This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IR3609
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Recommendations for better spending’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir- “Rakkomandazzjonijiet għal infiq aħjar”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir- “Rakkomandazzjonijiet għal infiq aħjar”
ĠU C 356, 5.12.2013, p. 3–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 356/3 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-“Rakkomandazzjonijiet għal infiq aħjar”
2013/C 356/02
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jissottolinja l-importanza tal-baġits lokali u reġjonali fl-infiq pubbliku fl-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest jisħaq li r-riżorsi allokati għall-politika ta' koeżjoni għandhom jitqiesu bħala investimenti u mhux sempliċement bħala nfiq pubbliku; |
— |
jemmen li, biex jittejjeb l-infiq, mhux biżżejjed li r-riżorsi jiġu allokati b'mod aktar effikaċi u effiċjenti, iżda jeħtieġ ukoll li jitqiesu d-differenzi territorjali u l-ostakli li jistgħu jxekklu t-tkabbir f'ċerti reġjuni, li jiġu analizzati l-effetti fuq l-interventi u li jinsab mod kif jitnaqqsu l-konsegwenzi tagħhom fuq l-impatt tal-politika ta' koeżjoni; |
— |
jenfasizza li l-governanza f'diversi livelli u l-kollaborazzjoni bejn il-livelli amminsitrattivi differenti huma fundamentali sabiex il-fondi jintużaw aħjar bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; |
— |
itenni li l-kundizzjonalitajiet ex ante għandhom ikunu limitati għall-oqsma relatati b'mod dirett mal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, u li huwa importanti li l-politika ta' koeżjoni ma titgħabbiex iżżejjed b'responsabbiltajiet li ma jagħmlux parti minnha u li jżidu l-burokrazija; |
— |
itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-kundizzjonalità makroekonomika flimkien mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew; |
— |
jinnota b'dispjaċir l-insistenza tal-Kunsill dwar ir-riżerva għall-prestazzjoni. Minflok itenni l-proposta li tinħoloq riżerva ta' flessibbiltà finanzjata permezz tar-riżorsi mid-diżimpenn awtomatiku; |
— |
jissuġġerixxi li s-semplifikazzjoni fil-ġestjoni tista' ssir, pereżempju, permezz tal-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u tad-dokumenti, l-użu ta' għodod tal-informatika komuni, l-istabbiliment effettiv ta' one-stop shops li jevitaw il-formalitajiet bejn id-dipartimenti fi ħdan l-istess amministrazzjoni. |
Relatur |
Is-Sur NUÑEZ FEIJÓO (ES/PPE), President tal-Komunità Awtonoma ta' Galicia |
Dokument ta' referenza
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni u tal-baġits lokali u reġjonali
1. |
jenfasizza l-importanza li kellha s'issa l-politika ta' koeżjoni fil-proċess ta' konverġenza bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li ser tkompli taqdi fil-futur peress li hi fattur fundamentali għall-ħolqien tal-impjiegi, il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-indirizzar tal-koeżjoni soċjali u territorjali, u b'dan il-mod tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-fatt, il-Fondi Strutturali jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-investimenti pubbliċi kollha f'sitt Stati Membri u bejn 30 % u 60 % tal-investimenti pubbliċi f'seba' Stati Membri; |
2. |
jissottolinja l-importanza tal-baġits lokali u reġjonali fl-infiq pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Fl-2011 huma kienu jirrappreżentaw 16,7 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) u 34 % tal-infiq pubbliku kollu tal-Unjoni Ewropea. F'dawn il-baġits ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-investimenti diretti, li huma element ewlieni biex l-ekonomija tirkupra malajr. F'dan il-kuntest jisħaq li r-riżorsi allokati għall-politika ta' koeżjoni għandhom jitqiesu bħala investimenti u mhux sempliċement bħala nfiq pubbliku; |
Aspetti ġenerali li jistgħu jikkontribwixxu għal infiq aħjar
3. |
jemmen li, biex jittejjeb l-infiq, mhux biżżejjed li r-riżorsi jiġu allokati b'mod aktar effikaċi u effiċjenti, iżda jeħtieġ ukoll li jitqiesu d-differenzi territorjali u l-ostakli li jistgħu jxekklu t-tkabbir f'ċerti reġjuni, li jiġu analizzati l-effetti fuq l-interventi u li jinsab mod kif jitnaqqsu l-konsegwenzi tagħhom fuq l-impatt tal-politika ta' koeżjoni; |
4. |
jirrakkomanda li r-riżorsi pprovduti mill-finanzjament Ewropew jiġu kkonċentrati fl-oqsma l-aktar strateġiċi f'kull territorju, partikolarment fl-oqsma ta' għarfien, edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni, li joħolqu effett ta' lieva fuq il-bqija tal-ekonomija tar-reġjuni; |
5. |
jemmen li l-investiment pubbliku huwa responsabbiltà kondiviża bejn il-livelli kollha ta' gvern u jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji bażiċi għal investiment pubbliku effikaċi proposti mill-OECD (1). Huwa jappella biex dawn il-prinċipji jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u jipproponi li jsir segwitu regolari tal-applikazzjoni tagħhom fil-qafas tal-indikaturi ta' governanza f'diversi livelli mfassal mill-Kumitat tar-Reġjuni; |
Koordinazzjoni tal-interventi
6. |
jemmen li l-approċċ integrat tal-Qafas Strateġiku Komuni għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid huwa wieħed pożittiv għaliex jiġbor flimkien ir-riżorsi kollha allokati għal għanijiet reġjonali, iżda jistqarr li huwa diffiċli li l-interventi jiġu kkoordinati ma xulxin minħabba li l-għanijiet tematiċi stabbiliti fil-proposti għal Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni huma differenti mis-sitt prijoritajiet previsti tal-FAEŻR u dawk tal-FEMS; |
7. |
jisħaq fuq ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fuq ir-rilevanza tal-għanijiet globali ta' tisħiħ tal-kompetittività u l-impjieg (it-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-benesseri għadhom totalment validi). F'dan il-kuntest, l-impuls li l-politika ta' koeżjoni tat lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni kif ukoll lill-għarfien huwa kruċjali għaliex permezz tiegħu ġew żviluppati proġetti innovattivi, u b'hekk kiber il-valur miżjud tal-UE u saret enfasi fuq l-importanza tal-koordinazzjoni tal-programmi u l-istrumenti ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni mal-politiki tal-innovazzjoni u r-riċerka; |
8. |
ifakkar li hu importanti li jiġu monitorjati r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni sabiex jitkejjel l-impatt tagħha. Kull azzjoni għandha tkun tista' tiġi kwantifikata u analizzata skont il-kriterji tar-riżultat, sabiex jiġi evalwat il-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali u lokali. Mill-banda l-oħra, jekk l-enfasi titpoġġa fuq l-għanijiet u mhux fuq ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà, ir-reġjuni jkunu jistgħu jagħżlu aħjar l-għodod u l-miżuri u jadattawhom għall-bżonnijiet tagħhom; |
Governanza u deċentralizzazzjoni
9. |
jenfasizza li l-governanza f'diversi livelli u l-kollaborazzjoni bejn il-livelli amminsitrattivi differenti huma fundamentali sabiex il-fondi jintużaw aħjar bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon li l-Qafas Strateġiku Komuni jinkludi l-governanza f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija fost il-prinċipji orizzontali tiegħu, u jimpenja ruħu li jikkumenta dwar l-abbozz ta' proposta ta tal-Kummissjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni sabiex tippromovi l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' programmazzjoni; |
10. |
itenni li iktar deċentralizzazzjoni fil-kompiti tal-ippjanar u l-implimentazzjoni deċentralizzati hija ħafna aktar effiċjenti f'termini ta' spejjeż u kwalità tas-servizzi, għaliex hija eqreb lejn il-livell taċ-ċittadini. Hija toffri wkoll vantaġġi kbar fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-esiġenzi kif ukoll fit-tfassil tal-politiki maħsubin biex iżidu t-tkabbir sostenibbli u kompetittiv, u fl-istess ħin tissaħħaħ l-awtonomija u d-demokrazija lokali; |
11. |
jikkunsidra li d-deċentralizzazzjoni permezz tal-istituzzjonijiet reġjonali u lokali taqdi rwol kruċjali biex tnaqqas id-distakki ekonomiċi u soċjali li jeżistu bejn ir-reġjuni Ewropej, u b'hekk tgħin biex jittaffa l-impatt negattiv tal-eżodu rurali mir-reġjuni foqra lejn iċ-ċentri urbani l-kbar, kif ukoll l-emigrazzjoni minn Stat Membru għal ieħor li ddgħajjef is-suq tax-xogħol; jirrimarka li l-ippjanar fit-tul u annwali minn qabel u t-tfassil ta' investimenti fir-reġjuni huma essenzjali għal investimenti mmirati aħjar u iżjed effettivi. Approċċ minn isfel għal fuq huwa ta' importanza kritika biex il-programmi ta' investiment u l-pjani ta' żvilupp nazzjonali tal-pajjiżi jiġu ppjanati aħjar; |
12. |
jinnota li l-valur miżjud tal-infiq fl-Unjoni Ewropea jiddependi mill-ostakli speċifiċi li jiffaċċja kull reġjun, u b'hekk mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita strateġija komuni li tapplika b'mod ġenerali fir-reġjuni kollha. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li jkun hemm ċerta flessibbiltà fil-qafas regolatorju għall-perjodu ta' programmazzjoni; |
13. |
jemmen li sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, irrispettivament mid-differenzi bejn ir-reġjuni, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jieħdu sehem bis-sħiħ fl-applikazzjoni tal-fondi matul il-perjodu 2014-2020, mit-tfassil tal-qafas regolatorju li jirregolaha sal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet; |
14. |
jirrakkomanda li l-ġestjoni operattiva tiġi deċentralizzata fil-livell reġjonali u lokali, biex b'hekk jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn il-fondi u jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq abbażi tal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi ta' kull territorju. Barra minn hekk, din id-deċentralizzazzjoni tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-interventi r-responsabbiltajiet attribwiti lil kull awtorità tal-programmi operattivi; |
Applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà
15. |
jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona saħħaħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jisħaq li l-approċċ tal-politika ta' koeżjoni bbażat fuq is-sussidjarjetà għandu jinżamm u jkompli jiġi żviluppat, b'tali mod li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-azzjonijiet strutturali; |
16. |
jappoġġja l-użu tal-prinċipju tas-sussidjarjetà flimkien ma' dak tal-proporzjonalità bil-għan li tiżdied l-effikaċja: pereżempju, is-sistema deċentralizzata attwali għat-tħejjija tal-programmi operattivi għandha tinżamm jew saħansitra tissaħħaħ sabiex tingħata spinta lill-awtonomija reġjonali u lokali fl-applikazzjoni prattika tal-politika ta' koeżjoni Ewropea. Dan iwassal għal programmazzjoni aktar adatta għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' kull reġjun; |
17. |
jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandu jkollhom l-ogħla kompetenzi fil-programmi u l-interventi li jiġu żviluppati f'kull reġjun, biex jintlaħaq approċċ verament integrat skont il-post (place-based). Ir-reġjuni huma l-aktar imsieħba adegwati ta' dawk responsabbli għall-fondi fil-livell tal-Unjoni Ewropea u dawk li kapaċi jlaqqgħu l-inizjattivi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; |
Kundizzjonalità u politika ta' koeżjoni
18. |
itenni li l-kundizzjonalitajiet ex ante għandhom ikunu limitati għall-oqsma relatati b'mod dirett mal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, u li huwa importanti li l-politika ta' koeżjoni ma titgħabbiex iżżejjed b'responsabbiltajiet li ma jagħmlux parti minnha u li jżidu l-burokrazija; |
19. |
ifakkar il-pożizzjoni tal-KtR dwar l-abbozz tar-Regolament Ġenerali għall-perjodu ta' pprogrammar tal-koeżjoni 2014-2020 li enfasizza li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet reġjonali u lokali m'għandhomx ir-responsabbiltà li jilħqu l-għanijiet tal-governanza ekonomika, u għalhekk l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità makroekonomika fil-livell nazzjonali twassal biex il-politika ta' koeżjoni tkun aktar inġusta u fl-istess ħin toħloq l-inċertezza dwar il-finanzjament ta' proġetti ġodda fil-futur; |
20. |
itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-kundizzjonalità makroekonomika flimkien mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew; |
Mekkaniżmi ta' monitoraġġ
21. |
jappoġġja l-approċċ differenzjat fl-użu ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tar-riżultati li għandhom ikunu rilevanti, jiġu magħżula b'mod adegwat u li jimmiraw lejn ir-riżultat tal-proġetti u l-benefiċċji fit-tul minflok assunzjonijiet teoretiċi, bħala tentattiv biex jiġu armonizzati fil-livell Ewropew il-kriterji ta' evalwazzjoni tar-riżultati tal-interventi tal-fondi; |
22. |
jesprimi b'mod ċar l-appoġġ tiegħu għall-kultura tal-evalwazzjoni, li tippermetti titjib kontinwu fil-kwalità tal-istrateġiji u l-proċeduri, u jirrakkomanda li jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Ewropa kollha. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jipproponi li jkun hemm bażi tad-data integrata li fiha jinġabru l-prattiki tajbin u l-aħjar teknoloġiji ffinanzjati minn kwanlunkwe fond tal-Qafas Strateġiku Komuni; |
Riżervi
23. |
jinnota b'dispjaċir l-insistenza tal-Kunsill dwar ir-riżerva għall-prestazzjoni. Minflok itenni l-proposta li tinħoloq riżerva ta' flessibbiltà finanzjata permezz tar-riżorsi mid-diżimpenn awtomatiku, sabiex dawk responsabbli għall-politiki jkunu jistgħu jippjanaw l-istrateġija fuq perjodu medju ta' żmien u b'hekk ikun hemm inċentiv biex jintefaq dak li kien allokat inizjalment għal kull programm operattiv; |
Investimenti territorjali integrati
24. |
jemmen li l-possibbiltà li jiġu mfasslin u applikati strateġiji permezz tal-investimenti territorjali integrati li jippermettu l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet trasversali finanzjati minn assi jew programm wieħed jew aktar ser tikkontribwixxi biex il-proġetti magħżula jkollhom impatt reali akbar fuq it-territorju fejn jitwettqu, filwaqt li l-fondi allokati jkollhom valur miżjud akbar u tiżdied l-effiċjenza tal-infiq; |
Ġestjoni tal-programmi
25. |
jaqbel mal-idea li l-istrumenti finanzjarji u s-sussidji jiġu kkombinati bħala strumenti komplementari li jikkontribwixxu għal żvilupp rurali bbilanċjat u għal tkabbir intelliġenti. L-użu kkombinat adegwat tagħhom għandu jkun element bażiku li fuqu jissejsu l-politiki ta' investiment fil-perjodu 2014-2020. F'dan ir-rigward, iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) stqarr f'rapport għall-Parlament Ewropew li l-istrumenti finanzjarji innovattivi m'għandhomx jieħdu post l-għajnuna u huma adegwati biss għal proġetti b'rendiment finanzjarju; |
26. |
iqis li matul l-implimentazzjoni tal-oqfsa pluriennali jfeġġu elementi li jistgħu jibdlu l-għanijiet u l-prijoritajiet inizjali, u għalhekk, minkejja li r-riprogrammazzjonijiet frekwenti mhumiex mixtieqa, il-possibbiltà li terġa' tiġi allokata internament parti mir-riżorsi tal-programmi għandha ssir aktar flessibbli. Fi kwalunkwe każ din ir-riallokazzjoni trid tirrispetta l-għanijiet inizjali previsti u l-persentaġġ tagħha m'għandux jibdel b'mod sinifikanti l-ilħiq tagħhom, u fl-istess ħin għandha tippermetti li dawn l-għanijiet jiġu adattati għar-realtà l-ġdida li jkun jinsab fiha r-reġjun; |
Semplifikazzjoni
27. |
jemmen li għalkemm ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-kontroll finanzjarju saru aktar stretti, is-semplikazzjonijiet imħabbra għall-perjodu 2007-2013 ma sarux, u minflok inħolqu spejjeż sproporzjonati. Għaldaqstant, jisħaq fuq il-ħtieġa li l-piż amministrattiv jiġi verament semplifikat, b'mod partikolari rigward l-isforzi kbar meħtieġa għall-ġestjoni tal-programmi. Din is-semplikazzjoni għandha tinkludi mill-Kummissjoni sal-benefiċjarji potenzjali, u trid tirrispetta r-rekwiżiti indispensabbli ta' verifika u kontroll tal-azzjonijiet u tirrispetta l-garanziji tal-benefiċjarji; |
28. |
huwa konvint li l-ebda miżura ta' semplifikazzjoni adottata fil-livell tal-Unjoni Ewropea mhu ser ikollha impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni tal-programmi jekk ma tiġix akkumpanjata minn miżuri ġenwini ta' semplifikazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, skont il-kompetenzi ta' kull wieħed minnhom; |
29. |
jissuġġerixxi li s-semplifikazzjoni fil-ġestjoni tista' ssir, pereżempju, permezz tal-omoġenizzazzjoni tal-proċeduri u tal-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u tad-dokumenti, l-użu ta' għodod tal-informatika komuni, l-istabbiliment effettiv ta' one-stop shops li jevitaw il-formalitajiet bejn id-dipartimenti fi ħdan l-istess amministrazzjoni. |
30. |
jirrakkomanda l-użu ġeneralizzat tal-amministrazzjoni elettronika li tista' tkun element fundamentali fl-użu tar-riżorsi u r-relazzjonijiet bejn minn naħa l-benefiċjarji, li jippromovu verament il-ħolqien tal-ġid, u min-naħa l-oħra l-awtoritajiet u l-maniġers tal-interventi differenti; |
31. |
jirrakkomanda l-alternattiva tal-ispejjeż standard bħala mod kif jiġi approvat u ġustifikat l-infiq; dan jimplika piż amministrattiv iżgħar u ma jibdilx l-għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu permezz tal-interventi; |
32. |
itenni l-possibbiltà li jonqsu wkoll proċeduri burokratiċi oħra permezz ta' rapporti u kontrolli semplifikati biex jitkejjel il-progress, il-kontroll tal-affidabbiltà tal-proċeduri tal-verifika u l-kontroll u l-awditjar tal-programmi; |
33. |
ifakkar kemm huma konvenjenti l-programmi b'fond wieħed, li permezz tagħhom ġew semplifikati l-proċeduri ta' approvazzjoni u reviżjoni rigward il-programmi integrati, u jiġbed l-attenzjoni għall-vantaġġi tal-programmi operattivi bbażati fuq diversi fondi. Bis-saħħa tagħhom jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tal-intervent tal-UE fir-reġjuni għaliex jintużaw b'mod integrat l-opportunitajiet kollha li joħolqu l-istrumenti ta' żvilupp differenti; |
34. |
jinnota li fil-ġestjoni tal-fondi jista' jkun hemm kunflitt rigward it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE fil-leġislazzjoni tal-pajjiżi, u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex ikunu rigorużi kemm jista' jkun fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet, b'mod partikolari dawk li għandhom impatt orizzontali fuq il-programmi, bħal ngħidu aħna l-akkwisti pubbliċi u s-sussidji; |
35. |
iqis li r-rabta mill-qrib tal-politika ta' koeżjoni mad-dispożizzjonijiet Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali tirrikjedi li kull riforma tikkunsidra b'mod partikolari l-kompatibbiltà bejn il-mekkaniżmi ta' finanzjament u ma żżidx piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-ġestjoni tal-programmi; |
36. |
itenni li għandu jkun hemm qafas ċar rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-istrumenti finanzjarji u s-sħubijiet pubbliċi-privati (SPP), liema qafas għandu jevita li jipparalizza jew idewwem l-implimentazzjoni tal-proġetti; |
37. |
jipproponi li wieħed japprofitta mis-semplifikazzjoni introdotta mill-Kummissjoni biex jiġi limitat in-numru ta' kriterji ta' eliġibbiltà f'ċerti interventi. Għalhekk iħeġġeġ li fil-proċessi tal-għażla tal-proġetti jiġu introdotti indikaturi li bihom ikunu jistgħu jiġu analizzati sew l-impatt tal-investiment u sew il-livell ta' maturità tal-proġetti, u b'hekk ir-riżorsi jiġu allokati b'mod aktar effiċjenti u tingħata prijorità lil dawk b'valur miżjud akbar u b'impatt ekonomiku li jinħass qabel. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali, b'mod speċjali f'dawk il-każijiet fejn huma l-benefiċjarji aħħarin tal-proġetti, għal akkwist pubbliku u superviżjoni teknika u ġestjoni tal-assijiet wara l-investiment, huwa essenzjali għas-suċċess tal-investimenti fuq perjodu twil; |
Alternattivi ta' finanzjament
38. |
jirrakkomanda li l-awtoritajiet responsabbli jużaw il-possibbiltà li jinkiseb kofinanzjament privat għall-proġetti peress li din hi opportunità addizzjonali mal-politika ta' koeżjoni f'kuntest fejn ir-riżorsi pubbliċi qed ikunu dejjem aktar limitati; dan mingħajr dubju ta' xejn ser joħloq valur miżjud f'din il-politika; f'dan ir-rigward, il-mudelli ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat jistgħu jkunu strument li jiġi żviluppat fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid. Barra minn hekk, il-kofinanzjament privat ta' proġetti għall-iżvilupp ekonomiku jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li tali miżuri jkunu rilevanti u li l-kumpaniji jimpenjaw ruħhom u jkollhom sens ta' sjieda fir-rigward tal-inizjattivi li jitniedu; |
39. |
jisħaq fuq ir-rwol importanti li jista' jaqdi l-Bank Ewropew tal-Investiment f'dan il-kuntest u jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltajiet addizzjonali li joffru s-“self qafas” u s-“self għall-programmi strutturali”; |
40. |
jinnota li trid tiġi kkunsidrata, kif jintqal f'opinjonijiet preċedenti, il-possibbiltà li jinħarġu bonds għall-finanzjament ta' proġetti importanti li jħallu rendiment ekonomiku f'perjodu medju ta' żmien; |
Strumenti finanzjarji
41. |
jirrikonoxxi d-diffikultajiet fl-operat tal-istrumenti finanzjarji matul il-perjodu attwali, u jinnota b'mod partikolari l-preokkupazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bliet u ż-żoni urbani b'rabta mal-istrument JESSICA, minħabba t-tensjonijiet bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi u l-awtoritajiet muniċipali. Għalhekk, itenni l-bżonn li fl-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jiġi ffaċilitat l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-self fl-oqsma adegwati, għaliex dan għandu effett multiplikatur u jagħti spinta lill-effikaċja tal-interventi filwaqt li jimplika piż iżgħar fuq il-baġits reġjonali u lokali u jissuġġerixxi li għal dan titqies il-parteċipazzjoni tal-banek għall-iżvilupp, fost atturi oħra; |
Retroattività tad-dispożizzjonijiet
42. |
jirrifjuta l-prattika li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet retroattivi u jemmen li dan għandu jiġi evitat fil-futur peress li jxekkel il-ġestjoni u joħloq inċertezzi legali, u jappella biex tiġi studjata l-applikazzjoni ta' prinċipju ta' proporzjonalità li jadatta r-rekwiżiti ta' kontroll għad-dimensjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-fondi strutturali; |
Proporzjonalità fil-kontroll
43. |
iqis li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti “kuntratti ta' fiduċja” bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-reġjuni tista' tevita l-irduppjar fil-proċeduri tal-awditjar, b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità; |
44. |
jemmen li hemm bżonn ta' approċċ speċifiku għat-tfassil ta' linji gwida fil-livell Komunitarju b'rabta mal-mekkaniżmi ta' ġestjoni u kontroll applikabbli għall-proġetti bbażati fuq diversi fondi jew fuq diversi programmi, bil-għan li jiġi evitat ix-xogħol amministrattiv doppju li jista' jiskoraġġixxi l-użu tagħhom. Dan jikkonċerna b'mod speċjali l-ħatra ta' awtoritajiet responsabbli uniċi, l-obbligu ta' rendikont globali u l-awditjar integrat. F'dan ir-rigward, huwa jixtieq jesprimi l-fehma tiegħu dwar il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-proġetti ġodda bbażati fuq diversi fondi; |
45. |
jinnota li l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-proġetti għandhom ikollhom għarfien ċar dwar ir-riżorsi addizzjonali li l-Unjoni Ewropea toffri lir-reġjuni, u għalhekk jirrakkomanda li dawn jadattaw l-organizzazzjonijiet tagħhom b'tali mod li jiggarantixxu struttura organizzattiva suffiċjenti u adegwata għall-aħjar użu possibbli minn dawn ir-riżorsi. |
Brussell, 8 ta’ Ottubru 2013.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) Ara: OECD Paper GOV/TDPC/(2013)3. Fost aspetti oħra, dawn il-prinċipji jinkludu: l-użu ta' strateġija integrata adattata għat-territorji differenti; l-adozzjoni ta' strumenti ta' koordinazzjoni effikaċi bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u sottonazzjonali; il-koordinazzjoni bejn il-gvernijiet sottonazzjonali biex l-investiment isir fl-aktar livell adegwat; il-valutazzjoni minn qabel tal-impatt u tar-riskji tal-investiment pubbliku fit-tul; l-involviment tal-partijiet interessati fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-investiment; il-mobilizzazzjoni tal-atturi privati u tal-istituzzjonijiet finanzjarji għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, peress li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-persuni u tal-istituzzjonijiet jitlob l-investiment pubbliku; l-enfasi fuq ir-riżultati u l-promozzjoni tat-tagħlim; l-iżvilupp ta' qafas fiskali adattat għall-għanijiet ta' investiment li jridu jintlaħqu; il-ħtieġa ta' ġestjoni finanzjarja rigoruża u trasparenti fil-livelli kollha ta' gvern; it-trasparenza u l-użu intelliġenti tal-akkwist pubbliku; il-promozzjoni ta' qafas legali ta' kwalità u koerenti fil-livelli kollha ta' gvern.