EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0152

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189)

/* COM/2013/0152 final - 2013/0085 (NLE) */

52013PC0152

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) /* COM/2013/0152 final - 2013/0085 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Permezz ta’ din il-proposta l-Istati Membri se jkunu jistgħu jirratifikaw legalment il-Konvenzjoni Nru 189 dwar xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi” jew “il-Konvenzjoni”.

Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi ġiet adottata waqt il-100 Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol fis-16 ta' Ġunju 2011 u mistennija tidħol fis-seħħ f’Settembru 2013. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi.

Minn Diċembru 2012, il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi ġiet ratifikata minn tliet Stati partijiet għall-ILO. Din hija fost il-Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala li huma aġġornati u għaldaqstant jiġu promossi b'mod attiv.

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-impenn li tippromwovi l-aġenda għal xogħol diċenti, kemm internament, kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha. L-istandards tax-xogħol huma element ewlieni tal-kunċett ta' xogħol diċenti. Għalhekk, ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO mill-Istati Membri tibgħat messaġġ importanti rigward il-koerenza tal-politika tal-Unjoni fit-titjib tal-istandards tax-xogħol madwar id-dinja.

Barra minn hekk, bħala parti mill-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin[1], il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jirratifikaw l-istrumenti, il-ftehimiet u l-obbligi legali internazzjonali kollha li se jikkontribwixxu biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin b'mod aktar effettiv, ikkoordinat u koerenti. Dawn jinkludu l-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi.

Għaldaqstant, jeħtieġ li jitneħħa, fil-livell tal-UE, kull impediment legali għar-ratifika mill-Istati Membri għall-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi, li s-sustanza tagħha ma tagħtix lok għal tħassib fid-dawl tal-acquis attwali tal-Unjoni.

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi huma maħsuba biex jillimitaw l-abbuż u l-isfruttament tal-ħaddiema domestiċi. L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jiddefinixxi ħaddiem domestiku bħala kull persuna involuta f’xogħol domestiku (ix-xogħol imwettaq fi jew għal unità domestika waħda jew aktar) fl-ambitu ta’ relazzjoni tax-xogħol. Il-Konvenzjoni teħtieġ li l-Istati Membri tal-ILO jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-vjolenza u t-tħaddim tat-tfal fl-ambitu tax-xogħol domestiku. L-Artikolu 3 jħares id-drittijiet fundamentali relatati max-xogħol tal-ħaddiema domestiċi billi jeżiġi li kull Stat Parti jieħu l-miżuri stabbiliti fil-Konvenzjoni biex jirrispetta, jippromwovi u jwettaq il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet sussegwenti jirrikjedu b’mod partikolari li l-Istati Membri tal-ILO:

· jistabbilixxu età minima għax-xogħol domestiku kif ukoll salvagwardji għall-ħaddiema taħt it-18-il sena;

· jipprevjenu l-abbuż u l-vjolenza;

· jiżguraw termini ġusti u kundizzjonijiet diċenti ta’ impjieg;

· jiżguraw li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar it-termini u d-dettalji tal-impjieg tagħhom;

· jirregolaw ir-reklutaġġ barrani u jiżguraw il-moviment liberu;

· iħeġġu trattament ugwali bejn il-ħaddiema domestiċi u ħaddiema oħra fir-rigward tal-kumpens u l-benefiċċji;

· jirregolaw u jissorveljaw l-aġenziji privati tal-impjieg; kif ukoll

· jiżviluppaw mekkaniżmu speċifiku għall-ilmenti.

Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi tindirizza l-oqsma tal-liġi tal-Unjoni fejn il-livell ta’ regolamentazzjoni jkun diġà laħaq stadju avvanzat.

Il-Konvenzjoni tittratta prinċipalment l-aspetti marbuta mal-qasam tal-politika soċjali, fejn il-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, il-protezzjoni tal-maternità, id-dikjarazzjoni bil-miktub, il-ħin tax-xogħol, l-immigrazzjoni u x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija[2].

Il-Konvenzjoni tittratta aspetti marbuta mal-qasam kontra d-diskriminazzjoni fejn il-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar l-ugwaljanza fl-impjieg, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni tal-maternità[3].

Il-Konvenzjoni tittratta wkoll aspetti marbuti mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali u fil-qasam tal-ażil u l-immigrazzjoni, fejn il-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi kontra t-traffikar u s-sanzjonijiet kontra min iħaddem[4].

Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi jittratta l-protezzjoni tal-ħaddiema domestiċi migranti, li tinkludi aspetti li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema skont il-liġi tal-Unjoni[5].

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Skont ir-regoli dwar il-kompetenzi esterni li tfasslu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[6], u b'mod aktar speċifiku fir-rigward tal-konklużjoni u r-ratifika ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol[7], l-Istati Membri mhumiex f'pożizzjoni li jiddeċiedu b'mod awtonomu dwar ir-ratifika ta' Konvenzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill, fejn partijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

Fl-istess waqt, l-Unjoni Ewropea bħala tali ma tista tirratifika l-ebda Konvenzjoni tal-ILO, billi l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet f’konvenzjonijiet bħal dawn.

Għaldaqstant, jekk is-suġġett ta’ ftehim jew kuntratt jaqa' parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw bl-aħjar mod il-kooperazzjoni fir-ratifika tal-Konvenzjoni u fl-implimentazzjoni tal-impenji li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni[8].

Fir-rigward tat-tliet Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew adottati matul l-aħħar għaxar snin u li partijiet minnhom kienu fil-kompetenza tal-Unjoni, il-Kunsill għalhekk awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, dawk il-partijiet li huma fil-kompetenza tal-Unjoni[9]. Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal tali deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-Konvenzjoni Nru 170 dwar is-Sustanzi Kimiċi[10].

Speċifikament b'referenza għall-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi, il-livell tar-regolamentazzjoni fid-diversi aspetti tal-politika soċjali u fl-oqsma ta' kontra d-diskriminazzjoni, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali, l-ażil u l-immigrazzjoni koperti mill-Konvenzjoni, laħaq stadju avvanzat, sal-punt fejn l-Istati Membri ma għadhomx jistgħu jeżerċitaw is-sovranità tagħhom fl-isfera esterna f’dan ir-rigward[11]. L-Artikolu 153 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali prinċipali tal-liġi tal-Unjoni relatata, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija aktar dettaljata mill-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi. Ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni u fil-liġi tal-Unjoni, u ma hemmx nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u r-rekwiżiti minimi f’dawn l-oqsma stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni.

Mill-Artikolu 19(8) tal-Kostituzzjoni tal-ILO jidher ċar li l-Konvenzjoni fiha standards minimi, li jfisser li l-implimentazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi standards ogħla minn dawk tal-Konvenzjoni.

Ma hemm l-ebda inkonsistenza fl-approċċ bejn ir-regoli dwar il-protezzjoni u t-trattament ugwali tal-ħaddiema skont il-Konvenzjoni u r-rekwiżiti minimi skont l-acquis tal-Unjoni f'dan il-qasam. Dan ifisser li l-miżuri tal-Unjoni jistgħu jkunu aktar stretti mill-istandards tal-ILO u viċi versa[12].

Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi tinkludi artikolu wieħed għall-ħarsien tal-ħaddiema domestiċi migranti (l-Artikolu 8) li jista’ potenzjalment ixekkel il-moviment liberu tal-ħaddiema — qasam li jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni[13]. Madankollu, l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni mhuwiex li tirregola kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni jiddikjara li r-rekwiżit li wieħed jirċievi offerta bil-miktub qabel ma jaqsam il-fruntieri nazzjonali ma japplikax għal żoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali. Din il-klawżola ta' salvagwardja tipprevjeni kull nuqqas ta’ kompatibbiltà potenzjali bejn il-Konvenzjoni u l-acquis tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament Nru 492/2011. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni f'dan il-qasam mhumiex inkompatibbli mal-acquis tal-Unjoni.

Għalhekk, l-għan ta' din il-proposta huwa li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, dawk il-partijiet mill-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), applikabbli b'analoġija, flimkien mal-Artikolu 153 tat-TFUE, li jipprovdi l-bażi legali prinċipali għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

2013/0085 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[14],

Billi:

(1)       Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qegħdin jippromwovu r-ratifika ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar ix-xogħol li ġew ikklassifikati bħala aġġornati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, bħala kontribut lejn l-isforz tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi xogħol diċenti għal kulħadd, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, u li tiegħu il-ħarsien u t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jikkostitwixxu aspetti importanti.

(2)       Il-biċċa l-kbira tar-regoli skont il-Konvenzjoni Nru 189 dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni”, huma koperti fil-maġġoranza tagħhom mill-acquis tal-Unjoni fl-oqsma tal-politika soċjali[15], l-antidiskriminazzjoni[16], il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali[17] u l-ażil u l-immigrazzjoni[18].

(3)       Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema domestiċi migranti jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-ħaddiema — qasam li jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni[19].

(4)       Għaldaqstant, partijiet mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati Membri ma jistgħux jidħlu f'impenji b'rabta ma' dawn il-partijiet barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni[20].

(5)       L-Unjoni Ewropea ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, billi l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet fiha.

(6)       F'din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jikkooperaw fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni.

(7)       Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta mil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni permezz tat-Trattati, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016, COM(2012) 286 tad-19.6.2012.

[2]               Id-Direttiva 89/391/KEE, id-Direttiva 94/33/KEE, id-Direttiva 91/533/KEE, id-Direttiva 2003/88/KE, id-Direttiva 2011/98/UE, id-Direttiva 2008/104/KE.

[3]               Id-Direttiva 2000/78/KE, id-Direttiva 2000/43/KE, id-Direttiva 2006/54/KE, id-Direttiva 92/85/KEE.

[4]               Id-Direttiva 2011/36/KE; id-Direttiva 2009/52/KE.

[5]               L-Artikolu 45 tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011.

[6]               Is-Sentenza tal-AETR tal-Qorti tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-każ 22/70 tal-31 ta' Marzu 1971, Ġabra, 1971, 263; ara wkoll l-Artikolu 3(2) tat-TFUE li kkodifika dawn il-prinċipji.

[7]               L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 1993 li tikkonċerna l-Konvenzjoni Nru 170 dwar is-Sustanzi Kimiċi, Ġabra 1993-I, paġna 1061.

[8]               L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ibid), il-para. 36, 37 u 38.

[9]               F'dan l-aħħar deċennju ġew adottati tliet deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, id-Dokumenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dokumenti ta' Identità tal-Baħħara (il-Konvenzjoni Nru 185), ĠU L 136/1 tat-30.5.2005; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunita Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (ĠU L 161/63 tat-22.6.2007); u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-2007 (il-Konvenzjoni Nru 188), ĠU 145/12, 11.6.2010.

[10]             COM(2012) 677 tal-20 ta’ Novembru 2012.

[11]             L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-para. 25 u 26.

[12]             L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-para. 18.

[13]             L-Artikolu 45 tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011.

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             Inklużi d-Direttiva qafas 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà, id-Direttiva 94/33/KE dwar iż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, id-Direttiva 92/85/KEE dwar il-ħarsien tal-maternità, id-Direttiva 91/533/KEE dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub, id-Direttiva 2003/88/KE dwar il-ħin tax-xogħol, u d-Direttiva 2008/104/KE dwar ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenziji.

[16]             Inkluż id-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fl-impjieg, id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità.

[17]             Inkluża d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu.

[18]             Inklużi d-Direttiva 2009/52/KE dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem u d-Direttiva 2011/98/UE dwar il-permess uniku.

[19]             L-Artikolu 45 tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011.

[20]             L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Marzu 1993, Ġabra 1993-I, p. 1061, il-para. 26.

Top