EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0206

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rapport Annwali tat-Taxxa: kif tiftaħ il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku (2013/2025(INI))

ĠU C 55, 12.2.2016, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/65


P7_TA(2013)0206

Rapport Annwali dwar it-Taxxa: kif nilliberaw il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rapport Annwali tat-Taxxa: kif tiftaħ il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku (2013/2025(INI))

(2016/C 055/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 26, 110 – 115 u 120 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul [fuq id-dħul mit-tfaddil] fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008)0727),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (COM(2012)0631),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) (COM(2011)0121),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (COM(2011)0169),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar it-tassazzjoni korporattiva: sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties (riformulazzjoni) (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2012 bl-isem “Insaħħu s-suq uniku billi nneħħu x-xkiel fiskali transkonfinali għall-karozzi” (COM(2012)0756),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għat-taxxa fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) (COM(2012)0465),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM (European Economy no. 4/2012),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM – 2011 u 2012 (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar riformi tat-taxxa fl-Istati Membri tal-UE (European Economy no. 6/2012),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD bl-isem “OECD’s Current Tax agenda 2012” (3),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD bl-isem “Addressing Base Erosion and Profit Shifting” (4),

wara li kkunsidra d-dokument tad-Deutsche Bank tal-5 ta' Ottubru 2012 dwar l-impatt tas-sistemi tat-taxxa fuq it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa (5),

wara li kkunsidra l-istrateġija UE 2020 (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tal-10 ta' Lulju 2012 (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0750),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2013 (7),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli tad-29 ta' Ġunju, id-19 ta' Ottubru u l-14 ta' Diċembru 2012,

wara li kkunsidra l-aħħar Dikjarazzjoni tal-Laqgħa tal-G20 tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali f’Moska, 15-16 ta’ Frar 2013 (8),

wara li kkunsidra l-programm tal-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0154/2013),

A.

billi l-ekonomiji tal-UE – li f’ħafna każijiet minħabba l-attenzjoni dgħajfa fir-rigward tat-taħlita ta’ politika attwali dwar l-investiment, il-kompetittività u t-tassazzjoni ġusta u effiċjenti – għandhom prospetti modesti jew negattivi fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-futur qarib; billi ż-żona tal-euro kollha qed tesperjenza t-tieni reċessjoni fi żmien relattivament qasir;

B.

billi minn meta faqqgħet il-kriżi tad-dejn riċenti, l-istruttura tad-dħul mit-taxxa nbidlet b’mod pjuttost sinifikanti f’għadd ta’ Stati Membri, u huwa diffiċli li jiġu identifikati l-effetti strutturali u ċikliċi relatati ta’ dan it-tibdil; billi, fl-iżvilupp ta’ politika tat-tassazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ governanza f’diversi livelli, b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri;

C.

billi, minħabba l-kriżi li żvelat id-dgħufijiet strutturali ta’ wħud mill-ekonomiji tal-UE, u li għadha qed tkun ta’ ħsara għall-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE, l-Istati Membri qed jaffaċċaw l-isfida diffiċli li jibbilanċaw il-baġits tagħhom u fl-istess ħin jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

D.

billi, mill-bidu tal-millenju, hemm tendenza li tista’ tiġi osservata fl-UE lejn l-iżvilupp ta’ sistema ta’ tassazzjoni aktar orjentata lejn it-tkabbir;

E.

billi s-sistemi ta’ tassazzjoni fl-UE għandhom ikunu orjentati biex ikunu favorevoli għan-negozju sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi;

F.

billi f’ambjent ta’ tkabbir bil-mod u reċessjoni, id-devoluzzjoni tardiva tal-ħlas antiċipat tat-taxxa toħloq problemi ta’ likwidità addizzjonali għall-korporazzjonijiet;

G.

billi l-impatt tal-kriżi għandu jittaffa permezz ta’ politika tat-tassazzjoni kompatibbli mal-għanijiet tal-Istrateġija UE-2020 u dan għandu jkun prijorità;

H.

billi l-ħtieġa li tiġi rrestawrata l-kredibilità tal-politiki baġitarji, u li jitnaqqas id-dejn sovran tal-Istati Membri tinneċessità modifika tal-ispejjeż baġitarji, implimentazzjoni rapida ta’ riformi strutturali favorevoli għat-tkabbir, titjib fil-metodi ta’ ġbir tat-taxxa u modifiki ta’ xi taxxi, filwaqt li tingħata prijorità, fejn ikun xieraq, fir-rigward ta’ dawk it-taxxi imposti fuq il-kapital, fuq attivitajiet ta’ ħsara għall-ambjent u fuq ċerti tipi ta’ konsum minflok fir-rigward ta’ dawk it-taxxi imposti fuq ix-xogħol;

I.

billi l-iżvilupp ta’ politika intelliġenti u attiva fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, għat-titjib fit-tkabbir u għal prospetti ta’ tkabbir sostenibbli;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jinnota li l-politika fiskali hija kompetenza nazzjonali u li b’hekk is-sistemi ta’ tassazzjoni differenti tal-Istati Membri għandhom jiġu rrispettati; jinnota li t-trasferiment tal-kompetenzi fil-qasam tat-tassazzjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni, jirrikjedi bidla fit-Trattat, li mbagħad tirrikjedi l-ftehim unanimu tal-Istati Membri kollha; jinnota wkoll, madankollu, li dan ma jeskludix il-koordinazzjoni effettiva tal-arranġamenti fiskali fil-livell Ewropew; jenfasizza li fl-iżvilupp ta’ politika tat-tassazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ governanza f’diversi livelli, b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri;

2.

Jinnota li d-disinn ottimali tas-sistemi ta’ tassazzjoni jiddependi fuq bosta fatturi, u b’hekk ivarja minn pajjiż għall-ieħor; jenfasizza li l-ippjanar u l-aġġustament xierqa tal-politiki tat-tassazzjoni fiż-żmien qasir, medju u twil huma indispensabbli;

3.

Jenfasizza t-titjib li sar fil-qasam tal-koordinazzjoni ta’ politiki tat-tassazzjoni, iżda jirrimarka li l-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-UE involuti f’attivitajiet transfruntiera xorta għadhom qed jaffaċċaw spejjeż, piżijiet amministrattivi u lakuni legali konsiderevoli li jeħtieġ li jiġu eradikati kemm jista’ jkun malajr sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;

4.

Jinnota li l-kompetizzjoni ġusta u b’saħħitha fost is-sistemi ta’ tassazzjoni differenti fis-Suq Uniku għandha effetti stimulanti fuq l-ekonomiji Ewropej; jenfasizza, min-naħa l-oħra, li l-kompetizzjoni fiskali dannuża għandha impatt ekonomiku negattiv; wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD dwar “L-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt”, jenfasizza li l-istituzzjonijiet funzjonali bbażati fuq qafas ġuridiku u amministrattiv sod u ġust huma ta’ importanza kruċjali;

5.

Jinnota li minbarra l-iżgurar tal-konformità mal-politiki fiskali sostenibbli, sabiex jinkiseb bilanċ ekonomiku, jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri li jwasslu għat-tkabbir bħalma huma l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evazjoni fiskali, il-bidla tat-tassazzjoni lejn oqsma fiskali favorevoli għat-tkabbir u l-provvediment ta’ stimolu fiskali vijabbli kemm għall-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), speċjalment bl-għan li jiġu promossi l-innovazzjoni u l-attivitajiet ta’ R&Ż;

6.

Jenfasizza li hu fl-interess tal-impriżi u ċ-ċittadini li jkun hemm ambjent fiskali ċar, prevedibbli, stabbli u trasparenti fi ħdan is-Suq Uniku, peress li n-nuqqas ta’ trasparenza dwar ir-regoli fiskali joħloq ostakolu għall-attivitajiet transfruntiera u għall-investimenti domestiċi u barranin fl-UE; jissuġġerixxi li għandu jkun hemm iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar disponibbli għall-individwi u l-impriżi fir-rigward tar-regoli, ir-rekwiżiti u r-regolamenti fiskali f’kull Stat Membru;

7.

Jirrakkomanda, li l-Istati Membri jipproċedu b’attenzjoni meta jbiddlu t-taxxi eżistenti u jintroduċu taxxi ġodda, filwaqt li jiżguraw li dan iseħħ b’mod favorevoli għat-tkabbir, u li ċ-ċittadini u s-settur tan-negozju jkollhom biżżejjed ħin u mezzi adegwati biex iħejju ruħhom qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri fiskali l-ġodda;

8.

Huwa kkonċernat dwar l-effetti li jista’ jkollha l-bidla f’ħafna Stati Membri lejn tassazzjoni iktar estensiva tal-konsum fuq l-inugwaljanzi soċjali; jistieden lill-Istati Membri joqogħdu attenti għal din il-problema potenzjali u jistudjaw bir-reqqa l-implikazzjonijiet negattivi tat-tnaqqis fil-progressività tas-sistema tat-tassazzjoni b’mod globali; jemmen li għandu jkun hemm ċertu livell ta’ flessibilità fis-sistema tal-VAT, fejn – f’każijiet debitament ġustifikati kif previst bid-Direttiva dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, relatati pereżempju mal-kultura jew il-ħtiġijiet bażiċi – xi kategoriji ta’ prodotti jistgħu jkunu ntaxxati b’rati inqas mir-rata standard;

9.

Jifhem li sabiex il-baġit tal-UE jsir strument utli biex jiżdied it-tkabbir, ir-riżorsi proprji huma neċessarji sabiex ikun hemm iktar awtonomija għall-Kummissjoni fil-proposti tagħha;

L-identifikazzjoni ta’ riżorsi moħbija li jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir permezz tal-politika tat-tassazzjoni

10.

Jinnota li l-iżvilupp ekonomiku jiddependi fuq fatturi bħama huma x-xogħol, il-kapital, il-progress teknoloġiku, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-produttività, u li l-politika tat-tassazzjoni għandha tagħti attenzjoni bir-reqqa lil dawn il-fatturi fuq żmien qasir, medju u twil; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta’ teħid tad-deċiżjonijiet miftiehem għal dan l-għan;

11.

Jinnota li l-politika tat-tassazzjoni għandha titfassal bl-għan li ssaħħaħ l-ekonomija, fost affarijiet oħra permezz tal-bini ta’ strutturi tat-taxxa li jistimulaw id-domanda aggregata fuq perjodu ta' żmien fit-tul, jiffaċilitaw attivitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni, jistimulaw il-ħolqien tax-xogħol u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli;

12.

Jassumi li ż-żiediet fit-taxxa f’ċerti oqsma, bħad-dazji tas-sisa, jista’ jkollhom xi effetti pożittivi billi jinkanalaw riżorsi addizzjonali, u b’hekk ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-ekonomika reali;

13.

Jenfasizza li l-provvediment ta’ inċentivi fiskali għar-riċerka u l-iżvilupp x'aktarx ikollu benefiċċji fit-tul, bħat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi f’ekonomiji tal-għarfien, b’mod partikolari jekk ikunu jagħmlu parti minn strateġija fiskali ġenerali bbilanċata; jikkunsidra li dan għandu jitqies fil-livell Ewropew u dak nazzjonali;

14.

Jirrikonoxxi li t-twessigħ tal-bażijiet ta’ tassazzjoni eżistenti, minflok iż-żieda ta' rati ta' tassazzjoni jew l-introduzzjoni ta' taxxi ġodda, jista’ jiġġenera aktar dħul għall-Istati Membri;

15.

Ifakkar li t-tnaqqis fit-taxxi għandu jkun imsejjes fuq politika fiskali solida u ppjanata b’mod responsabbli, fejn is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi bl-ebda mod ma titqiegħed f’periklu, u għandu jiġu kkomplementat b’miżuri mmirati biex jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi;

16.

Jikkunsidra li jeħtieġ li tinħoloq, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa, sistema ta’ informazzjoni fiskali madwar l-UE li ma sservix biex jiġu armonizzati l-istrutturi fiskali nazzjonali differenti, iżda biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tagħhom b’mod kontinwu u trasparenti, filwaqt li jiġu segwiti t-tnaqqis u ż-żidiet li jsiru f’kull struttura;

17.

Jinnota li għat-tħaddim ta’ sistema bħal din, il-qafas tas-Semestru Ewropew huwa bażi xierqa, billi – flimkien ma’ miżuri makroekonomiċi speċifiċi oħra – jista’ jżomm reġistru tajjeb tad-diversi politiki ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri differenti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ kemm it-tbassir ekonomiku ġenerali kif ukoll l-elementi fundamentali u l-perspettivi futuri tal-Istati Membri kkonċernati u l-objettivi Ewropej komuni; fid-dawl ta’ dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw strateġija mmirata lejn it-tnaqqis tad-distakk fiskali fis-Semestru Ewropew;

18.

Jinnota l-kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) li għandha tiġi implimentata fi 11-il Stat Membru, li flimkien jirrappreżentaw żewġ terzi tal-PDG tal-UE;

19.

Jenfasizza li f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tax-xogħol ikunu għoljin meta mqabbla mal-produttività, u fejn b’hekk il-ħolqien ta’ impjiegi jkun imxekkel, jistgħu jiġu eżaminati miżuri fiskali possibbli biex jitnaqqsu dawn l-ispejjeż, filwaqt li jsiru sforzi determinati bl-għan li tiżdied il-produttività; jenfasizza li r-riformi fiskali għandhom iservu biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol sabiex tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema u tiġi promossa l-inklussività jenfasizza, f’dan il-kuntest, li d-drittijiet tal-ħaddiema u r-rwoli tas-sħab soċjali għandhom dejjem ikunu rrispettati b’mod sħiħ;

20.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar it-tfassil ta’ gwida unika għall-kalkolu tat-taxxi korporattivi; jistieden lill-Istati Membri jaqblu u jibdew jimplimentaw il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK); jenfasizza li l-pożizzjoni tal-Parlament għandha tintuża bħala punt ta’ referenza ewlieni f’dan ir-rigward;

21.

Jenfasizza li hemm potenzjal ta’ tkabbir sostanzjali fit-tnaqqis u t-tneħħija tal-impedimenti relatati mat-taxxa għall-attivitajiet transfruntiera fis-suq uniku; jenfasizza li r-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT, il-ħidma fuq il-BKKTK u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali huma fatturi kruċjali sabiex isir użu sħiħ minn dak il-potenzjal;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u r-regolamentazzjoni fir-rigward tar-reġistri tal-kumpaniji u r-reġistri ta’ trusts u fondazzjonijiet;

23.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-inizjattivi tal-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet fiskali nazzjonali, bl-għan li jitrażżnu l-ostakli fiskali relatati mal-attivitajiet transfruntiera sabiex il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni f'dan il-qasam ikompli jissaħħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-programmi Fiscalis u Customs; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma addizzjonali fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni amministrattiva tal-Istat Membru jistgħu jissaħħu sabiex inaqqsu l-frodi tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jkunu attenti ħafna f’ambjent ta’ tkabbir bil-mod u reċessjoni u biex jevitaw id-devoluzzjoni tardiva tar-rimborsi tal-ħlas antiċipat tat-taxxa peress li din tista’ toħloq problemi ta’ likwidità addizzjonali, b’mod partikolari għall-SMEs;

Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni fiskali u l-abolizzjoni tat-tassazzjoni doppja, in-nontassazzjoni doppja u l-miżuri diskriminatorji kontra l-impriżi tal-UE

25.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet tagħhom ta’ sorveljanza fiskali u kontroll u ġbir tat-taxxi, sabiex b'hekk jiġġeneraw riżorsi addizzjonali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi kif stipulat fl-istrateġija UE 2020; jenfasizza li l-aħjar prattiki nazzjonali biex l-amministrazzjoni tat-taxxa ssir iktar effiċjenti għandhom jiġu kkumpilati b’mod trasparenti – preferibbilment f’kodiċi Ewropew tal-aħjar prattika fi ħdan is-sistema ta’ informazzjoni fiskali madwar l-UE – u għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa; huwa mħasseb dwar it-tendenza f’għadd ta’ Stati Membri li jnaqqsu l-persunal u riżorsi oħra fl-awtoritajiet tat-taxxa u korpi simili; jenfasizza li dan jista’ jdgħajjef il-kapaċità li jiġi pprovdut servizz ġust u effiċjenti lill-impriżi u l-individwi u jiġu missielta l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; fid-dawl ta’ dan, iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom u lill-persunal tal-awditjar tat-taxxa;

26.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni amministrattivi tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta;

27.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi iktar riżorsi baġitarji u persunal għad-DĠ TAXUD biex tgħinu jiżviluppa proposti u politiki tal-UE dwar in-nontassazzjoni doppja, l-evażjoni tat-taxxa l-frodi tat-taxxa;

28.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar “miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa” u “pjanifikazzjoni fiskali aggressiva”;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b’mod attiv b’konformità mal-Komunikazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jieħdu azzjoni tal-UE kkoordinata u ddeterminata kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali, sabiex b’hekk tiġi garantita distribuzzjoni iktar ġusta tal-isforz fiskali u dħul fiskali ikbar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rapidament, fost il-bosta miżuri speċifiċi li jridu jittieħdu f’dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi kontra l-prattiki ta’ pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u għall-inklużjoni ta' klawsola fil-konvenzjonijiet rispettivi tagħhom dwar it-taxxa doppja sabiex jiġu evitati l-okkorrenzi ta’ nontassazzjoni doppja;

30.

Jinnota li huwa stmat li kull sena jintilfu madwar triljun euro fi dħul pubbliku fl-UE minħabba l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex id-distakk fiskali jitnaqqas mill-inqas bin-nofs sal-2020;

31.

Jenfasizza li livelli mnaqqsa ta’ frodi u evażjoni jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir fl-ekonomija billi jagħmlu l-finanzi pubbliċi aktar b’saħħithom – u dan iżid il-fondi pubbliċi disponibbli biex jitrawwem l-investiment u tissaħħaħ l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea – u billi jġiegħlu lill-impriżi jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi;

32.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidħlu f’negozjati serji u jikkompletaw il-proċeduri għall-proposti leġiżlattivi pendenti kollha fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jistieden, fost affarijiet oħra, lill-Istati Membri biex jikkonkludu l-proċess ta’ reviżjoni u estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil u, b'segwitu għar-rapport mill-Parlament, jadottaw u jimplimentaw bla dewmien il-proposta tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT;

33.

Jilqa’ l-ħidma internazzjonali intensifikata fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva, bl-għan li tiġi indirizzata l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt; huwa tal-fehma li r-rapport tal-OECD dwar dan is-suġġett huwa kontribuzzjoni kruċjali, u jistenna bil-ħerqa l-pjan ta’ azzjoni ta’ segwitu li għandu jiġi ppreżentat dan is-sajf; jistenna li l-ministri tal-finanzi tal-G 20, wara l-approvazzjoni tar-rapport fil-laqgħa riċenti tagħhom f’Moska, jieħdu azzjoni ambizzjuża u kollettiva abbażi ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni;

34.

Jenfasizza, b’konformità mal-osservazzjonijiet solidi tal-Kummissjoni, li t-taxxi ambjentali huma fost dawk l-aktar favorevoli għat-tkabbir f’termini relattivi; jenfasizza li t-taxxi ambjentali, minbarra li jiġġeneraw id-dħul, għandhom jintużaw b’mod konsistenti u dinamiku sabiex l-iżviluppi ekonomiċi jibqgħu mixjin fi triq sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti b’valutazzjoni komprensiva tal-lakuni ta’ internalizzazzjoni eżistenti, segwita bil-proposti leġiżlattivi xierqa;

o

o o

35.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0318.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0011.

(3)  http://www.oecd.org/ctp/OECDCurrentTaxAgenda2012.pdf

(4)  http://www.oecd.org/ctp/beps.htm

(5)  http://www.dbresearch.com/PROD/DBR_INTERNET_EN-PROD/PROD0000000000295266.pdf

(6)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/131662.pdf

(7)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/135430.pdf

(8)  http://www.g20.org/news/20130216/781212902.html


Top