Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0409

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru.

    /* COM/2013/0409 final - 2013/0187 (COD) */

    52013PC0409

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. /* COM/2013/0409 final - 2013/0187 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-iżvilupp tal-qafas tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) [1], stabbilit b’mod partikolari fir-Regolament (KE) Nru 216/2008, hu marbut mal-iżvilupp tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew. L-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky/SES) għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew jiġi organizzat u mmaniġġjat permezz ta’ riforma tal-industrija li tipprovdi servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ANS). L-iżvilupp ta' din l-inizjattiva involva żewġ pakketti leġiżlattivi komprensivi – SES I u SES II, komposti minn erba’ regolamenti, jiġifieri r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004[2], u jinkludi wkoll proġett komprensiv biex jiġi mmodernizzat it-tagħmir u s-sistemi ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru taħt l-intestatura SESAR[3].

    Fl-2009, ir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 estenda l-kompetenzi tal-EASA biex tinkludi l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ATM/ANS). Filwaqt li dan implika wkoll l-inkorporazzjoni ta’ diversi elementi ta' regolamenti tekniċi b'rabta mal-ATM/ANS fl-ambitu tal-EASA, it-tibdiliet korrispondenti fl-erba’ regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew ma tlestewx fl-istess ħin. Minflok, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ippreferew iħallu l-kompetenzi korrispondenti u eżistenti fl-erba’ Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew imsemmija hawn fuq intatti, u dan biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda lakuna matul il-bidla mill-qafas legali l-qadim għall-ġdid u anki biex isostnu l-idea li l-qafas il-ġdid ibbażat fuq l-EASA għandu jinbena fuq il-prinċipji tal-Ajru Uniku Ewropew eżistenti .

    Il-leġiżlaturi indirizzaw din is-sovrapożizzjoni fir-Regolamenti billi żiedu Arikolu ġdid, l-Artikolu 65a, fir-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dan l-Artikolu jeżiġi li l-Kummissjoni tipproponi emendi fl-erba’ Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew biex jitqiesu r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    It-tieni nett, hemm diskrepanza aktar ġenerali bejn l-approċċ użat għas-setturi l-oħrajn kollha tal-avjazzjoni (in-navigabbilità, l-għoti ta' liċenzji lill-ekwipaġġ, l-operazzjonijiet fl-ajru, eċċ.) fil-qafas tal-EASA u fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM/ANS). Ġeneralment l-approċċ ikun li r-regolamenti tekniċi kollha jkunu kkonċentrati fl-ambitu tal-EASA sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regolamentazzjoni ekonomika ssir mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-ATM/ANS (jiġifieri l-Ajru Uniku Ewropew), l-istampa hija aktar imħallta b'regolamenti tekniċi ġejjin minn bosta sorsi[4]. Għalhekk ikun ta’ benefiċċju jekk jiġi żgurat approċċ armonizzat f'dan il-qasam regolatorju importanti u l-konsultazzjonijiet kollha jitmexxew bl-istess profondità, ir-regoli kollha jkunu joqogħdu għall-istess struttura u jservu l-istess għanijiet tant li jiffaċilitaw il-ħajja ta' dawk responsabbli mill-applikazzjoni tar-regoli, u fl-aħħar nett ikun aċċertat li l-mewġa imminenti ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi li jirriżultaw mill-inizjattiva SESAR ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod koordinat fit-tagħmir u l-proċeduri kemm tal-ajru u kif ukoll fuq l-art.

    Din l-inizjattiva regolatorja għandha l-għan li tissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 65a billi tħassar is-sovrapożizzjonijiet fir-Regolamenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew u l-EASA u billi tissimplifika u tiċċara l-linja li tifred il-qafas legali tal-EASA minn dak tal-Ajru Uniku Ewropew. Permezz ta' dan, l-emenda ssostni wkoll l-objettiv politiku li tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-kompiti bejn il-Kummissjoni, l-EASA u l-organizzazzjoni tal-Eurocontrol hekk li l-Kummissjoni tiffoka fuq ir-regolamenti ekonomiċi u tekniċi, billi l-EASA taġixxi bħala l-aġent tagħha fejn jidħol l-abbozzar u s-sorveljanza tar-regolamenti tekniċi, filwaqt li l-Eurocontrol tiffoka fuq il-kompiti operattivi, b'mod partikulari dawk mibnija madwar il-kunċett tal-Maniġer tan-Netwerk[5].

    Apparti t-tħassir ta' xi dispożizzjonijiet tal-Ajru Uniku Ewropew bħala parti mir-riformulazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, huma meħtieġa wkoll xi adattamenti żgħar fir-Regolament (KE) Nru 216/2008, minħabba li preċedentement it-test ta' dan ir-Regolament kien joqgħod fuq it-terminoloġija ta' xi dispożizzjonijiet tal-Ajru Uniku Ewropew – b'mod partikulari fil-qasam tal-interoperabilità – u għalhekk trid tiġi introdotta l-istess terminoloġija fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 ladarba issa qed titħassar mill-erba' Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Id-DĠ MOVE ħejja valutazzjoni tal-impatt biex jappoġġja l-proposti leġiżlattivi għat-titjib tal-effiċjenza, is-sikurezza u l-kompetittività tal-Ajru Uniku Ewropew. L-emendi tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 f’dan il-pakkett, madankollu, huma intenzjonati biex jindirizzaw kwistjonijiet li rriżultaw minn emenda preċedenti fir-Regolament (KE) Nru 1108/2009, notevolment l-Artikolu 65a. Dawn l-emendi kienu koperti mill-valutazzjoni tal-impatt tal-2008 li wasslet għall-approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1108/2009.

    Għalkemm ma saret l-ebda konsultazzjoni speċifika dwar l-emendi marbutin mal-EASA, kien hemm konsultazzjoni pubblika fuq is-sit elettroniku tad-DĠ MOVE li damet għaddejja tliet xhur, bejn Settembru u Diċembru 2012, b'rabta mal-bidliet li jikkonċernaw l-Ajru Uniku Ewropew. Barra minn hekk, ġew organizzati żewġ avvenimenti ta’ livell għoli – konferenza f’Limassol u smigħ fi Brussell – u saru għadd ta’ laqgħat bilaterali mal-partijiet interessati affettwati kollha. F'dawn l-avvenimenti tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar ir-rwol tal-EASA, u l-partijiet interessati esprimew il-ħtieġa li jiżguraw abbozzar ta’ regoli tekniċi aktar koordinat.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1.        Kamp ta' Applikazzjoni (l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008)

    Filwaqt li, tradizzjonalment, l-Unjoni kellha kompetenzi limitati ħafna fi kwistjonijiet militari, il-linja diviżorja fil-Ajru Uniku Ewropew tradizzjonalmnent kienet li jekk fornitur ta’ servizz f’ajruport jew f’ċentru tul ir-rotta jkun iservi primarjament (jiġifieri aktar minn 50 %) traffiku taċ-ċivili, dak il-fornitur tas-servizz għandu josserva l-istess regoli li japplikaw għal fornituri tas-servizz oħrajn. L-utenti militari tal-ispazju tal-ajru min-naħa l-oħra kellhom l-għażla li jtiru skont ir-regoli tal-ICAO jew tal-Ajru Uniku Ewropew (definiti bħala r-regoli tat-Traffiku tal-Ajru Ġenerali [GAT]). Setgħu wkoll jagħżlu li ma japplikawx dawn ir-regoli għal skopijiet operattivi billi jiddikjaraw li l-operazzjoni inkwistjoni tkun taqa' taħt it-traffiku tal-ajru operattiv (OAT), f’liema każ ir-regoli tal-Ajru Uniku Ewropew ma japplikawx għal dawn l-utenti. Għalhekk id-diviżjoni tiżgura s-sikurezza tat-traffiku taċ-ċivili, iżda żżomm il-possibbiltà li l-militar jopera skont ir-rekwiżiti tal-missjoni tiegħu. L-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1108/2009 irriżultat f’differenza bejn ir-regoli tal-Ajru Uniku Ewropew u dawk tal-EASA, li wasslet pereżempju għal sitwazzjoni fejn skont ir-regoli tal-Ajru Uniku Ewropew l-istess fornitur u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru tiegħu kellhom jiġu ċċertifikati, filwaqt li skont ir-regoli tal-EASA ċ-ċertifikazzjoni ma kinitx meħtieġa. L-emenda attwali tallinja mill-ġdid il-kampijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament bażiku tal-EASA (KE) Nru 216/2008 u r-Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew (KE) Nri 549-552/2004 biex jiġu evitati tali inkonsistenzi, billi tiġi rrestawrata l-applikazzjoni tar-regoli għall-kunċett maħsub, fejn il-fornitur tas-servizzi jaqa’ taħt ir-regoli tal-UE, jekk aktar minn 50 % tat-traffiku li jaqdi jittajjar skont ir-regoli tal-GAT.

    3.2.        Objettivi (Artikolu 2)

    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM (SESAR[6]) jirrikjedi miżuri regolatorji f’varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet tal-avjazzjoni. Kien hemm żmien meta l-koordinazzjoni u l-allinjament tar-regoli (pereżempju, bejn il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ajrunavigabbiltà) ħolqot problemi billi ma kien hemm l-ebda koordinatur ċentrali li jiżgura l-konsistenza bejn l-abbozzi ppreparati minn kontributuri differenti. Din il-problema ma teżistix f’oqsma oħra apparti dawk tal-ATM/ANS għaliex l-EASA tipprepara u tikkoordina firxa sħiħa ta’ regoli tekniċi, filwaqt li l-ATM/ANS xorta nqasmet bejn żewġ oqfsa. L-emenda għall-Artikolu 2 tenfasizza li l-ATM/ANS għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal f’setturi oħra. B’mod aktar speċifiku, biex tappoġġja l-Kummissjoni fl-abbozzar ta’ regoli tekniċi, l-EASA għandha tadotta approċċ ibbilanċjat biex tirregola l-attivitajiet differenti, approċċ ibbażat fuq il-karatteristiki speċifiċi tagħhom, fuq livelli aċċettabbli marbuta mas-sikurezza u fuq ġerarkija definita ta' riskji għall-utenti biex tiżgura l-iżvilupp komprensiv u koordinat tal-avjazzjoni.

    3.3.        Dikjarazzjonijiet (mill-Artikolu 3 'l quddiem fir-Regolament kollu)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 introduċa l-possibbiltà ta’ awtodikjarazzjoni, aktar milli ċertifikazzjoni, ta’ ċerti servizzi marbuta mal-informazzjoni dwar it-titjiriet. It-test tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 ġie adattat kollu kemm husabiex jittieħed kont ta’ din il-possibbiltà fil-partijiet differenti fejn tissemma ċ-ċertifikazzjoni.

    3.4.        Definizzjonijiet (l-Artikolu 3)

    Bil-għan li jiġu koperti r-revoki fl-erba’ Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolamenti (KE) Nri 549-552/2004) kif spjegat hawn fuq, li jiġu allinjati ż-żewġ oqfsa u li jiġi ċċarat it-test fir-Regolament (KE) Nru 216/2008, ġew modifikati d-definizzjonijiet ta’ “entità kwalifikata” u ta' “ATM/ANS” . Barra minn hekk, id-definizzjonijiet ta’ “Pjan Komprensiv tal-ATM” u “traffiku tal-ajru ġenerali” ġew ikkuppjati f'dan ir-Regolament mir-Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew.

    3.5.        ATM/ANS (l-Artikolu 8b)

    L-Artikolu 8b ġie emendat sabiex it-test jiġi allinjat mal-proposta li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 552/2004, u b’hekk jiġi żgurat li l-prinċipji u l-kunċetti eżistenti tar-Regolament tal-interoperabbiltà (KE) Nru 552/2004 jibqgħu hemm.

    3.6.        Rekwiżiti Essenzjali (l-Anness Vb)

    Ġie kkoreġut żball fil-parti (2)(c)(iv) b'mod li t-test jerġa' jinġieb konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) kif ukoll mar-regoli eżistenti tal-UE. Dan kien żball mhux intenzjonat fl-abbozzar tar-Regolament (KE) Nru 1108/2009. Kien wassal għal rekwiżit xejn fattibbli biex il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jipprovdu lill-inġenji tal-ajru b'distanza mill-ostakli anke meta dawn ikunu barra ż-żona ta’ manuvrar tal-ajrudrom.

    It-tieni, fil-partijiet (2)(g) u (2)(h), kif ukoll fil-parti 3, iddaħħal xi test mir-Regolament (KE) Nru 552/2004 biex jiġi enfasizzat il-fatt li l-approċċ użat biex jirregola dawn il-kwistjonijiet ma jinbidilx bla bżonn minn kif inhu llum. Dawn iż-żidiet ma jbiddlux il-kamp ta' applikazzjoni, iżda jkomplu jallinjaw l-oqfsa tal-Ajru Uniku Ewropew u tal-EASA.

    3.7.        Mixxellanji

    Sar numru żgħir ta’ korrezzjonijiet tipografiċi (pereżempju fl-Artikolu 7) u saru wkoll xi emendi editorjali żgħar fir-regoli (fl-Artikolu 9, 19 u 33) fejn it-test ma kienx jirrifletti s-sitwazzjoni attwali wara l-emendi preċedenti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, saru xi tibdiliet żgħar (pereżempju fl-Artikolu 52, 59 u fl-Anness Vb) sabiex jiġu evitati tibdiliet mhux intenzjonati fil-prinċipji li ilhom miftiehma fil-Ajru Uniku Ewropew mill-2004.

    Ir-Regolament ġie allinjat ukoll mar-reġim stabbilit bl-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE u bir-Regolament (KE) Nru 182/2011, li jirregolaw l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni u ta' atti ta' delega. Aktar minn hekk, ġew inklużi l-elementi ewlenin tad-dispożizzjonijiet standard miftiehma għall-Atti li fuqhom huma bbażati l-aġenziji skont il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, ta’ Lulju 2012. Dan il-ftehim jinkludi wkoll l-istandardizzazzjoni tal-ismijiet tal-Aġenziji tal-UE, sabiex l-isem tal-EASA jiġi mmodifikat għal "Aġenzija tal-Unjoni Ewropeja għall-Avjazzjoni (EAA).

    4.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

    Peress li ġie abbozzat memorandum ta’ spjegazzjoni separat biex jakkumpanja l-proposta ta' riformulazzjoni tal-erba' Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew Nri 549-552/2004, dan id-dokument prinċipalment fih l-emendi meħtieġa fir-Regolament 216/2008 biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-approċċ attwali tal-Ajru Uniku Ewropew wara l-allinjament tal-erba’ Regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew skont l-Artikolu 65a tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    2013/0187 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru.

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li bagħtu l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    Billi:

    (1)       Biex jittieħed kont tat-tibdiliet introdotti fir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva 2006/23/KE[8] u fir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni[9] , huwa meħtieġ li jiġi allinjat il-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament Qafas)[10], mar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz)[11], mar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja)[12] u mar-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta' interoperabilità)[13].

    (2)       L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM jirrikjedu azzjonijiet regolatorji f’varjetà wiesgħa ta’ suġġetti tal-avjazzjoni. L-Aġenzija, fl-appoġġ tagħha lill-Kummissjoni fejn jidħol l-abbozzar ta' regoli tekniċi, għandha tadotta approċċ bilanċjat għar-regolazzjoni tal-attivitajiet differenti abbażi tal-karatteristiki speċifiċi tagħhom, il-livelli aċċettabbli marbuta mas-sikurezza u ta' ġerarkija definita ta' riskji għall-utenti biex tiżgura l-iżvilupp komprensiv u koordinat tal-avjazzjoni.

    (3)       Sabiex jitqiesu r-rekwiżiti tekniċi, xjentifiċi, operattivi jew dawk marbuta mas-sikurezza, billi jiġu emendati jew supplimentati d-dispożizzjonijiet dwar l-ajrunavigabbiltà, il-ħarsien tal-ambjent, il-bdoti, l-operazzjonijiet tal-ajru, l-ajrudromi, l-ATM/ANS, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, l-operaturi minn pajjiżi terzi, is-sorveljanza u l-infurzar, id-dispożizzjonijiet dwar il-flessibilità, il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi u t-tariffi u l-ħlasijiet, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati waqt il-ħidma preparatorja, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ta' delega, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (4)       Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

    (5)       Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’każijiet ġustifikati kif dovut b'rabta ma' eżenzjonijiet ta' ajrudromi u ma' deċiżjonijiet biex ma tkunx permessa l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà, fejn ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jeżiġu hekk.

    (6)       Ċerti prinċipji fir-rigward tal-governanza u l-operat tal-Aġenzija għandhom ikunu adattati għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE approvati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Lulju 2012.

    (7)       Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 216/2008 jiġi emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

    (i) il-punt (b) jinbidel kif ġej:

    "(b) ajrudromi jew partijiet minnhom, kif ukoll tagħmir, persunal u organizzazzjonijiet, imsemmija fil-paragrafu 1(c) u (d), li jkunu kkontrollati u operati mill-militar, meta t-traffiku servut ikun primarjament differenti mit-traffiku ġenerali tal-ajru;"

    (ii) fil-punt (c), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "ATM/ANS, inkluż sistemi u kostitwenti, persunal u organizzazzjonijiet, imsemmija fil-paragrafu 1(e) u (f), li jingħataw mill-militar jew li jistgħu jingħataw mill-militar, primarjament għall-movimenti ta' inġenji tal-ajru li huma differenti mit-traffiku tal-ajru ġenerali."

    (b) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li faċilitajiet militari miftuħa għat-traffiku tal-ajru ġenerali u għas-servizzi pprovduti minn persunal militari għat-traffiku tal-ajru ġenerali, li ma jaqgħux fl-ambitu tal-paragrafu 1, joffru livell ta’ sikurezza effettiv tal-anqas daqs dak meħtieġ mir-rekwiżiti essenzjali kif definiti fl-Annessi Va u Vb.”

    (2) L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

    "(a) Fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti (g) u (h) li ġejjin:

    "(g) biex ikunu appoġġjati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM;

    (h) biex l-avjazzjoni ċivili tkun irregolata bl-aqwa mod fejn tidħol il-promozzjoni tal-iżvilupp, il-prestazzjoni, l-interoperabbiltà u s-sikurezza tagħha b’mod proporzjonali man-natura ta’ kull attività partikolari.”

    (b) Fil-paragrafu 3, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej

    "(c) it-twaqqif ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Avjazzjoni indipendenti (minn issa 'l quddiem imsejħa l-Aġenzija);"

    (3) L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

    "'sorveljanza kontinwa' tfisser il-kompiti li jridu jitwettqu biex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet li jkunu wasslu biex jinħareġ ċertifikat, jew li huma koperti minn dikjarazzjoni, ikunu baqgħu jiġu osservati f'kull żmien tul il-perjodu ta' validità ta' dak iċ-ċertifikat jew dikjarazzjoni, kif ukoll it-teħid ta' kwalunkwe miżura ta' salvagwardja. "

    (b) il-punt (da) jinbidel b’dan li ġej:

    “"(da) 'kostitwenti tal-ATM/ANS' tfisser kull kostitwent kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament (KE) Nru [Pb please insert No of the recast SES Regulation] dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew;”

    (c) jiddaħħal il-punt (ea) li ġej:

    “(ea) “dikjarazzjoni”, għall-finijiet tal-ATM/ANS, tfisser kull dikjarazzjoni miktuba:

    – dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu ta’ sistemi u kostitwenti maħruġa minn organizzazzjoni impenjata fid-disinn, fil-manifattura u fil-manutenzjoni tas-sistemi u l-kostitwenti tal-ATM/ANS;

    – dwar il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ servizz jew ta' sistema li tkun se tibda tiġi operata maħruġa minn fornitur tas-servizz;

    – dwar il-kapaċità u l-mezzi tat-twettiq tar-responsabbiltajiet assoċjati ma’ ċerti servizzi tal-informazzjoni dwar it-titjiriet.

    (d) il-punt (f) jinbidel b’dan li ġej:

    "(f) 'entità kkwalifikata' tfisser korp li jista' jiġi allokat kompiti ta' ċertifikazzjoni jew sorveljanza speċifiċi mill-Aġenzija jew minn awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni, u taħt il-kontroll tagħhom;"

    (e) il-punt (q) u r) jinbidlu b’dan li ġej:

    "(q) 'ATM/ANS' tfisser is-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kif definiti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru [Pb please insert No of the recast SES Regulation], is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru kif definiti fl-Artikolu 2(4) ta’ dak ir-Regolament, inkluż is-servizzi tal-ġestjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament, u s-servizzi li jikkonsistu fl-oriġinazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta u l-ifformattjar u t-twassil ta’ dejta għat-traffikutal-ajru ġenerali għall-għanijiet tan-navigazzjoni tal-ajru kritika għas-sikurezza;

    (r) 'sistema tal-ATM/ANS' tfisser kwalunkwe kumbinazzjoni ta' tagħmir u ta' sistemi kif definiti fl-Artikolu 2(33) tar-Regolament (KE) Nru [Pb please insert No of the recast SES Regulation];"

    (f) jiżdiedu l-punti (t) u (u) li ġejjin:

    "(t) ‘traffiku tal-ajru ġenerali’ tfisser il-movimenti kollha ta' inġenji tal-ajru ċivili, kif ukoll il-movimenti kollha tal-inġenji tal-ajru tal-istat, inklużi l-inġenji militari, tad-dwana u tal-pulizija, meta dawn il-movimenti jitwettqu b'konformità mal-proċeduri tal-ICAO;

    (u) ‘Pjan Regolatorju tal-ATM’ tfisser il-pjan adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE[14], skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007[15]."

    (4) L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 3b jinbidel b’dan li ġej:

    "B'deroga mill-paragrafu 3a, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament ajrudrom li:

    – jimmaniġġa mhux aktar minn 10 000 passiġġier fis-sena, u

    – jimmaniġġa mhux aktar minn 850 moviment marbuta ma' operazzjonijiet tat-tagħbija fis-sena,

    bil-kundizzjoni li l-eżenzjoni tikkonforma mal-objettivi tas-sikurezza ġenerali ta' dan ir-Regolament u kull regola oħra tal-liġi tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tkunx ġiet osservata u, fejn tqis li dan mhux il-każ, tadotta deċiżjoni skont dan. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikou 65(2). Meta jkun hemm raġunijiet imperattivi u ġustifikati marbuta mas-sikurezza, il-Kummissjoni tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(4).

    L-Istat Membru kkonċernat jirrevoka l-eżenzjoni meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu."

    (b) fil-paragrafu 3(c), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "3c. L-ATM/ANS mogħtija fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li japplika għalih dan it-Trattat, kif ukoll fi kwalunkwe spazju tal-ajru ieħor fejn l-Istati Membri japplikaw ir-Regolament (KE) Nru [Pb please insert the No of the recast SES Regulation] skont l-Artikolu 1(4) ta' dak ir-Regolament, ikunu jikkonformaw ma' dan ir-Regolament."

    (5) L-Artikolu 5 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 2, il-punt (d), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej: "organizzazzjonijiet responsabbli mill-manutenzjoni u mill-ġestjoni kontinwa tal-ajrunavigabbiltà (airworthiness) fil-każ ta' prodotti, parts u apparat għandhom juru l-abbiltà u l-mezzi li għandhom biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-privileġġi tagħhom."

    (b) il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

    "Fir-rigward tan-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c), il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

    (a) il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita u notifikata lil applikant il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli għal prodott;

    (b) il-kundizzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti u notifikati lill-applikant l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati ta' ajrunavigabbiltà applikabbli għalparts u apparat;

    (ċ) il-kundizzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti u notifikati lill-applikant l-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi ta' ajrunavigabbiltà applikabbli għal inġenji tal-ajru eliġibbli għal ċertifikat ristrett ta' ajrunavigabbiltà;

    (d) il-kundizzjonijiet biex tinħareġ u titqassam l-informazzjoni obbligatorja sabiex tiġi assigurata l-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodotti u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ mezzi alternattivi ta’ konformità ma' din l-informazzjoni obbligatorja;

    (e) il-kundizzjonijiet sabiex jinħarġu, jinżammu, jiġu emendati, sospiżi jew revokati ċertifikati tat-tip, ċertifikati tat-tip ristretti, approvazzjonijiet għal bidliet għal ċertifikati tat-tip, ċertifikati tat-tip supplimentali, approvazzjonijiet ta' disinji tat-tiswija, ċertifikati ristretti ta' ajrunavigabbiltà, permessi għal titjir u ċertifikati għal prodotti, parts jew apparat:

       (i) il-kundizzjonijiet dwar il-perjodu ta' validità ta' dawn iċ-ċertifikati, u l-kundizzjonijiet sabiex jiġġeddu ċ-ċertifikati meta jiġi ffissat perjodu ta' validità limitat;

       (ii) ir-restrizzjonijiet applikabbli għall-ħruġ ta' permessi għal titjir. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jikkonċernaw b'mod partikulari dan li ġej:

    – l-iskop tat-tijira,

    – l-ispazju tal-arju użat għat-titjira,

    – il-kwalifika tal-ekwipaġġ tat-titjira,

    – it-trasport ta' persuni barra mill-ekwipaġġ tat-titjira;

       (iii) inġenji tal-ajru eliġibbli għal ċertifikati ristretti ta' ajrunavigabbiltà, u restrizzjonijiet assoċjati;  

       (iv) id-dejta dwar kemm l-operat huwa xieraq, inkluż:

    – is-sillabu minimu għat-taħriġ ta' persunal li jiċċertifika l-manutenzjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-tip biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafu (2)(f);

    – is-sillabu minimu għall-klassifikazzjoni tat-tip ta’ bdoti u d-dejta ta' referenza għal simulaturi assoċjati biex tkun żgurata l-konformità mal-Artikolu 7;

    – il-lista tat-tagħmir minimu komprensiv kif jixraq;

    – id-dejta dwar it-tip ta’ inġenju tal-ajru rilevanti għall-ekwipaġġ tal-kabina;

    – u l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali ta’ ajrunavigabbiltà għat-tip speċifiku ta’ operazzjoni biex isostnu l-ajrunavigabbiltà kontinwa u t-titjib kontinwu fis-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

    (f) il-kundizzjonijiet biex jinħarġu, jinżammu, jiġu emendati, jiġu sospiżi jew irrevokati approvazzjonijiet ta' organizzazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 2(d),(e) u (g) u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-approvazzjonijiet ma hemmx għalfejn jintalbu;

    (g) il-kundizzjonijiet biex jinħargu, jinżammu, jiġu emendati, sospiżi jew irrevokati ċ-ċertifikati tal-persunal meħtieġa skont il-paragrafu 2(f);

    (h) ir-responsabbiltajiet ta' detenturi taċ-ċertifikati;

    (i) il-konformità tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1, li mhumiex koperti bil-paragrafu 2 jew 4, kif ukoll tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(c), mar-rekwiżiti essenzjali;

    (j) il-kundizzjonijiet għall-manutenzjoni u l-ġestjoni kontinwa tal-ajrunavigabbiltà fil-każ ta' prodotti, parts u apparat ;

    Rigward l-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c), il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ atti ta' delega, f’konformità mal-Artikolu 65b, li temenda l-Anness I jew tissupplimentah, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ żviluppi tekniċi, operattivi jew xjentifiċi jew ta' evidenza ta' sikurezza fil-qasam tal-ajrunavigabbiltà sabiex, u sal-punt meħtieġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2."

    (6) Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu kif ġej:

    "2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, permezz ta’ atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65B, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 sabiex iġġibhom konformi ma’ emendi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Annessi tagħha li jidħlu fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jsiru applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    3. Fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni ambjentali, u abbażi tal-kontenut tal-Appendiċi għall-Anness 16 imsemmi fil-paragrafu 1 fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65b, regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1.”

    (7) L-Artikolu 7 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 2, ir-raba' subparagrafu jinbidel kif ġej:

    "Minkejja t-tielet subparagrafu, fil-każ ta' liċenzja ta' bdot għal titjir rikreattiv, tabib ġenerali li jkollu biżżejjed għarfien fil-fond tal-kundizzjoni medika tal-applikant, u jekk il-liġi nazzjonali tkun tippermetti dan, jista' jaġixxi ta' eżaminatur ajrumediku. Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati għall-użu ta’ tabib ġenerali, minflok ta' eżaminatur ajrumediku, li b’mod partikulari jiżguraw li jinżamm il-livell ta’ sikurezza. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(3)."

    (b) fil-paragrafu 2, il-ħames subparagrafu jinbidel kif ġej:

    "Fejn huma kkonċernati bdoti involuti fl-operat ta’ inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b)(c), ir-rekwiżiti tat-tieni u t-tielet subparagrafu jistgħu jiġu sodisfatti bl-aċċettazzjoni ta’ liċenzji u ta' ċertifikati mediċi maħruġin minn pajjiż terz jew f’isem pajjiż terz."

    (c) fil-paragrafu 6, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward ta' bdoti involuti fit-tħaddim ta' inġenji tal-ajru msemmijin fl-Artikolu 4(1)(b) u (c), kif ukoll apparat ta' taħriġ għas-simulazzjoni tat-titjir, il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-kontroll jew il-valutazzjoni medika ta' dawn il-bdoti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delegaskont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati b'rabta ma':

    (d) fil-paragrafu 6, il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

    "(d) il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali eżistenti tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira f'liċenzji tal-bdoti kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni taċ-ċertifikati mediċi nazzjonali;"

    (e) fil-paragrafu 6, il-punt (f) jinbidel b'li ġej:

    (f) il-konformità tal-bdoti ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a)(ii), (d) u (h) tal-Anness II, meta użati għat-trasport kummerċjali bl-ajru, jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti tal-Anness III."

    (f) fl-aħħar tal-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:

    "Fir-rigward ta' bdoti involuti fit-tħaddim ta' inġenji tal-ajru msemmijin fl-Artikolu 4(1)(b) u (c), kif ukoll ta' apparat ta' taħriġ għas-simulazzjoni tat-titjir, il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-kontroll jew il-valutazzjoni medika ta' dawn il-bdoti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta' atti ta' delega skont l-Artikolu 65b, li temenda jew tissupplimenta l-Anness III, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operattivi u xjentifiċi jew ta' evidenza ta' sikurezza marbuta mal-għoti tal-liċenzja tal-bdoti sabiex, u sal-punt meħteġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2."

    (8) L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 5, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward tal-operat ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c), il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:"

    (b) fil-paragrafu 5, il-punt (g) jinbidel b'dan li ġej:

    "(g) il-konformità tal-operazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a)(ii) u l-punti (d) u (h) tal-Anness II, meta użati għat-trasportazzjoni kummerċjali bl-ajru, jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali kif stabbilit fl-Anness IV u, jekk applikabbli, fl-Anness Vb."

    (c) fil-paragrafu 5, għandhom jiżdiedu l-punti (h) u (i) li ġejjin:

    “(h) il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skonthom l-operazzjonijiet speċjalizzati għandhom jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni;

    (i) il-kundizzjonijiet li skonthom l-operazzjonijiet għandhom jiġu pprojbiti, limitati jew suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza skont l-Artikolu 22(1)."

    (d) fl-aħħar tal-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:

    "Rigward l-operar tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c), il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65b, biex temenda jew tissupplimenta l-Anness IV u, fejn ikun aplikabbli, l-Anness Vb, u dan fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ żviluppi tekniċi, operattivi jew xjentifiċi jew ta' evidenza ta' sikurezza marbuta mal-operazzjonijiet tal-ajru sabiex, u sal-punt meħtieġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2."

    (9) L-Artikolu 8a jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 5, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward tal-ajrudromi u t-tagħmir tal-ajrudromi, kif ukoll tal-operar tal-ajrudromi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:"

    (b) fil-paragrafu 5 jiżdiedu l-punti li ġejjin wara (j):

    "(k) il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati ta’ fornituri tas-servizzi tal-ġestjoni tar-rampa (apron management) ;

    (l) il-kundizzjonijiet biex tinħareġ u tixxerred l-informazzjoni mandatorja biex tiġi aċċertata s-sikurezza tal-operazzjonijiet fl-ajrudromi u tat-tagħmir tal-ajrudromi;

    (m) ir-responsabbiltajiet tal-fornituri tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2(e);

    “il-kundizzjonijiet biex jinħargu, jinżammu, jiġu emendati, sospiżi jew irrevokati l-approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet impenjati fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni ta' tagħmir kritiku tal-ajrudromi b'rabta mas-sikurezza;

    (o) ir-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet impenjati fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni ta' tagħmir kritiku tal-ajrudromi b'rabta mas-sikurezza.”

    (c) fl-aħħar tal-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:

    “Fir-rigward tal-ajrudromi u tat-tagħmir tal-ajrudromi, kif ukoll tal-operar tal-ajrudromi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ atti ta' delega, f’konformità mal-Artikolu 65b, li temenda jew tissupplimenta l-Anness Va u, jekk ikun japplika, l-Anness Vb, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ żviluppi tekniċi, operattivi jew xjentifiċi jew ta' evidenza ta' sikurezza marbuta mal-ajrudromi sabiex, u sal-punt meħtieġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2."

    (10) L-Artikolu 8b jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafi 4 u 5 jinbidlu kif ġej:

    "4. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 6 jistgħu jistipulaw rekwiżit għaċ-ċertifikazzjoni jew għad-dikjarazzjoni fir-rigward tal-organizzazzjonijiet impenjati fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u tal-kostitwenti li fuqhom tiddependi s-sikurezza jew l-interoperabilità. Iċ-ċertifikat għal dawn l-organizzazzjonijiet għandu jinħareġ meta jkunu wrew li għandhom il-kapaċità u l-mezzi biex jaqdu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-privileġġi tagħhom. Il-privileġġi mogħtija għandhom jiġu speċifikati fiċ-ċertifikat.

    5. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 6 jistgħu jistipulaw rekwiżit għal- ċertifikazzjoni jew validazzjoni jewdikjarazzjoni fir-rigward tal-fornitur tal-ATM/ANS jew tal-organizzazzjonijiet impenjati fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u tal-kostitwenti li fuqhom tiddependi s-sikurezza jew l-interoperabilità. Iċ-ċertifikat jew id-dikjarazzjoni għal dawk is-sistemi u l-kostitwenti għandhom jinħarġu, jew għandha tingħata il-validazzjoni, meta l-applikant ikun wera li s-sistemi u l-kostitwenti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fil-paragrafu 1."

    (b) il-paragrafu 6 jiġi emendat kif ġej:

    (i) il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward tal-provvista tal-ATM/ANS, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati b'rabta ma':"

    (ii) il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

    “il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni u s-sorveljanza mill-fornituri tas-servizzi u l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti msemmija fil-paragrafi minn 3 sa 5;”

    (iii) jiżdiedu l-punti (g) (h) u (i) li ġejjin:

    (d) il-kundizzjonijiet sabiex tinħareġ u tixxerred l-informazzjoni obbligatorja sabiex tiġi assigurata s-sikurezza fil-provvista tal-ATM/ANS;

    (h) il-kundizzjonijiet għall-validazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 u għas-sorveljanza tal-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet;

    ir-regoli tal-operat għall-kostitwenti tal-ATM/ANS meħtieġa għall-użu tal-ispazju tal-ajru."

    (iv) fl-aħħar tal-paragrafu, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:

    “Fir-rigward tal-forniment tal-ATM/ANS, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ atti ta' delega, f’konformità mal-Artikolu 65b, li temenda jew tissupplimenta l-Anness Va fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ żviluppi tekniċi, operattivi jew xjentifiċi jew ta' evidenza ta' sikurezza marbuta mal-ATM/ANS sabiex, u sal-punt meħtieġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2"

    (c) fil-paragrafu 7, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a) jirrifletti l-aqwa prassi u dik l-aktar avvanzata fil-qasam tal-ATM/ANS b’mod partikulari skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ICAO”.

    (11) L-Artikolu 8c jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 10, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward ta' kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll ta' persuni u organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-kontroll jew il-valutazzjoni medika ta' dawn il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati b'rabta ma':"

    (b) fil-paragrafu 10, jiżdiedu l-punti (e), (f) u (g) li ġejjin:

    “(e)       mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali konklużi skont l-Artikolu 12, il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' liċenzji minn pajjiżi terzi;

    (f)         il-kundizzjonijiet li skonthom għandu jiġi pprojbit, limitat jew suġġett għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol.

    (g)        (d) il-kundizzjonijiet sabiex tinħareġ u tixxerred l-informazzjoni obbligatorja sabiex tiġi aċċertata s-sikurezza fil-forniment tal-ATM/ANS;

    (c) fl-aħħar tal-paragrafu 10, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej:

    “Fir-rigward tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika u l-valutazzjoni medika tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ atti ta' delega, f’konformità mal-Artikolu 65B, biex temenda l-Anness Vb, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ tekniċi, operattivi jew żviluppi xjentifiċi jew evidenza dwar is-sikurezza relatati mal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru sabiex, u sal-punt meħtieġ biex, jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2."

    (12) L-Artikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 4, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    "Fir-rigward ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(d), kif ukoll l-ekwipaġġ tagħhom u l-operazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega skont l-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:"

    (b) fil-paragrafu 4, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    (a) l-awtorizzazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(d), jew l-ekwipaġġ, li m'għandhomx ċertifikat standard tal-ICAO tal-ajrunavigabbiltà jew liċenzja li tawtorizzahom joperaw lejn il-Komunità, fiha jew 'il barra minnha;"

    (c) fil-paragrafu 4, il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

    (e) il-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni u s-sorveljanza mill-operaturi msemmijin fil-paragrafu 3;"

    (d) fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt (g) li ġej:

    “(g) kundizzjonijiet alternattivi għal każijiet fejn il-konformità mal-istandards u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx possibbli jew ma tinvolvix sforz sproporzjonat, hekk li jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv tal-istandards u r-rekwiżiti kkonċernati.”

    (e) fil-paragrafu 5, fil-punt (e), titħassar il-kelma "sikurezza".

    (13) L-Artikolu 10 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, minbarra li jissorveljaw iċ-ċertifikati li jkunu ħarġu, jew id-dikjarazzjonijiet li jkunu rċevew, iwettqu investigazzjonijiet, inkluż spezzjonijiet fir-rampa, u għandhom jieħdu kwalunkwe miżura, inkluż iż-żamma fuq l-art ta' inġenji tal-ajru, biex jevitaw il-kontinwazzjoni ta' ksur."

    (b) fil-paragrafu 5, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati li jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u b’mod partikolari: "

    (c) fil-paragrafu 5, jiżdiedu l-punti (d) u (e) kif ġej:

    “(d) kundizzjonijiet għall-kwalifiki tal-ispetturi li jwettqu spezzjonijiet fir-rampa u l-organizzazzjoni involuta fit-taħriġ ta’ dawn l-ispetturi

    (e) kundizzjonijiet għall-amministrazzjoni u l-applikazzjoni tas-sorveljanza u l-infurzar, inkluż is-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza”

    (14) L-Artikolu 11 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

    "1. L-Istati Membri għandhom, mingħajr aktar rekwiżiti jew evalwazzjonijiet tekniċi, jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament u l-atti ta' delega u dawk ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Meta r-rikonoxximent oriġinali jkun għal xi fini, jew finijiet partikulari, kwalunkwe rikonoxximent sussegwenti għandu jkopri biss l-istess fini jew finijiet.

    2. Il-Kummissjoni għandha, b'inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru jew tal-Aġenzija, tiddeċiedi jekk iċ-ċertifkat li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1 jikkonformax ma’ dan ir-Regolament u mal-atti ta' delega u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2). Meta jkun hemm raġunijiet imperattivi u ġustifikati marbuta mas-sikurezza, il-Kummissjoni tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(4)"

    (15) Fl-Artikolu 12(2)(b), l-aħħar subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat jimmodifika l-ftehim, jissospendi l-applikazzjoni tiegħu jew jirrinunzjaha, b’konformità mal-Artikolu 351 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2)."

    (16) L-Artikolu 13 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Entitajiet kwalifikati

    "Fl-allokazzjoni ta' kompitu speċifiku ta' ċertifikazzjoni jew ta' sorveljanza lil entità kwalifikata, l-Aġenzija jew l-awtorità tal-avjazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tiżgura li tali entità tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness V.

    L-entitajiet kwalifikati ma għandhomx joħorġu ċertifikati jew awtorizzazzjonijiet, jew jirċievu dikjarazzjonijiet.”

    (17) L-Artikolu 14 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    "1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tal-atti ta' delega u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu m’għandhomx jipprevjenu Stat Membru milli jirreaġixxi immedjatament għal problema ta’ sikurezza li tinvolvi prodott, sistema, persuna jew organizzazzjoni, bil-kundizzjoni li l-azzjoni immedjata tkun meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà u li ma jkunx possibbli li l-problema tiġi indirizzata b’mod adegwat f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-atti ta' delega u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu."

    (b) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    Il-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunux ġew osservati u, fejn tqis li dan mhux il-każ, tadotta deċiżjoni skont dan. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikou 65(2). Meta jkun hemm raġunijiet imperattivi u ġustifikati kif dovut marbuta mas-sikurezza, il-Kummissjoni tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(4).

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrevoka l-miżura meħuda skont il-paragrafu 1 meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Fejn meħtieġ bħala konsegwenza tal-identifikazzjoni ta’ problema ta’ sikurezza immedjata msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65c sabiex temenda jew tissupplimenta dan ir-Regolament.”

    (c) il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

    "4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti f'dan ir- Regolament u mill-atti ta' delega u dawk ta' implimentazzjoni tiegħu fil-każ ta' ċirkostanzi operattivi urġenti mhux previsti jew ta' eżiġenzi operattivi għal perjodu limitat, u dan kemm-il darba l-livell ta' sikurezza ma jkunx se jiġi affettwat b'mod ħażin bihom. L-Aġenzija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu nnotifikati bi kwalunkwe eżenzjoni ta' dan it-tip malli jibdew isiru repetittivi jew meta jingħataw għal perjodi ta' aktar minn xahrejn."

    (d) fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    Il-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 4 tkunx ġiet osservata u, fejn tqis li dan ma kienx il-każ, tadotta deċiżjoni skont dan. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2). Meta jkun hemm raġunijiet imperattivi u ġustifikati marbuta mas-sikurezza, il-Kummissjoni tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(4).

    L-Istat Membru kkonċernat jirrevoka l-eżenzjoni meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu."

    (e) fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    "6. Fejn livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tal-atti ta' delega u ta' implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jista' jinkiseb b'mezzi oħrajn, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, jagħtu approvazzjoni li tidderoga minn dawk l-atti ta' delega u ta' implimentazzjoni, b'konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu u fil-paragrafu 7"

    (f) fil-paragrafu 7 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta l-Kummissjoni ssib, waqt li tqis ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ikunu ġew sodisfatti, għandha tagħti d-deroga mingħajr dewmien billi temenda l-atti ta' delega jew ta’ implimentazzjoni rilevanti adottati fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament.”

    (18) Fl-Artikolu 15(2), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "2. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli adattati dwar id-disseminazzjoni lill-partijiet interessatifuq l-inizjattiva tagħha stess tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(3). Dawn il-miżuri għandhom iqisu l-ħtieġa li:"

    (19) It-titlu tal-Kapitolu III jinbidel b'dan li ġej:

    "L-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-AVJAZZJONI"

    (20) L-Artikolu 17 jiġi emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    "Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandha titwaqqaf Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Avjazzjoni.

    (b) fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

    "Għall-finijiet tal-iżgurar tal-funzjonament u l-iżvilupp kif xieraq tal-avjazzjoni ċivili, l-Aġenzija għandha:"

    (c) fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (f) li ġej:

    "(f)     jappoġġja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti tagħhom billi jinħoloq forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u ta' esperti.”

    (21) Fl-Artikolu 19(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    "Dawn id-dokumenti għandhom jirriflettu l-aqwa prassi u dik l-aktar avvanzata fl-oqsma kkonċernati u għandhom jiġu aġġornati b'kont meħud ta' esperjenza dinjija ta' inġenji tal-ajru fis-servizz, u progress xjentifiku u tekniku.

    (22) Fl-Artikolu 21(2)(b), il-punt (i) jinbidel b'dan li ġej:

    (i) tagħmir għat-taħriġ ta' titjir simulat operat minn organizzazzjonijiet tat-taħriġ iċċertifikati mill-Aġenzija;

    (23) L-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 2, fil-punt (c), il-kliem “xahar” jinbidel fi “tliet xhur”

    (b) fil-paragrafu 2, il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

    “(e) jekk Stat Membru ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Aġenzija dwar skema individwali, għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk dik l-iskema tikkonformax mal-objettivi ta’ sikurezza ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2);"

    (24) Fl-Artikolu 22 a; jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:

    "(ca)     toħroġ u ġġedded ċertifikati jew taċċetta d-dikjarazzjonijiet dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu u ta’ konformità skont l-Artikolu 8b(4) u (5) ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi jew sistemi pan-Ewropej u fejn mitluba mill-Istat Membru kkonċernat, ukoll ta’ fornituri oħrajn tas-servizzi kif ukoll l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-manifattura u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti;”

    (25) Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

    "5. Filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 52 u 53, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-metodi ta’ ħidma tal-Aġenzija sabiex twettaq il-kompiti msemmijin fil-paragrafi 1, 3 u 4. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2)."

    (26) L-Artikolu 25 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 3, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    “Abbażi tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65b, tistabbilixxi:”

    (b) fil-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    (b) regoli dettaljati għall-inkjesti, miżuri assoċjati u rappurtar, kif ukoll għat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għad-difiża, l-aċċess għall-fajls, ir-rappreżentazzjoni legali, id-dispożizzjonijiet ta' kunfidenzjalità u ta' temporalità u l-kwantifikazzjoni u l-ġbir ta' multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali.

    (27) Fl-Artikolu 29, jitħassar il-paragrafu 2.

    (28) L-Artikolu 30 jinbidel b'dan li ġej:

    "Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea japplika għall-Aġenzija u l-persunal tagħha."

    (29) L-Artikolu 33 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 2, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a) jaħtar id-Direttur Eżekuttiv, u l-Viċi Diretturi Eżekuttivi, b’konformità mal-Artikoli 39a u 39b;”

    (b) fil-paragrafu 2, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

    “(c) qabel it-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, jadotta l-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali tal-Aġenzija għas-sena jew snin li ġejjin; dawn il-programm ta' ħidma jiġi adottati mingħajr preġudizzju għall-proċedura annwali Komunitarja tal-baġit u l-programm leġiżlattiv Komunitarju f'oqsma rilevanti tas-sikurezza tal-avjazzjoni; l-opinjoni tal-Kummissjoni tiġi mehmuża mal-programmi ta' ħidma;"

    (c) fil-paragrafu 2, il-punt (h) jinbidel b’dan li ġej:

    (h) jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv u fuq id-Viċi Diretturi Eżekuttivi, bi ftehim mad-Direttur Eżekuttiv;"

    (d) fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti (n), (o), (p) u (q):

    "(n) b'konformità mal-paragrafu 6 jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra lill-Awtorità bis-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg[16] ("is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra");

    (o) jiżgura segwitu xieraq tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

    (p) jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal."

    (q) jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta' kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll tal-membri tal-Bord(ijiet) tal-Appell;

    (e) jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

    "6. Il-Bord Amministrattiv għandu, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, jadotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra, li tiddelega setgħat rilevanti ta' awtorità li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom din id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawn is-setgħat.

    Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jitolbu dan, il-Bord Amministrattiv jista’, permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delegazzjoni ta' setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal għajr id-Direttur Eżekuttiv."

    (30) L-Artikolu 34 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, il-kliem “rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni” jinbidel f'“żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, kollha bi drittijiet tal-vot”.

    (b) fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-kliem “ir-rappreżentant u s-supplent tagħha” jinbidel f'“ir-rappreżentanti tagħha u s-supplenti tagħhom”

    (c) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kelma "ħames" tinbidel għal "erba'"

    (d) fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu ġdid li ġej fit-tarf:

    "Il-Membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien tagħhom fil-qasam tal-avjazzjoni, billi jittieħed kont tal-ħiliet maniġerjali, amministrattvi u baġitarji rilevanti. Il-partijiet kollha rrappreżentati fil-Bord Amministrattiv għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw iċ-ċaqliq tal-membri tagħhom, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-bord. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw biex jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bord Amministrattiv."

    (31) Fl-Artikolu 37, il-paragrafu 1, jinbidel dan li ġej:

    – il-kliem “maġġoranza ta' żewġ terzi” jinbidel b'“maġġoranza sempliċi”.

    – tiddaħħal it-tieni sentenza li ġejja:

    “Madankollu tkun meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord Amministrattiv għal deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma, il-baġit annwali, il-ħatra u l-estensjoni tal-mandat jew tat-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv.”

    (32) Jiżdied l-Artikolu 37a li ġej:

    "Artikolu 37a

    Bord Eżekuttiv

    1. Il-Bord Amministrattiv ikun assistit minn Bord Eżekuttiv.

    2. Il-Bord Eżekuttiv għandu:

    (a) iħejji deċiżjonijiet biex jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv.

    (b) jiżgura, flimkien mal-Bord Amministrattiv, segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u mill-evalwazzjonijiet ta’ awditi interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

    (c) mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stabbiliti fl-Artikolu 38, jassistih u jagħtih parir fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv, bl-iskop li tissaħħaħ is-superviżjoni tat-tmexxija amministrattiva u baġitarja.

    3. Meta meħtieġ, minħabba l-urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord Amministrattiv, b’mod partikulari dwar kwistjonijiet ta’ maniġment amministrattiv, inkluż is-sospensjoni tad-delega ta’ setgħat ta' awtorità tal-ħatra u kwistjonijiet baġitarji

    4. Il-Bord Eżekuttiv ikun magħmul mill-President tal-Bord Amministrattiv, rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni fil-Bord Amministrattiv u tliet membri oħra maħtura mill-Bord Amministrattiv minn fost il-membri tiegħu bid-dritt tal-vot. Il-President tal-Bord Amministrattiv jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, iżda ma għandux ikollu dritt tal-vot.

    5. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun l-istess bħal dak tal-membri tal-Bord Amministrattiv. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv jasal fi tmiemu meta tagħlaq is-sħubija tagħhom fil-Bord Amministrattiv.

    6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħmel laqgħa ordinarja tal-inqas kull tliet xhur. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' bl-inizjattiva tal-President tiegħu jew b'talba tal-membri tiegħu.

    7. Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-Bord Eżekuttiv."

    (33) L-Artikolu 38 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    "1. L-Aġenzija tiġi mmexxija mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, tal-Bord Amministrattiv, jew tal-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet mingħand l-ebda gvern jew xi korp ieħor.

    (b) fil-paragrafu 3, jitħassar il-punt (g).

    (c) fil-paragrafu 3, il-punt (h) jinbidel b’dan li ġej:

    “(i) li jiddelega s-setgħat tiegħu/tagħha lil membri oħra tal-persunal tal-Aġenzija. Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ tali delegazzjonijiet. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2);"

    (d) fil-paragrafu 3, il-punt (k) jinbidel b’dan li ġej:

    "(k) li jipprepara u jimplimenta l-programmi ta' ħidma annwali u multiannwali, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;"

    (e) fil-paragrafu 3, jiżdiedu l-punti (m), (n), (o) u (p) li ġejjin:

    "(m) li jimplimenta l-programmi ta' ħidma annwali u multiannwali, u jirrapporta lill-Bord Amministrattiv dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

    (n) li jipprepara pjan ta' azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tal-audits u tal-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll tal-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li darbtejn fis-sena jirrapporta dwar il-progress lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord Aministrattiv

    (o) li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti xi irregolaritajiet, li jirkupra l-ammonti mħallsa b'mod skorrett, u fejn xieraq, li jtejjeb penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi;

    (p) li jipprepara strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u jippreżentaha lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni;

    (34) L-Artikolu 39 jitħassar.

    (35) Jiżdiedu l-Artikoli 39a u 39b li ġejjin:

    "Artikolu 39a

    Il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

    1. Id-Direttur Eżekuttiv jiġi impjegat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

    2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv, abbażi tal-mertu u ta' kompetenza u esperjenza dokumentata rilevanti għall-avjazzjoni ċivili, minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

    Sabiex jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord Amministrattiv.

    Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

    3. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv ikun ta' ħames snin. Sal-aħħar ta’ dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tikkunsidra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija.

    4. Il-Bord Amministrattiv, fuq proposta mill-Kummissjoni li tqis l-istudju msemmi fil-paragrafu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba waħda, għal mhux aktar minn ħames snin.

    5. Il-Bord Amministrattiv jinforma l-Parlament Ewropew jekk ikun beħsiebu jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fix-xahar ta’ qabel kwalunkwe estensjoni bħal din, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

    6. Direttur Eżekuttiv li jkun ġie estiż il-mandat tiegħu ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra ta' selezzjoni għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu kollu.

    7. Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu biss b'deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

    8. Il-Bord Amministrattiv jasal għal deċiżjoni dwar il-ħatra, l-estensjoni ta' mandat jew it-tneħħija minn kariga ta' Direttur Eżekuttiv u/jew Viċi Diretturi Eżekuttivi abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot.

    Artikolu 39b

    Il-ħatra tal-Viċi Diretturi Eżekuttivi

    1. Lid-Direttur Eżekuttiv jista' jassistih Viċi Direttur Eżekuttiv wieħed jew aktar.

    2. Id-Deputat Direttur Eżekuttiv jew Deputati Diretturi Eżekuttivi jinħatru, jiġi estiż il-mandat tagħhom jew jitneħħew mill-kariga kif previst fl-Artikolu 39a, wara konsultazzjoni mad-Direttur Eżekuttiv jew, fejn applikabbli, mad-Direttur Eżekuttiv elett."

    (36) Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    "3. Il-Bord jew il-Bordijiet tal-Appell jissejħu skont il-bżonn. Il-Kummissjoni tiddetermina n-numru ta’ Bordijiet tal-Appell u x-xogħol allokat lilhom. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(2)."

    (37) Fl-Artikolu 41, il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

    "5. Il-Kummissjoni tiddetermina l-kwalifiki meħtieġa għall-membri ta’ kull Bord tal-Appell, is-setgħat ta’ membri individwali fil-fażi preparatorja tad-deċiżjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-votazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(3)."

    (38) Fl-Artiklu 52(1), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b) kull meta meħtieġ, jinvolvu esperti minn partijiet interessati rilevanti, jew jagħmlu użu mill-għarfien espert tal-korpi rilevanti Ewropej għall-istandardizzazzjoni, tal-Eurocontrol jew korpi speċjalizzati oħrajn;”

    (39) L-Artikolu 56 jinbidel b'dan li ġej:

    "Programm ta’ ħidma annwali u multiannwali

    1. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, skont l-Artikolu 33(2)(c), il-Bord Amministrattiv jadotta dokument ta’ pprogrammar li jkun jinkludi programmar multiannwali u annwali, ibbażat fuq abbozz imressaq mid-Direttur Eżekuttiv, u dan filwaqt li jittieħed kont tal-opinjoni tal-Kummissjoni. Dan id-dokument jippreżentah lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Id-dokument ta' pprogrammar isir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, jekk ikun meħtieġ, jiġi aġġustat kif meħtieġ.

    Il-programmi ta' ħidma annwali u multiannwali ikollhom fil-mira tagħhom il-promozzjoni tat-titjib kontinwu tas-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea u jkunu jikkonformaw mal-objettivi, il-mandati u l-kompiti tal-Aġenzija, kif stabbilit f'dan ir-Regolament.

    2. Il-programm ta’ ħidma annwali jkun jinkludi objettivi dettaljati u riżultati mistennija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni. Ikun jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jkunu se jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji tal-ibbaġitjar u tat-tmexxija bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma multiannwali msemmi fil-paragrafu 4. Għandu jindika b'mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru b'paragun mas-sena finanzjarja preċedenti.

    Irid jinkludi l-istrateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(2) u l-azzjonijiet marbuta ma’ din l-istrateġija.

    3. Il-Bord Amministrattiv għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jingħata kompitu ġdid lill-Aġenzija.

    Kull emenda sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandha tkun addottata bl-istess proċedura bħal tal-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord Amministrattiv jista’ jiddelega lid-Direttur Eżekuttiv is-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.

    4. Il-programm ta' ħidma multiannwali għandu jistipula pprogrammar strateġiku komprensiv li jinkludi objettivi, ir-riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jistabbilixxi wkoll l-ipprogrammar tar-riżorsi, inkluż il-baġit multiannwali u l-persunal.

    L-ipprogrammar tar-riżorsi jiġi aġġornat kull sena. L-ipprogrammar strateġiku jiġi aġġornat skont il-bżonn, u b’mod partikulari jindirizza r-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 62.”

    (40) Fl-Artikolu 57, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "Ir-rapport ġenerali annwali għandu jiddeskrivi l-mod li bih l-Aġenzija tkun implimentat il-programm ta' ħidma annwali tagħha. Għandu jindika b'mod ċar liema mill-mandati u l-kompiti tal-Aġenzija jkunu ġew miżjuda, mibdula jew imħassra meta mqabbel mas-sena ta' qabel."

    (41) Fl-Artikolu 59(1), jiżdied il-punt (f) li ġej:

    “(f) il-ħlasijiet li jsiru skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) ° Nru [ir-Regolament tal-Ajru Uniku Ewropew] għall-kompiti tal-awtorità ATM/ANS rilevanti.”

    (42) L-Artikolu 62 jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, il-kliem "Bord Amministrattiv" jinbidlu għal "Kummissjoni"

    (b) jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    "4. Fl-okkażjoni ta' kull tieni evalwazzjoni, għandha ssir ukoll valutazzjoni tar-riżultati miksuba mill-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi, tal-mandat u tal-kompiti tagħha. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-Aġenzija ma għadhiex iġġustifikata fir-rigward tal-objettivi, tal-mandat u tal-kompiti tagħha, hija tista' tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat jew revokat skont dan."

    (43) L-Artikolu 64 jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-kelma “Regolament” titħassar mit-titolu.

    (b) il-paragrafu 1 jinbidel f'"il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' delega f’konformità mal-Artikolu 65b sabiex tistabbilixxi, abbażi tal-paragrafi 3, 4 u 5, regoli dettaljati dwar il-miżati u l-ħlasijiet.

    (c) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    "Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 jiddeterminaw b'mod partikulari l-kwistjonijiet li minħabba fihom huma dovuti l-miżati u l-ħlasijiet skont l-Artikolu 59(1)(c) u (d), l-ammont ta' miżati u ħlasijiet u l-mod ta' kif għandhom jitħallsu."

    (d) Il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    "5. L-ammont ta' ħlasijiet u piżijiet għandu jiġi ffissat f'livell tali li jiżgura li d-dħul f'dan ir-rigward huwa fil-prinċipju biżżejjed biex ikopri l-ispiża sħiħa tas-servizzi fornuti. In-nefqa kollha tal-Aġenzija attribwita għall-persunal involut f'attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, inkluża l-kontribuzzjoni pro-rata ta' min iħaddem għall-iskema tal-pensjoni, għandha b'mod partikolari tkun riflessa f'din l-ispiża. Il-ħlasijiet u l-piżijiet, inklużi dawk miġbura fl-2007, għandhom ikunu dħul assenjat lill-Aġenzija."

    (44) L-Artikolu 65 jinbidel b'dan li ġej:

    "Il-Kumitat

    1. Il-Kummissjoni tkun megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat ikun kumitat skont it-tifsira stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.”

    (45) L-Artikolu 65a jitħassar.

    (46) Jiżdiedu l-Artikoli 65b u 65c li ġejjin:

    “Artikolu 65b

    Eżerċizzju tad-delega

    1. Lill-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta atti ta' delega, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7(6), l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 8a(5), l-Artikolu 8b(6), l-Artikolu 8c(10), l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 14(7), l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 64(1) tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta' żmien.

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7(6), l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 8a(5), l-Artikolu 8b(6), l-Artikolu 8c(10), l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 14(7), l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 64(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti ta' delega li diġà jkunu fis-seħħ.

    4. Hekk kif tadotta att ta' delega, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att ta' delega adottat skont l-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7(6), l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 8a(5), l-Artikolu 8b(6), l-Artikolu 8c(10), l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 14(7), l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu (64)(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx. Dak il-perijodu jiġi estiż b'xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 65c

    Il-proċedura ta’ urġenza

    1. L-atti ta' delega adottati skont dan l-Artikolu jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u japplikaw sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att ta' delega lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.

    2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att ta' delega b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 65b(5). F’każ simili, wara li tkun innotifikata bid-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Kummissjoni tirrevoka l-att mingħajr dewmien."

    (47) Jiżdied l-Artikolu 66 a li ġej:

    "Artikolu 66 a

    Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kundizzjonijiet operattivi

    1. L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Aġenzija fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord Amministrattiv, il-persunal tal-Europol u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar l-Uffiċċju Prinċipali bejn l-Europol u l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju, konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv u mhux aktar tard minn sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    2. L-Istat Membru li jospita l-Aġenzija għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jassigura l-funzjonament korrett tal-Aġenzija, inklużi skejjel multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea, u kollegamenti xierqa tat-trasport."

    (48) Jiżdied l-Artikolu 66b li ġej:

    "Artikolu 66b

    Ir-regoli tas-sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

    L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji tas-sigurtà elaborati fir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (European Union Classified Information/EUCI) u tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. L-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sigurtà għandha tkopri, inter alia, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' tali informazzjoni."

    (49) Fl-Anness V, il-punti 2 u 3 jinbidlu b’dan li ġej:

    "2. L-entità u l-persunal responsabbli għall-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza għandhom jeżegwixxu d-dmirijiet tagħhom bl-akbar integrità professjonali possibbli u l-akbar kompetenza teknika possibbli u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, b'mod partikulari ta' natura finanzjarja, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju tagħhom u r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħhom, b'mod partikulari minn persuni jew gruppi ta' persuni affettwati mir-riżultati tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni.

    3. L-entità għandha timpjega persunal u jkollha l-mezzi meħtieġa biex twettaq b'mod adegwat il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-proċess ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza; irid ikollha wkoll aċċess għat-tagħmir meħtieġ għal verifiki eċċezzjonali."

    (50) L-Anness Vb jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 2(c)(iv) jinbidel b'dan li ġej:

    “Is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-proċessi relatati għandhom jaraw li jkun hemm separazzjoni adegwata bejn l-inġenji tal-ajru u, fiż-żona ta’ mmanuvrar tal-ajrudrom, jipprevjenu l-kolliżjonijiet bejn l-ostakli u l-inġenji tal-ajru f'dik iż-żona u, fejn ikun loku u jkun fattibbli, jassistu fil-protezzjoni minn perikli oħra waqt it-titjir, u għandhom jiżguraw koordinazzjoni fil-pront u f'waqtha mal-utenti rilevanti kollha u mal-volumi fil-qrib tal-ispazju tal-ajru.”

    (b) fil-paragrafu 2, fil-punt (g), jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem il-punt:

    "Il-ġestjoni tal-fluss jitwettaq bil-ħsieb li jottimizza l-kapaċità disponibbli fl-użu tal-ispazju tal-ajru u jtejjeb il-proċessi tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Ikun ibbażat fuq it-trasparenza u l-effiċjenza, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi pprovduta kapaċità b’mod flessibbli u f’waqtha, konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan Reġjonali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO, ir-Reġjun Ewropew.

    Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8b(6) li jikkonċernaw l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru għandhom isostnu d-deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mill-operaturi ta’ ajruporti u mill-utenti tal-spazju tal-ajru u għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

    (a) l-ippjanar tat-titjiriet;

    (b) l-użu tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru disponibbli matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inkluż l-assenjazzjoni tas-slots; u

    (c) l-użu ta’ rotot mit-traffiku tal-ajru ġenerali, inklużi

    – il-ħolqien ta' pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni ta' rotot u traffiku,

    – għażliet għal devjazzjoni ta' traffiku tal-ajru ġenerali minn żoni ta' konġestjoni, u

    – regoli ta' prijorità dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali, b'mod partikulari matul perjodi ta' konġestjoni u kriżi,

    (d) iqisu l-konsistenza bejn il-pjanijiet tat-titjiriet u l-iskeda tal-ajruporti u l-koordinazzjoni meħtieġa mar-reġjuni li jmissu magħhom.”

    (c) fil-paragrafu 2, fil-punt (h), jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem il-punt:

    "Filwaqt li jqis l-organizzazzjoni tal-aspetti militari li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru għandu jsostni wkoll l-applikazzjoni uniformi tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru kif deskritt mill-ICAO u kif implimentat bir-Regolament (KE) Nru 551/2004", biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport.

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ta' kull sena lill-Aġenzija dwar l-applikazzjoni, fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport, tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru fir-rigward tal-ispazju tal-ajru fir-responsabbiltà tagħhom.

    (d) fil-paragrafu 3, fil-punt (a), jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem is-sentenza:

    "Is-sistemi jinkludu, b'mod partikulari:

    1.          Sistemi u proċeduri għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru.

    2.          Sistemi u proċeduri għall-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru.

    3.          Sistemi u proċeduri għal servizzi tat-traffiku tal-ajru, b'mod partikulari sistemi ta' pproċessar ta' data tat-titjir, sistemi ta' pproċessar ta' dejta ta' sorveljanza u sistemi umanimekkaniċi ta' interfaċċja.

    4.          Sistemi u proċeduri ta' komunikazzjonijiet għal komunikazzjonijiet mill-art għall-art, mill-ajru għall-art u mill-ajru għall-ajru.

    5.          Sistemi u proċeduri ta' navigazzjoni.

    6.          Sistemi u proċeduri ta' sorveljanza.

    7.          Sistemi u proċeduri għal servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika.

    8.          Sistemi u proċeduri għall-użu ta' informazzjoni meteoroloġika."

    (e) Fil-paragrafu 3, fil-punt (b), jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem il-punt:

    "Is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tagħhom jiġu ddisinjati, jinbnew, ikunu mantnuti u operati billi jintużaw proċeduri xierqa u validati b'mod li jiżgura l-operat mingħajr interruzzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew fil-ħinijiet kollha u għall-fażijiet kollha tat-titjir. L-operat mingħajr ebda interruzzjoni jista' jkun espress, b'mod partikulari, f'termini ta' skambjar tal-informazzjoni, inkluża dik dwar l-istatus operattiv rilevanti, il-fehim komuni tal-informazzjoni, it-twettiq ta' pproċessar komparabbli u l-proċeduri assoċjati li jagħmlu possibbli t-twettiq operattiv komuni miftiehem għan-netwerk kollu tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew kollu (EATMN) jew partijiet minnu.

    L-EATMN, is-sistemi tagħha u l-kostitwenti tagħhom għandhom isostnu, fuq bażi kkoordinata, kunċetti ta’ operat ġodda, miftiehma u vvalidati li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, b’mod partikulari f’termini ta’ sikurezza u kapaċità.

    L-EATMN, is-sistemi tagħha u l-kostitwenti tagħhom għandhom isostnu l-implimentazzjoni progressiva tal-koordinazzjoni ċivili/militari, sal-punt meħtieġ għal ġestjoni effettiva tal-ispazju tal-ajru u tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, u għal użu sikur u effiċjenti tal-ispazju tal-ajru mill-utenti kollha, permezz tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru.

    Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-EATMN, is-sistemi tagħha u l-kostitwenti tagħhom iridu jsostnu l-iskambju f'waqtu bejn il-partijiet ċivili u militari ta' dik l-informazzjoni korretta u konsistenti li tkopri l-fażijiet kollha tat-titjir."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               Filwaqt li l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, ta’ Lulju 2012, tesiġi l-istandardizzazzjoni tal-ismijiet tal-Aġenziji tal-UE kollha biex jikkonformaw mal-istess format, għal raġunijiet ta' ċarezza, dan il-memorandum ta' spjegazzjoni juża l-isem eżistenti bħalissa tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fit-test kollu. It-test tal-proposta leġiżlattiva nfisha ġie adattat skont id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Pjan Direzzjonali ġodda.

    [2]               Ir-Regolament ta' Qafas ((KE) Nru 549/2004) – li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew; Ir-Regolament tal-Forniment tas-Servizzi ((KE) Nru 550/2004) – dwar il-forniment ta’ servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew; Ir-Regolament dwar l-Ispazju tal-Ajru ((KE) Nru 551/2004) – dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew; Ir-Regolament dwar l-Interoperabilità ((KE) Nru 552/2004) – dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru.

    [3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007; SESAR (il-Programm ta' Riċerka tal-ATM tal-Ajru Uniku Ewropew) hu pilastru tekniku tal-Ajru Uniku Ewropew – programm maħsub biex itejjeb l-ATM li jinvolvi l-avjazzjoni kollha.

    [4]               Fil-preżent, ir-regoli tekniċi jitfasslu mhux biss mill-EASA imma anki mill-Eurocontrol u minn bosta korpi tal-istandardizzazzjoni, bħalma hi l-EUROCAE.

    [5]               Ara l-Artikolu 19 tal-proposta ta’ riformulazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

    [6]               Il-programm ta’ Riċerka tal-ATM tal-Ajru Uniku Ewropew. Ara http://ec.europa.eu/transport/modes/air/sesar/

    [7]               ĠU C , , p. .

    [8]               ĠU L 309, 24.11.2009, p. 51.

    [9]               ĠU L ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34.

    [10]             ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    [11]             ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

    [12]             ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

    [13]             ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

    [14]             ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41.

    [15]             ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

    [16]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1)

    Top