Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR2063

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- “Pjan ta’ azzjoni għas-saħħa elettronika 2012–20 — kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21”

    ĠU C 280, 27.9.2013, p. 33–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 280/33


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“Pjan ta’ azzjoni għas-saħħa elettronika 2012–20 — kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21”

    2013/C 280/07

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jirrimarka li l-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa elettronika għandu jservi liċ-ċittadini kollha tal-UE billi jagħtihom iċ-ċans biex jieħdu iktar kontroll tal-kura ta' saħħithom u m’għandux iwassal għal iktar inugwaljanzi fl-aċċess u l-użu tas-servizzi tal-kura tas-saħħa;

    jinnota li f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE l-gvernijiet lokali u reġjonali huma koresponsabbli għall-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni, l-ittestjar u l-finanzjament tal-politika tas-saħħa u l-assistenza soċjali. Għalhekk huwa ċar li l-gvernijiet reġjonali għandhom ikunu involuti mill-qrib f’kull riforma li jkollha impatt fuq il-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali;

    jitlob li jsiru sforzi kontinwi għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar is-saħħa, għall-innovazzjoni u għat-tibdil, u li jitmexxew minn impenn ta' eċċellenza u l-għarfien li s-soluzzjonijiet tal-lum għada jistgħu diġà jkunu skaduti fil-qasam tas-saħħa elettronika li qed jinbidel b'rata mgħaġġla ħafna;

    jiġbed l-attenzjoni dwar il-volumi kbar ta' informazzjoni dwar is-saħħa, il-benesseri u l-kura soċjali li tinħażen b’mod separat għal kull qasam, u huwa tal-fehma li jekk din l-informazzjoni tintuża aktar bejn is-servizzi u b'mod aktar effiċjenti, il-kura tista’ tieħu xejra differenti u tista’ tiżviluppa f’ċiklu msaħħaħ u iktar effettiv;

    jinnota li l-fatturi ewlenin, biex is-soluzzjonijiet ta' saħħa elettronika jiġu żviluppati u jiddaħħlu b'suċċess, jinkludu l-involviment tal-gvern lokali, il-ħżin deċentralizzat tad-data, id-disseminazzjoni tajba tal-informazzjoni lill-pazjenti u 'l-pubbliku u l-kollaborazzjoni attiva mal-professjonisti tas-saħħa;

    itenni li l-implimentazzjoni tas-saħħa elettronika fuq skala kbira mhijiex sempliċiment kwistjoni ta’ fattibbiltà legali jew teknika, imma qabel kollox irid jitqies jekk iċ-ċittadini, il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa għandhomx fiduċja fiha; għaldaqstant jemmen li huwa importanti li l-ewwel jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar il-privatezza, il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tal-informazzjoni u r-responsabbiltà biex jiġi żgurat li l-informazzjoni sensittiva tiġi protetta minn hacking, leaks, ksur tad-dritt tal-privatezza jew tipi oħra ta’ abbuż.

    Relatur

    Is-Sur SAUWENS (BE/PPE), Membru tal-Parlament Fjamming

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21

    COM(2012) 736

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, fejn tispjega strateġija għas-saħħa elettronika fl-UE u tindika liema għanijiet ewlenin għandhom jintlaħqu biex il-potenzjal tas-saħħa elettronika jkun jista’ jiġi sfruttat. Fl-istess ħin, b’dan il-pjan qed isir pass importanti biex is-sistemi tas-saħħa Ewropej jitħejjew għall-isfidi fil-qasam tat-titjib tal-kwalità tal-kura, iż-żieda fl-effiċjenza tal-mezzi dejjem iktar skarsi għall-kura tas-saħħa, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-pazjenti, il-professjonisti tal-kura, il-provvedituri tal-kura tas-saħħa u l-gvernijiet u l-innovazzjoniijet fil-qasam tal-informatika u t-teknoloġija, il-produzzjoni u s-servizzi;

    2.

    jaqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li anke l-aħjar soluzzjonijiet għas-saħħa elettronika ma jagħtu l-ebda vantaġġ liċ-ċittadini tal-UE jekk it-tħejjija u l-implimentazzjoni jkunu frammentati. Il-fatt li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-oqfsa legali, organizzattivi, semantiċi u lil dawk tal-interoperabbiltà teknika, linji gwida u speċifikazzjonijiet, jistħoqqlu l-mertu;

    3.

    jenfasizza li l-politika tas-saħħa u l-benesseri fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE ġew deċentralizzati u li leħen il-gvernijiet reġjonali għandu jissemma iktar fid-dibattitu;

    4.

    jirrimarka li l-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa elettronika għandu jservi liċ-ċittadini kollha tal-UE u m’għandux iwassal għal (iktar) inugwaljanzi fl-aċċess u l-użu tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Il-pazjent għandu jibqa’ ċ-ċentru tal-attenzjoni fil-bidla kbira li mistennija ġġib magħha l-kura tas-saħħa elettronika. Il-pazjent għandu d-dritt li jiddeċiedi fuq l-aċċess għad-dettalji tiegħu u għandha tingħata spjegazzjoni dwar kif ser jintuża u minn min. Is-saħħa elettronika għandha tagħti liċ-ċittadini u l-pazjenti ċ-ċans biex jieħdu iktar kontroll tal-kura ta' saħħithom;

    5.

    jenfasizza li l-bidliet ġodda għandhom ikunu aċċessibbli u għandhom isaħħu l-awtonomija tal-persuni b’diżabbiltà, il-persuni anzjani jew vulnerabbli;

    II.   PUNTI TA’ RILEVANZA GĦALL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    6.

    f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE l-gvernijiet lokali u reġjonali huma koresponsabbli għall-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-finanzjament tal-politika tas-saħħa u l-assistenza soċjali. Għalhekk huwa ċar li l-gvernijiet reġjonali għandhom ikunu involuti mill-qrib f’kull riforma li jkollha impatt fuq il-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali;

    7.

    f’dan ir-rigward nistgħu nirreferu għar-rapport tal-2011 dwar l-Istrateġiji tas-saħħa elettronika li jiffoka fuq l-infrastruttura tas-saħħa elettronika, fejn l-awturi jiddikjaraw li l-ġestjoni tas-sommarji elettroniċi tal-pazjenti fil-pajjiżi l-kbar hija wisq kumplessa. L-esperjenza fl-Ewropa turi li l-pajjiżi b’iktar minn għaxar miljun abitant – u l-iktar dawk li m’għandhomx sistema tas-saħħa minn fuq għal isfel (top-down) – ma jilħqux l-għanijiet tagħhom. It-triq tan-nofs fejn tintgħażel sistema lokali jew reġjonali, ibbażata fuq l-infrastruttura nazzjonali, tidher li hija s-soluzzjoni;

    8.

    barra minn hekk, mill-istudju reċenti tal-KtR dwar sistemi tas-saħħa dinamiċi u teknoloġiji ġodda: soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika fil-livelli lokali u reġjonali (Dynamic health systems and new technologies: eHealth solutions at local and regional levels) jidher li s-saħħa elettronika tinsab fost il-prijoritajiet tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-Ewropa;

    9.

    hemm bżonn iktar kooperazzjoni u skambju ta’ politiki u prattika fil-livell interreġjonali sabiex dawk li qegħdin minn ta’ quddiem ikunu jistgħu jgħaddu l-għarfien tagħhom lil dawk li għadhom ġodda fil-qasam tas-saħħa elettronika. Jeħtieġ ukoll analiżi profonda biex jinsiltu liema inizjattivi u mudelli tas-saħħa elettronika jistgħu jiġu adattati bl-inqas xkiel fil-livell pan-Ewropew;

    L-għarfien fil-qasam tal-kura tas-saħħa

    10.

    it-titjib tal-għarfien fil-qasam tas-saħħa huwa element importanti fl-istrateġiji għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa. Flimkien mal-għarfien diġitali u l-aċċess għall-broadband, livell ta’ għarfien ogħla fis-saħħa jista’ jgħin lill-persuni f’reġjuni mbiegħda, b’popolazzjoni baxxa u bi żvantaġġi oħra biex ikollhom aċċess għal informazzjoni korretta, miżuri tas-saħħa preventivi u parir mediku imma anke għal għajnuna onlajn aċċessibbli u segwitu terapewtiku u mediku;

    11.

    bl-istess mod, informazzjoni affidabbli u aċċessibbli adattata għad-diversi gruppi soċjali hija vantaġġ għall-għarfien diġitali fil-qasam tas-saħħa. Dan jirrikjedi li l-gvern u s-settur partikolari jipprovdu informazzjoni ċara u rilevanti u li b’mod partikolari l-professjonisti tas-saħħa jsiru iktar konxji tal-għarfien tal-pazjenti tagħhom dwar is-saħħa;

    L-isfidi

    12.

    is-saħħa elettronika għaddejja minn evoluzzjoni b'rata mgħaġġla u qed tiżviluppa b’mod kontinwu. It-tagħrif u r-riżultati tal-lum għada jistgħu diġà jkunu skaduti. Il-bidla mill-kura tas-saħħa tradizzjonali għal kura tas-saħħa elettronika ma teħtieġx biss l-infrastruttura neċessarja tal-IT u l-għarfien diġitali, iżda anki tibdil fir-relazzjoni bejn il-persunal mediku, ir-riċerkaturi, l-assiguraturi tas-saħħa, il-pazjenti u l-gvern. Jeħtieġ ukoll li ma jiqfux l-isforzi għall-innovazzjoni u t-tibdil, it-taħriġ u l-kompetenzi;

    13.

    f’dan il-kuntest nistgħu nirreferu għall-workshop dwar il-Monitoraġġ tal-Istrateġiji tas-Saħħa elettronika (Monitoring National eHealth Strategies -Brussell, 2010) fejn ġie konkluż li jidher li l-istrateġiji tas-saħħa elettronika fl-Ewropa huma ħafna iktar kumplessi u jieħdu ħafna iktar ħin milli ġie antiċipat fil-bidu. Barra minn hekk il-kumplessità tas-saħħa elettronika hija sfida ferm sottovalutata mil-lat tal-ġestjoni;

    14.

    f’ċerti reġjuni, il-ħiliet tal-IT tal-persunal mediku u tal-assistenti soċjali, u t-tagħrif dwar il-possibbiltajiet tas-saħħa elettronika għadhom lura. Dan jgħodd ukoll għall-kwalità, kemm hu faċli tintuża u l-possibbiltajiet ta’ xi programmi tas-softwer li jkunu disponibbli għall-persunal mediku u l-assistenti soċjali jew li jkunu disponibbli fis-suq. Dawn is-sitwazzjonijiet huma ta’ dispjaċir u jfixklu evoluzzjoni pożittiva tas-saħħa elettronika. Il-kundizzjonijiet li jridu jilħqu s-softwer mediku disponibbli u b’mod partikolari r-rapporti elettroniċi dwar is-saħħa jistgħu jiġu indikati aħjar sabiex il-kwalità tagħhom tkun tista’ tiġi kontrollata u jkunu jistgħu jsiru proċeduri ta’ tikkettar. Bħalissa hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva bejn is-settur tas-saħħa u s-settur tal-informatika;

    Interoperabbiltà

    15.

    illum il-ġurnata teżisti ħafna informazzjoni dwar is-saħħa, il-benesseri u l-kura soċjali li tinħażen b’mod separat għal kull qasam. Jekk din l-informazzjoni ssir iktar effiċjenti l-kura tista’ tieħu xejra differenti u tista’ tiżviluppa f’ċiklu msaħħaħ u iktar effettiv. Xi wħud iqisu li l-infrastruttura tal-IT ma tistax tiġi limitata għas-servizzi tal-kura tas-saħħa imma għandha titwessa’ għall-kura soċjali, l-għajxien assistit, il-prevenzjoni u l-benesseri. Din hija l-konsegwenza tal-prinċipju li l-utent tal-kura għandu jkun fil-qalba tas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-benesseri u li d-diversi servizzi ta’ din is-sistema għandhom jaqblu fuq kif għandhom jipproċedu f’dan il-qasam. Is-saħħa elettronika tista’ tikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ dawn is-servizzi u għal approċċ olistiku lejn il-persuna li teħtieġ il-kura;

    16.

    għal kwalità aħjar fis-saħħa (effikaċja aħjar, kontinwità aħjar, pożizzjoni tal-pazjent iktar b’saħħitha) huwa kruċjali li l-informazzjoni elettronika tinqasam bejn l-atturi fil-qasam tal-kura. Bħalissa f’ħafna pajjiżi u reġjuni għad hemm ħafna informazzjoni medika maħżuna f’diversi bnadi (issejvjata fuq il-kompjuter tat-tabib tal-familja indipendenti jew l-ispeċjalista jew fis-server tal-isptar) mingħjar il-possibbiltà li din l-informazzjoni tinqasam bejn l-atturi li għandhom relazzjoni ta’ terapija ma’ pazjent partikolari. Tabib li jkun on-call jew tabib tal-emerġenza f’servizz ta’ emerġenza ta’ sptar jista’ jiffaċċja sitwazzjoni urġenti mingħajr ma jkollu ġabra komprensiva tal-iktar informazzjoni medika importanti jew il-lista attwali ta’ mediċini li jkun qed jieħu l-pazjent. Din il-problema tkun iktar gravi meta l-pazjent ikun qiegħed barra minn pajjiżu u l-ostaklu tal-lingwa differenti jwassal għal problemi kbar ta’ komunikazzjoni bejn il-pazjent u l-persuna inkarigata mill-kura. Din l-isfida ser issir iktar serja malli l-impatt tad-Direttiva tal-UE tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjent fil-kura tas-saħħa transkonfinali u l-użu tal-kura transkonfinali fil-prattika jsir iktar ċar. Ta’ xejn isiru r-riċerki tal-bijoloġija klinika jew it-teħid ta’ x-rays jekk m’hemmx aċċess għall-aħħar informazzjoni medika ta’ pazjent;

    17.

    il-pjan ta’ azzjoni għall-kura tas-saħħa elettronika jagħti ħafna attenzjoni lill-problema tal-oqfsa tal-interoperabbiltà u dan huwa rakkomandabbli. Is-suq tas-saħħa elettronika fl-UE huwa ferm frammentat u s-soluzzjonijiet offruti għall-ICT għal sitwazzjonijiet kultant lokali ħafna jwasslu biex dawn is-sistemi jkunu iktar għoljin, inaċċessibbli għal oħrajn, mhux affidabbli u mhux adatti għal għanijiet oħra jew għal bidliet ġodda. Din is-sitwazzjoni hija wkoll ostaklu għall-kumpaniji tal-IT li jiġu kkonfrontati b’aċċess ferm limitat u tnaqqir tal-vijabbiltà tal-iżvilupp tal-prodotti tagħhom li huwa ta’ ħsara għall-innovazzjoni daqshekk bżonjuża. Il-pjan ta’ azzjoni joffri opportunitajiet għall-inizjattivi ekonomiċi għall-kumpaniji kbar u żgħar fil-pajjiżi Ewropej;

    18.

    il-qafas ta’ interoperabbiltà li ser jiġi offrut lin-netwerk tas-saħħa elettronika tul is-sena kalendarja huwa punt importanti. Fl-istudju dwar il-leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sommarji elettroniċi tal-pazjenti, ir-regolamentazzjoni reġjonali għandha tiġi investigata wkoll;

    19.

    l-enfasi li saret fuq kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u globali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) hija ħaġa tajba. Jeħtieġ li tissemma l-kodifikazzjoni tal-informazzjoni medika u l-użu uniformi tas-sistemi ta’ klassifika internazzjonali għall-mard u l-ilmenti biex id-deċiżjonijiet mediċi jkunu jistgħu jiġu appoġġjati minn programmi elettroniċi;

    Fiduċja

    20.

    l-implimentazzjoni tas-saħħa elettronika fuq skala kbira mhijiex sempliċiment kwistjoni ta’ fattibbiltà legali jew teknika, imma qabel kollox irid jitqies jekk iċ-ċittadini, il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa għandhomx fiduċja fiha. Jeħtieġ ukoll li l-ewwel jiġu indirizzati l-problemi li jaffettwaw il-protezzjoni tal-ħajja personali, il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tal-informazzjoni u r-responsabbiltà u jiġi żgurat il-kontroll kontinwu, sabiex l-informazzjoni sensittiva tiġi protetta minn hacking, leaks, ksur tad-dritt tal-privatezza jew tipi oħra ta’ abbuż;

    21.

    waħda mill-iktar osservazzjonijiet importanti mill-KPMG (Studju internazzjonali EPD, Utrecht, 6 ta’ Frar 2012) wara riċerka u tqabbil ma’ sitt pajjiżi oħra Ewropej kienet li hemm tendenza li l-programmi fuq skala kbira u agrikoli qed jingħaddew lil-livell reġjonali għall-ġestjoni biex il-kumplessità tkun tista’ tiġi ġestita u biex jiżdied l-involviment lokali. Skont il-KPMG, bl-użu ta’ standards uniformi qed tikber ukoll ir-realizzazzjoni li m’hemm l-ebda bżonn għall-bażijiet tad-data agrikoli iżda li l-ħżin deċentralizzat tal-informazzjoni fis-sors jista’ jiġi ġestit tajjeb. L-involviment lokali, il-ħżin deċentralizzat tal-informazzjoni, il-provvista ta’ informazzjoni tajba liċ-ċittadini u l-pazjenti u approċċ ta’ pass pass lejn il-proġetti piloti bl-involviment attiv tal-professjonisti tas-saħħa jidhru li huma l-fatturi kruċjali tas-suċċess fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni gradwali tas-saħħa elettronika;

    Relazzjonijiet

    22.

    ir-relazzjoni bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti hija personali u unika. U hekk għandha tibqa’. Bis-saħħa tal-iżvilupp tas-saħħa elettronika din ir-relazzjoni tista’ tissaħħaħ u tittejjeb, imma hija illużjoni u saħansitra mhux mixtieq li l-kuntatti personali wiċċ’imb wiċċ jiġu sostitwiti kompletament b’interazzjoni virtwali;

    23.

    it-tensjoni qed tkompli tiżdied ukoll fir-rigward tas-sjieda tal-informazzjoni tal-persuna li tinxtered f’sommarju elettroniku tal-pazjenti u r-responsabbiltà għaliha. Idealment il-pazjenti jkollhom taqsima speċifikament għalihom fis-sommarju elettroniku għall-pazjenti fejn, pereżempju, ikunu jistgħu jdaħħlu r-riżultati li jirċievu permezz tal-awtomonitoraġġ (self-monitoring) (pereżempju: il-valuri taz-zokkor fid-demm li jkunu ħadu huma stess, il-kejl tal-pressjoni, id-dispożizzjoni psikoloġika);

    24.

    hekk kif il-mard kroniku qed jiddomina iktar il-prattika tal-mediċina minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, fl-istatistika tas-saħħa u fil-lista tal-kawżi tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tagħna qed isir dejjem iktar importanti approċċ multidixxiplinari lejn il-pazjent b’mard kroniku. Pazjenti mdaħħla fiż-żmien qed ibatu minn ilmenti mediċi konkurrenti u jeħtieġu kura minn diversi professjonisti tas-saħħa b’kompetenzi komplementari. Dan jgħodd kemm għall-kura tas-saħħa fl-isptar, kif ukoll għall-kura fid-dar. Il-kura tas-saħħa elettronika u t-tqassim elettroniku tal-informazzjoni bejn il-pazjent, il-persuna li tieħu ħsiebu u l-professjonisti tas-saħħa li għandhom relazzjoni ta’ terapija mal-pazjent tista’ tagħti kontribut partikolari biex il-pazjent jirċievi kura adatta, tajba u fil-ħin;

    Finanzjament

    25.

    jinsab diżappuntat li t-tnaqqis mifrux tal-baġit għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ta’ EUR 50 biljun – li minnhom EUR 9,2 biljuni kienu destinati għas-servizzi tal-broadband u dawk diġitali – niżel għal EUR 29,3 biljun, li minnhom se jmorru biss EUR 1 biljun għas-servizzi tal-broadband u dawk diġitali;

    26.

    ta’ min jistaqsi jekk l-implimentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa elettronika ta’ skala kbira, interoperabbli, transkonfinali, li skont il-Kummissjoni kellha ssir fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa sal-2014, tkunx tista’ tibqa’ fuq l-aġenda jekk il-Parlament jagħti l-approvazzjoni għat-tnaqqis tal-finanzjament ta’ din il-Faċilità;

    27.

    jittama li fil-baġit mhux ser ikun hemm tnaqqis għall-attivitajiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li għall-2014-2020 jinsabu fuq l-aġenda bħala parti mill-pilastru “Saħħa, tibdil demografiku u benesseri” tal-Orizzont 2020, u li fl-istudji ser issir enfasi fuq il-kosteffiċjenza tat-teknoloġiji tas-saħħa elettronika, kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata, l-involviment tal-utenti u l-integrazzjoni tas-soluzzjonijiet iffokati fuq il-pazjent fis-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa;

    Sussidjarjetà

    28.

    l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jorganizzaw u jipprovdu s-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. F’ħafna mill-Istati Membri tal-UE l-gvernijiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-politika tas-saħħa u tal-benesseri kollha kemm hi jew partijiet importanti tagħha;

    29.

    huwa fir-reġjuni li l-inqas sejrin tajjeb li nsibu l-iktar diffikultajiet tekniċi, loġistiċi u finanzjarji biex l-infrastruttura tal-IT tiġi aġġornata u biex il-potenzjal tal-kura tas-saħħa elettronika jiġi rilaxxat u żviluppat. L-azzjoni tal-UE tista’ tkun partikolarment utli meta jkun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u tħeġġiġ. Dan jgħodd l-iktar għal għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati fil-livell tal-UE, bħall-kura tas-saħħa transkonfinali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, l-ostakli komuni u standards u metodi ta’ riċerka biex naraw kemm huma effiċjenti l-bidliet tas-saħħa elettronika. Anki l-appoġġ finanzjarju jista’ jkun utli biex tingħata għajnuna għall-ispejjeż għoljin tal-bidu;

    30.

    il-pjan ta’ azzjoni 2014-2020 huwa mmirat lejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-interoperabbiltà u jindika kif għandu jkun il-qafas tekniku u legali. Sew il-kumpaniji u sew il-gvernijiet lokali u reġjonali u l-professjonisti tas-saħħa, iċ-ċittadini u l-pazjenti għandhom imorru tajjeb hawnhekk;

    31.

    l-azzjoni mil-livell tal-UE hija mistennija tissarraf f’valur pożittiv għall-politika tas-saħħa reġjonali u l-kura tas-saħħa reġjonali u fil-ħolqien ta’ spazju Ewropew ta’ saħħa elettronika u benesseri elettroniku;

    32.

    hemm l-istennija wkoll li bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ma jitqisux biss l-Istati Membri imma anke l-gvernijiet lokali u reġjonali li jistgħu jaqdu rwol importanti fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-infurmar taċ-ċittadini u l-pazjenti, fit-taħriġ tal-professjonisti tal-kura, fil-ħolqien ta’ livell għoli biżżejjed ta’ involviment lokali fl-iżvilupp tas-saħħa elettronika, fit-tnedija ta’ proġetti pilota fil-qafas tas-saħħa elettronika, fl-indirizzar tal-kumplessità tas-saħħa elettronika u f’xi reġjuni anke l-ħidma regolatorja relatata.

    Brussell, 3 ta’ Lulju 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top