Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0316

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

/* COM/2013/0316 final - 2013/0165 (COD) */

52013PC0316

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE /* COM/2013/0316 final - 2013/0165 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-għan ta' din il-proposta huwa li tintroduċi fis-sistema tal-KE għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur, rekwiżit għall-installazzjoni ta' sistema eCall mmuntata fil-vettura. Din tifforma parti minn sett ta' atti legali tal-UE li sal-1 ta' Ottubru 2015 iridu jiżguraw l-iskjerament tas-servizz tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112. L-atti leġiżlattivi prinċipali l-oħra marbuta ma' din l-inizjattiva eCall huma:

· ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE tat-8 ta' Settembru 2011 dwar appoġġ għal servizz ta’ sejħiet elettroniċi offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (“Sejħiet elettroniċi”)[1]

· ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 tas-26 ta’ Novembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[2]

· Proposta għal Deċiżjoni (UE) Nru .../.. ta' xx.xx.20xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskjerament ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha[3]

Dawn it-testi differenti huma komplementari u flimkien se jippermettu biex is-servizz ta' eCall ibbażat fuq in-numru 112 ikun kompletament operattiv sal-1 ta' Ottubru 2015.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Din il-proposta hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati ewlenin:

Il-partijiet interessati, u b'mod partikolari l-Grupp ta' Livell Għoli CARS21, kienu kkonsultati matul il-proċess li wassal għall-adozzjoni ta' "CARS 2020: pjan ta' azzjoni għal industrija Ewropea tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli". B'mod aktar preċiż, din il-proposta tikkostitwixxi t-twassil tal-azzjoni: "se tippromwovi ulterjorment it-tħaddim ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI), inklużi sistemi kooperattivi, b'mod partikolari s-sistema ta' sejħiet għall-emerġenza fil-vettura "eCall" mal-Ewropa kollha".

Din il-proposta tqis ukoll il-konsultazzjonijiet kollha magħmula fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall. Dawn il-konsultazzjonijiet jinkludu, b'mod partikolari, kontribuzzjonijiet estensivi mill-partijiet interessati li huma involuti f'diversi fora bħall-Pjattaforma Ewopea għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP), il-Grupp ta' esperti dwar iċ-Ċentri tal-eCall li Jirċievu s-Sejħiet ta' Emerġenza ("PSAPs"), il-Grupp għat-Tmexxija tal-eCall fi ħdan il-Forum dwar l-eSafety/i-Mobility, u konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tal-eCall li kienet miftuħa mid-19 ta' Lulju sad-19 ta' Settembru 2010.

Fl-aħħar nett, din il-proposta tqis l-opinjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI, magħmul minn 25 rappreżentant ta' livell għoli mill-fornituri tas-servizz tal-STI, assoċjazzjonijiet ta' utenti, operaturi ta' trasport u faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, sħab soċjali, assoċjazzjonijiet professjonali, awtoritajiet lokali u fora rilevanti oħra.

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji

Twettqet analiżi estensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall għat-tliet għażliet proposti, li jinkludu l-għażla ppreferuta dwar il-miżuri regolatorji.

Sa fejn hija kkonċernata l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażla li ġiet magħżula (għażla 3), kull waħda mit-tliet miżuri regolatorji tal-eCall ppjanati (sistema mmuntata fil-vettura, telekomunikazzjoni u PSAP) ma tistax tiġi sseparata mit-tnejn l-oħra.

2.2.1.     Analiżi tal-benefiċċji ewlenin

Il-benefiċċji identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-impatt u ta' diversi studji, inklużi dawk nazzjonali, jinkludu:

–            Tnaqqis tal-fatalitajiet (bil-vetturi kollha mgħammra bl-eCall, bejn 1 % u 10 % skont id-densità tal-popolazzjoni tal-pajjiż, l-infrastruttura tat-triq u r-rispons għall-emerġenza);

–            Tnaqqis fis-serjetà tal-ġrieħi (bejn 2 % u 15 %);

–            Tnaqqis fl-ispejjeż ta' konġestjoni kkawżati mill-aċċidenti tat-traffiku. Dan jirriżulta minħabba t-titjib fil-ġestjoni tal-aċċidenti, peress li l-inċident jiġi nnotifikat mill-ewwel lill-PSAPs u għalhekk jista' jiġi ttrasferit għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku x-xieraq, li jista' jinforma mall-ewwel lill-utenti tat-triq u b'hekk jgħin biex inaqqas l-inċidenti sekondarji;

–            Faċilità akbar fis-servizzi ta' salvataġġ u żieda fis-sigurtà tat-tim ta' salvataġġ (eż. il-ħaddiema tat-tifi tan-nar) meta ssir l-estrazzjoni tal-okkupanti li jkunu maqbuda fil-vettura, peress li fost l-oħrajn, is-Sett Minimu ta' Dejta ("MSD") fil-messaġġ tal-eCall se jipprovdi informazzjoni dwar it-tip ta' fjuwil;

–            Tnaqqis fl-infrastruttura ta' għajnuna SOS ta' ma' ġenb it-triq, peress li kull utent huwa kapaċi jagħti bidu għal sejħa ta' emerġenza mill-vettura tiegħu.

2.2.2.     Proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji

Il-benefiċċji ġew ukoll stmati f'valuri monetarji u ġiet imfassla analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-għażliet differenti u għat-tipi ta' kategoriji differenti affettwati. L-istimi huma kkalkulati sas-sena 2033 peress li din hija s-sena mistennija għall-penetrazzjoni sħiħa tas-servizz ta' eCall f'każ tal-għażla ta' politika ppreferuta.

|| Għażla ta' Politika 1 L-ebda azzjoni min-naħa tal-UE || Għażla ta’ Politika 2 Approċċ volontarju || Għażla ta’ Politika 3 Miżuri regolatorji

Proporzjon bejn il-Benefiċċji u l-Ispejjeż || 0.29 || 0.68 || 1.74

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Il-bażi legali hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tittieħed biss meta l-miri previsti ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom u għalhekk, minħabba raġunijiet ta' skala jew ta' effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni.

Is-sikurezza stradali hija kwistjoni ta' tħassib kbir fl-Unjoni Ewropea kollha u għaċ-ċittadini kollha tagħha. L-għan tal-inizjattiva ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha huwa fl-aħħar mill-aħħar li, tintroduċi fil-vetturi kollha fl-UE l-funzjonalitajiet minimi meħtieġa biex jiżguraw it-trattar adegwat tas-sejħiet ta' emerġenza mis-servizz ta' rispons għall-emerġenzi. Bħalissa, il-vjaġġi bit-triq madwar id-diversi Stati Membri jaqbżu l-100 miljun fis-sena u qed jiżdiedu aktar minħabba l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-Unjoni Ewropea (permezz tal-moviment ħieles tal-oġġetti, tal-persuni u tas-servizzi). Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġu ggarantiti l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-Ewropa, li ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom. Barra minn hekk, meta tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE bl-użu tal-istandards komuni Ewropej tal-eCall approvati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (CEN u ETSI), se jiġi żgurat il-forniment effiċjenti tas-servizz ta' rispons għall-emerġenzi madwar l-Ewropa, pereżempju fil-każ ta' vetturi li qed jivvjaġġaw barra l-pajjiż, u se jgħin biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq.

L-eCall fl-UE kollha ġiet imfassla b'tali mod biex jitnaqqas l-impatt fuq il-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur (l-industrija tal-karozzi, l-operaturi tan-netwerk mobbili, l-Istati Membri – PSAPs) u biex jitqassam dan l-impatt b'mod ġust.

3.3.        Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

L-Artikoli 2, 4 u 5:

Il-proposta teħtieġ li t-tipi l-ġodda ta' karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief jiġu mibnija b'tali mod li jiżguraw li f'każ ta' aċċident gravi, ikunu kapaċi jagħtu bidu b'mod awtomatiku għal sejħa ta' emerġenza (eCall) lin-numru 112. Irid ikun possibbli wkoll li s-sejħiet ta' emerġenza (eCalls) lin-numru 112 isiru b'mod manwali.

L-Artikolu 6:

Minħabba n-natura tal-informazzjoni li qed tiġi provduta minn dan is-servizz, qed jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

L-Artikoli 5, 6 u 8:

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ddelegati li jikkonċernaw:

· ir-rekwiżiti tekniċi ddettaljati u t-testijiet tal-appovazzjoni tat-tip ta' sistemi ta' eCall mmuntati fil-vettura, li se jkunu bbażati fuq l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5;

· il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta;

· l-eżenzjonijiet għal vetturi b'għan speċjali u għal każijiet ġustifikati oħra. L-eżenzjonijiet se jkunu limitati fin-numru.

L-Artikolu 12:

Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2015.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2013/0165 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Teżisti sistema komprensiva tal-Unjoni għall-approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur stabbilita bid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru)[5].

(2)       Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' għadd kbir ta' elementi ta' sikurezza u ambjentali ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiżguraw livell għoli ta' sikurezza stradali fl-Unjoni kollha.

(3)       Sabiex is-sikurezza stradali tkompli titjieb, il-Komunikazzjoni "eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni"[6] tipproponi miżuri ġodda biex iħaffu l-iskjerament fl-Unjoni ta' servizz ta' sejħiet ta' emerġenza mmuntat fil-vettura. Waħda mill-miżuri proposti hija li jsir obbligatorju l-immuntar ta' sistemi ta' eCall fil-vetturi l-ġodda kollha, billi tibda mill-kategoriji ta' vetturi M1 u N1 kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE.

(4)       Fit-3 ta' Lulju 2012, il-Parlament Ewropew approva r-Rapport dwar l-eCall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini[7] li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE sabiex tiżgura l-iskjerament obbligatorju tas-sistema pubblika eCall ibbażata fuq in-numru 112 sal-2015.

(5)       Is-sistema eCall tal-Unjoni mistennija tnaqqas l-għadd ta' fatalitajiet fl-Unjoni kif ukoll is-severità tal-ġrieħi kkawżati minn aċċidenti tat-traffiku. Bl-introduzzjoni obbligatorja tas-sistema eCall is-servizz ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha u għalhekk jikkontribwixxi biex inaqqas it-tbatija umana, il-kura tas-saħħa u spejjeż oħra.

(6)       Il-provvista ta' informazzjoni preċiża u affidabbli dwar il-pożizzjonament hija element essenzjali tat-tħaddim effettiv tas-sistema eCall immuntata fil-vettura. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi meħtieġa l-kompatibbiltà tagħha mas-servizzi provduti bil-programmi ta' navigazzjoni bis-satellita, li jinkludu s-sistemi stabbiliti skont il-programmi Galileo u EGNOS stipulati fir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)[8].

(7)       It-tagħmir obbligatorju tal-vetturi bis-sistema eCall immuntata fil-vettura, għall-bidu għandu japplika biss għall-karozzi tal-pasiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfieħ il-ġodda (il-kategoriji M1 u N1) li għalihom diġà jeżisti mekkaniżmu xieraq li jagħti bidu għall-eCall.

(8)       It-tagħmir obbligatorju tal-vetturi bis-sistema eCall immuntata fil-vettura għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet interessati kollha bħall-manifatturi tal-karozzi u l-operaturi indipendenti li joffru servizzi addizzjonali ta' emerġenza u/jew ta' valur miżjud, b'mod parallel ma' jew li jkomplu jibnu fuq is-sistema eCall immuntata fil-vettura u bbażata fuq in-numru 112. Madankollu, dawn is-servizzi addizzjonali għandhom jiġu mfassla b'tali mod li ma jtellfux lis-sewwieq.

(9)       Sabiex tiġi żgurata għażla miftuħa għall-klijenti u kompetizzjoni ġusta, kif ukoll titħeġġeġ l-innovazzjoni u tiġi xprunata l-kompetittività tal-industrija teknoloġika tal-informazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq dinji, is-sistema eCall immuntata fil-vettura għandha tkun aċċessibbli mingħajr ħlas u mingħajr diskriminazzjoni għall-operaturi kollha indipendenti u bbażata fuq pjattaforma interoperabbli u b'aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi li fil-futur jistgħu possibbilment jiġu mmuntati fil-vettura.

(10)     Sabiex tinżamm l-integrità tas-sistema dwar l-approvazzjoni tat-tip, dawk is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi li jistgħu jiġu ttestjati bis-sħiħ biss għandhom jiġu aċċettati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(11)     Skont id-Direttiva 2007/46/KE, il-vetturi ta' serje żgħira huma esklużi mir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' impatt frontali u ta' impatt mill-ġenb. Għalhekk, dawk il-vetturi ta' serje żgħira għandhom jiġu esklużi mill-obbligu li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-eCall.

(12)     Il-vetturi b'għan speċjali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-eCall stipulati f'dan ir-Regolament, sakemm l-awtoritajiet għall-approvazzjoni tat-tip iqisu, fuq bażi ta' każ b'każ, li l-vettura ma tistax tissodisfa dawk ir-rekwiżiti minħabba l-għan speċjali tagħha.

(13)     Skont ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u li jinsabu fid-'Dokument ta' ħidma dwar il-ħarsien tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall', adottat fis-26 ta' Settembru 2006[9], kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura għandu jikkonforma mar-regoli ta' protezzjoni tad-dejta personali stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[10] u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)[11], b'mod partikolari biex jiggarantixxi li l-vetturi mgħammra b'sistemi eCall mmuntati fil-vetturi, fl-istatus ta' operat normali tagħhom relatat mal-eCall 112, ma jkunux jistgħu jiġu traċċati, mhumiex suġġetti għall-ebda detezzjoni kostanti u s-sett minimu ta' dejta mibgħut mis-sistema eCall immuntata fil-vettura jinkludi l-informazzjoni minima meħtieġa għat-trattar xieraq tas-sejħiet ta' emerġenza.

(14)     L-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, ETSI u CEN, żviluppaw standards komuni għall-iskjerament ta' servizz ta' eCall pan-Ewropew, li għandu japplika għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, peress li se jiffaċilita l-evoluzzjoni teknoloġika tas-servizz ta' eCall immuntat fil-vettura, jiżgura l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-UE kollha u jnaqqas l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-Unjoni kollha.

(15)     Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' rekwiżiti tekniċi komuni dwar is-sistema eCall immuntata fil-vettura, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni tal-istandards rilevanti, l-ittestjar, il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza u l-eżenzjonijiet għal ċerti vetturi jew klassijiet ta' vetturi tal-kategoriji M1 u N1. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti ta’ delega, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(16)     Il-manifatturi tal-vetturi għandu jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti tekniċi ta' dan ir-Regolament.

(17)     Dan ir-Regolament huwa Regolament ġdid separat fil-kuntest tal-proċedura tal-KE dwar l-apporovazzjoni tat-tip stipulata skont id-Direttiva 2007/46/KE u għalhekk, l-Annessi I, III, IV, VI, IX u XI ta' dik id-Direttiva għandhom jiġu emendati skont dan.

(18)     Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ksib tas-suq intern permezz tal-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi komuni għal vetturi ġodda tat-tip approvat mgħammra bis-sistema eCall mmuntata fil-vettura, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tiegħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi tal-KE fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura.

Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-vetturi tal-kategoriji M1 u N1 kif iddefiniti fil-punti 1.1.1. u 1.2.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE u fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013[12], għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)          'sistema eCall immuntata fil-vettura' tfisser sistema attivata b'mod awtomatiku permezz ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, permezz ta' netwerks tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili, li twassal sett minimu standardizzat ta' dejta u li tistabbilixxi kanal tal-awdjo bbażat fuq in-numru 112 bejn l-okkupanti tal-vettura u ċ-ċentru li jwieġeb għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika;

(2)          'sistema mmuntata fil-vettura' tfisser it-tagħmir immuntat fil-vettura flimkien mal-mezzi li jagħtu bidu, jimmaniġġaw u jaffettwaw it-trażmissjoni ta' eCall permezz ta' netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili li jipprovdi rabta bejn il-vettura u mezz li jimplimenta s-servizz ta' eCall permezz ta' netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili.

Artikolu 4 Obbligi ġenerali tal-Manifatturi

Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi msemmija fl-Artikolu 2 huma mgħammra b'sistema eCall immuntata fil-vettura, f'konformità mar-Regolament u l-atti ddelegati adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5 Obbligi speċifiċi tal-manifatturi

1.           Il-manifatturi għandhom jiżguraw li tipi l-ġodda kollha ta' vetturi huma mmanifatturati u approvati f'konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament u fl-atti ddelegati adottati skont dan ir-Regolament.

2.           Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li f'każ ta' aċċident gravi li jsir fit-territorju tal-Unjoni, ikunu kapaċi jagħtu bidu b'mod awtomatiku għal eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112.

              Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi l-ġodda huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li l-eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112 jista' jsir ukoll b'mod manwali.

3.           Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-riċevituri fis-sistemi mmuntati fil-vetturi huma kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti bis-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita li jinkludu s-sistemi Galileo u EGNOS.

4.           Dawk is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi li jistgħu jiġu ttestjati biss għandhom jiġu aċċettati għall-għanijiet tal-approvazzjoni tat-tip.

5.           Is-sistemi ta' eCall immuntati fil-vetturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/5/KE[13] u mar-Regolament Nru 10 tal-NU/KEE (Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti)[14].

6.           Is-sistema eCall immuntata fil-vettura għandha tkun aċċessibbli għall-operaturi kollha indipendenti mingħajr ħlas u mingħajr diskriminazzjoni mill-inqas għall-għanijiet ta' tiswija u ta' manutenzjoni.

7.           Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 9 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi ddettaljati u t-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip tas-sistemi eCall mmuntati fil-vetturi u li jemendaw id-Direttiva 2007/46/KE skont dan.

Ir-rekwiżiti tekniċi u t-testijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 6 u fuq l-istandards li ġejjin, kif meħtieġ:

(a)     EN 16072 'Sistemi ta' trasport intelliġenti – ESafety – Rekwiżiti ta' eCall operattiv pan-Ewropew';

(b)     EN 16062 'Sistemi ta' trasport intelliġenti - ESafety – Rekwiżiti ta' applikazzjoni ta' livell għoli għall-eCall (HLAP)';

(c)     EN 16454 'Sistemi ta' trasport intelliġenti - eSafety - – ittestjar għall-konformità minn tarf sa ieħor tal-eCall', fir-rigward tal-konformità tas-sistema eCall immuntata fil-vettura mal-eCall pan-Ewropew;

(d)     kwalunkwe standard Ewropew addizzjonali jew Regolament tal-NU/KEE li huwa relatat mas-sistemi eCall.

Artikolu 6 Regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta

1            F'konformità mad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-vetturi mgħammra bis-sistema eCall immuntata fil-vettura ma jistgħux jiġu traċċati u mhumiex suġġetti għal kwalunkwe detezzjoni kostanti meta jkunu fl-istatus ta' operat normali tagħhom relatat mal-eCall.

It-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza għandhom jiġu inkorporati fis-sistema eCall immuntata fil-vettura sabiex jipprovdu lill-utenti tal-eCall bil-livell mixtieq ta' protezzjoni tal-privatezza, kif ukoll bis-salvagwardji neċessarji biex jipprevjenu s-sorveljanza u l-użu ħażin ta' din is-sistema.

2.           Is-sett minimu ta' dejta mibgħut mis-sistema eCall immuntata fil-vettura għandu jinkludi biss l-informazzjoni minima meħtieġa sabiex is-sejħiet tal-emerġenza jiġu trattati kif xieraq.

3.           Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-utenti tal-eCall jiġu provduti b'informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-ipproċessar tad-dejta li titwettaq permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura, b'mod partikolari dwar:

(a)     ir-referenza għall-bażi legali tal-ipproċessar;

(b)     il-fatt li s-sistema eCall immuntata fil-vettura tiġi attivata b'mod awtomatiku;

(c)     il-modalitajiet tal-ipproċessar tad-dejta li jitwettaq bis-sistema eCall immuntata fil-vettura;

(d)     l-għan tal-ipproċessar tal-eCall;

(e)     it-tipi ta' dejta miġbura u pproċessati u r-riċevituri ta' dik id-dejta;

(f)      il-limitu ta' żmien għaż-żamma tad-dejta fis-sistema mmuntata fil-vettura;

(g)     il-fatt li ma hemm l-ebda detezzjoni kostanti tal-vettura;

(h)     il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' dawk interessati;

(i)      kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rigward l-ipproċessar ta' dejta personali b'rabta mal-forniment ta' servizz privat ta' eCall u/jew servizzi oħra ta' valur miżjud.

4.           Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 9 li għandu jiddefinixxi aktar ir-rekwiżit tan-nuqqas ta' traċċabbiltà u ta' detezzjoni u t-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll il-modalitajiet tal-ipproċessar ta' dejta privata u tal-informazzjoni tal-utent imsemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 7 Obbligi tal-Istati Membri

B'effett mill-1 ta' Ottubru 2015, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura lit-tipi ta' vetturi ġodda li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament u mal-atti ddelegati adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Eżenzjonijiet

1.           Il-Kummissjoni tista' teżenta ċerti vetturi jew klassijiet ta' vetturi tal-kategoriji M1 u N1 mill-obbligu li jinstallaw is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi stipulati fl-Artikolu 4, jekk wara l-analiżi tal-ispiża/tal-benefiċċju mwettqa jew meħtieġa mill-Kummissjoni, u wara li jitqiesu l-aspetti rilevanti kollha tas-sikurezza, l-applikazzjoni ta’ dawn is-sistemi turi li ma tkunx xierqa għall-vettura jew għall-klassi ta' vetturi kkonċernati.

2.           Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 9 li jistipula l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-eżenzjonijiet għandhom ikopru vetturi bħal vetturi b'għan speċjali u vetturi mingħajr airbags u għandhom ikunu limitati fin-numru.

Artikolu 9

Eżerċizzju tad-delega

3.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

4.           Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(7), fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 8(2) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn […](Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data preċiża tad-dħul fis-seħħ).

5.           Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 5(7), fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 8(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat li huwa diġà fis-seħħ.

6.           Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5(7), l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 8(2), għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 10 Penalitajiet għal nuqqas ta' konformità

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għan-nuqqas ta' konformità mill-manifatturi għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b’kull emenda li taffettwahom.

2.           It-tip ta' nuqqas ta' konformità li hija suġġetta għal penali għandha tinkludi minn tal-inqas dan li ġej:

(a)     dikjarazzjoni falza matul il-proċedura ta’ approvazzjoni jew il-proċedura li twassal għal sejħa lura;

(b)     falsifikar tar-riżultati tat-test għall-approvazzjoni tat-tip;

(c)     iż-żamma ta' dejta jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal sejħa lura jew għal irtirar tal-approvazzjoni tat-tip.

Artikolu 11 Emendi tad-Direttiva 2007/46/KE

L-Annessi I, III, IV, VI, IX u XI tad-Direttiva 2007/46/KE huma emendati f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS Emendi tad-Direttiva 2007/46/KE

Id-Direttiva 2007/46/KE hija emendata kif ġej:

(1)          Fl-Anness I, qed jiżdiedu l-punti 12.8 u 12.8.1 li ġejjin:

"12.8 sistema ta' eCall

12.8.1 deskrizzjoni jew tpinġijiet";

(2)          Fl-Anness III, Il-Parti I, Taqsima A, qed jiżdiedu l-punti 12.8 u 12.8.1 li ġejjin:

"12.8 sistema ta' eCall

12.8.1 Preżenza: iva/le (1)";

(3)          Il-Parti 1 tal-Anness IV hija emendata kif ġej:

(a)     Fit-tabella qed jiżdied il-punt 71 li ġej:

Punt || Suġġett || Att regolatorju || Applikabbiltà

M1 || M2 || M3 || N1 || N2 || N3 || O1 || O2 || O3 || O4

71. || sistema ta' eCall || Regolament (UE) Nru..... || X || || || X || || || || || ||

(b)     L-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(i)      fit-tabella 1 qed jiżdied il-punt 71. li ġej:

Punt || Suġġett || Att regolatorju || Kwistjonijiet speċifiċi || Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

71. ||  sistema ta' eCall || Regolament (UE) Nru..... || || Mhux applikabbli

(ii)      fit-tabella 2 qed jiżdied il-punt 71. li ġej:

Punt || Suġġett || Att regolatorju || Kwistjonijiet speċifiċi || Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

71. ||  sistema ta' eCall || Regolament (UE) Nru..... || || Mhux applikabbli

(4)          Fl-Appendiċi tal-Mudell A tal-Anness VI, qed jiżdied fit-tabella l-punt 71. li ġej:

Punt || Suġġett || Referenza tal-att regolatorju(1) || Kif emendat bi || Applikabbli għall-verżjonijiet

71. ||  sistema ta' eCall || Regolament (UE) Nru..... || ||

(5)          L-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)     Fil-Parti I, il-Mudell B huwa emendat kif ġej:

(i)      Naħa 2 "vetturi tal-kategorija M1" hija emendata kif ġej:

- il-punt 52 jinbidel b’dan li ġej:

"52. preżenza ta' eCall iva/le",

- jiżdied il-punt 53 li ġej:

"53. Rimarki (11): …………….";

(ii)      naħa 2 "vetturi tal-kategorija N1" hija emedata kif ġej:

- il-punt 52 jinbidel b’dan li ġej:

"52. preżenza ta' eCall iva/le",

- jiżdied il-punt 53 li ġej:

"53. Rimarki (11): …………….";

(b)     fil-Parti II, il-mudell C2 huwa emendat kif ġej:

(i)      naħa 2 "vetturi tal-kategorija M1" hija emedata kif ġej:

- il-punt 52 jinbidel b’dan li ġej:

"52. preżenza ta' eCall iva/le",

- jiżdied il-punt 53 li ġej:

"53. Rimarki (11): …………….";

(ii)      naħa 2 "vetturi tal-kategorija N1" hija emedata kif ġej:

- il-punt 52 jinbidel b’dan li ġej:

"52. preżenza ta' eCall iva/le",

- jiżdied il-punt 53 li ġej:

"53. Rimarki (11): …………….";

(6)          Fl-Appendiċi 1 tal-Anness XI, qed jiżdied fit-tabella l-punt 71. li ġej:

Punt || Suġġett || Referenza tal-att regolatorju || M1 ≤ 2 500 (1) kg || M1 > 2 500 (1) kg || M2 || M3

71. ||  sistema ta' eCall || Regolament (UE) Nru..... || A || A || Mhux applikabbli || Mhux applikabbli

[1]               ĠU L 303, 22.11.2011, p.46.

[2]               ĠU L 91, 3.4.2013, p.1.

[3]               ĠU L […],[…], p. […].

[4]               ĠU C […], […], p. […].

[5]               ĠU L 263, 9.10.2007, p.1.

[6]               COM (2009) 434 finali.

[7]               2012/2056 (INI).

[8]               ĠU L 196, 24.7.2008, p.1.

[9]               1609/06/EN – WP 125.

[10]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[11]             ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

[12]             ĠU L 91, 03.04.2013, p. 1.

[13]             ĠU L 91, 7.4.1999, p.10.

[14]             ĠU L 254, 20.9.2012, p.1.

Top