This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0197
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL establishing rules for the surveillance of the external sea borders in the context of operational cooperation coordinated by the European Agency for the Management of Operational Cooperation at the External Borders of the Members States of the European Union
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
/* COM/2013/0197 final - 2013/0106 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0197 final - 2013/0106 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Proċedura u adozzjoni
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE[1] F’Ottubru 2009, il-Kummissjoni ġiet
mistiedna mill-Kunsill Ewropew sabiex tippreżenta proposti li jistabbilixxu
“proċeduri operattivi komuni ċari li jkun fihom regoli ċari ta' impenn għal
operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar, bil-ħsieb li tkun żgurata l-protezzjoni
għal dawk fil-bżonn li jivvjaġġaw fi flussi mħalltin, f'konformità mad-dritt
internazzjonali".[2]
Dan reġa' ġie kkonfermat fil-Programm ta' Stokkolma ta' Diċembru 2009,
fejn il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tressaq proposti mhux aktar tard
mill-2010 biex tiċċara u ttejjeb ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni
tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea (”l-Aġenzija”) u biex tipprepara “regoli ċari ta' impenn għal
operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar, bil-ħsieb li tkun żgurata l-protezzjoni
għal dawk fil-bżonn li jivvjaġġaw fi flussi mħalltin, f'konformità mad-dritt
internazzjonali”.[3]
Fl-2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/252/UE
(“id-Deċiżjoni”) bħala tweġiba għal dawn is-sejħiet mill-Kunsill Ewropew biex
jissaħħu l-operazzjonijiet tal-kontroll mal-fruntieri kkoordinati mill-Aġenzija
u biex jistabbilixxu regoli ċari ta’ impenn għal rondi konġunti u
l-iżbarkar ta' persuni li jiġu interċettati jew salvati sabiex tkun żgurata
s-sigurtà ta' dawk li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali u tipprevjeni
telf tal-ħajja fuq il-baħar. Il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta l-proposta
tagħha skont il-proċedura tal-komitoloġija bbażata fuq l-Artikolu 12(5)
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[4]
filwaqt li tqis id-Deċiżjoni bħala miżura addizzjonali li tirregola
s-sorveljanza tal-fruntieri. Id-Deċiżjoni tqieset bħala meħtieġa u xierqa
sabiex timplimenta l-għan tas-sorveljanza tal-fruntieri, jiġifieri li tevita
qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera. F’dan ir-rigward, ġie meqjus li
s-sorveljanza mhux biss tħaddan il-kunċett ta' individwazzjoni iżda testendi
għal passi bħal pereżempju l-interċettar ta’ bastimenti li jippruvaw jidħlu
fl-Unjoni illegalment. Ir-rabta tat-tfittxija u s-salvataġġ mas-sorveljanza
tal-fruntieri kienet ibbażata fuq prattika attwali – migranti li jkunu qed
jivvjaġġaw f’bastimenti mhux tajbin għall-baħar xi drabi jkunu f'sitwazzjoni
ta' periklu meta jinstabu. Id-Deċiżjoni inkorporat, fi ħdan strument
legali wieħed, dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE u tal-liġi internazzjonali.
L-għan kien li jingħelbu l-interpretazzjonijiet differenti tal-liġi marittima
internazzjonali adottati mill-Istati Membri u l-prattiki diverġenti tagħhom
biex jiżguraw l-effiċjenza ta’ operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati
mill-Aġenzija. Kien hemm riskju li f'operazzjoni fuq il-baħar japplikaw regoli
differenti, xi kultant anke konfliġġenti, għall-istess sitwazzjoni. Qalb din
l-inċertezza legali, il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'operazzjonijiet fuq
il-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija kienet baxxa f’termini ta’ kontribuzzjoni
ta’ inġenji, bastimenti u riżorsi umani. Dan, min-naħa l-oħra, fixkel
l-effettività tal-operazzjonijiet u dgħajjef l-isforzi tas-solidarjetà tal-UE. Id-Deċiżjoni kellha l-ħsieb li ssaħħaħ
il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tiggarantixxi r-rispett
għall-prinċipju ta’ non-refoulement f’operazzjonijiet fuq il-baħar. Xi Stati
Membri, Membri tal-Parlament Ewropew, organizzazzjonijiet tad-drittijiet
tal-bniedem u akkademiċi kellhom dubji dwar jekk id-drittijiet fundamentali u
d-drittijiet tar-refuġjati kinux qed jiġu rispettati waqt l-operazzjonijiet fuq
il-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija, b’mod partikulari fl-ibħra
internazzjonali. Id-Deċiżjoni kellha l-għan li tindirizza dan it-tħassib billi
tistabbilixxi għadd ta’ garanziji sabiex tiżgura r-rispett ta' dawn
id-drittijiet, bħar-rekwiżit li l-persuni interċettati jew salvati jiġu
infurmati dwar il-post tal-iżbark, tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet
ta' persuni vulnerabbli u r-rekwiżit li l-għassiesa tal-fruntieri jitħarrġu
f’dispożizzjonijiet rilevanti tad-drittijiet fundamentali u l-liġi dwar ir-refuġjati. Id-Deċiżjoni ġiet
adottata fis-26 ta' April 2010 bħala Deċiżjoni tal-Kunsill skont
il-proċedura regolatorja bi skrutinju. Il-Parlament Ewropew qies li d-deċiżjoni
kellha tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u mhux
il-proċedura tal-komitoloġija. Għaldaqstant, huwa beda proċedura quddiem
il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) kontra l-Kunsill
għall-annullament tad-Deċiżjoni. 1.2. C-355/10: Il-Parlament
Ewropew vs il-Kunsill[5] Il-Parlament Ewropew qies li d-Deċiżjoni tmur
lil hinn mis-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti skont l-Artikolu 12(5)
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen minħabba li: (i) introduċiet elementi
essenzjali ġodda fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen; (ii) biddlet elementi
essenzjali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen; u (iii) biddlet il-kontenut
tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.[6]
Il-Kunsill talab għall-inammissibbiltà tal-azzjoni, jew inkella, qies l-azzjoni
bħala mingħajr mertu. Il-Kummissjoni, bħala l-unika parti li tintervjeni,
aġixxiet biex tappoġġja l-Kunsill. Il-Qorti qatgħet is-sentenza tagħha fil-5 ta’ Settembru 2012.
Hija annullat id-Deċiżjoni dwar l-ewwel aggravju safejn din qieset li
d-dispożizzjonijiet dwar miżuri ta’ interċettazzjoni, salvataġġ u żbarkar huma
elementi essenzjali għall-att bażiku, jiġifieri l-Kodiċi tal-Fruntieri ta'
Schengen. Hija ma eżaminatx jekk id-Deċiżjoni tibdilx elementi essenzjali
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jew jekk tibdilx il-kontenut
tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004. Il-Qorti
ddeċidiet li żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni sakemm din tiġi sostiwita b'regoli
ġodda fi żmien raġonevoli. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Meta tiġi vvalutata l-ħtieġa li titwettaq
valutazzjoni tal-impatt, tqiesu l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2010/252/EU kienet ippreċeduta minn ammont sinifikanti ta’
ħidma preparatorja. Fl-2005, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni sabiex teżamina
l-qafas legali applikabbli għall-operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-fruntieri
fuq il-baħar u sussegwentement tipprepara regoli fil-livell tal-Unjoni. Fl-2007,
il-Kummissjoni ppreżentat studju li fih analizzat il-qafas legali
internazzjonali fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar u
l-ostakli għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu[7]. Fl-istess sena, il-Kummissjoni
waqqfet grupp informali ta’ esperti mill-Istati Membri, l-Aġenzija, l-Uffiċċju
tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u l-Organizzazzjoni
Internazzjonali għall-Migrazzjoni sabiex ifassal linji gwida għal
operazzjonijiet fuq il-baħar ikkorrdinati mill-Aġenzija. Ir-riżultati ta’ dan
il-grupp informali ntużaw mill-Kummissjoni bħala bażi għall-abbozz ta’ proposta
ppreżentata skont il-proċedura ta’ komitoloġija. It-tieni nett, fid-dawl tal-preparamenti għal
din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u lill-Aġenzija
permezz ta' Grupp ta' Esperti dwar il-Fruntieri Esterni biex jiddeterminaw sa
liema punt din il-proposta għandha tirrifletti l-kontenut tad-Deċiżjoni. B'mod
ġenerali, l-Istati Membri qiesu li din il-proposta għandha tibni fuq
id-Deċiżjoni, iżżomm il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha limitat għal
operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija, issaħħaħ id-dispożizzjonijiet
dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, tiċċara d-distinzjoni bejn
il-miżuri ta’ interċettazzjoni u salvataġġ, tindirizza l-kwistjoni tal-iżbark u
tiżgura konsistenza mal-obbligi internazzjonali, filwaqt li tqis żviluppi
legali u ġudizzjarji fuq il-livell tal-UE u internazzjonali. It-tielet nett, fir-rigward tal-annullament
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE, il-Qorti talbet li d-Deċiżjoni
tinbidel fi żmien raġonevoli. Għalkemm il-kunċett ta’ “żmien raġonevoli”
mhuwiex definit fis-sentenza, huwa mifhum li fid-dawl tal-possibbiltà ta’
diskussjonijiet diffiċli u twal bejn iż-żewġ leġiżlaturi tal-UE, il-Kummissjoni
għandha taġixxi bil-ħeffa. Konsegwentement, ġie meqjus li din il-proposta
ma għandhiex għalfejn tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Din il-proposta hija msejsa fuq
l-Artikolu 77(2)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Bil-ħsieb li tiżviluppa politika ta' fruntieri esterni, inkluż l-iżgurar ta’
sorveljanza effikaċi tal-fruntieri esterni kif stabbiliti fl-Artikolu 77(1),
l-Artikolu 77(2)(d) jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li
jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw “kwalunkwe miżura
meħtieġa għall-istabbiliment gradwali ta' sistema integrata ta' ġestjoni
għall-fruntieri esterni.” L-għan ta' politika tal-Unjoni fil-qasam
tal-fruntieri esterni tal-UE hija li jkun żgurat monitoraġġ effiċjenti tal-qsim
tal-fruntieri esterni inkluż permezz tas-sorveljanza tal-fruntieri. L-għan
tas-sorveljanza tal-fruntieri huwa li tipprevjeni qsim mhux awtorizzat
tal-fruntieri, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera u biex
jinqabdu jew jittieħdu miżuri kontra dawk il-persuni li jkunu qasmu l-fruntiera
b’mod irregolari. Is-sorveljanza tal-fruntieri għandha tkun effettiva
fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ persuni milli jaħarbu mill-verifiki
fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Għal dan il-għan, is-sorveljanza
tal-fruntieri mhijiex limitata għas-sejba ta' tentattivi ta' qsim irregolari
tal-fruntieri iżda ugwalment testendi għal passi bħall-interċettar ta’ vapuri
ssuspettati li jippruvaw jiksbu aċċess lejn l-Unjoni mingħajr is-sottomissjoni
għal kontrolli fil-fruntieri, kif ukoll arranġamenti maħsuba biex jindirizzaw
sitwazzjonijiet bħat-tfittxija u s-salvataġġ li jista’ jkun hemm bżonn waqt
operazzjoni fuq il-baħar u arranġamenti maħsuba biex jikkonkludu operazzjoni
bħal din b’suċċess. Peress li l-għanijiet tal-azzjoni li jridu
jitwettqu, jiġifieri l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi għas-sorveljanza
tal-fruntieri tal-baħar mill-gwardji tal-fruntieri li joperaw taħt
il-koordinazzjoni tal-Aġenzija, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti
mill-Istati Membri, minħabba d-differenzi fil-liġijiet u l-prassi tagħhom, u
għalhekk, minħabba n-natura multinazzjonali tal-operazzjonijiet, jistgħu
jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri,
f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif
stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan
ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn
l-għanijiet jintlaħqu. Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, bħal fil-każ ta’
din id-deċiżjoni, din il-proposta tapplika biss fil-kuntest tal-kooperazzjoni
operattiva kkordinata mill-Aġenzija u ma tikkonċernax l-attivitajiet ta’
sorveljanza mwettqa mill-Istati Membri individwalment jew li jikkooperaw
‘ilbarra minn dak il-qafas. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Din il-proposta ma timponi l-ebda piż
finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk ma għandha l-ebda impatt
fuq il-baġit tal-Unjoni. 5. ELEMENTI FAKULTATTIVI 5.1. Tqabbil bejn din il-proposta
u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE Il-kamp ta’applikazzjoni u l-kontenut ta’ din
il-proposta huma simili għal dawk tad-Deċiżjoni. Il-bidliet ippreżentati
fil-proposta meta mqabbla mad-Deċiżjoni huma bbażati fuq żviluppi legali u
ġudizzjarji, bħall-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004[8] u s-sentenza tal-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Hirsi Jamaa u Oħrajn vs. l-Italja,[9] dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata
ċ-ċarezza fir-rigward tal-kunċetti ta' interċettazzjoni u salvataġġ, u dwar
l-esperjenzi prattiċi tal-Istati Membri u l-Aġenzija meta jimplimentaw
id-Deċiżjoni. 5.1.1. Forma L-għażla tal-istrument legali u l-proċeduri
għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma differenti. Din hija proposta għal Regolament
indirizzata lill-Istati Membri kollha skont it-Trattati u għandha tiġi adottata
skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-forma tagħha tirrifletti l-għażla
ta' strument legali li jikkonsisti minn preambolu (ċitazzjonijiet u tmintax-il
premessa) u ħdax-il artikolu maqsuma f'erba' kapitoli. Għandha torbot fl-intier
tagħha u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Min-naħa l-oħra,
id-Deċiżjoni ġiet adottata bħala miżura ta' implimentazzjoni li tuża
l-proċedura regolatorja bi skrutinju. Din tikkonsisti minn preambolu
(ċitazzjonijiet u tmintax-il premessa), żewġ artikoli u Anness maqsum f'żewġ
partijiet. Il-Parti I tal-Anness tistabbilixxi regoli
għall-operazzjonijiet mal-fruntieri tal-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija
filwaqt li l-Parti II tal-Anness tikkonsisti f'linji gwida li ma jorbtux
għal sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u għall-iżbark fil-kuntest ta'
operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija. 5.1.2. Kontenut Il-kamp ta’ applikazzjoni ta' din il-proposta
huwa l-istess bħal dak tad-Deċiżjoni, jiġifieri operazzjonijiet ta’ sorveljanza
tal-fruntieri fuq il-baħar imwettqa mill-Istati Membri taħt il-koordinament
tal-Aġenzija (l-Artikolu 1). Għalkemm fid-Deċiżjoni, il-kunċett ta’
“sorveljanza tal-fruntieri” kien mifhum li jinkludi l-miżuri ta’
interċettazzjoni u arranġamenti għas-salvataġġ li jirriżultaw waqt
l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri, kien għad hemm dubju dwar jekk
dawn il-miżuri kinux fil-fatt jaqgħu taħt il-kunċett ta' sorveljanza
tal-fruntieri kif definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Din
il-proposta tkopri espliċitament dan il-kunċett usa' ta’ sorveljanza
tal-fruntieri billi tindika li s-sorveljanza tal-fruntieri mhijiex limitata
għas-sejba ta' tentattivi ta' qsim irregolari tal-fruntiera iżda ugwalment
testendi għal passi bħalma huma l-miżuri ta’ interċettazzjoni, u arranġamenti
maħsuba biex jindirizzaw sitwazzjonijiet bħal tiftix u salvataġġ li jista’ jkun
hemm bżonn waqt operazzjoni fuq il-baħar u arranġamenti maħsuba biex
jikkonkludu operazzjoni bħal din b’suċċess (il-premessa 1 u
l-Kapitolu III). Meta ġiet riveduta d-Deċiżjoni, kien hemm
bżonn li jitqiesu l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004. L-Aġenzija
issa hija wkoll inkarigata li tassisti lill-Istati Membri f’ċirkustanzi li
jeħtieġu aktar assistenza teknika mal-fruntieri esterni, meta jitqies li xi
sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fuq il-baħar.
Dan ifisser li minkejja li l-Aġenzija la ssir korp ta’ tfittxija u salvataġġ u
lanqas ma tassumi l-funzjonijiet ta' ċentru ta' koordinazzjoni ta' salvataġġ
fuq il-baħar, waqt operazzjoni fuq il-baħar hija tassisti lill-Istati Membri
biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont il-liġi marittima internazzjonali li
tingħata assistenza lil persuni f’diffikultà u din il-proposta tistabbilixxi
regoli dwar kif jiġu trattati dawn is-sitwazzjonijiet waqt operazzjoni fuq
il-baħar ikkoordinata mill-Aġenzija (il-premessa 2 u l-Artikolu 9). Mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004,
il-pjan operattiv sar strument li jorbot legalment fir-rigward
tal-operazzjonijiet kollha kkoordinati mill-Aġenzija u mhux biss fir-rigward
ta' intervenzjonijiet rapidi. Il-kontenut tal-pjan operattiv huwa elenkat
fl-Artikoli 3a u 8e tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li wkoll
jirreferi speċifikament għal operazzjonijiet fuq il-baħar. Ir-regoli stipulati
f’din il-proposta huma intiżi sabiex jiffurmaw parti mill-pjan operattiv imfassal
skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti
għal operazzjonijiet fuq il-baħar. L-iżviluppi legali u ġudizzjarji li
jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jitqiesu wkoll f’din
il-proposta. L-Artikolu 4, li jittratta l-protezzjoni tad-drittijiet
fundamentali u l-prinċipju ta’ non-refoulement waqt operazzjonijiet fuq
il-baħar, jindirizza t-tħassib li tqajjem mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet
tal-Bniedem fid-Deċiżjoni tagħha f'Hirsi Jamaa u Oħrajn vs. l-Italja
fir-rigward tal-iżbark ta’ persuni interċettati jew salvati f’pajjiżi terzi,
kemm f’termini ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif
ukoll l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront tal-individwu. Dan l-artikolu
jikkonċerna l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ non-refoulement kif
imniżżel fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ żbark f’pajjiż terz, il-persuni interċettati jew
salvati jridu jiġu identifikati u ċ-ċirkustanzi personali tagħhom iridu jiġu
evalwati safejn hu possibbli qabel l-iżbark. Huma jridu jiġu infurmati wkoll
dwar il-post ta’ żbark b’mod xieraq u jridu jingħataw opportunità li jesprimu
kwalunkwe raġuni għaliex jemmnu li l-iżbark fil-post propost ikun bi ksur tal-prinċipju
ta’ non-refoulement. Dan jiggarantixxi li l-migranti jiġu infurmati dwar
is-sitwazzjoni tagħhom u l-post ta’ żbark propost u b’hekk jitħallew jesprimu
kwalunkwe oġġezzjoni. Skont il-Kapitolu III, din il-proposta
tiddistingwi b’mod ċar bejn is-sejbien, l-interċettar u s-salvataġġ.
Fir-rigward tal-interċettazzjoni, filwaqt li din il-proposta żżomm l-istess
sett ta' miżuri bħal fid-Deċiżjoni, hija tiddistingwi bejn il-miżuri li jistgħu
jittieħdu fil-baħar territorjali (l-Artikolu 6), fl-ibħra internazzjonali
(l-Artikolu 7) u f’żona kontigwa[10]
(l-Artikolu 8), b’hekk tiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu
jittieħdu dawn il-miżuri u l-bażi ġuriżdizzjonali dwar liema azzjoni tista'
tittieħed b'mod partikulari fir-rigward ta' vapuri mingħajr Stat. Abbażi
tal-Protokoll kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru,
l-interċezzjoni ta’ vapuri fl-ibħra internazzjonali issa hija marbuta b’mod ċar
mal-ħtieġa li jkun hemm suspett raġonevoli li l-vapur ikun qed jintuża
għat-traffikar tal-migranti. Bħal fid-Deċiżjoni, l-eżerċitar ta' ġurisdizzjoni
fl-ibħra internazzjonali dejjem irid ikun ibbażat fuq l-awtorizzazzjoni
tal-Istat tal-bandiera. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ta' tfittxija
u salvataġġ, it-test f'din il-proposta jibqa' l-istess bħal fid-Deċiżjoni
(l-Artikolu 9). Il-kliem huwa allinjat ma’ dak użat fil-Konvenzjoni
Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979, u l-Manwal
tal-International Aeronautical and Maritime Search and Rescue (IAMSAR). Barra
minn hekk, abbażi ta’ dawn l-istrumenti internazzjonali, il-proposta tinkludi
l-kriterji ta' meta vapur jitqies li jkun f’sitwazzjoni ta’ inċertezza
(l-Artikolu 9(3)), twissija (l-Artikolu 9(4)) u diffikultà
(l-Artikolu 9(5)) kif ukoll definizzjoni ta’ ċentru ta’ koordinazzjoni ta’
salvataġġ (l-Artikolu 2(12)). Din il-proposta, b'mod differenti
mid-Deċiżjoni, tindirizza l-kwistjoni tal-iżbark f'termini ta' interċettazzjoni
u salvataġġ (l-Artikolu 10). Fir-rigward tal-interċettazzjoni fil-baħar
territorjali jew f’żona kontigwa, l-iżbark iseħħ fl-Istat Membru kostali.
Fir-rigward tal-interċettazzjoni fl-ibħra internazzjonali, suġġett ta’
garanzija tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’
non-refoulement, l-iżbark jista’ jseħħ fil-pajjiż terz minn fejn ikun telaq il-vapur.
Jekk dan ma jkunx possibbli, allura l-iżbark iseħħ fl-Istat Membru ospitanti. Fir-rigward tal-iżbark wara operazzjoni ta'
salvataġġ, din il-proposta tirreferi għall-kunċett ta’ “post ta’sikurezza” kif
definit fil-Linji gwida dwar it-Trattament tal-Persuni Salvati minn fuq
il-Baħar maħruġa mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali,[11] filwaqt li jitqiesu l-aspetti
tad-drittijiet fundamentali[12]
(l-Artikoli 2(11) u 10(4)), u titlob lill-Istati Membri sabiex jikkooperaw
maċ-ċentru ta’ koordinazzjoni ta’ salvataġġ responsabbli biex jipprovdi port
jew post ta' sikurezza xieraq u biex jiżgura żbark rapidu u effettiv. Din
il-proposta tqis il-fatt li f'dan l-istadju l-unitajiet marittimi u tal-ajru
jkunu qed jaġixxu taħt il-koordinazzjoni taċ-ċentru ta’ koordinazzjoni
tas-salvataġġ, li jiddetermina l-port jew il-post ta' żbark xieraq. Madankollu,
hija tirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li l-unitajiet marittimi jiżbarkaw
fl-Istat Membru ospitanti jekk dawn ma jkunux meħlusa mill-obbligu tagħhom li
jassistu persuni f’diffikultà malajr kemm jista' jkun raġonevolment prattiku,
filwaqt li titqies is-sikurezza tal-persuni salvati u dik tal-unità marittima
nnifisha. 2013/0106 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza
tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva
kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva
fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(d)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) L-għan ta' politika
tal-Unjoni fil-qasam tal-fruntieri esterni tal-Unjoni huwa li jkun żgurat
monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni inkluż permezz
tas-sorveljanza tal-fruntieri. L-għan tas-sorveljanza tal-fruntieri huwa li
tipprevjeni qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, sabiex tiġi miġġielda
l-kriminalità transfruntiera u biex jinqabdu jew jittieħdu miżuri kontra dawk
il-persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod irregolari. Is-sorveljanza
tal-fruntieri għandha tkun effettiva fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’
persuni milli jaħarbu mill-verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Għal dan
il-għan, is-sorveljanza tal-fruntieri mhijiex limitata għas-sejba ta'
tentattivi ta' qsim irregolari tal-fruntieri iżda ugwalment testendi għal passi
bħall-interċettar ta’ vapuri ssuspettati li jippruvaw jiksbu aċċess lejn
l-Unjoni mingħajr is-sottomissjoni għal kontrolli fil-fruntieri, kif ukoll
arranġamenti maħsuba biex jindirizzaw sitwazzjonijiet bħat-tfittxija u
s-salvataġġ li jista’ jkun hemm bżonn waqt operazzjoni ta’ sorveljanza
tal-fruntieri fuq il-baħar u arranġamenti maħsuba biex jikkonkludu operazzjoni
bħal din b’suċċess. (2) L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni
tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea (“l-Aġenzija”), imwaqqfa mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004
tas-26 ta’ Ottubru 2004[13],
hija responsabbli mill-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva bejn
l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inkluż
fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri. L-Aġenzija hija responsabbli wkoll
biex tassisti lill-Istati Membri f’ċirkustanzi li jeħtieġu aktar assistenza
teknika mal-fruntieri esterni, meta jitqies li xi sitwazzjonijiet jistgħu
jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fuq il-baħar. Regoli speċifiċi huma
meħtieġa fir-rigward ta' attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri mwettqa
mill-unitajiet marittimi u tal-ajru ta' Stat Membru mal-fruntieri marittimi ta'
Stati Membri oħra jew fl-ibħra internazzjonali fil-kuntest ta' kooperazzjoni
operattiva kkoordinata mill-Aġenzija biex tissaħħaħ aktar tali kooperazzjoni. (3) L-istabbiliment tas-sistema
Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), imwaqqfa mir-Regolament (UE)
Nru […/…] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […], għandha ssaħħaħ
l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri
u mal-Aġenzija. Dan jiżgura li l-għarfien sitwazzjonali u l-kapaċità ta'
reazzjoni tal-Istati Membri jitjiebu b’mod konsiderevoli, anke bl-appoġġ
tal-Aġenzija, għall-iskopijiet tas-sejbien u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni
irregolari, għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u
għall-kontribuzzjoni biex jipproteġu u jsalvaw ħajjet il-migranti mal-fruntieri
esterni tagħhom. Meta tikkoordina operazzjonijiet ta' sorveljanza
tal-fruntieri, l-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri b'informazzjoni
u analiżi dwar dawn l-operazzjonijiet. (4) Waqt l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza
tal-fruntiera, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jirrispettaw l-obbligi
tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,
il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar,
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi,
il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata
Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art,
bil-Baħar u bl-Ajru, il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati,
il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet
Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew
Degradanti oħra u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn. (5) Skont ir-Regolament (KE)
Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006
li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment
ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta'
Schengen)[14]
u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, kwalunkwe miżura li tittieħed waqt
l-operazzjoni ta’ sorveljanza għandha tkun proporzjonali mal-għanijiet segwiti,
mhux diskriminatorja u għandha tirrispetta b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem,
id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati u ta’ dawk li jfittxu
ażil, inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement. L-Istati Membri u
l-Aġenzija huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-acquis dwar l-ażil, u b'mod
partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE
tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri
fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat[15], fir-rigward ta'
applikazzjonijiet għall-ażil li jsiru fit-territorju, inkluż fil-fruntiera jew
f'żoni ta' tranżitu tal-Istati Membri. (6) L-eżistenza possibbli ta’
arranġament bejn Stat Membru u pajjiż terz ma tistax teħles lill-Istati Membri
minn dawk l-obbligi kull meta jkunu konxji jew għandhom ikunu konxji li
nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kundizzjonijiet ta'
akkoljenza ta' dawk li jfittxu asil f’dak il-pajjiż terz jammontaw għal
raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li min ifittex asil jiffaċċja riskju
reali li jkun soġġett għal trattament inuman jew degradanti jew fejn ikunu
konxji jew għandhom ikunu konxji li dan il-pajjiż terz ikun involut fi prattiki
f’kontravenzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. (7) Waqt operazzjoni
tas-sorveljanza tal-fruntieri fil-baħar, tista’ tinqala’ sitwazzjoni fejn ikun
meħtieġ li tingħata assistenza lil persuni f’diffikultà. F'konformità mal-liġi
internazzjonali, kull Stat irid jobbliga lill-kaptan ta' vapur li jtajjar
il-bandiera tiegħu, sakemm jista' jagħmel dan mingħajr periklu serju
għall-vapur, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri, biex jagħti għajnuna lil kull
persuna li tinstab fil-baħar f'periklu li tintilef u li jipproċedi malajr kemm
jista' jkun biex isalva lill-persuni f'diffikultà. Tali assistenza għandha
tingħata tkun xi tkun in-nazzjonalità jew l-istatus tal-persuni li jkunu se
jingħataw l-assistenza jew taċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom. (8) Dan l-obbligu għandu
jitwettaq mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli
tal-istrumenti internazzjonali li jirregolaw is-sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u
salvataġġ u f’konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet
fundamentali. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-responsabbiltajiet
tal-awtoritajiet tat-tfittxija u s-salvataġġ, inkluż biex jiżgura li
l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni jitwettqu b’mod li l-persuni salvati jistgħu
jitwasslu f’port jew post ta’ sikurezza. (9) Skont ir-Regolament (KE)
Nru 2007/2004, l-operazzjonijiet tas-sorveljanza tal-fruntiera kkoordinati
mill-Aġenzija jitwettqu f’konformità mal-pjan operattiv. Bl-istess mod,
fir-rigward tal-operazzjonijiet fuq il-baħar, il-pjan operattiv għandu jinkludi
informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni u
l-leġiżlazzjoni rilevanti fiż-żona ġeografika fejn isseħħ l-operazzjoni
konġunta jew il-proġett pilota, inkluż referenzi għal liġi internazzjonali u
tal-Unjoni dwar l-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark.
Min-naħa l-oħra, dan ir-Regolament imexxi l-kwistjonijiet ta’ interċettazzjoni,
salvataġġ fuq il-baħar u żbark fil-kuntest tal-operazzjonijiet tas-sorveljanza
tal-fruntiera tal-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija. (10) Il-prattika skont
ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 hija li għal kull operazzjoni fuq
il-baħar, titwaqqaf struttura ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-Istat Membru
ospitanti, magħmula minn uffiċjali mill-Istat Membru ospitanti, uffiċjali
mistiedna u rappreżentanti tal-Aġenzija, inkluż l-Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni
tal-Aġenzija. Din l-istruttura ta’ koordinazzjoni, li normalment tissejjaħ
iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, għandha tintuża bħala mezz ta’
komunikazzjoni bejn l-uffiċjali involuti fl-operazzjoni fuq il-baħar u
l-awtoritajiet ikkonċernati. (11) Dan ir-Regolament jirrispetta
d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari d-dritt
għall-ħajja, id-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew
kastig inuman u degradanti, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-prinċipju ta’
non-refoulment, ta’ kontra d-diskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv,
id-dritt għall-asil u d-drittijiet tat-tfal. (12) Peress li l-għanijiet
tal-azzjoni li jridu jitwettqu, jiġifieri l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi
għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar mill-gwardji tal-fruntieri li joperaw
taħt il-koordinazzjoni tal-Aġenzija, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti
mill-Istati Membri minħabba d-differenzi fil-liġijiet u l-prassi tagħhom, u
għalhekk, minħabba n-natura multinazzjonali tal-operazzjonijiet, jistgħu
jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri,
f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5
tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak
l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju
sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. (13) Skont l-Artikoli 1 u 2
tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex
marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan
ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, taħt it-Titolu V tat-Tielet
Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont
l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, id-Danimarka tiddeċiedi fi żmien sitt
xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk timplimentahx jew le fil-liġi
nazzjonali tagħha. (14) Fir-rigward
tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp
tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż
mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju
tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni,
l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[16] li jaqgħu
fil-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 1999/437/KE[17] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. (15) Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp
tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar
l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni,
fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen,[18] li jaqgħu
fi ħdan il-qasam indikat fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE
li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE
tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim
f’isem il-Komunità Ewropea[19]. (16) Fir-rigward tal-Liechtenstein,
dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’
Schengen fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità
Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar
l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea,
il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni
tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp
tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1,
il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[20] li jinqara flimkien
mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE tas-7 ta’ Marzu 2011
dwar il-konklużjoni ta’ dak il-protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea[21]. (17) Dan ir-Regolament
jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih
ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE
tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran
Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet
tal-acquis ta’ Schengen[22].
Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex
marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. (18) Dan ir-Regolament
jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih
ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE
tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem
f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[23]. Għaldaqstant, l-Irlanda
mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta
għall-applikazzjoni tiegħu. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU
I DISPOŻIZZJONIJIET
ĠENERALI Artikolu 1 Kamp ta’ Applikazzjoni Dan ir-Regolament japplika għal
operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri mwettqa mill-Istati Membri
mal-fruntieri esterni fil-baħar tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni
operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni
Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,
japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: 1. "Aġenzija" tfisser
l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri
Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament (KE)
Nru 2007/2004; 2. “operazzjoni fuq il-baħar”
tfisser operazzjoni konġunta, proġett pilota jew intervent rapidu mwettaq
mill-Istati Membri għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fil-baħar tagħhom
bil-koordinazzjoni tal-Aġenzija; 3. “Stat Membru ospitanti” tfisser
Stat Membru li fih isseħħ operazzjoni fuq il-baħar jew li tiġi varata minnu; 4. “Stat Membru parteċipanti”
tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’operazzjoni fuq il-baħar billi jipprovdi
assi jew riżorsi umani, iżda li mhuwiex Stat Membru ospitanti; 5. “unità parteċipanti” tfisser
unità marittima jew mill-ajru tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru
parteċipanti; 6. “Ċentru Internazzjonali ta’
Koordinazzjoni” tfisser l-istruttura ta’ koordinazzjoni mwaqqfa fi ħdan l-Istat
Membru għall-koordinazzjoni tal-operazzjoni fuq il-baħar; 7. “Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni” tfisser iċ-ċentru nazzjonali ta’
koordinazzjoni mwaqqaf għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza
tal-Fruntieri (EUROSUR) f’konformità mar-Regolament (UE) Nru […/…]; 8. “vapur” tfisser dgħajsa, bastiment jew kwalunkwe inġenju
ieħor użat fuq il-baħar; 9. “vapur mingħajr Stat” tfisser
vapur mingħajr nazzjonalità jew jitqies bħala vapur mingħajr nazzjonalità meta
l-vapur ma jkunx ingħata id-dritt minn xi Stat li jtajjar il-bandiera tiegħu
jew meta jkun qed ibaħħar bil-bnadar ta’ żewġ Stati jew aktar, u jużahom skont
il-konvenjenza; 10. “Protokoll kontra t-Traffikar
tal-Migranti” tfisser il-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Migranti bl-Art,
bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti
kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ffirmata f'Palermo, l-Italja
f'Diċembru 2000; 11. “post ta’ sikurezza” tfisser
post fejn operazzjonijiet ta' salvataġġ jitqiesu bħala mitmuma u fejn
is-sikurezza jew il-ħajja ta’ min isalva inkluż fir-rigward tal-protezzjoni
tad-drittijiet fundamentali tagħhom ma tiġix mhedda, fejn jistgħu jiġu
ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi umani tagħhom u jistgħu jsiru l-arranġamenti
għat-trasportazzjoni għad-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali
għal min isalva; 12. “Ċentru ta’ Koordinazzjoni
tas-Salvataġġ” tfisser unità responsabbli għall-promozzjoni ta' organizzazzjoni
effikaċi ta' servizzi ta' tfittxija u salvataġġ u għall-koordinazzjoni
tat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ f’reġjun ta’
tfittxija u salvataġġ kif definit fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar
it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979. KAPITOLU
II REGOLI
ĠENERALI Artikolu 3 Sikurezza fuq il-baħar Il-miżuri meħuda għall-fini ta’ operazzjoni
fuq il-baħar jitwettqu b'mod li ma jpoġġux f’riskju s-sikurezza tal-persuni
interċettati jew salvati u s-sikurezza tal-unitajiet parteċipanti. Artikolu 4 Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u
l-prinċipju ta’ non-refoulement 1. L-ebda persuna ma għandha tiġi żbarkata fi, jew b’xi mod
mgħoddija lill-awtoritajiet ta’ pajjiż fejn ikun hemm riskju serju li tali
persuna tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għal tortura jew trattament jew
kastig ieħor inuman jew degradanti jew li minnu jkun hemm riskju serju ta'
tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni lejn pajjiż ieħor f’kontravenzjoni
tal-prinċipju ta’ non-refoulement. 2. Qabel ma tittieħed deċiżjoni
dwar żbark f'pajjiż terz, l-unitajiet parteċipanti jqisu s-sitwazzjoni ġenerali
f’dak il-pajjiż terz u l-persuni interċettati jew salvati ma jitniżżlux f’dak
il-pajjiż terz meta l-Istat Membru ospitanti jew l-Istati Membri parteċipanti
jkunu konxji jew għandhom ikunu konxji li dan il-pajjiż terz huwa involut fi
prattiki kif stipulat fil-paragrafu 1. 3. F’każ ta’ żbark f’pajjiż
terz, l-unitajiet parteċipanti jidentifikaw il-persuni interċettati jew salvati
u jevalwaw iċ-ċirkustanzi personali tagħhom safejn hu possibbli qabel l-iżbark.
Huma jinfurmaw lill-persuni interċettati jew salvati dwar il-post ta’ żbark
b’mod xieraq u jagħtuhom opportunità li jesprimu kwalunkwe raġuni għaliex
jemmnu li l-iżbark fil-post propost ikun bi ksur tal-prinċipju ta’
non-refoulement. 4. L-unitajiet parteċipanti
jindirizzaw il-ħtiġijiet speċjali tat-tfal, tal-vittmi ta’ traffikar,
tal-persuni li jkollhom bżonn urġenti ta’ assistenza medika, tal-persuni li
jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali u ta’ persuni oħrajn li jkunu
f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli waqt l-operazzjoni fuq il-baħar. 5. Il-gwardji
tal-fruntieri li jipparteċipaw f’operazzjoni fuq il-baħar jiġu mħarrġa
fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-drittijiet fundamentali,
il-liġi dwar ir-refuġjati u r-reġim legali internazzjonali ta' tfittxija u
salvataġġ. KAPITOLU
III REGOLI
SPEĊIFIĊI Artikolu 5 Identifikazzjoni 1. Malli jintlemaħ vapur li jkun issuspettat li qasam jew li
beħsiebu jaqsam il-fruntiera b'mod irregolari, l-untajiet parteċipanti
javviċinawh sabiex tiġi osservata l-identità u n-nazzjonalità tiegħu u, sakemm
jittieħdu miżuri oħrajn, jiġi sorveljat minn distanza prudenti. L-unitajiet
parteċipanti jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-vapur immedjatament
liċ-Ċentru Internazzjonali ta' Koordinazzjoni. 2. Jekk il-vapur ikun se jidħol
jew ikun daħal fil-baħar territorjali jew fiż-żona kontigwa ta’ Stat Membru li
ma jkunx parteċipi fl-operazzjoni fuq il-baħar, l-unitajiet parteċipanti
jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-vapur liċ-Ċentru Internazzjonali ta’
Koordinazzjoni, li jwassal din l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. 3. L-unitajiet parteċipanti
jikkomunikaw l-informazzjoni dwar kwalunkwe vapur suspettat li jkun impenjat
f’attivitajiet illegali fuq il-baħar barra mill-ambitu ta’ operazzjoni fuq
il-baħar liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li jgħaddi din
l-informazzjoni liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istat Membru jew
l-Istati Membri kkonċernati. Artikolu 6 Interċettazzjoni fil-baħar territorjali 1. Fil-baħar territorjali
tal-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti, l-unitajiet
parteċipanti jieħdu waħda minn dawn il-miżuri li ġejjin jew aktar meta jkun
hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li vapur ikun qed iġorr
persuni bil-ħsieb li jevitaw kontrolli mal-punti tal-qsim tal-fruntieri jew
ikun involut fit-traffikar ta’ migranti fuq il-baħar: (a) tintalab informazzjoni u dokumentazzjoni
dwar is-sjieda, ir-reġistrazzjoni u l-elementi relatati mal-vjaġġ, u dwar
l-identità, in-nazzjonalità u dejta oħra rilevanti dwar il-persuni abbord; (b) jitwaqqaf il-vapur, jitilgħu abbord u
jiġi mfittex il-vapur, il-merkanzija tiegħu u l-persuni abbord, u jiġu
interrogati l-persuni abbord; (c) li wieħed jagħmel lill-persuni abbord
konxji li jistgħu ma jkunux awtorizzati jaqsmu l-fruntiera u li l-persuni li
qed jidderieġu l-biċċa tal-baħar jistgħu jiffaċċjaw penali talli ffaċilitaw
il-vjaġġ; (d) il-vapur jiġi kkonfiskat u l-persuni
abbord jiġu arrestati; (e) tingħata ordni li l-vapur jimmodifika
r-rotta tiegħu ‘l barra minn jew lejn destinazzjoni barra mill-ibħra
territorjali jew iż-żona kontigwa, u l-bastiment jiġi eskortat jew insegwit
mill-qrib sakemm il-vapur jaqbad it-tali rotta; (f) il-vapur jew il-persuni abbord jitwasslu
lejn l-Istat Membru ospitanti jew lejn Stat Membru ieħor parteċipi
fl-operazzjoni, jew lejn l-Istat Membru kostali. 2. L-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru parteċipanti li
sseħħ l-interċettazzjoni fil-baħar territorjali tiegħu jawtorizza l-miżuri
msemmija fil-paragrafu 1 u jagħti struzzjonijiet lill-unità parteċipanti
b’mod xieraq permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni. L-unità
parteċipanti tinforma lill-Istat Membru ospitanti, permezz taċ-Ċentru
Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, kull meta l-kaptan tal-vapur jitlob li
aġent diplomatiku jew uffiċjal tal-konsulat tal-Istat tal-bandiera jiġi
notifikat. 3. Jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli għaliex wieħed jissuspetta li
vapur mingħajr nazzjonalità jew wieħed li jista’ jiġi meqjus bħala vapur
mingħajr nazzjonalità jkun qed iġorr persuni bil-ħsieb li jevitaw il-kontrolli
mal-punti tal-qsim tal-fruntieri, jew ikun involut fit-traffikar tal-immigranti
bil-baħar, l-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru parteċipanti li l-vapur
mingħajr Stat jiġi interċettat fil-baħar territorjali tiegħu jawtorizza u
jagħti struzzjonijiet lill-unità parteċipanti biex twaqqfu u biex tieħu kwalunkwe
mill-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1. 4. Kwalunkwe attività operattiva
fl-ibħra territorjali ta’ Stat Membru li ma jkunx qed jipparteċipa
fl-operazzjoni fuq il-baħar titwettaq f’konformità mal-awtorizzazzjoni ta’ dak
l-Istat Membru. Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni jiġi infurmat bi
kwalunkwe komunikazzjoni mal-Istat kostali u bl-azzjoni sussegwenti awtorizzata
minn dak l-Istat Membru. Artikolu 7 Interċettazzjoni fl-ibħra internazzjonali 1. Fl-ibħra internazzjonali,
l-unitajiet parteċipanti jieħdu waħda minn dawn il-miżuri li ġejjin jew aktar
meta jkun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li vapur ikun involut
fit-traffikar ta’ migranti bil-baħar suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Istat
tal-bandiera skont il-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Migranti: (a) tintalab informazzjoni u dokumentazzjoni
dwar is-sjieda, ir-reġistrazzjoni u l-elementi relatati mal-vjaġġ, u dwar
l-identità, in-nazzjonalità u dejta oħra rilevanti dwar il-persuni abbord; (b) jitwaqqaf il-vapur, jitilgħu abbord u
jiġi mfittex il-vapur, il-merkanzija tiegħu u l-persuni abbord, u jiġu
interrogati l-persuni abbord; (c) li wieħed jagħmel lill-persuni abbord
konxji li jistgħu ma jkunux awtorizzati jaqsmu l-fruntiera u li l-persuni li
qed jidderieġu l-inġenju tal-baħar jistgħu jiffaċċjaw penali talli ffaċilitaw
il-vjaġġ; (d) il-vapur jiġi kkonfiskat u l-persuni
abbord jiġu arrestati; (e) tingħata ordni li l-vapur jimmodifika
r-rotta tiegħu ‘l barra minn jew lejn destinazzjoni barra mill-ibħra
territorjali jew iż-żona kontigwa, u l-bastiment jiġi eskortat jew insegwit
mill-qrib sakemm il-vapur jaqbad it-tali rotta; (f) il-vapur jew il-persuni abbord jitwasslu
lejn pajjiż terz jew inkella l-vapur jew il-persuni abbord jingħataw f'idejn
l-awtoritajiet ta' pajjiż terz; (g) il-vapur jew il-persuni abbord jitwasslu
lejn l-Istat Membru ospitanti jew lejn Stat Membru ieħor parteċipanti
fl-operazzjoni. 2. Jekk il-vapur ikun qed
itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistru tal-Istat Membru ospitanti
jew ta' Stat Membru parteċipanti, dak l-Istat Membru, wara li jikkonferma
n-nazzjonalità tal-vapur, jawtorizza l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1. 3. Jekk il-vapur ikun qed
itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistrazzjoni ta’ Stat Membru li ma
jkunx parteċipi fl-operazzjoni fuq il-baħar jew ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru
ospitanti jew Stat Membru parteċipanti, skont liema unità parteċipanti
tinterċetta dan il-vapur, jinnotifika lill-Istat tal-bandiera, jitlob konferma
tar-reġistrazzjoni u, jekk in-nazzjonalità tiġi kkonfermata, jitlob
l-awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera biex jieħu kwalunkwe mill-miżuri
stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-Istat Membru ospitanti
jew l-Istat Membru parteċipanti jinforma liċ-Ċentru Internazzjonali ta’
Koordinazzjoni bi kwalunkwe komunikazzjoni mal-Istat tal-bandiera u bil-miżuri
awtorizzati mill-Istat tal-bandiera. 4. Jekk, minkejja li jkun qed
itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera tiegħu, ikun hemm
bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-vapur ikun, fil-verità, tal-istess
nazzjonalità tal-unità parteċipanti, dik l-unità parteċipanti tivverifika
d-dritt tal-vapur li jtajjar il-bandiera tagħha. Għal dan il-għan, hija tista'
tavviċina l-vapur issuspettat. Jekk jibqa’ suspett wara li jiġu kkontrollati
d-dokumenti, hija għandha tipproċedi b’eżami ulterjuri abbord il-vapur, li jrid
jitwettaq bil-kunsiderazzjoni kollha possibbli. L-Istat Membru parteċipanti li
allegatament il-vapur ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu jiġi kkuntattjat
permezz tal-mezzi xierqa. 5. Jekk, minkejja li jkun qed
itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera tiegħu, ikun hemm
bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-vapur ikun, fil-verità, tal-istess
nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor,
l-unità parteċipanti tivverifika d-dritt tal-vapur li jtajjar il-bandiera
tiegħu fuq l-awtorizzazzjoni ta' dak l-Istat Membru. 6. Jekk, fil-każijiet imsemmija
fil-paragrafi 4 u 5, jirriżulta li s-suspetti fir-rigward tan-nazzjonalità
tal-vapur ikunu fondati, l-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru
parteċipanti jawtorizza l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1. 7. Sakemm toħroġ awtorizzazzjoni
jew jekk ma jkunx hemm waħda mill-Istat tal-bandiera, il-vapur jiġi ssorveljat
minn distanza prudenti. Ma tittieħed l-ebda miżura oħra mingħajr
l-awtorizzazzjoni espressa tal-Istat tal-bandiera, minbarra dawk meħtieġa biex
jitneħħa periklu imminenti għal ħajjet in-nies jew dawk il-miżuri li
jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali rilevanti. 8. Jekk ikun hemm raġunijiet
raġonevoli biex wieħed jissuspetta li vapur mingħajr nazzjonalità jew wieħed li
jista’ jiġi meqjus bħala vapur mingħajr nazzjonalità jkun involut fit-traffikar
ta’ migranti bil-baħar, l-unità parteċipanti tista’ titla’ abbord u twaqqaf
il-vapur bil-ħsieb li tivverifika li huwa mingħajr Stat. Jekk jirriżulta li
s-suspetti jkunu fondati jistgħu jittieħdu aktar miżuri xierqa skont il-liġi
nazzjonali u l-liġi internazzjonali kif stabbilit fil-paragrafu 1. 9. Stat Membru li jkun ħa kwalunkwe
miżura skont il-paragrafu 1 jinforma minnufih lill-Istat tal-bandiera
bir-riżultati ta’ dik il-miżura. 10. L-uffiċjal nazzjonali li
jirrappreżenta l-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti fiċ-Ċentru
Internazzjonali ta' Koordinazzjoni jiġi nnominat skont il-liġi nazzjonali bħala
awtorità għall-awtorizzazzjoni biex jivverifika d-dritt tal-vapur li jtajjar
il-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat jew li jieħu xi waħda mill-miżuri
stabbiliti fil-paragrafu 1. 11. Meta jirriżulta li
r-raġunijiet li wieħed jissuspetta li vapur ikun involut fit-traffikar
tal-migranti fl-ibħra internazzjonali jkunu infondati jew l-unità parteċipanti
ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex taġixxi, iżda jibqa’ suspett raġonevoli li
l-vapur ikun qed iġorr persuni bil-ħsieb li jilħqu l-fruntiera ta’ Stat Membru
u li jevitaw il-kontrolli mal-punti tal-qsim tal-fruntieri, dak il-vapur
ikompli jiġi ssorveljat. Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni
jikkomunika l-informazzjoni dwar il-vapur liċ-Ċentru Nazzjonali ta' Koordinazzjoni
tal-Istati Membri li jkun indirizzat lejhom. Artikolu 8 Interċettazzjoni fiż-żona kontigwa 1. Fiż-żona kontigwa mal-baħar
territorjali ta’ Stat Membru, li jkun Stat Membru ospitanti jew Stat Membru
parteċipanti, jittieħdu l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 6(1) skont
l-Artikolu 6(2). 2. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ma jittiħdux fiż-żona
kontigwa ta’ Stat Membru li ma jkunx parteċipi fl-operazzjoni fuq il-baħar
mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' dak l-Istat Membru. Iċ-Ċentru
Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni jiġi infurmat bi kwalunkwe komunikazzjoni
mal-Istat kostali u bl-azzjoni sussegwenti awtorizzata minn dak l-Istat Membru. 3. Jekk vapur mingħajr Stat jgħaddi miż-żona kontigwa, japplika
l-Artikolu 7(8). Artikolu 9 Sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ
1. Waqt operazzjoni fuq
il-baħar, l-unitajiet parteċipanti jipprovdu assistenza lil kull vapur jew
persuna f’diffikultà fuq il-baħar. Huma jagħmlu dan tkun xi tkun
in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ tali persuna jew taċ-ċirkustanzi li fihom
tinstab. 2. Meta, waqt operazzjoni fuq
il-baħar, jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ inċertezza, twissija jew diffikultà
fir-rigward ta' vapur jew kwalunkwe persuna abbord, l-unità parteċipanti
tibgħat kemm jista' jkun malajr l-informazzjoni kollha disponibbli liċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli mir-reġjun tat-tfittxija u
s-salvataġġ li fihom isseħħ is-sitwazzjoni. 3. Vapur jew il-persuni abbord
jitqiesu li huma f’sitwazzjoni ta’ inċertezza b'mod partikolari meta: (a) jeżistu dubji dwar is-sikuerzza ta’ vapur
jew il-persuni abbord; jew (b) ikun hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar
il-progress jew il-pożizzjoni ta' vapur. 4. Vapur jew il-persuni abbord
jitqiesu li huma f’sitwazzjoni ta’ twissija b'mod partikolari meta: (a) ikun hemm biża’ fir-rigward tas-sikurezza
ta’ vapur jew il-persuni abbord minħabba informazzjoni li jkun hemm
diffikultajiet serji, iżda li ma jwasslux għal probabbiltà ta’ sitwazzjoni ta’
periklu; jew (b) ikun hemm nuqqas kontinwu ta'
informazzjoni dwar il-progress jew il-pożizzjoni ta' vapur. 5. Vapur jew il-persuni abbord
jitqiesu li huma f’sitwazzjoni ta’ periklu b'mod partikolari meta: (a) tasal informazzjoni pożittiva li vapur
jew persuna abbord ikunu f’periklu u jkunu jeħtieġu għajnuna immedjata; jew (b) attentati biex jiġi stabbilit kuntatt
mal-vapur ifallu u inkjesti mingħajr suċċess jirriżultaw li probabbli l-vapur
ikun f'diffikultà; jew (c) tasal informazzjoni li tindika li
l-effiċjenza operattiva tal-vapur tkun iddgħajfet sal-punt li tkun probabbli
sitwazzjoni ta' periklu. 6. Meta tiġi evalwata s-sitwazzjoni għall-finijiet tal-paragrafi 3 sa
5, l-unitajiet parteċipanti jqisu l-elementi rilevanti kollha, inkluż: (a) l-eżistenza ta’ talba għall-assistenza; (b) kemm il-vapur ikun tajjeb għall-baħar u
jekk hux probabbli li l-vapur ma jasalx fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu; (c) in-numru ta’ passiġġieri meta mqabbel
mat-tip u l-kundizzjoni tal-vapur; (d) id-disponibbiltà tal-provvisti meħtieġa,
bħall-fjuwil, l-ilma, l-ikel, eċċ. biex jasal sa xatt; (e) il-preżenza ta’ ekwipaġġ u kmand
ikkwalifikat tal-vapur, (f) id-disponibbiltà u l-abbiltà ta’ tagħmir
ta’ sikurezza, navigazzjoni u komunikazzjoni, (g) il-preżenza ta’ passiġġieri li jkollhom
bżonn urġenti ta’ assistenza medika, (h) il-preżenza ta’ passiġġieri mejtin, (i) il-preżenza ta’ nisa tqal jew tfal, (j) il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar,
inkluż tbassir tat-temp u tal-baħar. 7. Unitajiet parteċipanti jikkomunikaw minnufih
il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni
tas-Salvataġġ responsabbli. Filwaqt li jistennew struzzjonijiet miċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ, l-unitajiet parteċipanti jieħdu l-miżuri kollha
xierqa biex jiżguraw is-sigurtà tal-persuni kkonċernati. 8. L-eżistenza ta’ sitwazzjoni
ta’ periklu ma tkunx esklużivament dipendenti fuq jew iddeterminata minn talba
attwali għall-għajnuna. Jekk, minkejja li
vapur jitqies li jkun f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, il-persuni abbord
jirrifjutaw li jaċċettaw għajnuna, l-unità parteċipanti tinforma liċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u tkompli twettaq dmir ta’ diliġenza billi
tissorvelja l-vapur minn distanza prudenti u billi tieħu kwalunkwe miżura
meħtieġa għas-sikurezza tal-persuni kkonċernati, filwaqt li tevita li tieħu
kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava s-sitwazzjoni jew iżżid ir-riskji ta'
ħsara jew telf ta' ħajja. 9. Jekk iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ tal-pajjiż terz
responsabbli mir-reġjun ta’ tfittxija u salvataġġ ma jweġibx għan-notifika
trażmessa mill-unità parteċipanti, din tal-aħħar għandha tikkuntattja liċ-Ċentru
ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ tal-Istat Membru ospitanti sakemm ma jkunx
hemm Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ieħor li jkun f’pożizzjoni aħjar
biex jassumi l-koordinazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ. 10. L-unitajiet parteċipanti jinfurmaw liċ-Ċentru Internazzjonali ta’
Koordinazzjoni mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe kuntatt maċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u bl-azzjoni li tittieħed minnhom. 11. Jekk il-vapur ma jistax jitqies aktar li huwa jew li għadu f’sitwazzjoni
ta' periklu jew tintemm l-operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ, l-unità
parteċipanti tkompli l-operazzjoni fuq il-baħar, f’konsultazzjoni maċ-Ċentru
Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Artikolu 10 Żbark 1. Il-modalitajiet għall-iżbark
tal-persuni interċettati jew salvati waqt operazzjoni fuq il-baħar jiġu
stabbiliti fil-pjan operattiv. Dawk il-modalitajiet għall-iżbark ma jkollhomx
l-effett li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri li ma jkunux parteċipi
fl-operazzjoni fuq il-baħar sakemm huma espressament ma jipprovdux
l-awtorizzazzjoni biex jittieħdu miżuri fil-baħar territorjali jew fiż-żona
kontigwa tagħhom skont l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 8(2). 2. Fil-każ ta' interċettazzjoni fil-baħar territorjali jew fiż-żona
kontigwa kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(1), l-iżbark
iseħħ fl-Istat Membru ospitanti jew fl-Istat Membru parteċipanti li fl-ibħra
territorjali jew fiż-żona kontigwa tiegħu sseħħ l-interċettazzjoni. Fil-każ ta' interċettazzjoni fil-baħar
territorjali jew fiż-żona kontigwa kif stabbilit fl-Artikolu 6(4) jew
l-Artikolu 8(2), l-iżbark iseħħ fl-Istat Membru li fl-ibħra territorjali
jew fiż-żona kontigwa tiegħu sseħħ l-interċettazzjoni. 3. Soġġett għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, fil-każ ta'
interċettazzjoni fl-ibħra internazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 7,
jista’ jseħħ żbark fil-pajjiż terz li minnu jkun telaq il-vapur. Jekk dan ma jkunx possibbli, l-iżbark iseħħ
fl-Istat Membru ospitanti. 4. Fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ kif stabbilit
fl-Artikolu 9, l-unitajiet parteċipanti jikkooperaw maċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli biex jipprovdu port jew post ta’
sikurezza xieraq għall-persuni salvati u biex jiżguraw l-iżbark rapidu u
effettiv tagħhom. Bla ħsara għar-responsabbiltà taċ-Ċentru ta’
Koordinazzjoni tas-Salvataġġ, l-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri
parteċipanti jiżguraw malajr kemm jista' jkun li jiġi identifikat port jew post
ta’ sikurezza filwaqt li jitqiesu fatturi rilevanti, bħal distanzi għall-eqreb
portijiet jew postijiet ta’ sikurezza, riskji u ċ-ċirkustanzi tal-każ. Jekk l-unità parteċipanti ma tinħelisx
mill-obbligu tagħha msemmi fl-Artikolu 9(1) malajr kemm jista’ jkun
raġonevolment prattiku, filwaqt li titqies is-sikurezza tal-persuni salvati u
dik tal-unità parteċipanti nnifisha, hija tkun tista’ tiżbarka l-persuni
salvati fl-Istat Membru ospitanti. 5. L-unitajiet
parteċipanti jinfurmaw liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni
bil-preżenza ta’ kwalunkwe persuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1), u
ċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni jgħaddi dik l-informazzjoni
lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni,
il-pjan operattiv għandu jiddetermina liema miżuri ta’ segwitu jistgħu
jittieħdu. KAPITOLU
IV DISPOŻIZZJONIJIET
FINALI Artikolu 11 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin
jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u
japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2010
li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward is-sorveljanza
tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva
kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva
fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 111,
4.5.2010, p. 20. [2] Il-Kunsill Ewropew, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza 29-30 ta’ Ottubru 2009. [3] Ara l-punt 5.1 tal-Programm ta’ Stokkolma,
“Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni”, ĠU C 115, 4.5.2010,
p. 1. [4] Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi
Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal
oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), ĠU L 105, 13.4.2006,
p. 1. [5] C-355/10: il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea
fuq http://curia.europa.eu/juris/liste.jsf?pro=&lgrec=en&nat=&oqp=&dates=&lg=&language=mt&jur=C%2CT%2CF&cit=none%252CC%252CCJ%252CR%252C2008E%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252Ctrue%252Cfalse%252Cfalse&num=C-355%252F10&td=ALL&pcs=O&avg=&page=1&mat=or&jge=&for=&cid=228546
(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea). [6] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004
li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni
Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
(ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 136). [7] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Studju
dwar l-istrumenti tal-liġi internazzjonali fir-rigward tal-immigrazzjoni
illegali fuq il-baħar, SEC(2007) 691. [8] Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament
(KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’
Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1 [9] Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
(Awla Manja) tat-23 ta’ Frar 2012 (Applikazzjoni Nru 27765/09);
fuq http://hudoc.echr.coe.int/sites/eng/pages/search.aspx?i=001-109231#{"itemid":["001-109231"]} [10] Żona kontigwa hija rregolata fl-Artikolu 33
tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Hija żona
maġenb il-baħar territorjali u ma tistax testendi lil hinn minn 24 mil nawtiku
mil-linji bażi minn fejn jitkejjel il-wisa' tal-baħar territorjali. Tikkostitwixxi
parti miż-żona ekonomika esklużiva jew mill-ibħra internazzjonali, skont jekk
l-Istat kostali ikunx ipproklama żona ekonomika esklużiva, u hija żona fejn
japplika l-ħelsien tan-navigazzjoni. Għalkemm mhijiex parti mill-baħar
territorjali, l-Istat kostali jista' jeżerċita l-kontroll meħtieġ biex
jipprevjeni u jikkastiga l-ksur tal-liġijiet u r-regolamenti doganali, fiskali,
dwar l-immigrazzjoni jew sanitarji tiegħu fi ħdan it-territorju jew il-baħar
territorjali tiegħu. [11] Ir-Riżoluzzjoni MSC.167(78), adottata fl-20 ta' Mejju 2004. [12] Ir-Riżoluzzjoni 1821(2011) tal-Assemblea Parlamentari
tal-Kunsill tal-Ewropa. [13] ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 136. [14] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1. [15] ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168. [16] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [17] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [18] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [19] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1. [20] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [21] ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19. [22] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43 (Edizzjoni Speċjali
bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 01 p. 178). [23] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20 (Edizzjoni Speċjali
bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 04 p. 211).