Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0239

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-aċċettazzjoni tal-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali

    /* COM/2013/0239 final - 2013/0127 (NLE) */

    52013PC0239

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-aċċettazzjoni tal-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali /* COM/2013/0239 final - 2013/0127 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali tipprovdi qafas legali għall-kooperazzjoni fir-rigward ta’ riżorsi tal-ilma kondiviżi fir-reġjun tal-UNECE permezz ta’ ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma. L-għan tal-Konvenzjoni huwa li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali sabiex jipprevjeni u jikkontrolla t-tniġġiż tal-korsiji tal-ilma transkonfinali u sabiex jiżgura l-użu razzjonali tal-ilma fil-pajjiżi membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata f’isem il-Komunità Ewropea f’Ħelsinki fit-18 ta’ Marzu 1992 u approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE tal-24 ta’ Lulju 1995.

    Fil-Laqgħa tal-2003 tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali, il-Partijiet għall-Konvenzjoni esprimew ix-xewqa li l-Istati li ma jinsabux fir-reġjun tal-UNECE jitħallew isiru Partijiet għall-Konvenzjoni sabiex il-kooperazzjoni fir-rigward tal-baċiri tax-xmajjar tiġi promossa fid-dinja kollha. Il-preċedent għal dan l-approċċ diġà ġie stabbilit, peress li Stati li ma jinsabux fir-reġjun tal-UNECE diġà ġew mistiedna għal għadd ta’ konvenzjonijiet tal-UNECE dwar l-ambjent. Dawn jinkludu l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali u l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, kif ukoll il-Protokoll dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Kumpens għad-Danni Kkawżati mill-Effetti Transkonfinali tal-Aċċidenti Industrijali f’Ilmijiet Transkonfinali.

    Fil-Laqgħa tal-2003 tal-Partijiet ġiet adottata l-Emenda li tippermetti li, jekk jikseb l-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet, kwalunkwe Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti jkun jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala Partijiet għall-Konvenzjoni, ipparteċipaw fil-Laqgħa u sostnew l-adozzjoni tal-Emenda. L-emenda se tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi aċċettata mill-Istati u l-organizzazzjonijiet kollha li kienu Partijiet għall-Konvenzjoni fit-28 ta’ Novembru 2003.

    Ladarba l-Emenda tidħol fis-seħħ, il-Konvenzjoni tikseb importanza partikulari għall-pajjiżi bi fruntiera mar-reġjun UNECE, bħalma huma l-Afganistan, iċ-Ċina, ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u ċerti Stati tal-Ażja Ċentrali. Xi wħud minn dawn l-Istati esprimew ix-xewqa tagħhom li jaderixxu mal-Konvenzjoni. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Konvenzjoni għandha tgħin billi tħeġġeġ il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma transkonfinali, speċjalment fid-dawl tal-influwenza dejjem akbar tat-tibdil fil-klima, tad-deżertifikazzjoni, kif ukoll tal-importanza tal-aċċessibbiltà tal-ilma għall-istabbilità u s-sigurtà.

    Wara l-adozzjoni ta' emenda fl-2003, il-biċċa l-kbira tal-Partijiet għall-Konvenzjoni diġà aċċettawha formalment. L-UE hija waħda minn għadd żgħir ta’ Partijiet għall-Konvenzjoni li għad iridu jaċċettaw l-emenda.

    Minħabba f’hekk, ikun xieraq li issa l-Unjoni Ewropea taċċetta l-Emenda, sabiex il-Konvenzjoni tinfetaħ globalment u l-pajjiżi mhux membri tal-UNECE li jixtiequ jaderixxu jkunu jistgħu jagħmlu dan.

    2013/0127 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-aċċettazzjoni tal-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-artikolu 218(6) (a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[1],

    Billi:

    (1)       L-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali, wara l-aċċettazzjoni tagħha fl-1995[2].

    (2)       L-għan ewlieni tal-Konvenzjoni huwa li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali sabiex jipprevjeni u jikkontrolla t-tniġġiż tal-korsiji tal-ilma transkonfinali u sabiex jiżgura l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-ilma fil-pajjiżi membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (3)       Fil-Laqgħa tal-2003 tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali, il-Partijiet għall-Konvenzjoni esprimew ix-xewqa li l-Istati li ma jinsabux fir-reġjun tal-UNECE jitħallew isiru Partijiet għall-Konvenzjoni sabiex il-kooperazzjoni fir-rigward tal-baċiri tax-xmajjar tiġi promossa fid-dinja kollha.

    (4)       Konvenzjonijiet oħra tal-UNECE dwar l-ambjent (jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali u l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali) huma miftuħa għal Stati li ma jinsabux fir-reġjun tal-UNECE.

    (5)       Il-Komunità Ewropea pparteċipat fil-Laqgħa tal-2003 tal-Partijiet li adottat l-Emenda li tippermetti li, jekk jikseb l-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet, kwalunkwe Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni.

    (6)       L-Emenda se tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi aċċettata mill-Istati u l-organizzazzjonijiet kollha li kienu Partijiet għall-Konvenzjoni fit-28 ta’ Novembru 2003.

    (7)       L-Emenda għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni (minn hawn ’il quddiem, “l-Emenda”) dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Korsiji tal-Ilma u tal-Lagi Internazzjonali Transkonfinali, li permezz tagħha l-aċċess għall-Konvenzjoni jinfetaħ għall-Istati Membri tan-NU kollha u li ġiet adottata fit-Tielet Laqgħa tal-Partijiet, hija hawnhekk aċċettata f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-emenda huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna awtorizzata li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, bid-depożitu tal-istrument ta' aċettazzjoni tal-Emenda previst fl-Artikolu 21, il-paragrafu 4, tal-Konvenzjoni, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat b’din l-Emenda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    EMENDA GĦALL-KONVENZJONI DWAR L-ILMA

    (a) Fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni, wara l-paragrafu 2, jiddaħħal paragrafu ġdid li jaqra

    “3. Jekk jikseb l-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet, kwalunkwe Stat ieħor, li mhux imsemmi fil-paragrafu 2, u li huwa Membru tan-Nazzjonijiet Uniti jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni. Fl-istrument tal-adeżjoni tiegħu, dak l-Istat għandu jagħmel dikjarazzjoni li tgħid li inkisbet l-approvazzjoni, mil-Laqgħa tal-Partijiet, tal-adeżjoni tiegħu għall-Konvenzjoni u għandu jispeċifika d-data ta’ meta rċieva din l-approvazzjoni. Kwalunkwe talba ta’ dan it-tip għall-adeżjoni minn Membri tan-Nazzjonijiet Uniti ma għandhiex titqies għall approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet qabel ma dan il-paragrafu jkun daħal fis-seħħ għall-Istati u l-organizzazzjonijiet kollha li kienu Partijiet għall-Konvenzjoni fit-28 ta’ Novembru 2003”.

    u l-bqija tal-paragrafi jiġu rrinumerati skont dan;

    (b) Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 3, wara “msejħa mill-Artikolu 23”, jiddaħħlu l-kliem “jew mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 25”.

    [1]               ĠU C , , p. .

    [2]               ĠU L 186, 5.8.95, p. 42-43

    Top