This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013JC0001
JOINT COMMUNICATION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Cybersecurity Strategy of the European Union: An Open, Safe and Secure Cyberspace
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur
/* JOIN/2013/01 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur /* JOIN/2013/01 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà
tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u
Sigur 1. Introduzzjoni 1.1. Kuntest Matul l-aħħar
għoxrin sena, l-Internet u b'mod aktar ġenerali,
iċ-ċiberspazju, kellhom impatt kbir fuq il-partijiet kollha
tas-soċjetà. Il-ħajja tagħna ta’ kuljum, id-drittijiet
fundamentali, l-interazzjonijiet soċjali u l-ekonomiji tagħna
jiddependu fuq il-fatt li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u
tal-komunikazzjoni jaħdmu bla problemi. Iċ-ċiberspazju
miftuħ u ħieles ippromwova l-inklużjoni politika u soċjali
madwar id-dinja kollha; neħħa l-ostakoli bejn il-pajjiżi,
il-komunitajiet u ċ-ċittadini u ppermetta l-interazzjoni u
l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u ta’ ideat madwar id-dinja. Dan ipprovda
forum għal-libertà tal-espressjoni u għall-eżerċizzju
tad-drittijiet fundamentali, u ta lin-nies il-mezzi neċessarji biex
jiġġieldu għal soċjetajiet demokratiċi u aktar ġusti,
speċjalment matul ir-Rebbiegħa Għarbija. Biex
iċ-ċiberspazju jibqa’ miftuħ u ħieles, l-istess normi,
prinċipji u valuri li l-UE tħaddan offlajn, għandhom japplikaw
ukoll onlajn. Hemm bżonn li d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u
l-istat tad-dritt jiġu protetti fiċ-ċiberspazju. Il-libertà u l-prosperità tagħna qed jiddependu
dejjem aktar fuq Internet robust u innovattiv, li se jkompli jiżviluppa
jekk l-innovazzjoni tas-settur privat u s-soċjetà ċivili jippromwovu
t-tkabbir tiegħu. Iżda l-libertà onlajn teħtieġ
is-sikurezza u s-sigurtà wkoll. Iċ-ċiberspazju għandu jiġi
protett minn inċidenti, minn attivitajiet malizzjużi u minn użu
ħażin; u l-gvernijiet għandhom rwol importanti biex jiżguraw
li ċ-ċiberspazju jkun ħieles u sikur. Barra minn hekk, dawn
għandhom diversi inkarigi oħra: bħas-salvagwardja
tal-aċċess u tal-ftuħ, ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet
fundamentali onlajn u l-iżgurar tal-affidabbiltà u tal-interoperabbiltà
tal-Internet. Madankollu, is-settur privat huwa l-proprjetarju u l-operatur ta’
partijiet sinifikanti taċ-ċiberspazju, u għaldaqstant kwalunkwe
inizjattiva li għandha l-mira li tkun ta' suċċess f'dan
il-qasam, għandha tagħraf l-irwol ewlieni tiegħu. It-teknoloġiji
tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni saru s-sinsla tat-tkabbir eknomiku
tagħna u huma riżorsa kritika li s-setturi ekonomiċi kollha
jiddependu fuqha. Dawn isaħħu s-sistemi kumplessi li jżommu
l-ekonomiji tagħna għaddejjin f’setturi ewlenin bħall-finanzi,
is-saħħa, l-enerġija u t-trasport; filwaqt li ħafna min-negozji
huma mibnija fuq id-disponibbiltà bla waqfien tal-Internet u l-funzjonament
mingħajr xkiel tas-sistemi tal-informazzjoni. Bil-kisba tas-Suq
Uniku Diġitali, l-Ewropa tista’ tagħti spinta lill-PDG tagħha bi
kważi EUR 500 miljun fis-sena[1];
medja ta’ EUR 1000 għal kull persuna. Biex it-teknoloġiji
l-ġodda konnessi, jaqbdu sew, inklużi l-pagamenti-e, il-cloud
computing u l-komunikazzjoni bejn magna u oħra[2], iċ-ċittadini jrid
ikollhom fiduċja u kunfidenza. Sfortunatament, stħarriġ
tal-Ewrobarometru li sar fl-2012[3]
wera li, kważi terz mill-Ewropej mhumiex kunfidenti fil-kapaċità
tagħhom li jużaw l-Internet, biex jagħmlu operazzjonijiet
bankarji jew ta’ xiri. Maġġoranza kbira qalu wkoll li jevitaw li
jiżvelaw informazzjoni personali onlajn minħabba tħassib dwar
is-sigurtà. Fl-UE, aktar minn utent wieħed tal-Internet, minn kull
għaxra, diġà kien vittma ta’ frodi onlajn. L-aħħar
snin urew li, għalkemm id-dinja diġitali ġġib
benefiċċji enormi magħha, din hija wkoll vulnerabbli.
L-inċidenti ta’ ċibersigurtà[4],
sew jekk huma intenzjonali jew aċċidentali, qed jiżdiedu b’pass
allarmanti tant li jistgħu jfixklu l-provvista ta’ servizzi essenzjali li
aħna mdorrijin bihom bħall-ilma, il-kura tas-saħħa,
l-elettriku jew is-servizzi mobbli. It-theddid jista’ jkollu oriġini
differenti, inklużi attakki kriminali, politikament motivati,
terroristiċi jew sponsorjati mill-istat, kif ukoll diżastri naturali
u żbalji mhux intenzjonali. L-ekonomija
tal-UE diġà hija affettwata mill-attivitajiet ta’ ċiberkriminalità[5] kontra s-settur privat u
l-individwi. Iċ-ċiberkriminali qed jużaw metodi dejjem aktar
sofistikati biex jidħlu f’sistemi informatiċi, jisirqu dejta kritika
jew iżommu kumpaniji taħt riskatt. Iż-żieda
tal-ispjunaġġ ekonomiku u tal-attivitajiet sponsorjati mill-istat
fiċ-ċiberspazju, qed joħolqu kategorija ġdida ta’ theddid
għall-gvernijiet u l-kumpaniji tal-UE. F’pajjiżi
barra mill-UE, il-gvernijiet jistgħu wkoll jagħmlu użu
ħażin miċ-ċiberspazju għal skopijiet ta’ sorveljanza u
kontroll fuq iċ-ċittadini tagħhom stess. L-UE tista’ tpatti
għal din is-sitwazzjoni billi tippromwovi l-libertà onlajn u tiżgura
r-rispett tad-drittijiet fundamentali onlajn. Dawn il-fatturi
kollha jagħtu spjegazzjoni għaliex il-gvernijiet ta’ madwar id-dinja
bdew jiżviluppaw strateġiji ta' ċibersigurtà u jqisu
ċ-ċiberspazju bħala kwistjoni internazzjonali dejjem aktar
importanti. Wasal iż-żmien li l-UE tintensifika l-azzjonijiet
tagħha f’dan il-qasam. Din il-proposta għal strateġija ta’
Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea, imressqa mill-Kummissjoni u
mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u
l-Politika ta’ Sigurtà (Rappreżentant Għoli), tiddeskrivi
l-viżjoni tal-UE f'dan id-dominju, tiċċara l-irwoli u
r-responsabbiltajiet, u tistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa
bbażati fuq il-protezzjoni qawwija u effettiva u l-promozzjoni
tad-drittijiet taċ-ċittadini biex b’hekk l-ambjent onlajn tal-UE jsir
l-iktar wieħed sikur fid-dinja. 1.2. Prinċipji
għaċ-ċibersigurtà L-Internet
mingħajr fruntieri u b’diversi livelli sar wieħed mill-istrumenti
l-aktar b'saħħithom għall-progress globali mingħajr
sorveljanza jew regolamentazzjoni governattiva. Filwaqt li s-settur privat
għandu jkompli bl-irwol ewlieni tiegħu fil-kostruzzjoni u
fl-immaniġġjar ta’ kuljum tal-Internet, il-ħtieġa ta’
rekwiżiti ta’ trasparenza, kontabbiltà u sigurtà qed issir dejjem aktar
prominenti. Din l-istrateġija tiċċara l-prinċipji li
għandhom jiggwidaw il-politika ta’ ċibersigurtà fl-UE u fuq livell
internazzjonali. Il-valuri
ewlenin tal-UE japplikaw kemm fid-dinja diġitali kif ukoll f'dik
fiżika L-istess
liġijiet u normi li japplikaw f'oqsma oħra tal-ħajja tagħna
ta' kuljum, japplikaw ukoll fid-dominju ċibernetiku. Protezzjoni
tad-drittijiet fundamentali, tal-libertà ta’ espressjoni, tad-dejta personali u
privatezza Iċ-ċibersigurtà
tista’ tkun soda u effettiva biss jekk tkun ibbażata fuq drittijiet
fundamentali u libertajiet, kif inhu stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-valuri ewlenin tal-UE. B’mod
reċiproku, id-drittijiet individwali ma jistgħux jiġu assigurati
mingħajr netwerks u sistemi sikuri. Kwalunkwe kondiviżjoni ta’
informazzjoni għall-finijiet ta’ ċibersigurtà, meta d-dejta personali
tinsab f'periklu, għandha tikkonforma mal-liġi tal-UE dwar
il-protezzjoni tad-dejta u tqis id-drittijiet tal-individwi f’dan il-qasam. Aċċess
għal kulħadd L-aċċess
limitat jew l-ebda aċċess għall-Internet, u l-illitteriżmu
diġitali huma ta' żvantaġġ għaċ-ċittadini,
minħabba l-fatt li d-dinja diġitali taffettwa ħafna l-attività fis-soċjetà.
Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-Internet u
għal fluss ta’ informazzjoni mingħajr xkiel. L-integrità u s-sigurtà
tal-Internet iridu jiġu żgurati biex jippermettu l-aċċess
sikur għal kulħadd. Governanza
b’bosta partijiet interessati, demokratika u effiċjenti Id-dinja
diġitali mhijiex ikkontrollata minn entità waħda. Attwalment hemm
diversi partijiet interessati, li ħafna minnhom huma entitajiet
kummerċjali u mhux governattivi, involuti fl-immaniġġjar ta’
kuljum tar-riżorsi, il-protokolli u l-istandards tal-Internet u fl-iżvilupp
futur tal-Internet. L-UE tisħaq mill-ġdid dwar l-importanza
tal-partijiet interessati kollha fil-mudell attwali ta' governanza tal-Internet
u tappoġġa dan l-approċċ ta’ governanza b’bosta partijiet
interessati[6].
Responsabbiltà
komuni biex tiġi żgurata s-sigurtà Id-dipendenza
dejjem tikber fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
fid-dominji kollha tal-ħajja umana wasslet għal vulnerabbiltajiet li
jridu jiġu ddefiniti b’mod xieraq, analizzati bir-reqqa, rimedjati jew
imnaqqsa. L-atturi rilevanti kollha, kemm jekk awtoritajiet pubbliċi,
is-settur privat jew iċ-ċittadini individwali, jeħtieġ li
jagħrfu din ir-responsabbiltà kondiviża, jieħdu azzjoni biex
jipproteġu lilhom innifishom, u jekk ikun meħtieġ, jiżguraw
rispons ikkoordinat biex isaħħaħ iċ-ċibersigurtà. 2. Prijoritajiet u azzjonijiet
strateġiċi L-UE għandha
tissalvagwardja l-ambjent onlajn li jipprovdi l-ogħla possibbiltà ta’
libertà u sigurtà għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Filwaqt li
tagħraf li huwa prinċipalment il-kompitu tal-Istati Membri li
jittrattaw l-isfidi tas-sigurtà fiċ-ċiberspazju, din
l-istrateġija tipproponi azzjonijiet speċifiċi li jistgħu
jsaħħu l-prestazzjoni ġenerali tal-UE. Dawn l-azzjonijiet li
huma kemm fuq żmien qasir u kemm fit-tul, jinkludu varjetà ta’ għodod
politiki[7]
u jinvolvu tipi differenti ta’ atturi, fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati
Membri jew fl-industrija. Il-viżjoni
tal-UE ppreżentata f’din l-istrateġija hija artikolata f'ħames
prijoritajiet strateġiċi, li jindirizzaw l-isfidi ssottolinjati hawn
fuq: ·
Il-kisba tar-reżiljenza ċibernetika ·
It-tnaqqis drastiku taċ-ċiberkriminalità ·
L-iżvilupp ta’ politika u ta’
kapaċitajiet għaċ-ċiberdifiża relatati mal-qafas
tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) ·
L-iżvilupp tar-riżorsi industrijali u
teknoloġiċi għaċ-ċibersigurtà ·
L-istabbiliment ta' politika internazzjonali
koerenti tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċiberspazju u li tippromwovi
l-valuri ewlenin tal-UE 2.1. Il-kisba tar-reżiljenza
ċibernetika Biex
ir-reżiljenza ċibernetika tiġi promossa fl-UE, l-awtoritajiet
pubbliċi u s-settur privat iridu jiżviluppaw kapaċitajiet u
jikkoperaw b’mod effettiv. Abbażi tar-riżultati pożittivi
miksuba permezz tal-attivitajiet li twettqu sal-lum il-ġurnata[8], l-azzjoni ulterjuri tal-UE
tista’ tgħin b’mod partikolari biex jitpattew ir-riskji u t-theddid
ċibernetiċi li jkollhom dimensjoni transfruntiera u tikkontribwixxi
għal rispons ikkoordinat f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Din
l-azzjoni se tappoġġa bis-sħiħ il-funzjonament tajjeb
tas-suq intern u se tagħti spinta lis-sigurtà interna tal-UE. L-Ewropa se
tibqa’ vulnerabbli mingħajr sforz sostanzjali biex jissaħħu kemm
il-kapaċitajiet u r-riżorsi pubbliċi u privati, kif ukoll
il-proċessi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jimmaniġġjaw
l-inċidenti ta' ċibersigurtà. Din hija r-raġuni għaliex
il-Kummissjoni żviluppat politika dwar is-Sigurtà tan-Netwerk u
l-Informazzjoni (NIS)[9].
L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni
(ENISA) ġiet stabbilita fl-2004[10] u
attwalment il-Kunsill u l-Parlament qed jinnegozzjaw Regolament ġdid biex
isaħħaħ l-ENISA u biex jaġġorna l-mandat tagħha[11]. Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas għal komunikazzjonijiet
elettroniċi[12] teħtieġ fornituri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi
biex jimmaniġġjaw b’mod xieraq ir-riskji għan-netwerks
tagħhom u biex jirrappurtaw il-ksur sinifikanti ta’ sigurtà. Barra dan,
il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta[13] teħtieġ kontrolluri
tad-dejta biex jiżguraw rekwiżiti u salvagwardji tal-protezzjoni
tad-dejta, inklużi miżuri għas-sigurtà. Fil-qasam tas-servizzi
tal-komunikazzjoni-e disponibbli għall-pubbliku, il-kontrolluri tad-dejta
jridu jinnotifikaw l-inċidenti li jinvolvu ksur ta’ dejta personali
lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Minkejja
l-progress li sar minħabba l-impenji li ttieħdu fuq bażi
volontarja, għad fadal nuqqasijiet fl-UE, b’mod partikolari f'termini ta’
kapaċitajiet nazzjonali, ta’ koordinazzjoni f’każijiet ta’
inċidenti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed u f’termini ta’
involviment u preparazzjoni tas-settur privat. Din l-istrateġija hija
akkumpanjata minn proposta għal leġiżlazzjoni biex b’mod
partikolari: ·
tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi komuni
għall-NIS fuq livell nazzjonali li jobbligaw lill-Istati Membri biex:
jaħtru awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-NIS; jistabbilixxu
CERT (skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters) li
taħdem tajjeb; u jadottaw strateġija nazzjonali u pjan nazzjonali ta’
kooperazzjoni tal-NIS. Il-bini ta’ kapaċitajiet u ta’ koordinazzjoni
jikkonċernaw ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE: fl-2012 ġiet
stabbilita b'mod permanenti l-iskwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata
mal-kompjuters responsabbli għas-sigurtà tas-sistemi informatiċi
tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE (“CERT-UE”). ·
tistabbilixxi mekkaniżmi kkoordinati ta’
prevenzjoni, identifikazzjoni, mitigazzjoni u rispons, li jippermettu
l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka fost
l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-NIS. L-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti tal-NIS se jkunu mitluba biex jiżguraw il-kooperazzjoni xierqa
fl-UE kollha, b’mod partikolari abbażi ta' pjan ta' kooperazzjoni
tal-Unjoni dwar l-NIS, imfassal biex iwieġeb għall-inċidenti
ċibernetiċi b’dimensjoni transfruntiera. Din il-kooperazzjoni se
tibni wkoll fuq il-progress li sar fil-kuntest tal-“Forum Ewropew
għall-Istati Membri (EFMS)”[14],
li kellu diskussjonijiet u skambji produttivi dwar il-politika pubblika tal-NIS
u li ladarba jidħol fis-seħħ, jista' jiġi integrat
fil-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni. ·
ittejjeb il-preparazzjoni u l-impenn tas-settur
privat. Peress li l-biċċa l-kbira tas-sistemi tan-netwerk u
tal-informazzjoni huma proprjetà ta’ u mħaddma mis-settur privat, huwa
kruċjali li jitjieb l-impenn mas-settur privat biex titrawwem iċ-ċibersigurtà.
Is-settur privat għandu jiżviluppa, fuq livell tekniku,
il-kapaċitajiet tiegħu ta' reżiljenza ċibernetika u
jikkondividi l-aħjar prattiki mas-setturi kollha. L-għodod
żviluppati mill-industrija biex iwieġbu għall-inċidenti,
jidentifikaw kawżi u jagħmlu investigazzjonijiet forensiċi,
għandhom ikunu wkoll ta' benefiċċju għas-settur pubbliku. Madankollu,
l-atturi privati xorta għandhom nuqqas ta’ inċentivi effettivi biex
jipprovdu dejta affidabbli dwar l-eżistenza jew l-impatt
tal-inċidenti tal-NIS, biex iħaddnu kultura ta’ mmaniġġjar
tar-riskju jew biex jinvestu f’soluzzjonijiet ta’ sigurtà. Għalhekk,
il-leġiżlazzjoni proposta għandha l-għan li tiżgura li
l-parteċipanti f’għadd ta’ oqsma ewlenin (b’mod partikolari l-enerġija,
it-trasport, il-banek, il-boroż, l-abilitaturi ta’ servizzi ewlenin
tal-Internet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi) jivvalutaw ir-riskji ta'
ċibersigurtà li jaffaċċaw, jiżguraw li s-sistemi
tan-netwerk u tal-informazzjoni huma affidabbli u reżiljenti permezz ta'
mmaniġġjar xieraq tar-riskju, u jikkondividu l-informazzjoni
identifikata mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-NIS. It-tħaddin
ta’ kultura ta’ ċibersigurtà tista’ ssaħħaħ
l-opportunitajiet kummerċjali u l-kompetittività tas-settur privat, u
b’hekk iċ-ċibersigurtà tista’ ssir punt tal-bejgħ. Dawk l-entitajiet
iridu jirrappurtaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-NIS,
l-inċidenti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-kontinwità
tas-servizzi ewlenin u fuq il-provvista ta’ beni li jiddependu fuq sistemi
tan-netwerk u tal-informazzjoni. L-awtoritajiet
nazzjonali kompetenti tal-NIS għandhom jikkollaboraw u jagħmlu
skambju ta’ informazzjoni ma' korpi regolatorji oħra, u b'mod partikolari
ma’ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta personali. L-awtoritajiet kompetenti
tal-NIS min-naħa tagħhom għandhom jirrappurtaw inċidenti
suspetti ta’ natura kriminali serji lill-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ukoll
jippubblikaw b’mod regolari fuq sit elettroniku ddedikat, informazzjoni mhux
klassifikata fuq twissijiet bikrija li għaddejjin bħalissa dwar
l-inċidenti, ir-riskji u r-rispons ikkoordinat adottat. L-obbligi legali
ma għandhomx jissostitwixxu jew jipprevjenu l-iżvilupp ta’
kooperazzjoni informali u volontarja, anke bejn is-setturi pubbliċi u privati,
li għandha tagħti spinta lil-livelli ta' sigurtà u l-iskambju ta’
informazzjoni u tal-aħjar prattiki. B’mod partikolari, is-Sħubija
Pubblika-Privata Ewropea għar-Reżiljenza (EP3R[15]) hija pjattaforma solida u
valida fuq il-livell tal-UE u għandha tiġi żviluppata aktar. Il-Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)[16]
se tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura ewlenija,
li tgħaqqad flimkien il-kapaċitajiet tal-Istati Membri rigward l-NIS
u b’hekk ikun iktar faċli li ssir kooperazzjoni fl-UE. Fl-aħħar
nett, l-eżerċizzji ta’ inċidenti ċibernetiċi fuq
il-livell tal-UE huma essenzjali biex tiġi simulata l-kooperazzjoni fost
l-Istati Membri u s-settur privat. L-ewwel eżerċizzju li kien
jinvolvi l-Istati Membri sar fl-2010, (“Cyber Europe 2010”) u t-tieni eżerċizzju,
li kien jinvolvi anke s-settur privat, sar f'Ottubru 2012 (“Cyber Europe
2012”). F’Novembru 2011 sar eżerċizzju ta’ simulazzjoni bejn
l-UE u l-Istati Uniti (“Cyber Atlantic 2011”). Fis-snin li ġejjin hemm ippjanati
iktar eżerċizzji, anke mal-isħab internazzjonali. Il-Kummissjoni se: · Tkompli l-attivitajiet tagħha, imwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-proprjetarji u l-operaturi tal-infrastruttura kritika, dwar l-identifikazzjoni ta' vulnerabbiltajiet tal-NIS tal-infrastruttura kritika Ewropea u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi reżiljenti. · Tniedi proġett pilota ffinanzjat mill-UE[17] fil-bidu tal-2013, għall-ġlieda kontra l-botnets u l-malware, biex jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-settur privat bħall-Fornituri tas-Servizz tal-Internet u l-isħab internazzjonali. Il-Kummissjoni titlob lil ENISA biex: · Tassisti l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet nazzjonali b’saħħithom għar-reżiljenza ċibernetika, b’mod partikolari billi jinħolqu kompetenzi dwar is-sigurtà u r-reżiljenza ta’ sistemi ta’ kontroll industrijali u ta’ infrastruttura ta’ trasport u enerġija · Fl-2013 teżamina l-fattibbiltà ta’ Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (ICS-CSIRTs) għal Sistemi ta' Kontroll Industrijali fl-UE. · Tkompli tappoġġa l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fit-twettiq ta’ eżerċizzji regolari pan-Ewropej ta’ inċidenti ċibernetiċi li se jiffurmaw il-bażi operazzjonali għall-parteċipazzjoni tal-UE f'eżerċizzji internazzjonali ta' inċidenti ċibernetiċi. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex: · Jadottaw malajr il-proposta għal Direttiva dwar livell għoli komuni għas-Sigurtà tan-Netwerk u l-Informazzjoni (NIS) fl-Unjoni, jindirizzaw il-kapaċitajiet u l-preparazzjoni nazzjonali, il-kooperazzjoni fuq livell tal-UE, it-tħaddin ta’ prattiki tal-immanġġjar tar-riskju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-NIS. Il-Kummissjoni titlob lill-industrija biex: · Tieħu t-tmexxija tal-investiment biex jinkiseb livell għoli ta’ ċibersigurtà u biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq livell settorjali u mal-awtoritajiet pubbliċi, bil-ħsieb li tiġi żgurata protezzjoni soda u effettiva tal-assi u l-individwi, b’mod partikolari permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati bħal EP3R u Trust in Digital Life (TDL)[18]. Iż-żieda fl-għarfien Iċ-ċibersigurtà
tiġi żgurata bħala responsabbiltà komuni. L-utenti finali għandhom
rwol kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistemi
tan-netwerks u l-informazzjoni: jeħtieġ li jkunu konxji tar-riskji li
jaffaċċaw onlajn u jingħataw is-setgħa biex jieħdu
passi sempliċi biex ikunu mħarsa minn dawn ir-riskji. F'dawn
l-aħħar snin, ġew żviluppati diversi inizjattivi li
għandhom jitkomplew. ENISA, b’mod partikolari, kienet involuta
fiż-żieda tal-għarfien permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rapporti,
l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u l-iżvilupp ta’
sħubiji pubbliċi-privati. Anke l-Europol, il-Eurojust u
l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta huma attivi
fiż-żieda tal-għarfien. F’Ottubru 2012, ENISA, flimien ma’
xi Stati Membri, mexxiet ix-“Xahar taċ-Ċibersigurtà Ewropea”. Iż-żieda
fl-għarfien huwa wieħed mill-oqsma li qed imexxi ‘l quddiem il-Grupp
ta’ Ħidma bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u
ċ-Ċiberkriminalità[19]
u huwa wkoll essenzjali fil-kuntest tal-programm “Internet Aktar Sikur”[20] (iffukat fuq is-sikurezza
tat-tfal onlajn). Il-Kummissjoni titlob lil ENISA biex: · Fl-2013, tipproponi pjan direzzjonali għal “liċenzja ta’ Sigurtà tan-Netwerk u tal-Informazzjoni” bħala programm ta’ ċertifikazzjoni volontarja biex jippromwovi it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-professjonisti tal-IT (eż. amministraturi tal-websajt). Il-Kummissjoni se: · Torganizza, bl-appoġġ ta’ ENISA, kampjonat taċ-ċibersigurtà fl-2014, fejn studenti universitarji se jikkompetu billi jipproponu soluzzjonijiet tal-NIS. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri[21] biex: · Kull sena, mill-2013 'il quddiem, jorganizzaw xahar taċ-ċibersigurtà bl-appoġġ ta’ ENISA u bl-involviment tas-settur privat, bil-għan li jiżdied l-għarfien fost l-utenti finali. Mill-2014, jiġi organizzat xahar taċ-ċibersigurtà sinkronizzat bejn l-UE u l-Istati Uniti. · Iżidu l-isforzi nazzjonali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-NIS, billi jintroduċu: sal-2014, taħriġ dwar l-NIS fl-iskejjel; taħriġ dwar l-NIS, u dwar l-iżvilupp sigur tas-softwer u dwar il-protezzjoni tad-dejta personali għal studenti tax-xjenza tal-kompjuters; u taħriġ bażiku dwar l-NIS għall-persunal li jaħdem f’amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex: · Tippromwovi l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà fil-livelli kollha, fil-prattiki tan-negozju u fl-interfaċċja mal-klijenti. L-industrija, b'mod partikolari, għandha tirrifletti dwar kif il-kapijiet eżekuttivi u l-Bordijiet jistgħu jkunu aktar responsabbli miċ-ċibersigurtà. 2.2. It-tnaqqis drastiku
taċ-ċiberkriminalità Iktar ma
ngħixu f’dinja diġitali, aktar iċ-ċiberkriminali jsibu
opportunitajiet x’jistgħu jisfruttaw. Iċ-ċiberkriminalità, li
ta’ kuljum aktar minn miljun persuna fid-dinja tisfa vittma tagħha, hija
waħda mill-forom ta’ kriminalità li qed tikber b’rittmu
mgħaġġel. Iċ-ċiberkriminali u n-netwerks ta’
ċiberkriminalità qed isiru dejjem aktar sofistikati u għandna
bżonn għodod operazzjonali u kapaċitajiet tajba biex jiġu
indirizzati. Iċ-ċiberkriminalità hija attività bi qligħ kbir u
bi profil baxx, u l-kriminali ta’ spiss jisfruttaw l-anonimità tad-dominji
tal-websajts. Iċ-ċiberkriminalità ma għandhiex fruntieri;
il-firxa globali tal-Internet tfisser li l-infurzar tal-liġi irid jadotta
approċċ tranfruntier ikkoordinat u kollaborattiv biex iwieġeb
għal din it-theddida li qiegħdha dejjem tikber. Leġiżlazzjoni
soda u effettiva L-UE u l-Istati
Membri jeħtieġu leġiżlazzjoni soda u effettiva biex
jindirizzaw iċ-ċiberkriminalità. Il-Konvenzjoni tal-Kunsill
tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, magħrufa wkoll bħala
l-Konvenzjoni ta’ Budapest, hija trattat internazzjonali vinkolanti li
jipprovdi qafas effettiv għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni
nazzjonali. L-UE diġà
adottat leġiżlazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità inkluża
Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament
tat-tfal u l-pedopornografija[22].
L-UE qiegħdha wkoll fil-punt li tadotta Direttiva dwar attakki kontra
sistemi informatiċi, speċjalment bl-użu ta’ botnets. Il-Kummissjoni se: · Tiżgura li d-Direttivi relatati maċ-ċiberkriminalità jiġu trasposti u implimentati malajr kemm jista’ jkun. · Tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, biex jirratifikaw u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha mill-aktar fis possibbli. Tisħiħ
tal-kapaċità operazzjonali għall-ġlieda kontra
ċ-ċiberkriminalità L-evoluzzjoni
tat-tekniki taċ-ċiberkriminalità żdiedet malajr ħafna:
l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi ma jistgħux jiġġieldu
l-kriminalità b’għodod operazzjonali mhux aġġornati. Attwalment,
mhux l-Istati Membri kollha għandhom il-kapaċità operazzjonali li
għandhom bżonn biex iwieġbu b’mod effettiv
għaċ-ċiberkriminalità. L-Istati Membri kollha għandhom
bżonn ta’ unitajiet nazzjonali effettivi għall-ġlieda kontra
ċ-ċiberkriminalità. Il-Kummissjoni se: · Tappoġġa lill-Istati Membri, permezz tal-programmi ta’ finanzjament tagħha[23], biex jidentifikaw in-nuqqasijiet u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jinvestigaw u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-korpi li jagħqdu s-settur tar-riċerka/akkademiku, il-professjonisti tal-infurzar tal-liġi u s-settur privat, simili għall-ħidma li għaddejja bħalissa mwettqa miċ-Ċentri ta’ Eċċellenza taċ-Ċiberkriminalità ffinanzjati mill-Kummissjoni, li diġà huma stabbiliti f’xi Stati Membri. · Tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, l-isforzi biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u l-aħjar tekniki disponibbli, bl-appoġġ tal-JRC, għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (eż. l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod forensiċi jew l-analiżi tat-theddid) · Taħdem mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), li għadu kif ġie mniedi fi ħdan il-Europol u l-Eurojust biex jiġu allinjati dawn l-appoċċi politiki mal-aħjar prattiki mil-lat operazzjonali. Koordinazzjoni
aħjar fuq livell tal-UE L-UE tista’
tikkomplementa x-xogħol tal-Istati Membri billi tiffaċilita
approċċ koordinat u kollaborattiv, li jgħaqqad flimkien
l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-partijiet
interessati pubbliċi u privati tal-UE u ta’ pajjiżi oħra. Il-Kummissjoni se: · Tappoġġa ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) bħala l-punt fokali Ewropew fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. L-EC3 se jipprovdi xogħol ta’ analiżi u ta’ intelligence, jappoġġa l-investigazzjonijiet, jipprovdi tekniki forensiċi ta’ livell għoli, jiffaċilita l-kooperazzjoni, joħloq kanali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, is-settur privat u partijiet interessati oħra, u bil-mod il-mod isir il-leħen tal-komunità tal-infurzar tal-liġi[24]. · Tappoġġa l-isforzi biex tiżdied il-kontabbiltà tar-reġistraturi tal-ismijiet tad-dominji u tiżgura l-eżattezza tal-informazzjoni dwar is-sjieda tal-websajts, b’mod partikolari abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Infurzar tal-Liġi għall-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN), f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta. · Tibni fuq il-leġiżlazzjoni riċenti biex jitkompla t-tisħiħ tal-isforzi tal-UE biex jiġi indirizzat l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn. Il-Kummissjoni adottat Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal[25] u, flimkien mal-pajjiżi tal-UE u anke ma’ dawk li mhumiex fl-UE, nediet Alleanza Globali għall-Ġlieda kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn[26]. L-Alleanza hija mezz għal aktar azzjonijiet mill-Istati Membri appoġġati mill-Kummissjoni u mill-EC3. Il-Kummissjoni titlob lil Europol (EC3) biex: · Inizjalment jiffoka l-appoġġ analitiku u operazzjonali tiegħu fuq l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri dwar iċ-ċiberkriminalità, biex iżarma u jfixkel n-netwerks taċ-ċiberkriminalità prinċipalment fl-oqsma tal-abbuż sesswali tat-tfal, tal-frodi tal-ħlasijiet, tal-botnets u tal-intrużjoni. · Fuq bażi regolari, jipproduċu rapporti strateġiċi u operazzjonali dwar tendenzi u theddid ġodda biex jiġu identifikati l-prijoritajiet u biex l-azzjoni investigattiva tal-iskwadri taċ-ċiberkriminalità fl-Istati Membri tkun immirata. Il-Kummissjoni titlob lill-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) f’kooperazzjoni mal-Europol biex: · Jikkoordina t-tfassil u l-ippjanar ta' korsijiet ta’ taħriġ biex jgħammar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bl-għarfien u l-kompetenzi biex jindirizzaw b’mod effettiv ċ-ċiberkriminalità. Il-Kummissjoni titlob lil Eurojust biex: · Tidentifika l-ostakoli prinċipali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq l-investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità, għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi u għall-appoġġ tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminalità fuq livell operazzjonali u strateġiku u l-attivitajiet ta’ taħriġ fil-qasam. Il-Kummissjoni titlob lil Eurojust u lil Europol (EC3) biex: · Jikkooperaw mill-qrib, fost l-oħrajn, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex tiżdied l-effettività tagħhom fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, f’konformità mal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom. · 2.3. L-iżvilupp ta’ politika
u ta’ kapaċitajiet għaċ-ċiberdifiża relatati mal-qafas
tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) L-isforzi
taċ-ċibersigurtà fl-UE jinvolvu wkoll id-dimensjoni
taċ-ċiberdifiża. Biex tiżdied ir-reżiljenza
tas-sistemi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni li jappoġġaw
l-interessi ta’ difiża u ta’ sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri,
l-iżvilupp ta' kapaċità ta' ċiberdifiża għandu jkun
konċentrat fuq l-attivitajiet ta’ identifikazzjoni, ir-rispons u l-irkupru
minn theddid ċibernetiku sofistikat. Minħabba
l-fatt li t-theddid għandu ħafna aspetti differenti,
jeħtieġ li s-sinerġiji bejn l-approċċi ċivili u
militari rigward il-protezzjoni ta’ beni ċibernetiċi kritiċi,
jiġu msaħħa. Dawn l-isforzi għandhom jiġu
appoġġati bir-riċerka u l-iżvilupp, u b’kooperazzjoni
mill-qrib bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-settur akkademiku fl-UE.
Biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, l-UE se tesplora l-possibbilitajiet
dwar kif l-UE u n-NATO jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tagħhom biex
iżidu r-reżiljenza ta’ infrastrutturi kritiċi governattivi, ta’
difiża u ta’ informazzjoni li jiddependu minnhom il-membri
taż-żewġ organizzazzjonijiet. Ir-Rappreżentant Għoli se jiffoka fuq
l-attivitajiet ewlenin li ġejjin u se jistieden lill-Istati Membri u
lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ħalli jikkollaboraw biex:
·
Jivvalutaw ir-rekwiżiti operazzjonali
għaċ-ċiberdifiża tal-UE u jippromwovu l-iżvilupp
tal-kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża tal-UE u t-teknoloġiji
biex jindirizzaw l-aspetti kollha tal-iżvilupp ta’ kapaċità, li
jinkludu d-duttrina, it-tmexxija, l-organizzazzjoni, il-persunal,
it-taħriġ, it-teknoloġija, l-infrastruttura, il-loġistika u
l-interoperabbiltà; ·
Jiżviluppaw il-qafas ta’ politika
għaċ-ċiberdifiża tal-UE biex jipproteġi n-netwerks fi
ħdan il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, li jinkludu
l-immaniġġjar dinamiku tar-riskju, it-titjib fl-analiżi
tat-theddid u l-kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni. Itejbu
l-Opportunitajiet ta’ Taħriġ u ta’ Eżerċizzju militari fi
ħdan iċ-Ċiberdifiza fil-kuntest Ewropew u multinazzjonali, li
jinkludu l-integrazzjoni tal-elementi ta’ ċiberdifiża fil-programmi
eżistenti ta’ eżerċizzju; ·
Jippromwovu d-djalogu u l-koordinazzjoni bejn
l-atturi ċivili u militari fl-UE, b'enfażi partikolari fuq l-iskambju
tal-prattiki tajba, l-informazzjoni, it-twissija bikrija, ir-rispons ta’
inċidenti, il-valutazzjoni tar-riskju, iż-żieda fl-għarfien
u l-istabbiliment taċ-ċibersigurtà bħala prijorità; ·
Jiżguraw id-djalogu mas-sħab
internazzjonali, bħan-NATO, l-organizzazzjonijiet internazzjonali
l-oħra u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza multinazzjonali, biex
jiżguraw il-kapaċitajiet effettivi ta’ difiża, jiġu
identifikati oqsma għall-kooperazzjoni u tiġi evitata d-duplikazzjoni
tal-isforzi. 2.4. L-iżvilupp
tar-riżorsi industrijali u teknoloġiċi
għaċ-ċibersigurtà L-Ewropa
għandha kapaċitajiet eċċellenti ta’ riċerka u
żvilupp, iżda ħafna mill-mexxejja globali li jipprovdu prodotti
u servizzi innovattivi tal-ICT (Teknoloġija tal-Informatika u
l-Komunikazzjoni) jinsabu barra mill-UE. Hemm ir-riskju li l-Ewropa mhux biss
issir dipendenti żżejjed fuq l-ICT li tiġi prodotta
f'pajjiżi oħra, iżda wkoll fuq soluzzjonijiet ta’ sigurtà
żviluppati barra l-fruntieri tagħha. Huwa fundamentali li jiġi
żgurat li l-komponenti tal-hardwer u s-softwer prodotti fl-UE u
f'pajjiżi terzi, li jintużaw minn servizzi u infrastrutturi
kritiċi u dejjem aktar minn apparati mobbli, ikunu affidabbli, siguri u
jiggarantixxu l-protezzjoni tad-dejta personali. Promozzjoni
ta’ Suq Uniku għall-prodotti ta’ ċibersigurtà Livell għoli
ta’ sigurtà jista’ jiġi żgurat biss jekk l-elementi kollha fil-katina
tal-valur (eż. manifatturi ta’ tagħmir, żviluppaturi
tas-softwer, fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni)
ipoġġu s-sigurtà bħala prijorità. Madankollu, jidher li[27] ħafna mill-parteċipanti
għadhom iqisu s-sigurtà bħala piż addizzjonali u d-domanda ta'
soluzzjonijiet ta' sigurtà hija limitata. Hemm bżonn li rekwiżiti
xierqa ta’ prestazzjoni għaċ-ċibersigurtà, jiġu implimentati
matul il-katina tal-valur kollha għall-prodotti tal-ICT li jintużaw
fl-Ewropa. Is-settur privat għandu bżonn inċentivi biex
jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà; pereżempju, tikketti
li jindikaw prestazzjoni xierqa taċ-ċibersigurtà, se jippermetti li l-kumpaniji
bi prestazzjoni tajba ta’ ċibersigurtà u b'esperjenza tajba jisfruttaw
dawn il-kwalitajiet, biex jagħmluha punt ta’ bejgħ u jinkiseb
vantaġġ kompetittiv. Anke, l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva
proposta tal-NIS se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jistabbilixxu
l-kompetittività tan-negozji fis-setturi koperti. Għandha
tiġi stimulata wkoll d-domanda tas-suq fuq livell Ewropew
għall-prodotti b’sigurtà għolja. L-ewwel nett, din l-istrateġija
għandha l-għan li żżid il-kooperazzjoni u t-trasparenza
dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ICT. Din issejjaħ ukoll
għall-istabbiliment ta' pjattaforma, li tgħaqqad flimkien partijiet
interessati Ewropej, pubbliċi u privati, biex jidentifikaw il-prattiki
tajba ta’ ċibersigurtà matul il-katina tal-valur u joħolqu
l-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’
soluzzjonijiet siguri tal-ICT. Punt importanti għandu jkun il-ħolqien
ta’ inċentivi għall-immaniġġjar xieraq tar-riskju u
għall-adozzjoni ta’ standards u soluzzjonijiet ta’ sigurtà, kif ukoll
għall-possibbiltà li jiġu stabbiliti skemi ta’ ċertifikazzjoni
volontarji fl-UE li jkomplu jibnu fuq skemi eżistenti fl-UE u
internazzjonalment. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-adozzjoni ta’
approċċi koerenti fost l-Istati Membri biex jiġu evitati
differenzi li joħolqu żvantaġġi lokalizzati
għan-negozji. It-tieni nett,
il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards ta’ sigurtà,
tassisti permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja matul l-UE
fil-qasam tal-cloud computing, filwaqt li tqis il-bżonn li tiżgura
l-protezzjoni tad-dejta. Il-ħidma għandha tiffoka fuq is-sigurtà tal-katina
ta' provvista, b'mod partikolari f'setturi ekonomiċi kritiċi
(is-Sistemi ta’ Kontroll Industrijali, l-infrastruttura tal-enerġija u
t-trasport). Din il-ħidma għandha tibni fuq il-ħidma ta’
standardizzazzjoni li għaddejja bħalissa tal-Organizzazzjonijiet
Ewropej ta’ Standardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI)[28], tal-Grupp ta' Koordinazzjoni
taċ-Ċibersigurtà, kif ukoll fuq il-kompetenzi ta' ENISA,
il-Kummissjoni u parteċipanti oħra rilevanti. Il-Kummissjoni se: · Tniedi, fl-2013, pjattaforma pubblika-privata għal soluzzjonijiet tal-NIS biex tiżviluppa inċentivi għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet siguri tal-ICT u biex tħaddan prestazzjoni tajba taċ-ċibersigurtà biex tiġi applikata għall-prodotti tal-ICT li jintużaw fl-Ewropa. · Tipproponi, fl-2014, rakkomandazzjonijiet biex jiżguraw iċ-ċibersigurtà matul il-katina tal-valur tal-ICT, li jkomplu fuq il-ħidma ta' din il-pjattaforma; · Teżamina kif il-fornituri ewlenin tal-hardwer u s-softwer tal-ICT jistgħu jinfurmaw l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar vulnerabbiltajiet identifikati li jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq is-sigurtà. Il-Kummissjoni titlob lil ENISA biex: · Tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-partijiet interessati, il-korpi internazzjonali u Ewropej ta' standardizzazzjoni, u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, linji gwida u rakkomandazzjonijiet tekniċi għall-adozzjoni ta' standards u prattiki tajba tal-NIS, fis-setturi pubbliċi u privati. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati pubbliċi u privati biex: · Jistimulaw l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ mmexxija mill-industrija, normi tekniċi u prinċipji li jintegraw is-sigurtà u l-privatezza standards ta’ sigurtà mill-waqt tad-disinn, mill-manifatturi tal-prodotti tal-ICT u tal-fornituri tas-servizz, li jinkludu l-fornituri tal-cloud computing; Ġenerazzjonijiet ġodda ta’ softwer u hardwer għandhom jiġu mgħammra b’karatteristiċi ta’ sigurtà aktar b’saħħithom, integrati u faċli għall-utent. · Jiżviluppaw standards immexxija mill-industrija għall-prestazzjoni tal-kumpaniji dwar iċ-ċibersigurtà u jtejbu l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku billi jiżviluppaw tikketti ta’ sigurtà jew kite mark biex jgħinu lill-konsumatur jesplora s-suq. It-trawwim
tal-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) u
l-innovazzjoni Ir-ricerka u
l-iżvilupp jistgħu jappoġġaw politika industrijali soda,
jippromwovu industrija Ewropea affidabbli tal-ICT, jagħtu spinta lis-suq
intern u jnaqqsu d-dipendenza Ewropea fuq it-teknoloġiji barranin.
Ir-R&Ż għandhom jimlew in-nuqqasijiet teknoloġiċi
fis-sigurtà tal-ICT, iħejju għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’
sfidi ta’ sigurtà, iqisu l-evoluzzjoni kostanti tal-bżonnijiet tal-utent u
jieħdu l-benefiċċji tat-teknoloġiji ta’ użu doppju.
Dawn għandhom ikomplu jappoġġaw l-iżvilupp
tal-kriptografija. Għandhom ukoll jiġu kkomplementati bl-isforzi biex
jiġu tradotti r-riżultati ta’ R&Ż f’soluzzjonijiet
kummerċjali billi jipprovdu l-inċentivi neċessarji u jiġu
stabbiliti l-kundizzjonijiet politiki xierqa. L-UE għandha
tisfrutta bl-aħjar mod il-Programm Qafas għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni, Orizzont 2020[29],
li se jitnieda fl-2014. Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi objettivi
speċifiċi għal ICT affidabbli, kif ukoll għall-ġlieda
kontra ċ-ċiberkriminlità li huma f’konformità ma’ din
l-istrateġija. Orizzont 2020 se jappoġġa r-riċerka
dwar is-sigurtà relatata mat-teknoloġiji tal-ICT emerġenti; jipprovdi
soluzzjonijiet siguri minn naħa għall-oħra ta’ sistemi, servizzi
u applikazzjonijiet tal-ICT; jipprovdi l-inċentivi għall-implimentazzjoni
u l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet eżistenti; u jindirizza
l-interoperabbiltà fost is-sistemi ta’ netwerk u ta’ informazzjoni. Se
tingħata attenzjoni speċifika fuq livell tal-UE biex jiġu
ottimizzati u kkoordinati b’mod aħjar id-diversi programmi ta’
finanzjament (Orizzont 2020, Fond għas-Sigurtà Interna,
ir-riċerka tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża li tinkludi
l-Qafas Ewropew ta’ Kooperazzjoni). Il-Kummissjoni se: · Tuża Orizzont 2020 biex tindirizza firxa ta’ oqsma tal-privatezza u s-sigurtà tal-ICT, mir-R&Ż għall-innovazzjoni u l-iskjerament. Orizzont 2020 se jiżviluppa wkoll għodod u strumenti għall-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u terroristiċi li jimmiraw l-ambjent ċibernetiku. · Tistabbilixxi mekkaniżmi għall-koordinazzjoni aħjar tal-aġendi ta’ riċerka tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, u tinċentiva lill-Istati Membri biex jinvestu aktar fir-R&Ż. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex: · Sal-aħħar tal-2013, jiżviluppaw prattiki tajba biex jużaw il-kapaċità tal-akkwist tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (bħal permezz ta’ akkwist pubbliku) biex jistimulaw l-iżvilupp u l-iskjerament ta' karatteristiċi ta’ sigurtà fil-prodotti u s-servizzi tal-ICT. · Jippromwovu l-involviment bikri tal-industrija u s-settur akkademiku fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Dan għandu jsir billi jiġu sfruttati kemm jista’ jkun il-Bażi Industrijali tal-Ewropa u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi assoċjati mar-R&Ż, u billi jiġu kkoordinati l-aġendi tar-riċerka ta' organizzazzjonijiet ċivili u militari. Il-Kummissjoni titlob lil Europol u lil ENISA biex: · Jidentifikaw tendenzi u bżonnijiet emerġenti fid-dawl tax-xejriet taċ-ċiberkriminalità u ċ-ċibersigurtà li qed jevolvu, biex jiżviluppaw għodod xierqa u teknoloġiji diġitali għat-tekniki forensiċi. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati pubbliċi u privati biex: · Jiżviluppaw, f’kooperazzjoni mas-settur tal-assigurazzjoni, metriċi armonizzati għall-kalkolu ta’ primjums tar-riskju, li jippermettu lill-kumpaniji li nvestew fis-sigurtà biex jibbenefikaw minn primjums li għandhom riskju aktar baxx. 2.5. L-istabbiliment ta' politika
internazzjonali koerenti tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċiberspazju u li
tippromwovi l-valuri ewlenin tal-UE Il-preżervazzjoni
ta’ ċiberspazju miftuħ, ħieles u sigur hija sfida globali, li
l-UE għandha tindirizza flimkien mal-isħab u l-organizzazzjonijiet
internazzjonali rilevanti, is-settur privat u s-soċjetà ċivili. Fil-politika
internazzjonali tagħha dwar iċ-ċiberspazju, l-UE se tfittex li
tippromwovi l-ftuħ u l-libertà tal-Internet, tħeġġeġ
l-isforzi biex jiġu żviluppati normi ta’ mġieba u tapplika
fiċ-ċiberspazju l-liġijiet internazzjonali eżistenti. L-UE
se taħdem ukoll biex tnaqqas il-qasma diġitali, u se
tipparteċipa b'mod attiv fl-isforzi internazzjonali biex tinbena
l-kapaċità taċ-ċibersigurtà. L-impenn internazzjonali tal-UE
rigward kwistjonijiet ċibernetiċi se jiġi ggwidat mill-valuri
ewlenin tal-UE bħad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza,
in-norma ġuridika u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Integrazzjoni
tal-kwistjonijiet rigward iċ-ċiberspazju fir-relazzjonijiet esterni
tal-UE u fil-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà Il-Kummissjoni,
ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri għandhom jartikulaw
politika internazzjonali tal-UE dwar iċ-ċiberspazju, li se jkollha
l-għan li żżid l-impenn u ssaħħaħ
ir-relazzjonijiet mal-isħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali
ewlenin, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u s-settur privat.
Il-konsultazzjonijiet tal-UE ma’ sħab internazzjonali dwar kwistjonijiet
ċibernetiċi għandhom ikunu mfassla, ikkoordinati u implimentati
biex iżidu l-valur tad-djalogi bilaterali eżistenti bejn l-Istati
Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi. L-UE se tagħmel enfażi
ġdida fuq id-djalogu mal-pajjiżi terzi, b’importanza speċjali
għall-isħab tal-istess fehma li jikkondividu l-valuri tal-UE.
L-Unjoni se tippromwovi l-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni
tad-dejta, anke f'każ ta' trasferiment ta' dejta personali
lill-pajjiż terz. Biex jiġu indirizzati l-isfidi globali
fiċ-ċiberspazju, l-UE se tfittex kooperazzjoni iktar mill-qrib
mal-organizzazzjonijiet li huma attivi f’dan il-qasam bħall-Kunsill
tal-Ewropa, l-OECD, l-NU, l-OSKE, in-NATO, l-UA, l-ASEAN u l-OAS. Fuq livell
bilaterali, il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti hija partikolarment importanti u
se tiġi żviluppata aktar, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Grupp
ta’ Ħidma bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u
ċ-Ċiberkriminalità. Wieħed
mill-elementi ewlenin tal-politika internazzjonali ċibernetika tal-UE se
jkun li tippromwovi ċ-ċiberspazju bħala qasam ta’ libertà u ta’
drittijiet fundamentali. L-espansjoni tal-aċċess għall-Internet
għandha tmexxi 'l quddiem ir-riforma demokratika u l-promozzjoni
tagħha madwar id-dinja. Iż-żieda fil-konnettività globali ma
għandhiex tkun akkumpanjata minn ċensura jew minn sorveljanza
tal-massa. L-UE għandha tippromwovi r-responsabbiltà soċjali
korporattiva[30],
u tniedi inizjattivi internazzjonali biex itejbu l-koordinazzjoni globali f’dan
il-qasam. Ir-responsabbiltà
għal ċiberspazju aktar sigur qiegħdha f'idejn
il-parteċipanti kollha tas-soċjetà globali tal-informazzjoni,
miċ-ċittadini sal-gvernijiet. L-UE tappoġġa l-isforzi biex
jiġu definiti n-normi ta' mġieba fiċ-ċiberspazju li
għandhom jiġu rrispettati mill-partijiet interessati kollha. Hekk kif
l-UE tistenna li ċ-ċittadini jirrispettaw id-dmirijiet
ċiviċi, ir-responsabbiltajiet soċjali u l-liġijiet onlajn,
l-istess għandhom jagħmlu l-Istati billi josservaw normi u liġijiet
eżistenti. Dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà internazzjonali, l-UE
tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ miżuri għall-bini ta’
fiduċja fiċ-ċibersigurtà, biex tiżdid it-trasparenza u
jitnaqqas ir-riskju ta' perċezzjonijiet żbaljati fl-imġieba tal-Istat. L-UE ma
ssejjaħx għall-ħolqien ta’ strumenti ġodda legali internazzjonali
għal kwistjonijiet ċibernetiċi. L-obbligi legali
stabbiliti fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u
Politiċi, l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu wkoll
irrispettati onlajn. L-UE se tiffoka fuq kif tiżgura li dawn
il-miżuri jiġu infurzati wkoll fiċ-ċiberspazju. Biex tiġi
indirizzata ċ-ċiberkriminalità, il-Konvenzjoni ta’ Budapest hija
strument miftuħ għall-adozzjoni minn pajjiżi terzi. Din tipprovdi
mudell għall-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar
iċ-ċiberkriminalità u bażi għall-kooperazzjoni
internazzjonali f’dan il-qasam. Jekk il-kunflitti
armati jestendu saċ-ċiberspazju, il-Liġi Umanitarja
Internazzjonali u l-Liġi tad-Drittijiet Umani japplikaw f’dan il-każ.
Żvilupp għall-bini ta’ kapaċità dwar
iċ-ċibersigurtà u ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni
reżiljenti f’pajjiżi terzi Il-funzjonament
bla xkiel tal-infrastrutturi sottostanti li jipprovdu u jiffaċilitaw
servizzi ta’ komunikazzjoni se jibbenefikaw minn żieda fil-kooperazzjoni
internazzjonali. Din tinkludi l-iskambju tal-aħjar prattiki,
il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, it-twissija bikrija,
l-eżerċizzji konġunti ta’ mmaniġġjar tal-inċidenti,
eċċ. L-UE se tikkontribwixxi għal dan il-għan billi
tintensifika l-isforzi internazzjonali li għaddejjin bħalissa biex
issaħħaħ in-netwerks ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni
tal-infrastruttura ta’ informazzjoni kritika (CIIP), li jinvolvu l-gvernijiet u
s-settur privat. Mhux il-partijiet
kollha fid-dinja jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-Internet,
minħabba n-nuqqas ta’ aċċess miftuħ, sigur, interoperabbli
u affidabbli. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea se tkompli tappoġġa
l-isforzi tal-pajjiżi fit-tfittxija tagħhom biex jiżviluppaw
l-aċċess u l-użu tal-Internet għaċ-ċittadini
tagħhom, biex jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tiegħu u biex
jiġġieldu b’mod effettiv kontra ċ-ċiberkriminalità. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se: · Jaħdmu għal politika internazzjonali tal-UE koerenti dwar iċ-ċiberspazju biex iżidu l-impenn mal-isħab u l-organizzazzjonijiet ewlenin internazzjonali, biex jintegraw il-kwistjonijiet ċibernetiċi fil-PESK u biex itejbu l-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet ċibernetiċi globali; · Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ normi ta’ mġieba u ta’ miżuri għall-bini ta’ fiduċja fiċ-ċibersigurtà. Jiffaċilitaw id-djalogu dwar kif tiġi applikata l-liġi internazzjonali eżistenti fiċ-ċiberspazju u jippromwovu l-Konvenzjoni ta’ Budapest biex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità; · Jappoġġaw l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għal informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari billi: a) jiżviluppaw linji gwida pubbliċi dwar il-libertà tal-espressjoni onlajn u offlajn; b) jimmonitorjaw l-esportazzjoni ta’ prodotti jew servizzi li jistgħu jintużaw għaċ-ċensura jew għas-sorveljanza tal-massa onlajn; c) jiżviluppaw miżuri u għodod biex jespandu l-aċċess, il-ftuħ u r-reżiljenza tal-Internet biex jindirizzaw iċ-ċensura jew is-sorveljanza tal-massa mit-teknoloġija tal-komunikazzjoni; d) jagħtu s-setgħa lill-partijiet interessati biex jużaw it-teknoloġija tal-komunikazzjoni biex jippromwovu d-drittijiet fundamentali; · Jimpenjaw ruħhom mas-sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex jappoġġaw il-bini ta’ kapaċità globali biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni u għal Internet miftuħ, biex jipprevjenu u jpattu għat-theddid ċibernetiku, inklużi l-avvenimenti aċċidentali, iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu ċibernetiku, u biex jiżviluppaw koordinazzjoni bejn id-donaturi biex jiggwidaw l-isforzi għall-bini ta’ kapaċità; · Jużaw strumenti differenti ta’ għajnuna tal-UE għall-bini ta’ kapaċità għaċ-ċibersigurtà, inkluża l-assistenza ta’ taħriġ tal-persunal li jinforza l-liġi, tal-persunal ġudizzjarju u tekniku biex tindirizza t-theddid ċibernetiku; kif ukoll biex tappoġġa l-ħolqien ta’ politiki, strateġiji u istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti f’pajjiżi terzi; · Jżidu l-koordinazzjoni ta’ politika u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni permezz tan-netwerks internazzjonali għall-protezzjoni tal-infrastruttura ta’ informazzjoni kritika bħan-netwerk Meridien, jiġifieri l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-NIS u oħrajn. 3. Rwoli u respobsabbiltajiet F'ekonomija u
soċjetà diġitali interkonnessa, l-inċidenti
ċibernetiċi ma jifqux mal-fruntieri. L-atturi kollha,
mill-awtoritajiet kompetenti tal-NIS, sas-CERT u l-infurzar tal-liġi
fl-industrija, iridu jieħdu r-responsabbiltà nazzjonali u fuq livell tal-UE
u jaħdmu flimkien biex isaħħu ċ-ċibersigurtà. Peress
li jistgħu jkunu involuti oqsfa legali u ġuriżdizzjonijiet
differenti, l-isfida ewlenija tal-UE hija li tiċċara l-irwoli u
r-responsabbiltajiet tal-ħafna atturi involuti. Minħabba
l-kumplessità tal-kwistjoni u l-firxa wiesgħa ta’ atturi involuti,
is-superviżjoni Ewropea ċentralizzata mhijiex is-soluzzjoni.
Il-gvernijiet nazzjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex
jorganizzaw il-prevenzjoni u r-rispons għall-inċidenti u l-attakki
ċibernetiċi u biex jistabbilixxu kuntatti u netwerks mas-settur
privat u mal-pubbliku ġenerali permezz tal-flussi politiki u l-oqsfa
legali tagħhom. Fl-istess ħin, minħabba n-natura mingħajr
fruntieri, potenzjali jew reali tar-riskji, tweġiba effettiva nazzjonali
ta’ spiss tkun teħtieġ involvement fuq livell tal-UE. Biex tiġi
indirizzata ċ-ċibersigurtà b’mod komprensiv, l-attivitajiet
għandhom jinfirxu fuq tliet pilastri ewlenin, l-NIS, l-infurzar
tal-liġi u d-difiża, li jaħdmu wkoll fi ħdan oqsfa legali
differenti: 3.1. Koordinazzjoni bejn
l-awtoritajiet kompetenti tal-NIS/CERT, l-infurzar tal-liġi u
d-difiża Il-livell
nazzjonali L-Istati Membri
jrid ikollhom, diġà mil-lum jew bħala riżultat ta' din
l-istrateġija, strutturi li jitrattaw ir-reżiljenza ċibernetika,
iċ-ċiberkriminalità u d-difiża; u għandhom jilħqu
l-livell meħtieġ ta’ kapaċità biex jittrattaw l-inċidenti
ċibernetiċi. Madankollu, minħabba l-fatt li għadd ta’
entitajiet jista’ jkollhom responsabbiltajiet operazzjonali fuq dimensjonijiet
differenti taċ-ċibersigurtà, u minħabba l-importanza li
jiġi involut s-settur privat, il-koordinazzjoni fuq livelll nazzjonali
għandha tkun ottimizzata fil-ministeri differenti. L-Istati Membri
għandhom jistabbilixxu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar
iċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-irwoli u r-responsabbiltajiet
tad-diversi entitajiet nazzjonali tagħhom. Il-kondiviżjoni
tal-informazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali u mas-settur privat għandha
tiġi mħeġġa, sabiex l-Istati Membri u s-settur privat ikunu
jistgħu jżommu ħarsa ġenerali tat-theddid differenti,
jifhmu aħjar it-tendenzi u t-tekniki ġodda użati biex isiru
attakki ċibernetiċi u jirreaġixxu għalihom malajr kemm
jista’ jkun. Bl-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ kooperazzjoni nazzjonali tal-NIS
li jridu jiġu attivati f’każ ta’ inċidenti
ċibernetiċi, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jallokaw
b’mod ċar l-irwoli u r-responsabbilitajiet u jottimizzaw l-azzjonijiet ta’
rispons. Il-livell
tal-UE L-istess
bħal-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE, hemm għadd ta’ atturi li
jitrattaw iċ-ċibersigurtà. L-ENISA, il-Europol/EC3 u l-EDA huma tliet
aġenziji attivi mill-perspettiva tal-NIS, l-infurzar tal-liġi u
d-difiża rispettivament. Dawn l-aġenziji għandhom Bordijiet ta’
Mmaniġġjar fejn l-Istati Membri huma rrappreżentati u joffru
pjattaformi għall-koordinazzjoni fuq il-livell tal-UE. Il-koordinazzjoni
u l-kollaborazzjoni se jiġu mħeġġa fost l-ENISA,
il-Europol/EC3 u l-EDA f’għadd ta’ oqsma fejn huma involuti b;mod
konġunt, b’mod partiolari f’termini tal-analiżi tat-tendenzi,
il-valutazzjoni tar-riskju, it-taħriġ u l-kondiviżjoni
tal-aħjar prattiki. Dawn għandhom jikkollaboraw flimkien, filwaqt li
jippreżervaw l-ispeċifiċitajiet tagħhom. Dawn
l-aġenziji, flimkien mas-CERT-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri,
għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ grupp ta’ esperti
tekniċi u politiki li huwa fdat f'dan il-qasam. Il-mezzi
informali ta' koordinazzjoni u kollaborazzjoni se jiġu kkomplementati
b’kollegamenti aktar strutturali. Il-persunal militari tal-UE u l-iskwadra
tal-proġett tal-EDA għaċ-ċiberdifiża jistgħu
jintużaw bħala l-vettur ta’ koordinazzjoni tad-difiża. Il-Bord
tal-Programm tal-Europol/EC3 se jgħaqqad flimkien fost l-oħrajn
il-EUROJUUST, is-CEPOL, l-Istati Membri[31],
l-ENISA u l-Kummissjoni, u se joffrilhom l-opportunità li jikkondividu l-għarfien
distint tagħhom u jiżgura li l-azzjonijiet ta' EC3 jitwettqu fi
sħubija, jirrikonoxxu l-kompetenzi miżjuda u jirrispettaw l-mandati
tal-partijiet interessati. Bil-mandat il-ġdid tal-ENISA għandu jkun
possibbli li jiżdiedu l-kollegamenti mal-Europol u li jissaħħu
l-kollegamenti mal-partijiet interessati tal-industrija. Iktar importanti minn
hekk huwa, li l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar l-NIS se
tistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni permezz ta’ netwerk ta’ awtoritajiet
nazzjonali kompetenti tal-NIS u tindirizza l-kondiviżjoni
tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-NIS u l-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi. Il-livell
internazzjonali Il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli jiżguraw, flimkien mal-Istati Mmebri,
azzjoni internazzjonali kkoordinata fil-qasam taċ-ċibersigurtà.
Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se
jħaddnu l-valuri ewlenin tal-UE u jippromwovu l-użu paċifiku,
miftuħ u trasparenti tat-teknoloġiji ċibernetiċi.
Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri se jimpenjaw
ruħhom fi djalogu dwar il-politika ma’ sħab u organizzazzjonijiet
internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD, l-OSKE, in-NATO u l-NU. 3.2. L-appoġġ tal-UE
f'każ ta’ inċident jew attakk ċibernetiku kbir L-inċidenti
jew l-attakki ċibernetiċi l-kbar probabbilment ikollhom impatt fuq
il-gvernijiet tal-UE, in-negozji u l-individwi. Bħala riżultat ta’
dan l-istrateġija, u b’mod partikolari tad-direttiva proposta dwar l-NIS,
għandhom jitjiebu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons
għall-inċidenti ċibernetiċi filwaqt li l-Istati Membri u
l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw iktar lil xulxin dwar l-inċidenti
jew l-attakki ċibernetiċi l-kbar. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’
rispons se jvarjaw skont in-natura, il-kobor u l-implikazzjonijiet
transfruntiera tal-inċident. Jekk
l-inċident jkollu impatt serju fuq il-kontinwità tan-negozju, id-Direttiva
tal-NIS tipproponi li l-pjanijiet nazzjonali jew tal-Unjoni dwar l-NIS
jiġu mnedija, skont in-natura transfruntiera tal-inċident. In-netwerk
tal-awtoritajiet kompetenti tal-NIS se jintuża f’dak il-kuntest biex ikun
hemm kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-appoġġ. Dan se
jippermetti l-preżervazzjoni u/jew ir-restawrazzjoni tan-netwerks u
s-servizzi affettwati. Jekk
l-inċident jidher li huwa relatat ma’ reat, il-Europol/EC3 għandhom
jiġu infurmati biex flimkien mal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi
tal-pajjiżi affettwati, iniedu investigazzjoni, jippreżervaw
l-evidenza, jidentifikaw l-awturi tar-reat u fl-aħħar nett
jiżguraw li dawn jiġu mħarrka. Jekk
l-inċident jidher li huwa relatat ma’ spjunaġġ ċibernetiku
jew ma’ attakk sponsorjat mill-istat, jew għandu implikazzjonijiet ta’
sigurtà nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sigurtà u
d-difiża se jinfurmaw lill-kontropartijiet rilevanti tagħhom, biex
ikunu jafu li qed jiġu attakkati u biex b’hekk jiddefendu lilhom
nnifishom. Wara dan, jiġu attivati l-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija,
u jekk ikun meħtieġ, jiġu attivati wkoll il-mekkaniżmi ta’
mmaniġġjar tal-kriżi jew proċeduri oħra. Inċident
jew attakk ċibernetiku partikolarment sejru jista' jkun
biżżejjed biex Stat Membru jsejjaħ il-Klawżola ta’
Solidarjetà tal-UE (l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea). Jekk
l-inċident jidher li kkomprometta d-dejta personali, l-Awtoritajiet
nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta jew l-awtorità regolatorja
nazzjonali għandhom jiġu involuti skont id-Direttiva 2002/58/KE. Fl-aħħar
nett, l-immaniġġjar ta’ inċidenti u attakki
ċibernetiċi se jibbenefika minn netwerks ta’ kuntatt u
appoġġ minn sħab internazzjonali. li jistgħu jinkludu
mitigazzjoni teknika, f’investigazzjoni kriminali jew fl-attivazzjoni ta’
mekkaniżmi ta’ mmaniġġjar u rispons tal-kriżi. 4. Konklużjoni u segwitu Din
l-istrateġija proposta ta’ ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea, imressqa
mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, tiddeskrivi
l-viżjoni u l-azzjonijiet meħtieġa bbażati fuq
il-protezzjoni u l-promozzjoni qawwija tad-drittijiet taċ-ċittadini,
biex l-ambjent onlajn tal-UE isir l-iktar wieħed sikur fid-dinja[32]. Din
il-viżjoni tista’ titwettaq biss permezz ta’ sħubija awtentika, bejn
ħafna atturi, fejn kulħadd ikun responsabbli u jilqa’ l-isfidi li
ġejjin. Għalhekk,
il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew biex japprovaw l-istrateġija u biex jgħinu
fil-kisba tal-azzjonijiet deskritti. Hemm bżonn ukoll ta’ appoġġ
u impenn qawwi mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili, li huma atturi
ewlenin, biex isaħħu l-livell ta' sigurtà u jissalvagwardjaw
id-drittijiet taċ-ċittadini. Wasal
iż-żmien li tittieħed azzjoni. Il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli huma determinati li jaħdmu flimkien
mal-atturi kollha biex tinkiseb is-sigurtà meħtieġa fl-Ewropa. Biex
jiġi żgurat li l-istrateġija qed tiġi implimentata
fil-ħin u vvalutata skont żviluppi possibbli, fi żmien 12-il
xahar, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jiġbru flimkien
il-partijiet kollha rilevanti f'konferenza ta' livell għoli fejn se
jivvalutaw il-progress li sar. [1] http://www.epc.eu/dsm/2/Study_by_Copenhagen.pdf [2] Pereżempju,
pjanti armati b’sensuri biex jikkomunikaw mas-sistema ta’ tbexxix meta dawn
ikollhom bżonn li jissaqqew. [3] Ewrobarometru Speċjali 390 dwar is-Sigurtà
Ċibernetika (2012) [4] Iċ-ċibersigurtà ġeneralment tirrefeti
għas-salvagwardji u l-azzjonijiet li jistgħu jintużaw biex
iħarsu d-dominju ċibernetiku, kemm fil-qasam ċivili kif ukoll
militari, minn dak it-theddid li huwa assoċjat ma' jew li jista' jkun ta'
ħsara għan-netwerks indipendenti u għall-infrastruttura
tal-informazzjoni tiegħu. Iċ-ċibersigurtà tistinka biex
iżżomm d-disponibbiltà u l-integrità tan-netwerks u
tal-infrastruttura u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hemm fihom. It-terminu
ċibersigurtà jkopri wkoll l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ infurzar
tal-liġi biex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità. [5] Iċ-ċiberkriminalità ġeneralment tirreferi
għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali differenti fejn
il-kompjuters u s-sistemi informatiċi jkunu involuti bħala
għodda primarja jew bħala mira primarja. Iċ-ċiberkrimaniltà
tinkludi reati tradizzjonali (eż. frodi, falsifikazzjoni u serq ta’
identità), reati relatati mal-kontenut (eż. distribuzzjoni onlajn ta’
materjal pornografiku tat-tfal jew inċitament għall-mibiegħda razzjali)
u reati speċifiċi fuq kompjuters u sistemi informatiċi (eż.
attakki kontra sistemi informatiċi, ta’ ċaħda mis-servizz u
malware). [6] Ara
wkoll COM(2009) 277, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-Governanza tal-Internet: il-passi li
jmiss" [7] L-azzjonijiet relatati mal-kondiviżjoni
tal-informazzjoni, meta d-dejta personali qiegħdha f’periklu,
għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni
tad-dejta. [8] Ara r-refernzi f’din il-Komunikazzjoni kif ukoll
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, fil-Valutazzjoni
tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar
is-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, b’mod patikolari
s-sezzjonijiet 4.1.4, 5.2, l-Anness 2, l-Anness 6 u
l-Anness 8. [9] Fl-2001,
il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Is-Sigurtà tan-Netwerk u
l-Informazzjoni: Proposta għal Approċċ ta' Politika
Ewropea" (COM(2001)298); fl-2006, adottat Strateġija għal
Soċjetà tal-Informazzjoni Sigura (COM(2006)251). Mill-2009, il-Kummissjoni
adottat ukoll Pjan ta’ Azzjoni u Komunikazzjoni dwar il-Ħarsien
tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP) (COM(2009)149, approvat
bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2009/C 321/01; u COM(2011)163,
approvat bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 10299/11). [10] COM(2010)521. L-azzjonijiet proposti f’din
l-Istrateġija ma jinvolvux l-emendar tal-mandat eżistenti jew futur
ta’ ENISA. [11] Ir-Regolament
(KE) Nru 460/2004 [12] L-Artikolu 13(a)
u (b) tad-Direttiva 2002/21/KE [13] L-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE; l-Artikolu 4
tad-Direttiva 2002/58/KE. [14] Il-Forum Ewropew għall-Istati Membri tnieda permezz
ta’ COM(2009) 149 bħala pjattaforma biex jitrawmu diskussjonijiet
fost l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri dwar il-prattiki ta’
politika tajba dwar is-sigurtà u r-reżiljenza ta’ Infrastruttura Kritika
ta’ Informazzjoni [15] Is-Sħubija
Pubblika-Privata Ewropea għar-Reziljenza ġiet mnedija permezz ta’
COM(2009) 149. Din il-pjattaforma bdiet il-ħidma u rawmet
il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat dwar l-identifikazzjoni ta’
aspetti, riżorsi, funzjonijiet u rekwiżiti bażiċi ewlenin
għar-reżiljenza, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-mekkaniżmi
ta' kooperazzjoni biex iwieġbu għal tfixkil fuq skala kbira li
jaffettwa l-komunikazzjonijiet elettroniċi. [16] https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/connecting-europe-facility. Linja baġitarja CEF 09.03.02 – Netwerks
tat-telekomunikazzjonijiet (biex jippromwovu l-interkonnessjoni u
l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi nazzjonali onlajn kif ukoll
l-aċċess għal dawn in-netwerks). [17] CIP-ICT PSP-2012-6, 325188. Għandu baġit
ġenerali ta’ EUR 15 miljun, bil-finanzjament tal-UE li jammota
għal EUR 7.7 miljun. [18] http://www.trustindigitallife.eu/ [19] Dan
il-Grupp ta’ Ħidma, stabbilit fis-Summit ta’ bejn l-UE u l-Istati Uniti
f’Novembru 2010 (MEMO/10/597), huwa inkarigat li jiżviluppa
approċċi kollaborattivi fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet dwar
iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità. [20] Il-Programm
“Internet Aktar Sikur” jiffinanzja netwerk ta’ NGOs attivi fil-qasam
tal-interessi tat-tfal onlajn, netwerk ta’ korpi ta' infurzar tal-liġi li
jagħmlu skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki relatati
mal-isfruttament kriminali tal-Internet bit-tixrid ta’ materjal dwar
l-abbuż sesswali tat-tfal u netwerk ta’ riċerkaturi li jiġbru
informazzjoni dwar l-użi, ir-riskji u l-konsegwenzi tat-teknoloġiji
onlajn fuq il-ħajja tat-tfal. [21] Anke bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti,
inklużi l-awtoritajiet kompetenti ta’ NIS u l-awtoritajiet tal-protezzjoni
tad-dejta. [22] Id-Direttiva 2011/93/UE li tissostitwixxi
d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI [23] Għall-2013, skont il-Programm Prevenzjoni u
l-Ġlieda kontra l-Kriminalità (ISEC). Wara l-2013, skont il-Fond
għas-Sigurtà Interna (strument ġdid tal-qafas finanzjarju pluriennali
(QFP)). [24] Fit-28 ta’ Marzu 2012,
il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni “Il-Ġlieda kontra
l-Kriminalità f’din l-Era Diġitali : Il-Ħolqien ta’ Ċentru
Ewropew taċ-Ċiberkriminalità” [25] COM(2012) 196 final [26] Konklużjonijiet
tal-Kunsill dwar Alleanza Globali għall-Ġlieda kontra l-Abbuż
Sesswali tat-Tfal Onlajn (dikjarazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Uniti)
tas-7 u t-8 ta’ Ġunju 2012 u Dikjarazzjoni dwar it-tnedija
tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda kontra l-Abbuż Sesswali
tat-Tfal Onlajn (http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-12-944_en.htm) [27] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni,
Valutazzjoni tal-Impatt, li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal
Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni,
Sezzjoni 4.1.5.2 [28] B’mod partikolari skont l-Istandard M/490 tal-Grilja
Intelliġenti għall-ewwel sett ta' standards għal grilja
intelliġenti u arkitettura ta’ referenza. [29] Orrizzont 2020
huwa l-istrument finanzjarju li jimplimenta l-Unjoni tal-Innovazzjoni, inizjattiva
ewlenija ta’ Ewropa 2020 li għandha
l-għan li tiżgura l-kompetittività globali tal-Ewropa. Il-Programm Qafas tal-UE
għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jibda mill-2014 sal-2020, se jkun
parti mill-inizjattiva biex toħloq tkabbir u impjiegi ġodda
fl-Ewropa. [30] Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14
għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva; COM(2011) 681 finali [31] Permezz
ta’ rappreżentazzjoni fit-Task Force tal-UE dwar
iċ-Ċiberkriminalità, li hija magħmula minn kapijiet tal-Unitajiet
għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità tal-Istati Membri. [32] Il-finanzjament tal-Istrateġija se jseħħ fi
ħdan l-ammonti previsti għal kull qasam ta' politika rilevanti
(is-CEF, l-Orizzont 2020, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-PESK u
l-Kooperazzjoni Esterna, b’mod partikolari l-Istrument għall-Istabbiltà)
stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju
Pluriennali 2014-2020 (suġġett għall-approvazzjoni
tal-Awtorità Baġitarja u l-ammonit finali tal-QFP
għal 2014-2020). Fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi
żgurata l-kompatibilità ġenerali mal-għadd ta’ postijiet
disponibbli għal aġenziji deċentralizzati u s-sottolimitu
għall-aġenziji deċentralizzati f’kull intestatura tan-nefqa fil-QFP
li jmiss, l-aġenziji (CEPOL, EDA, ENISA, EUROJUST u EUROPOL/EC3) li b’din
il-Komunikazzjoni huma mitluba li jieħdu inkarigi ġodda, se jiġu
mħeġġa li jagħmlu dan sal-punt fejn ġiet stabbilita
l-kapaċità reali tal-aġenzija li tassorbi aktar riżorsi u wara li
ġew identifikati l-possibiltajiet kollha ta’ skjerament mill-ġdid.