali permissibbli (TAC) u l-allokazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2013 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2014 għall-istokk tal-inċova fis-Subżona VIII tal-ICES kif jiddefinixxi r-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], għandhom ikunu kif ġej (f'tunnellati ta' piż ta' ħut ħaj):

L-ispeċi: || Inċova Engraulis encrasicolus || Iż-żona tal-ICES: || Iż-żona VIII (ANE/08.)

Spanja || 15 390 || || It-TAC analitika

Franza || 1 710 ||

L-UE || 17 100 ||

|| ||

It-TAC || 17 100 ||

2.           L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilita fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 39/2013.

3.           L-istokk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqies li hu soġġett għal TAC analitika għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Għandhom japplikaw l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2 It-trażmissjoni tad-dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009[6], l-Istati Membri jressqu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-inċova li nqabdu fis-Subżona VIII tal-ICES, dawn għandhom jużaw il-kodiċi tal-istokk "ANE/08.".

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2009) 399 final

[2]               ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 tal-21 ta' Jannar 2013 li jiffissa, għall-2013, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut li mhumiex suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 23, 25.1.2012, p. 1).

[4]               ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

Top