Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR5074

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali

    ĠU C 114, 15.4.2014, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/18


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali

    2014/C 114/04

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2013 u l-valutazzjonijiet tagħha bbażati fuq iż-żewġ strateġiji makroreġjonali eżistenti (għar-reġjuni tad-Danubju u tal-Baħar Baltiku). Il-Kumitat jilqa' wkoll il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi kjarifikat il-kunċett bażi tal-istrateġiji makroreġjonali, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għal miżuri sussegwenti, filwaqt li titqies il-ħidma kontinwa fuq l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti u l-pjan ta' azzjoni għall-Atlantiku, l-istrateġija li qed tiġi żviluppata issa għar-reġjun tal-Adrijatiku u Jonju, l-istrateġija makroreġjonali għall-Alpi, u kwalunkwe strateġiji oħra li jistgħu jiġu żviluppati fil-futur;

    2.

    jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali li jenfasizzaw ir-rwol prinċipali tal-makroreġjuni eżistenti u jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jadattaw l-aħjar prattiki tal-approċċ makroreġjonali anke f'oqsma ta' kooperazzjoni fuq skala u intensità inqas meta dan ikun xieraq;

    3.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-approċċi strateġiċi makroreġjonali u tal-baċin marittimu għandhom l-istess aspirazzjonijiet peress li dawn effettivament jindirizzaw l-istess filosofija, għandhom l-istess għanijiet, japplikaw l-istess firxa ta' miżuri fit-territorji kkonċernati u jagħmlu parti mill-istess qafas politiku Ewropew. Dawn iż-żewġ tipi ta' strateġija jippermettu l-kooperazzjoni f'diversi setturi u l-governanza f'diversi livelli. Il-KtR jitlob li l-Kummissjoni tikkjarifika kif jista' jkun hemm tagħlim reċiproku matul l-implimentazzjoni futura taż-żewġ approċċi;

    4.

    huwa sodisfatt biż-żmien li fih ħareġ ir-rapport tal-Kummissjoni b'rabta mal-perjodu ta' programmar ġdid 2014-2020, u jfakkar li l-KtR fl-Opinjoni tiegħu "Strateġija għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż" (CdR 99/2010 fin) kien diġà talab Green Paper li fiha l-Kummissjoni tinvestiga u tiddefinixxi r-rwol u t-tħaddim tal-makroreġjuni b'mod iktar preċiż;

    5.

    itenni l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali u jenfasizza l-importanza politika u strateġika tal-ħidma li saret s'issa fuq l-istrateġiji tal-Baħar Baltiku u d-Danubju għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni f'dawn il-makroreġjuni kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma' pajjiżi barra mill-UE. Dawn l-istrateġiji jwittu t-triq billi japplikaw approċċi ġodda għall-kooperazzjoni u jagħtu spinta 'l quddiem lill-integrazzjoni Ewropea;

    6.

    jinnota li l-prinċipji bażiċi tal-ħidma fuq l-istrateġiji makroreġjonali jinkludu s-sinerġiji ġenerati mill-kooperazzjoni meta jkun hemm tfittxija għal soluzzjonijiet għal problemi li jaffettwaw żona ġeografika waħda, jew ideat sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' dik iż-żona. Huma importanti wkoll it-titjib tal-koordinament tar-riżorsi disponibbli u l-aġġornar tal-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet eżistenti, b'mod speċjali fil-każ tar-rwol assenjat lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, mingħajr ma jinħoloq livell ieħor ta' amministrazzjoni;

    7.

    jenfasizza l-valur miżjud tal-UE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali, u jinnota l-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tibqa' attur strateġiku ewlieni ta' koordinazzjoni fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali;

    8.

    jinnota l-importanza tal-proposta tal-Kummissjoni biex kwistjonijiet relatati mal-istrateġiji makroreġjonali jiġu diskussi regolarment fil-Kunsilli settorjali rilevanti. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom rwol ewlieni x'jaqdu meta japprovaw u jippromovu strateġija;

    9.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' sistemi ta' governanza innovattivi u biex jinvolvu lir-reġjuni, il-muniċipalitajiet u l-korpi Ewropej, bħar-REKT u strumenti oħra tal-kooperazzjoni territorjali bħalma jistgħu jkunu l-komunitajiet tax-xogħol, fi proċess ġenwin ta' kodeċiżjoni, speċjalment fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali; Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li l-valur miżjud tar-REKT u strumenti oħra tal-kooperazzjoni territorjali jista' jkompli jikber billi jiġu involuti fl-istrateġiji makroreġjonali;

    10.

    iħoss li huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha tissaħħaħ u tiġi estiża sabiex tkopri l-oqsma differenti tal-politika tal-Unjoni, u li tiġi estiża tul setturi differenti. L-istrateġiji makroreġjonali għandhom iservu bħala għodda għall-kooperazzjoni bejn il-livell lokali u reġjonali, l-Istati Membri u l-UE sabiex jiġu appoġġjati dawn l-objettivi;

    L-applikazzjoni effettiva tal-approċċ tal-istrateġija makroreġjonali – ir-riżultati tar-rapport

    11.

    jinnota l-osservazzjonijiet ewlenin fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-ħidma tal-istrateġiji li twettqet s'issa fil-makroreġjuni; din tejbet l-iffukar fuq ir-riżorsi disponibbli sabiex jinkisbu għanijiet komuni, ippromoviet approċċ transsettorjali, eż. għal kwistjonijiet ambjentali u biex ir-reġjuni jsiru aktar kompetittivi, u tejbet il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi li qed jipparteċipaw u bejn l-atturi nazzjonali varji;

    12.

    josserva, fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, li l-approċċ tal-istrateġiji makroreġjonali pprovda valur miżjud definit fir-rigward tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali fl-Ewropa;

    13.

    juri li l-istrateġiji makroreġjonali attwali jenfasizzaw, b'mod eżawrijenti u minn angoli differenti, il-prijoritajiet li jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib. L-istrateġija riveduta tal-Baħar Baltiku b'kollox għandha 17-il qasam ta' prijorità u ħames azzjonijiet orizzontali, filwaqt li l-istrateġija tad-Danubju għandha 11-il qasam ta' prijorità. It-temi jkopru l-ħtieġa għal kooperazzjoni dwar it-trasport, l-ambjent, in-negozju u l-ekonomija, il-ħiliet u l-kultura, u l-benessri. Il-pjan ta' azzjoni għall-istrateġija tal-Baħar Baltiku jelenka aktar minn 100 inizjattiva ewlenija filwaqt li l-istrateġija tad-Danubju tinkludi aktar minn 400 proġett kooperattiv, li 150 minnhom diġà qegħdin fis-seħħ;

    14.

    jinnota l-importanza li tkun possibbli valutazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet ta' strateġiji makroreġjonali meta jkunu qed jiġu implimentati jekk ikun hemm bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, jew jekk it-tagħlim miksub jirrikjedi dan. Dan ser jiżgura li r-riżorsi jiġu mmirati b'mod effettiv tul l-implimentazzjoni;

    15.

    jinnota l-importanza tal-iffukar tal-istrateġiji makroreġjonali fuq għanijiet b'aspetti makroreġjonali realistiċi ddefiniti b'mod ċar; dawn għandhom iservu bħala bażi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi li jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti.

    16.

    jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-proġetti kooperattivi prattiċi fil-ħolqien ta' valur miżjud reali tal-istrateġiji makroreġjonali. Tul l-implimentazzjoni prattika, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-modi kif tiġi ġenerata attività ta' proġett innovattiva li tissodisfa l-għanijiet strateġiċi makroreġjonali b'mod iffokat. Fil-preżent, il-kooperazzjoni tal-proġett qed tiġi gwidata aktar mir-regoli għall-istrumenti finanzjarji, u hemm biss ftit lok għall-innovazzjoni. Dan l-approċċ mhuwiex l-aħjar mod kif tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali. Fil-ġejjieni ser tinħtieġ flessibbiltà kemm fi ħdan l-istrumenti finanzjarji individwali nfushom kif ukoll bejniethom, kif ukoll lok biex titjieb il-koordinazzjoni tal-istrumenti finanzjarji differenti. Għandu jsir aktar sforz sabiex jiġu semplifikati r-regoli li jiggvernaw l-istrumenti finanzjarji. F'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza partikolari tal-Programm INTERREG-B li għandu l-għan li jimplimenta l-proġetti ta' kooperazzjoni fil-makroreġjuni fil-perjodu 2014-2020;

    17.

    jenfasizza li fil-ġejjieni għandu jittieħed approċċ aktar strateġiku għal xogħol fuq proġett li jikkorrespondi mal-Istrateġija Ewropa 2020, mal-qafas ġenerali tal-programm tal-UE 2014-2020, u mal-istrateġiji u l-programmi nazzjonali u reġjonali. Fix-xogħol fuq il-proġetti li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali, huwa importanti li tkun possibbli l-kooperazzjoni tul is-setturi u l-oqsma ta' prijorità, kif ukoll flessibbiltà u rispons sabiex jinħatfu l-opportunitajiet il-ġodda u jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda;

    18.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi forom ġodda ta' kooperazzjoni u inizjattivi ġodda ta' proġett, u jinnota, bħala eżempju, l-importanza li għandhom il-flejjes inizjali fl-iżvilupp ta' impriżi kooperattivi ġodda. L-ewwel fażi ta' applikazzjoni għall-Faċilità ta' Flus Inizjali tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku kellha fondi allokati għal total ta' 14-il proġett preparatorju għall-iżvilupp ta' proġetti kooperattivi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Ingħata appoġġ b'suċċess għall-ħidma ta' tħejjija ta' proġett simili bħala parti mill-istrateġija tad-Danubju;

    19.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri li jagħmlu parti minn strateġija makroreġjonali, kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jikkunsidraw flimkien, meta jkunu qed jipprogrammaw il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-2014-2020, kif l-aħjar jappoġġjaw il-promozzjoni tal-attività tal-proġett internazzjonali bħala parti mill-ipprogrammar nazzjonali u reġjonali. L-Istati Membri, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom juru biċ-ċar ir-rabta bejn il-programmi ta' fondi tal-UE differenti u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġonali, u fejn ikun possibbli jidentifikaw l-istrumenti finanzjarji nazzjonali li jistgħu jintużaw għal dan il-għan;

    20.

    jenfasizza l-importanza kritika tal-kooperazzjoni bejn il-koordinaturi tal-oqsma ta' prijorità u l-azzjonijiet orizzontali fl-istrateġiji tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju, u l-kooperazzjoni fil-livell reġjonali u lokali, biex jiġu ġenerati dossiers ta' proġett ġodda li jgħinu sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali. Għandhom jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet operattivi adegwati għal dawn l-atturi. Il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati rilevanti huma mitluba jqisu l-għażliet kollha għal appoġġ finanzjarju sempliċi u disponibbli għall-koordinaturi ta' żoni prijoritarji u għall-mexxejja ta' azzjonijiet orizzonatli;

    21.

    jinnota li, minkejja li l-Kummissjoni kkjarifikat l-istrutturi ta' governanza għall-istrateġiji tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju, kif ukoll spjegat fid-dettall il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-atturi varji (il-punti ta' kuntatt nazzjonali, il-koordinaturi tal-oqsma ta' prijorità, il-mexxejja tal-azzjonijiet orizzontali u l-mexxejja tal-proġetti ewlenin), il-governanza għadha titqies bħala problematika, skont l-istħarriġ li wettqet. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw modi kif jiġu semplifikati l-istrutturi attwali ta' governanza. Għandu jissaħħaħ aktar ir-rwol tal-livell lokali u reġjonali.

    22.

    jenfasizza l-importanza li jiġu komunikati l-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali u l-kooperazzjoni kontinwa lill-aktar partijiet interessati possibbli, sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kooperazzjoni Ewropea u jiġi promoss impenn usa' għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Il-Kumitat jemmen li għandhom jitfasslu linji gwida fil-livell makroreġjonali kif ukoll dak nazzjonali sabiex jiġu appoġġjati l-komunikazzjoni u l-attivitajiet tal-partijiet interessati. Għandu jsir użu akbar tal-opportunitajiet offruti mill-pjattaformi tal-informazzjoni diġitali għall-iskambju tal-esperjenza u l-eżempji tal-aqwa prattika identifikati waqt il-proġetti;

    It-tmexxija

    23.

    jinnota li l-atturi politiċi ta' livell għoli għandhom juru impenn ċar u jieħdu pożizzjoni ta’ tmexxija jekk nixtiequ li naraw progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-pajjiżi parteċipanti kollha; Għandu jiġi żgurat impenn fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi provdut l-aqwa appoġġ possibbli għall-isforzi lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija;

    24.

    jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni separata dwar it-tisħiħ tat-tmexxija fl-istrateġiji attwali, li għandha titwettaq flimkien mal-forums annwali tal-istrateġija fl-2014;

    Il-governanza f'diversi livelli: aspett vitali tal-implimentazzjoni

    25.

    jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet preċedenti dwar l-istrateġija tal-Baħar Baltiku riveduta (2012), dik tal-istrateġija tad-Danubju (2011), dwar il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Jonju (2011), u dwar l-istrateġija għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż(2010), fejn il-Kumitat enfasizza bis-sħiħ l-importanza tal-governanza f'diversi livelli fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji. L-involviment tal-partijiet interessati kollha b'mod konsistenti u sostnut huwa kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġiji u biex din tkun suċċess;

    26.

    iqis importanti l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-pubbliku u forums istituzzjonali oħra tal-UE fil-governanza tal-istrateġiji, u jirrakkomanda li jiġi eżaminat kif jistgħu jintużaw b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet. Organizzazzjonijiet u pjattaformi ta' kooperazzjoni varji jistgħu jaħdmu b'mod aktar effettiv bħala għodda sabiex jiġu impenjati l-atturi fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali. Min-naħa tiegħu, il-Kumitat lest li jikkoopera fil-forums esperti varji;

    27.

    jinnota li terz minn dawk li wieġbu l-istħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tagħha qalu li l-prinċipju tal-governanza f'diversi livell ma kienx rifless bis-sħiħ fil-linji gwida ta' politika tal-Istat Membru jew fil-livell ta' proġett jew fid-deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' proġett. Il-Kumitat iħoss li għandu jkun hemm enfasi akbar fuq it-tisħiħ tal-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli, b'mod speċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dan ser jeħtieġ li tittieħed azzjoni, b'mod partikolari mill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-istrateġija, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

    28.

    jissuġġerixxi li fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali, u b'konformità mal-prinċipji ta' sħubija u trasparenza, għandhom jiżdiedu l-opportunitajiet ta' involviment mhux biss għal atturi lokali u reġjonali iżda wkoll għal atturi tas-soċjetà ċivili. Għandhom jiddaħħlu konsultazzjonijiet regolari tal-awtoritajiet lokali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha ta' governanza fl-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali.

    Strateġiji ġodda

    29.

    jipproponi li titqies l-esperjenza pożittiva mal-istrateġiji eżistenti tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju fil-ħidma fuq strateġiji għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju, u jirrakkomanda, b'mod speċjali f'dan il-kuntest, li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istrateġiji makroreġjonali differenti;

    30.

    jirreferi għall-Opinjoni tiegħu li ġiet adottata b'mod unanimu Strateġija għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż (CdR 99/2010fin), fejn fid-dawl tal-isfidi kbar li qed tiffaċċja din iż-żona talab li tinħoloq strateġija makroreġjonali għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż u jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx il-Komunikazzjoni li wegħdet dwar l-implimentazzjoni ta' politika marittima integrata għall-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir;

    31.

    bl-istess mod jilqa' valutazzjoni tal-effettività tal-"istrateġiji tal-baċir tal-baħar" u jqabbel dan mal-esperjenzi tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti, qabel ma jiġu żviluppati iktar strateġiji tal-baċir tal-baħar;

    32.

    itenni l-fehmiet espressi f'opinjonijiet preċedenti tal-KtR dwar kif atturi differenti jistgħu jitħeġġu jimpenjaw ruħhom verament fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali: jinħtieġu teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti, qsim ta' informazzjoni komprensiv, u l-iżvilupp ta' modus operandi komuni fil-livelli kollha;

    33.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jappoġġjaw l-iżvilupp ta' strateġiji makroreġjonali futuri u pjani ta' azzjoni relatati, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti. Dan għandu jgħin ukoll lis-sistemi ta' governanza innovattivi biex jagħtu rwol ġenwin ta' kodeċiżjoni lill-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jkunu qed jiġu mfassla u implimentati l-istrateġiji;

    34.

    jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali għandhom ikomplu jiġu direzzjonati lejn sfidi reġjonali li l-Istati Membri individwali mhumiex kapaċi jindirizzaw, jew għandhom diffikultajiet serji sabiex jagħmlu dan, fir-reġjun tagħhom, jew li huma tant partikolari għal dak il-makroreġjun li jeħtieġu konsiderazzjoni speċjali fi ħdan qafas ta' politika usa' tal-UE. L-istrateġiji makroreġjonali għalhekk m'għandhomx jindirizzaw biss l-interessi reġjonali komuni, iżda għandhom jinkludu wkoll strateġiji ta' rispons magħmula apposta biex jirriflettu l-isfidi reġjonali speċifiċi. Konnessjonijiet effiċjenti tat-trasport f'makroreġjun huma waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi għall-kooperazzjoni, u l-Kumitat jemmen li dan għandu jitqies meta jiġu żviluppati strateġiji ġodda; kwistjoni oħra ta' importanza kbira għall-futur ta' ħafna territorji Ewropej hija l-isfida demografika, li l-problemi speċifiċi tagħha huma relatati mal-kuntesti ġeografiċi makroreġjonali;

    35.

    jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu identifikati metodi adegwati sabiex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, u jitkomplew jiġu appoġjati l-modi ta' kooperazzjoni eżistenti li wrew li huma utli u effikaċji fejn l-istrateġiji makroreġjonali huma biss alternattiva waħda;

    36.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-iżvilupp ta' strateġiji makroreġjonali ġodda minħabba l-isfidi u l-opportunitajiet komuni taż-żona ġeografika inkwistjoni, waqt li jitqiesu l-prinċipji tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u għalhekk tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni affettwati minn tranżizzjoni industrijali u lir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti bħal, pereżempju, ir-reġjuni li jinsabu fil-partijiet l-aktar imbiegħda tat-Tramuntana b'densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u gżejjer, reġjuni transkonfinali u muntanjużi. Il-livell lokali u reġjonali għandu jkun involut fid-diskussjoni fi stadju bikri meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-għanijiet tal-istrateġiji, kif kien il-każ, pereżempju, meta kienet qed tiġi żviluppata l-istrateġija tal-Baħar Baltiku. Bl-istess mod m'għandux jintesa li s-soċjetà ċivili għandha tiġi involuta f'dan il-proċess. Il-fehim tal-livell lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili dwar il-ħtiġijiet u l-potenzjal ta' reġjun, kif ukoll in-netwerks ta' kooperazzjoni lokali eżistenti, jipprovdu pedament sod għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija;

    Il-pajjiżi mhux tal-UE u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali

    37.

    jinnota li l-Kunsill qies il-fehmiet espressi mill-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija Riveduta tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (CdR1272/2012 fin) meta rrakkomandat li titkompla l-azzjoni sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u l-imsieħba tagħha fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Baħar Baltiku. L-istrateġija għar-reġjun tad-Danubju hija ta' importanza ewlenija biex tingħata spinta 'l quddiem lill-kooperazzjoni bejn 14-il pajjiż, magħmula minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi;

    38.

    jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali għandhom isaħħu l-pożizzjoni tal-UE u l-makroreġjun kif ukoll l-interazzjoni bejniethom u ma' reġjuni barra l-UE. Filwaqt li dawn huma strateġiji tal-UE, bosta mill-għanijiet tagħhom impossibbli jintlaħqu mingħajr il-kooperazzjoni jew xi ftehim dwar il-prijoritajiet ma' imsieħba mhux mill-UE. Il-kooperazzjoni ma' reġjuni barra mill-UE hija kritika għall-ħidma kemm tal-istrateġija tal-Baħar Baltiku kif ukoll ta' dik tad-Danubju, mhux biss biex tingħata spinta 'l quddiem lill-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni tal-makroreġjun, iżda wkoll biex jiġu żviluppati r-rabtiet esterni tal-UE. Fl-istess perspettiva, l-involviment ta' pajjiżi terzi, bl-implikazzjonijiet tagħha kemm fil-livell tal-Politika tal-Viċinat kif ukoll f'dik dwar it-tkabbir, jista' jimplika, sa mill-bidu, element prinċipali għas-suċċess tal-istrateġiji makroreġjonali futuri;

    Konklużjonijiet

    39.

    jenfasizza li l-ħidma li saret s'issa fuq l-istrateġija ma tippermettix li jinsiltu minn issa konklużjonijiet ta' influwenza estensiva dwar l-impatt ta' dan l-approċċ mil-lat tal-kisba tal-għanijiet orizzontali u integrati tal-UE;

    40.

    juri li l-perjodu ta' finanzjament il-ġdid tal-UE mill-2014 joffri prospetti tajba għal ħidma aktar effettiva u produttiva fuq l-istrateġiji. Il-Kumitat jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mmirata bejn l-Istati Membri differenti u l-awtoritajiet ta' finanzjament, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-isforzi ta' żvilupp nazzjonali;

    41.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli timmonitorja b'mod konsistenti l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali kif ukoll l-istrateġiji tal-baċir tal-baħar u tivvaluta l-valur miżjud tagħhom għall-Ewropa kollha kemm hi, mhux biss mill-perspettiva tal-istrateġiji makroreġjonali individwali.

    Brussell, 28 ta' Novembru 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top