Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR1999

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett ta’ investiment soċjali tal-UE”

    ĠU C 356, 5.12.2013, p. 60–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 356/60


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett ta’ investiment soċjali tal-UE”

    2013/C 356/11

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    japprezza l-approċċ strateġiku propost mill-Kummissjoni li permezz tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali hija aktar attenta biex ittejjeb il-kapaċitajiet tan-nies u tappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol sabiex tiżdied il-prosperità tal-individwi, tissaħħaħ l-ekonomija u l-UE tiġi megħjuna toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha, aktar koeżiva u aktar kompetittiva;

    jiddispjaċih li l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni jinjora r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien dirett tal-problemi soċjali u jaqdu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jindirizzawhom;

    jinnota li bosta awtoritajiet lokali u reġjonali diġà qed jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li kellhom suċċess biex jindirizzaw l-isfidi msemmijin fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. Għalhekk għandu jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    jappella lill-UE biex tikkunsidra l-possibbiltà, bi qbil mal-Istati Membri, li tistabbilixxi qafas Ewropew għall-akkomodazzjoni soċjali, peress li l-akkomodazzjoni soċjali għandha rwol ewlieni fl-indirizzar tas-sitwazzjoni ta' nies bla dar u biex jiġu implimentati l-istrateġiji tal-akkomodazzjoni u dawk li jevitaw li n-nies jisfaw bla dar kif qed titlob il-Kummissjoni;

    jiġbed l-attenzjoni li l-FSE għandu jindirizza aħjar il-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw flessibbiltà akbar biex jiġu stabbiliti miri fil-livell lokali;

    jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni konkret għall-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. Dan għandu jinkludi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, koordinazzjoni, skambju transnazzjonali u tagħlim reċiproku dwar il-prijoritajiet tematiċi bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, it-telf tad-dar, il-faqar fost it-tfal u l-kura tal-persuni b'diżabbiltà u ta' persuni dipendenti.

    Relatur

    Ahmed ABOUTALEB (NL/PSE) Sindku tal-Belt ta’ Rotterdam

    Dokument ta' referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020

    COM(2013) 83 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Sfond u motivazzjoni

    1.

    japprezza l-approċċ strateġiku propost mill-Kummissjoni li permezz tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tiddedika aktar attenzjoni sabiex ittejjeb il-kapaċitajiet tan-nies u tappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol sabiex tiżdied il-prosperità tal-individwi, tissaħħaħ l-ekonomija u l-UE tiġi megħjuna toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha, aktar koeżiva u aktar kompetittiva;

    2.

    ifakkar fl-Opinjoni tiegħu dwar l-inklużjoni attiva (2008/C 257/01), li enfasizzat l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi ewlenin fil-politiki ta’ inklużjoni attiva;

    3.

    huwa tal-fehma li t-tkabbir sostenibbli, il-baġits bilanċjati u l-koeżjoni soċjali jistgħu jinkisbu biss jekk isiru iżjed sforzi sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, u jittejbu l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali. Dan għandu jiġi rifless għal kollox fis-Semestru Ewropew billi jiġi żgurat li jiddaħħlu għanijiet relatati b'mod partikolari ma' impjiegi deċenti u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' koordinazzjoni u b'hekk bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali u l-isforzi kontinwi għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali biex titnaqqas id-disparità ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni;

    4.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-isfidi marbutin mal-faqar u l-esklużjoni soċjali huma partikolarment sensittivi f'termini assoluti fiż-żoni urbani fejn tgħix 80 % tal-popolazzjoni Ewropea u li jirrapreżentaw 85 % tal-PDG tal-UE, filwaqt li ż-żoni rurali jiffaċċjaw problemi soċjali serji f'termini relattivi minħabba dħul iktar baxx u inqas densità tal-popolazzjoni. Fiż-żoni urbani hemm tendenza li l-problemi soċjali jikkonċentraw f'ċerti viċinati, fejn jinħolqu żoni ta' deprivazzjoni minkejja l-prosperità tal-belt.

    Kummenti Ġenerali

    5.

    jenfasizza li fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa essenzjali li jiġi garantit, kif inhu mniżżel fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali aċċess ugwali liċ-ċittadini kollha għal servizzi bażiċi ta' interess ġenerali, bħall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjieg u l-aċċess għas-servizzi soċjali. Is-solidarjetà fost iċ-ċittadini mil-livelli kollha tas-soċjetà hija waħda mill-prekundizzjonijiet sabiex jintlaħaq dan il-għan. Id-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi bażiċi titlob approċċ komprensiv, b’attenzjoni kemm għaż-żmien immedjat kif ukoll għal tul ta' żmien u li jpoġġi liċ-ċittadini fil-qalba tal-proċess biex jinstabu s-soluzzjonijiet;

    6.

    jappella għal impenn ċar mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-politiki, mid-deliberazzjoni sal-implimentazzjoni. Huwa importantissimu li f’dan il-mument partikolari nerġgħu niksbu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna billi nuru r-rispons sħiħ tagħna lejn il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini. Barra minn hekk, jekk infittxu r-risposti fil-livell komunitarju u nużaw l-enerġija, l-impenn u l-għarfien lokali taċ-ċittadini, inkunu mgħammra aħjar sabiex insibu soluzzjonijiet realistiċi u effettivi għall-isfidi soċjali. L-investiment fil-komunitajiet fil-livell sottolokali joħloq viċinati stabbli u għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-perċezzjoni tas-sigurtà;

    7.

    japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tagħraf l-impjieg u l-politika soċjali bħala r-responsabblità primarja tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u b'hekk tirrispetta l-prinċipju tas-solidarjetà;

    8.

    jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li fil-ġlieda kontra l-qgħad huwa essenzjali li titpoġġa enfasi akbar fuq il-miżuri li għandhom bħala għan il-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-tnaqqis tal-qgħad, u l-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, l-azzjonijiet maħsuba biex tiżdied il-kompetittività fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-opportunitajiet indaqs, flimkien ma' miżuri oħra li jtejbu l-ħiliet u l-opportunitajiet tan-nies. Fost dawn il-miżuri hemm il-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema u l-mikrokreditu għal dawk li jixtiequ jwaqqfu jew jespandu n-negozju tagħhom;

    9.

    jiddispjaċih li l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni jinjora r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom impatt kbir ħafna fuq il-ħajja tal-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu, jaħdmu u jistudjaw, jew jirċievu l-kura fil-każ ta' nies b'disabbiltà jew dipendenti, f'oqsma li huma ġestiti minnhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-livell li fih jiġu pprovduti ħafna mis-servizzi soċjali u titħallas il-parti l-kbira tal-benefiċċji soċjali;

    10.

    huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni integrata ta’ strateġiji attivi ta' inklużjoni li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni qed jitolbu tibbenefika jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol aktar b’saħħtu fit-teħid ta' deċiżjonijiet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien dirett tal-problemi soċjali u jaqdu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jindirizzawhom. L-esperjenza fil-mod li bih jiġu trattati l-isfidi soċjali huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol ewlieni fis-Semestru Ewropew u fin-negozjati dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-implimentazzjoni tagħhom;

    11.

    jisħaq li x-xogħol għandu jrendi. Dan ifisser li tiġi żgurata paga minima adatta u kwalità tajba ta' impjiegi. Jekk persuna (temporanjament) ma tkunx (għadha) tista' taħdem, għandu jiġi żgurat għixien tajjeb b'aċċess ugwali għal servizzi bażiċi fil-qasam tal-prevenzjoni, it-tisħiħ tal-ħiliet u l-attivazzjoni. Għalhekk il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tindirizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Introjtu Minimu tal-1992;

    12.

    jinnota li l-awtoritajiet lokali għandhom bżonn jimmobilizzaw l-enerġija tal-individwi, is-soċjetà ċivili u n-negozji kollha li jinġabru fiż-żoni urbani tagħhom. Għandu jiġi mrawwem l-ispirtu innovattiv tal-imprendituri soċjali li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet ġodda biex jilqgħu t-talba għas-servizzi u l-infrastruttura. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom iħabirku għal proċess ta’ kokreazzjoni billi jiffurmaw sħubijiet produttivi mas-settur privat u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, filwaqt li fl-istess ħin jippromovu l-involviment ġenwin u fil-fond taċ-ċittadini fl-istadji kollha tal-innovazzjoni soċjali (l-ideat, l-ippjanar, l-ixprunar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni).

    13.

    jikkunsidra li fil-livell lokali u reġjonali, fil-politiki ta' inklużjoni soċjali u ta' integrazzjoni, il-parteċipazzjoni tar-residenti kollha hija essenzjali; m'għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn ċittadini minn pajjiżi terzi u dawk tal-UE. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fluss ta' persuni ġodda li jirriżulta mill-mobbiltà ġewwa l-UE joħloq sfidi f'termini ta' aġġustament fis-servizzi pubbliċi u l-provvista tal-kura għaċ-ċittadini fir-rigward tal-akkomodazzjoni, ix-xogħol u l-edukazzjoni. Il-ħtiġijiet ta' integrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE b'mod ġenerali m'humiex differenti minn dawk ta' persuni oħra li jkunu ġodda għall-post. Huma jkunu jridu jitgħallmu lingwa ġdida, kif jaħdmu istituzzjonijiet ġodda u xi drabi regoli soċjali differenti;

    14.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni rrispondiet b’mod parzjali biss għar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar l-investiment soċjali (25.7.2012, 2012/2003 INI) li appella għal governanza aħjar sabiex jinkisbu l-miri soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija Ewropa 2020, u li l-Kummissjoni mhi tipproponi l-ebda riżorsa addizzjonali. Il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali għandu jmur lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika indirizzati lejn l-Istati Membri u t-tħabbir ta’ għadd żgħir ta' inizjattivi leġislattivi. Speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, il-Baġit Ewropew u l-baġits nazzjonali għandhom jimmiraw biex jinkludu programmi għall-impjieg u l-investiment soċjali;

    15.

    jinnota li l-Pakkett jippreżenta informazzjoni approfondita dwar ix-xejriet soċjali fl-Ewropa. Id-data u l-informazzjoni li ntużat kienet ibbażata fuq xejriet u statistika nazzjonali jew reġjonali. Informazzjoni aggregata ta' din ix-xorta ma tirrappreżentax biżżejjed l-isfidi fil-livell lokali u l-ħtiġijiet soċjali u d-deprivazzjonijiet differenti bejn il-livelli tal-belt, ir-reġjun u n-nazzjon. Il-ġbir tal-evidenza dwar x'jaħdem u x'ma jaħdimx fil-livell lokali huwa essenzjali biex jiżgura li l-miżuri li jiġu implimentati jkunu kemm effiċjenti kif ukoll effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika soċjali. Il-KtR iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġbru data u informazzjoni fil-livell lokali u reġjonali dwar xejriet soċjali u jivvalutaw il-politiki tal-inklużjoni soċjali li ġejjin mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u b'mod partikolari mill-bliet ewlenin;

    16.

    jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni persistenti abbażi tas-sess li hija akbar fost il-gruppi ta' nies b'diversi żvantaġġi (bħan-nisa u l-ġenituri li jrabbu t-tfal waħedhom), u jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hija konxja ta' din l-isfida partikolari u beħsiebha tagħtihom l-attenzjoni li jixirqilhom;

    17.

    madankollu jagħraf li l-komunikazzjoni tista' timmarka punt ta' bidla billi tiddefinixxi l-politika soċjali bħala investiment fis-soċjetà aktar milli l-prezz li jrid jitħallas għall-falliment tas-suq. Id-deskrizzjoni tal-politika soċjali f'dawn it-termini tista' tippromovi bidla fil-politika minn miżuri korrettivi għal miżuri preventivi, b'mod li kwistjonijiet bħall-esklużjoni soċjali jiġu trattati qabel ma jiżviluppaw jew it-tnaqqis tad-dipendenza permezz tal-promozzjoni tal-indipendenza personali u t-tixjiħ attiv;

    18.

    jilqa' b'sodisfazzjoni l-għarfien mill-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013 dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM. L-isfida tinsab fl-għoti ta' għodod lill-UE għas-sostenn tal-potenzjal għal konverġenza ekonomika u progress soċjali reali għall-Istati Membri kollha minflok wieħed iserraħ biss fuq mekkaniżmi ta' żvalutar intern biex jindirizza xokkijiet asimmetriċi. Għaldaqstant qed jistenna bil-ħerqa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM ippjanata għall-bidu ta' Ottubru 2013;

    19.

    iqis li d-dimensjoni soċjali tal-UEM tista', kif ġie ssuġġerit mill-Parlament Ewropew (1), tibni fuq il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali” ibbażat fuq il-mudell tal-“Patt Euro Plus”. Dan għandu jistabbilixxi miri għall-investiment soċjali li l-Istati Membri jkollhom jadottaw sabiex jilħqu l-objettivi dwar l-impjieg, dawk soċjali u tal-edukazzjoni taħt l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Patt dwar l-Investiment Soċjali għandu jiġi kumplementat minn tabella ta' valutazzjoni għall-Politika Soċjali u tal-Impjieg li trid tiddaħħal b'konformità mal-Artikolu 148 tat-TFUE u taħt ir-responsabbiltà tal-EPSCO biex jiġu nnotati l-iżbilanċi fl-impjieg u dawk soċjali li jistgħu jheddu l-istabbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

    20.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tistħarreġ il-vijabbiltà ta' skema ta' assigurazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad tal-Unjoni Ewropea li jkollha l-potenzjal li sservi bħala stabilizzatur awtomatiku fil-livell tal-UEM;

    21.

    jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (2) jisħqu li "l-possibbiltajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja jistgħu jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltá u Tkabbir"; b'hekk jistenna li l-Kummissjoni tkompli tindirizza l-kwistjoni tal-kwalità tan-nefqa pubblika, fost affarijiet oħra billi tivvaluta s-separazzjoni tan-nefqa attwali u l-investiment fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit biex tevita li jiġu blokkati investimenti pubbliċi li jagħtu benefiċċji netti fuq żmien twil;

    Rakkomandazzjonijiet

    22.

    jinsisti li l-edukazzjoni (kemm formali kif ukoll informali) għandha tkun fil-qalba tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni – b’mod speċjali l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tħejji liż-żgħażagħ għal opportunitajiet ta’ impjieg f’soċjetà tal-informazzjoni inklużiva, u tgħinhom biex isiru ċittadini attivi f’soċjetajiet demokratiċi kumplessi – huma ostaklu serju għat-tnaqqis tal-faqar u biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku. L-Istati Membri għandhom juru impenn biex jinvestu fl-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ għall-gruppi kollha, billi jagħmlu enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja, il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-iskejjel, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u t-taħriġ speċjali għas-setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema (eż: is-settur mediku, it-teknoloġija nadifa, l-ICT) kif ukoll fuq it-tnaqqis tar-rata tat-tluq bikri mill-iskola;

    23.

    japprezza l-attenzjoni li l-Kummissjoni tagħti lill-edukazzjoni u t-taħriġ u jemmen li b'hekk għandna nagħtu attenzjoni akbar lit-taħriġ vokazzjonali u l-kwalità tiegħu, permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti, kemm fil-fażi tal-orjentazzjoni, kif ukoll f'dik tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Għandna bżonn aktar nies tas-sengħa, inġiniera u nies tekniċi fl-ekonomija tal-UE sabiex inkunu kompetittivi fid-dinja globalizzata. Huwa ta' dispjaċir li l-ammont ta’ persuni fl-UE interessati fit-taħriġ vokazzjonali dejjem qed jonqos, filwaqt li dan joffri opportunitajiet ferm tajbin għall-ġlieda kontra l-qgħad u għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija;

    24.

    jinsisti li jitkompla t-taħriġ vokazzjonali kontinwu u tul il-ħajja jingħataw valur kbir. L-Unjoni Ewropea għandha tippreżenta miżuri suffiċjenti fuq perjodu twil ta’ żmien, u tirriżerva biżżejjed finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex ittejjeb il-livell tat-taħriġ vokazzjonali;

    25.

    jenfasizza li minbarra l-enfasi qawwija fuq il-lat tal-provvista fl-impjegabbiltà, teħtieġ aktar attenzjoni fuq il-lat tad-domanda fis-suq tax-xogħol. Huwa fatt li n-nies bla xogħol fil-parti l-kbira huma dawk bi ftit kwalifiki u l-impjiegi vakanti jeħtieġu speċjalizzazzjonijiet għolja, u, f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi hemm bżonn li l-miżuri mmirati lejn id-domanda jiġu kumplementati b'miżuri ffukati fuq il-provvista li jmorru lil hinn mid-deregolarizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol, li jbaxxu l-ispejjeż tax-xogħol u l-offerta ta' inċentivi biex persuni qiegħda jaċċettaw xogħol b'paga baxxa. Għandna ntejbu l-ħiliet tal-persuni qiegħda u dawk bi ftit kwalifiki billi jingħatawlhom il-kapaċitajiet għat-tagħlim meħtieġa;

    26.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jippromovu antiċipazzjoni aħjar tal-bżonnijiet futuri fil-ħiliet, jiżviluppaw tqabbil aħjar tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u jagħlqu d-distakk bejn id-dinja tal-edukazzjoni u dik tax-xogħol. Dan għandu jsir b’mod partikolari fil-livelli l-aktar baxxi tas-suq tax-xogħol fejn il-parteċipazzjoni fix-xogħol għandha tiġi mħeġġa b’mod flessibbli u mhux burokratiku; Pereżempju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-gvern, in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni iffirmaw Patt għat-Teknoloġija, li għandu l-għan li jtejjeb ir-rabta bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol fis-settur tat-teknoloġija u b'hekk jingħeleb in-nuqqas ta' persunal tekniku. Il-Patt għat-Teknoloġija sar fuq livell nazzjonali, iżda jikkonsisti f'azzjonjiet li fil-parti l-kbira tagħhom jitwettqu b'approċċ reġjonali u settorjali, u juża l-istrutturi eżistenti, pereżempju ċentri lokali differenti ta' għarfien, imsejħa "kenniswerkplaatsen", dwar l-iżvilupp tat-talenti, bliet konvivjali u s-saħħa pubblika f'Rotterdam;

    27.

    jisħaq li huwa importanti li wieħed jisfrutta għal kollox il-potenzjal tal-ħaddiema. Fil-każ ta' persuni li jinsabu fil-marġni tas-suq tax-xogħol, jistgħu jiġu introdotti miżuri ta' appoġġ li jkunu jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u/jew l-awtoritajiet reġjonali;

    28.

    jirrakkomanda li l-partiċipazzjoni (soċjali) tiżdied mat-tliet pilasti attwali tal-approċċ tal-Kummissjoni li ġew proposti biex itejbu l-inklużjoni attiva tal-persuni li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol: appoġġ għad-dħul suffiċjenti, integrazzjoni attiva u servizzi ta' kwalità. Il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali għandhom ikunu l-għodod li permezz tagħhom niksbu l-ambizzjonijiet soċjali tagħna, niżviluppaw is-servizzi soċjali tagħna u nżommuhom b’saħħithom. Liċ-ċittadini għandha tingħatalhom is-setgħa li jilħqu l-potenzjal tagħhom b’mod sħiħ u li jużaw u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet partikolari tagħhom kemm jistgħu, bil-għan li jiksbu l-awtosuffiċjenza ekonomika;

    29.

    jitlob li jingħataw kjarifiki fil-qasam tal-kondizzjonalità fl-aċċess għall-ħarsien soċjali. Il-kondizzjonalità tista' titqies aċċettabbli jekk ikun hemm trasferimenti soċjali li jipprovdu lill-individwi kemm bl-appoġġ kif ukoll bl-inċentivi ħalli jergħu jibdew jaħdmu, jirċievu edukazzjoni jew taħriġ;

    30.

    meta jiġi kkunsidrat li qed jiġi stmat li madwar 56 miljun persuna fl-UE 'il fuq minn 15-il sena m'għandiex kont tal-bank, il-KtR japprezza l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti lil kull individwu fl-Unjoni Ewropea id-dritt għal kont tal-bank bażiku;

    31.

    japprezza l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora l-użu ta' strumenti finanzjarji ġodda u b'mod partikolari l-"qligħ" soċjali fuq l-investiment u bonds ta' investiment soċjali biex tiżdied il-lieva ta' investimenti pubbliċi soċjali u jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti aktar iddettaljati li għandhom importanza billi jwasslu biex ir-regoli tax-xiri pubbliku tal-UE ikunu "protetti għall-"qligħ" soċjali fuq l-investiment". F'dan il-kuntest jappoġġja l-proposta għal introduzzjoni ta' kont tat-tfaddil tal-UE li jista' jipprovdi l-UE b'finanzi kumplementari li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' impjieg u tkabbir tal-Ewropa 2020 fil-livelli lokali u reġjonali;

    32.

    jisħaq li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali għandhom jagħmlu użu mid-diversità taċ-ċittadini tagħhom. Kultura inklużiva, fejn m'hemmx periklu f'li tkun uniku filwaqt li tibni kuntatt mal-oħrajn permezz tad-diversità, hija prerekwiżit għall-innovazzjoni;

    33.

    jinnota li bosta awtoritajiet lokali u reġjonali diġà qed jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li kellhom suċċess biex jindirizzaw l-isfidi msemmijin fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. Fost l-eżempji hemm punti uniċi ta' servizz (uffiċċju żgħażagħ), Ċentri reġjonali għaż-Żgħażagħ u l-Familja, strateġiji ta' alloġġjar u li jevitaw li n-nies jisfaw bla dar, ritorn soċjali fuq l-istrateġiji tal-investiment, bonds ta' impatt soċjali, djar tat-talent, viċinati adatti għat-tfal u impenn sħiħ. Għalhekk għandu jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-sħubija u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali jagħtuhom aċċess għal ammont akbar ta’ riżorsi u esperjenzi, filwaqt li jippromovu l-parteċipazzjoni fuq medda wiesgħa fl-iżvilupp mal-imsieħba tagħhom minn setturi differenti;; Għandna nqisu dawn l-esperjenzi b'mod sħiħ fil-bini tal-bank ta' għarfien issuġġerit fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali u b'appoġġ għal dawn l-iskambji fil-kuntest tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali;

    34.

    jiġbed l-attenzjoni li kemm il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni kif ukoll il-FSE għandhom programmi ta' integrazzjoni ffinanzjati. Madankollu, spiss, is-sors tal-iffinanzjar illimita l-ambitu tal-offerta tas-servizz. Għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl taż-żieda progressiva tal-mobbiltà fl-UE, il-programm baġitarju li jmiss għandu jalloka fondi għall-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu, billi jġib flimkien prijoritajiet miż-żewġ fondi u joħloq programm ta' finanzjament għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament miċ-ċittadinanza. Dawn il-baġits ta' fondi ġodda jistgħu jintużaw biex iċ-ċittadini tal-UE jidħlu għal programmi ta' tagħlim tal-lingwa u ta' orjentazzjoni, b'kooperazzjoni mill-viċin ma' partijiet interessati oħra bħal NGOs u b'mod partikolari mas-settur privat. Il-Kummissjoni trid tuża l-influenza tagħha biex tħeġġġeġ xi awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiż li jibagħtu lin-nies biex jużaw il-FSE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ħalli jinvestu b'mod qawwi fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-popolazzjonijiet tagħhom;

    35.

    jinnota li għalkemm il-migrazzjoni ġewwa u bejn l-Istati Membri pprovdiet mod li bih l-individwi jirrispondu għat-tnaqqis fl-attività ekonomika, investiment soċjali aktar komprensiv u fit-tul fir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jifhmu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni u l-komunitajiet tagħhom jistgħu jindirizzaw il-kriżi b'mod aktar sostenibbli billi jtaffu l-pressjonijiet fuq l-individwi ħalli jitilqu djarhom, il-familji u l-komunitajiet tagħhom biex ifittxu x-xogħol. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-individwi li jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor biex ifittxu impjieg jew opportunitajiet tal-edukazzjoni jistgħu jiġu mfixxkla minħabba nuqqas ta' għarfien tal-lingwa; jista' jkun hemm bżonn li jiġġeddu l-isforzi biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-lingwi biex jappoġġjaw il-migrazzjoni fl-immedjat sakemm jinstabu soluzzjonijiet aktar dejjiema. Barra minn hekk, dan ser ikompli jippromovi l-inklużjoni soċjali;

    36.

    jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni dwar l-impatt lokali tat-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, li qed joħolqu ħtiġijiet ġodda għall-infrastruttura soċjali u l-aċċessibbiltà taż-żoni pubbliċi. Il-fenomenu dejjem jikber tal-faqar fix-xjuħija qed joħloq il-ħtieġa ta’ sistemi sostenibbli tas-sigurtà soċjali u servizzi li jridu jkunu aċċessibbli u li jista’ jlaħħaq magħhom kulħadd. Il-mudell korrettiv għandu jinbidel f'mudell preventiv li jtawwal iż-żamma ta' indipendenza funzjonali u tal-integrazzjoni tar-relazzjonijiet. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu fost il-poplu Ewropew, u l-approċċ għandu jinbidel minn wieħed istituzzjonali għal wieħed ibbażat fuq il-komunità;

    37.

    jiddispjaċih li d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Kura fit-Tul f’Soċjetajiet li qed jixjieħu ma jindirizzax it-temi tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-dħul deċenti tal-persuni aktar anzjani li jistgħu jwasslu għal kura fit-tul. Il-KtR jara wkoll in-nuqqas ta' analiżi aktar profonda dwar kif il-fondi strutturali jistgħu jsostnu l-investiment fil-kura fit-tul;

    38.

    iqis li l-Pakkett ta' Investiment Soċjali għandu jimxi id f'id ma' għarfien akbar tar-rwol tal-ekonomija soċjali fid-dawl tal-fatt li fil-livell tal-UE l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jirrappreżentaw 2 miljun intrapriża (jiġifieri 10 % tan-negozji kollha tal-UE) u jimpjegaw 'il fuq minn 11-il miljun ħaddiem imħallsa (l-ekwivalenti ta' 6 % tal-popolazzjoni li taħdem fl-UE). Għalhekk itenni l-appell tiegħu għal Statut għal Soċjetà Mutwa Ewropea li dwarha kien qabel ukoll il-Parlament Ewropew f'Marzu 2013;

    39.

    jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-professjonisti fis-setturi tas-saħħa u l-ħarsien soċjali u bejn netwerks formali u informali fil-komunità. Hemm bżonn ta' għarfien dwar it-tipi differenti ta' appoġġ mill-viċinat u r-rwol kumplementari tal-volontiera, il-professjonisti u l-ġirien li jipprovdu l-appoġġ. Il-professjonisti għandhom jidentifikaw aktar mill-qrib mal-viċinat lokali, li fih rwol kooperattiv jew ta' faċilitazzjoni li jista' jsaħħaħ u jimmedja l-appoġġ fil-viċinat u l-ħidma volontarja. L-approċċ il-ġdid ta' governanza, li għandu suċċess f'xi bliet Ewropej, għandu jiġi appoġġjat bi strumenti fil-livell Ewropew ħalli jinxterdu l-aħjar prattiki madwar l-Ewropa. Approċċ pożittiv huwa l-implimentazzjoni ta' sistemi li fihom jingħaqdu flimkien kemm l-informazzjoni dwar iċ-ċittadini (storja soċjali u medika) kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riżorsi u s-servizzi disponibbli (katalgi jew portafolji tas-servizzi u r-riżorsi, it-teknoloġiji innovattivi disponibbli, bħas-sistemi ta' telegħajnuna avvanzata, monitoraġġ mill-bogħod, eċċ.);

    40.

    jappella lill-UE biex tikkunsidra l-possibbiltà li, flimkien mal-Istati Membri, tfassal qafas Ewropew għall-akkomodazzjoni soċjali kif mitlub mill-KtR fl-Opinjoni tiegħu ta' Ottubru 2011, u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013. Filwaqt li l-akkomodazzjoni soċjali mhijiex il-kompetenza espliċita tal-UE, ħafna politiki tal-UE (politika tal-kompetizzjoni, suq intern, fondi strutturali, politika dwar l-effiċjenza enerġetika, standards ambjentali ...) għandhom impatt dirett fuq l-akkomodazzjoni soċjali. Għaldaqstant huwa meħtieġ qafas ta' koordinazzjoni sabiex tiġi żgurata konsistenza mad-drittijiet fundamentali u bejn il-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq l-akkomodazzjoni. F'dan il-kuntest il-KtR ifakkar li skont it-Trattat tal-UE l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dritt li jiddeċiedu kif tiġi organizzata l-akkomodazzjoni soċjali u liema unitajiet domestiċi huma eliġibbli. Il-KtR jemmen ukoll li l-akkomodazzjoni soċjali hija importanti għall-koeżjoni u m'għandiex tiġi limitata għall-iżvantaġġjati biex tippromovi t-taħlit soċjali;

    41.

    36. Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li l-infiq fuq l-akkomodazzjoni soċjali jgħin sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet soċjali urġenti bħala bażi għal investiment strateġiku soċjali; jgħin ukoll biex jipprovdi impjiegi lokali li ma jistgħux ikunu esternalizzati b’mod sostenibbli, biex jistabbilizza l-ekonomija billi jimpedixxi l-bżieżaq immobiljari, biex jindirizza t-tibdil fil-klima u jiġġieled il-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, il-KtR jenfasizza li l-akkomodazzjoni soċjali għandha rwol ewlieni fit-trattar man-nies li jisfaw bla dar u biex jiġu implimentati l-istrateġiji tal-akkomodazzjoni u li jevitaw li n-nies jisfaw bla dar li qed titlob il-Kummissjoni;

    42.

    japprezza li t-telf tad-dar qed jiġi kkunsidrat bħala prijorità tematika fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali u jappella lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problema tal-persuni mingħajr dar permezz ta' strateġiji komprensivi bbażati fuq il-prevenzjoni, approċċi li jagħtu prijorità lid-dar u jirrevedu r-regolamenti u l-prassi dwar l-iżgumbrament, filwaqt li jqisu s-sejbiet ewlenin dwar il-gwida dwar l-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar ipprovduta f' dan il-Pakkett; F'dan il-kuntest, il-KtR jappella lill-Kummissjoni li tiżviluppa qafas konkret għall-UE li jappoġġja lill-partijiet interessati, partikolarment awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali relevanti biex jimxu 'l quddiem fl-indirizzar tat-telfien tad-dar, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kwestjoni;

    43.

    jenfasizza li, biex niksbu l-miri soċjali tagħna b'suċċess, irridu nirriformaw l-approċċi tagħna biex intejbu l-kwalità tar-riżultati għall-benefiċċjarji, u niksbu l-effikaċja u l-effiċjenza. L-innovazzjoni soċjali hija meħtieġa biex niġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għandha tkun inkluża fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali, iżda wkoll ikollha rwol prominenti fl-Orizzont 2020 u jkollha l-appoġġ effettiv tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali. Għal dan il-għan, l-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020, u b'mod partikolari l-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iridu jipprovdu referenza qafas sabiex jintlaħqu iktar faċilment l-objettivi previsti;

    44.

    jiġbed l-attenzjoni li s-soċjetajiet kontemporanji jserrħu fuq ix-xjenza u t-teknoloġija mhux biss għat-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll għall-benesseri u l-progress soċjali. Madankollu, spiss m'hemmx biżżejjed interazzjoni bejn ix-xjenza u r-riċerka, u ċ-ċittadini u s-soċjetà u xi drabi din tkun nieqsa għal kollox. Għaldaqstant, il-fondi Ewropej għar-riċerka futuri jridu jqisu mhux biss ix-xjenzi teknoloġiċi, iżda wkoll ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi biex jiġi żviluppat għarfien u riċerka ta' relevanza prattika dwar il-problemi u l-adegwatezza għall-għixien f'ċerti żoni urbani u żoni b'popolazzjoni baxxa u biex dan l-għarfien ta' rilevanza prattika jitwassal lil dawk huma responsabbli għall-politika urbana u l-politika tal-ippjanar spazjali. B'mod partikolari qed jiġu rakkomandati disinji ta' riċerka tal-aħħar ġenerazzjoni biex jinbena għarfien sistematiku għall-effikaċja tal-interventi ta' politika, għalfejn jaħdmu, għal liema gruppi soċjali u f'liema ċirkostanzi; jinsab sodisfatt dwar l-inizjattivi li l-Kummissjoni qed tieħu biex tappoġġja l-innovazzjoni soċjali u l-isforzi biex ikun hemm skambju ta' informazzjoni dwar l-esperjenzi ta' innovazzjoni;

    45.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika reġjonali tal-UE ilha tippromovi l-iżvilupp urban sostenibbli mill-1989. Permezz tal-fondi strutturali tagħha, il-politika reġjonali tinvesti f’proġetti li jippromovu governanza lokali tajba, jiżguraw ambjent urban sostenibbli, irawmu l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza, jirriġġeneraw iż-żoni urbani u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Fid-dawl tal-qrubija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali maċ-ċittadini tagħhom u l-għarfien espert tagħhom fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet lokali, għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura attwali tal-finanzjament għandha tkun aktar adattabbli għall-bżonnijiet lokali. B’hekk il-bliet u ż-żoni urbani jkunu jistgħu jieħdu responsabbiltà u rwol ta’ tmexxija akbar fil-koordinazzjoni ta’ approċċi integrati fil-livell tal-belt jew taż-żona metropolitana. Biex jiġu appoġġjati l-approċċi bbażati fuq il-koeżjoni territorjali u ż-żoni integrati, għandha tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-FSE u l-FEŻR;

    46.

    jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwarrbu tal-anqas 20 % tal-FSE f'kull Stat Membru biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġi indirizzat il-faqar. Il-KtR jixtieq li tingħata assigurazzjoni akbar f'dan il-qasam biex jiġi żgurat li l-fondi jiġu ġestiti tajjeb u mmirati li jgħinu lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Dan jista' jinkludi li jitwarrbu fondi f'kull Stat Membru fil-livell reġjonali iktar milli dak ċentrali, abbażi ta' għadd ta' fatturi li jiddefinixxu l-ikbar ħtieġa għal interventi ta' appoġġ (indikaturi tal-faqar, il-PDG per capita, l-impjieg, l-edukazzjoni skolari, l-immigrazzjoni ...);

    47.

    jitlob li tiġi implimentata minnufih l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u li ż-żgħażagħ taħt it-tletin sena jiddaħħlu fi skemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Jaqbel mar-rakkomandazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni, immirata lejn intervent bikri għall-individwi f'riskju li jisfaw barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħha. Huwa jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' fondi suffiċjenti għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu ta' programmazzjoni kollu li jmiss (EUR 6 biljun) u jitlob b'urġenza li parti sinifikanti mil-linja baġitarja l-ġdida tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiġi allokata bil-quddiem fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Il-kriterji tal-eliġibbiltà tan-NUTS II m’għandhomx jiddependu biss fuq il-kriterju ta’ 25 % tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda jqisu wkoll id-devjazzjoni sinifikanti fil-livell reġjonali mir-rata medja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali;

    48.

    jiġbed l-attenzjoni li għalhekk il-FSE għandu jindirizza aħjar il-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw flessibbiltà akbar biex jiġu stabbiliti miri fil-livell lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tal-prijoritajiet tal-FSE u l-ġestjoni tal-fondi tal-FSE. F'termini ta' leġislazzjoni, ir-regolamentazzjoni li tiggoverna l-futur tal-FSE għandha tagħti rwol akbar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza strateġika tal-FSE. Il-KtR jitlob ukoll li jiddaħħal obbligu min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi tal-FSE biex juru li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu ipparteċipaw fit-tfassil tal-prijoritajiet ta' programmi operattivi u l-ġestjoni strateġika sussegwenti tal-FSE;

    49.

    B'mod iktar speċifiku, b'referenza għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu relatati mal-aġenda urbana tal-UE u s-Summit ta' Kopenħagen ta' 2012, il-KtR huwa tal-fehma li hemm għadd ta' għażliet li jsaħħu l-parteċipazzjoni prattika tal-bliet: programmi operattivi b'attenzjoni ċara fuq l-urbaniżmu; il-parteċipazzjoni tal-bliet bħala Korpi Intermedji u fuq il-bordijiet tal-FSE, il-kumitati ta' tmexxija u l-gruppi konsultattivi; u l-fatt li l-awtoritajiet ta' tmexxi tal-FSE jaħdmu fi sħubija mal-bliet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi. Jista' jkun adatt li xi bliet ewlenin ikollhom il-programmi operattivi tagħhom;

    50.

    jappella li l-FSE jippromovi mudelli innovattivi ta' servizzi u li l-qafas legali l-ġdid jiffaċilita u jiffinanzja l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fil-komunità fil-livell l-iktar bażiku bħala appoġġ għall-miżuri tas-suq tax-xogħol;

    51.

    jinnota li l-baġit għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) huwa ħames darbiet akbar mill-baġit tal-FSE. Naturalment dan huwa marbut mal-fatt li l-PAK hija esklussivament politika komuni tal-UE, filwaqt li l-finanzjament tal-politika soċjali jiddependi b’mod qawwi fuq il-baġits nazzjonali u sottonazzjonali. Minkejja dan, dan l-iżbilanċ jista’ jiġi interpretat ukoll mill-opinjoni pubblika bħala nuqqas ta’ prijorità mogħtija lill-politika soċjali tal-UE. Il-KtR għalhekk jinsisti li l-enfasi mġedda fuq il-politiki soċjali tal-UE tkun akkumpanjata minn żieda fir-riżorsi tal-FSE;

    52.

    jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ ta’ Investiment Territorjali Integrat tal-Kummissjoni fil-perjodu l-ġdid tal-FSE għall-konsolidazzjoni tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku u fiżiku. Minħabba fl-importanza ewlenija tal-bliet għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, l-appoġġ Ewropew li jingħata jrid jaqbeż ferm aktar il-mira minima ta' 5 %;

    53.

    jinnota li r-regolamentazzjoni stretta tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat għandhom jintrabtu aħjar mal-politiki soċjali, li jippermettu li dawn tal-aħħar jiżviluppaw u jiġu implimentati b'mod aktar effettiv. Sabiex jissawwar dan l-allinjament, il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta proposta sabiex jittejbu -kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali skont l-Artikolu 14 tat-TFUE;

    54.

    jirrakkomanda li d-dokument għandu jiġi implimentat f'sinerġija stretta mad-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Komunikazzjoni l-oħra biex tiġi assigurata implimentazzjoni konsistenti u effikaċi. Il-KtR jħeġġeġ lill-Kummissjoni li tadotta approċċ olistiku għal din il-ħaġa u li titratta b'mod dirett mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan il-proċess;

    55.

    jappella lill-Kummissjoni li tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni konkret għall-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. Dan għandu jinkludi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, koordinazzjoni, skambju transnazzjonali u tagħlim reċiproku dwar il-prijoritajiet tematiċi bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, it-telf tad-dar, u l-faqar fost it-tfal u l-kura ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni li jinsabu f'sitwazzjoni ta' dipendenza. Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu konsultati dwar it-tfassil ta' stħarriġ annwali dwar it-tkabbir u jassumu rwol akbar fil-proċess ta' monitoraġġ. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa li jtejbu kemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu konsultati, informati u jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonjiet, peress li ħafna mill-investiment soċjali jolqot fil-qalba l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    Brussell, 9 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar 'Il-Patt ta’ Investiment Soċjali – b’reazzjoni għall-kriżi'.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 13 u 14 ta’ Diċembru 2012, I. Politka Ekonomika Pt.2.


    Top