This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0202
European Parliament resolution of 21 May 2013 on women’s rights in the Balkan accession countries (2012/2255(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni (2012/2255(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni (2012/2255(INI))
ĠU C 55, 12.2.2016, p. 23–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 55/23 |
P7_TA(2013)0202
Id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni (2012/2255(INI))
(2016/C 055/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1979, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR 1325); |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f'Marzu 2011 (1), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing (2), tal-10 ta' Marzu 2005 dwar il-kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (Peking + 10) (3) u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin + 15 – Pjattaforma ta’ Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0680), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita b'mod sħiħ fil-prattika, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u tal-aċċess għall-għajnuna ekonomika, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0670), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita bis-sħiħ fil-prattika, |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress 2012 tal-Kummissjoni dwar il-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali, li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013” (COM(2012)0600), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (COM(2012)0602), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar is-Sejbiet Ewlenin tar-Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv tal-istat ta' tħejjija tal-Kroazja għas-sħubija fl-UE (COM(2012)0601), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 bit-titolu “Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea” (COM(2008)0127), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2006 bit-titolu “Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ tal-istabilità u t-tkattir tal-prosperità” (COM(2006)0027), |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress, |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing – Indikaturi fir-rigward tal-Mekkaniżmi Istituzzjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2009 dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-qagħda tan-nisa fil-Balkani (5), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma (6); |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0136/2013), |
A. |
billi seba' pajjiżi fil-Balkani tal-Punent – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Kosovo, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja – jinsabu fi stadji differenti tal-proċess biex isiru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; billi dawn il-pajjiżi jeħtieġ jadottaw u jimplimentaw l-acquis communautaire u obbligi oħrajn tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul dan il-proċess; |
B. |
billi l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u ta' miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar dawn id-drittijiet, modi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji biex jiġu invokati dawn id-drittijiet, u istituzzjonijiet governattivi u indipendenti biex jibdew, iwettqu u jimmonitorjaw il-proċess ta' implimentazzjoni; |
C. |
billi n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-isforzi ta' paċi, stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni, u billi l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti u mħeġġa, bi qbil mal-UNSCR 1325 u riżoluzzjonijiet sussegwenti; |
Rimarki ġenerali
1. |
Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent f'fażi ta' adeżjoni adottaw ħafna mil-leġiżlazzjoni meħtieġa fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE, iżda li din il-leġiżlazzjoni f'ħafna każi mhijiex qed tiġi implimentata b'mod effettiv; |
2. |
Jenfasizza l-bżonn li n-nisa fil-Balkani tal-Punent jassumu rwol prominenti fis-soċjetà permezz tal-parteċipazzjoni attiva u r-rappreżentazzjoni fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali fil-livelli kollha; josserva li l-progress lejn il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta' gvern (mil-lokali għan-nazzjonali, mill-eżekuttiv għas-setgħat leġiżlattivi) huwa ta' importanza kbira; |
3. |
Jinnota bi tħassib li l-popolazzjoni f'ħafna mill-pajjiżi mhijiex konxja b'mod sħiħ mil-leġiżlazzjoni eżistenti u l-politiki li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li dan l-għarfien rari jilħaq lill-membri vulnerabbli jew marġinalizzati tas-soċjetà, speċjalment in-nisa Roma; jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni biex irawmu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-midja, kampanji pubbliċi u programmi edukattivi sabiex jeliminaw l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu personaġġi eżemplari nisa u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jappella, fuq kollox, għall-impenn personali ta' membri u uffiċjali tal-gvern; |
4. |
Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi, id-diskriminazzjoni (sessista, kulturali jew ibbażata fuq ir-reliġjon) u l-vjolenza domestika, u għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali; jinnota li dawn il-kampanji għandhom jiġu kkompletati mill-promozzjoni ta' dehra pożittiva ta' personaġġi eżemplari nisa fil-midja u r-reklamar, materjali edukattivi u l-internet; jenfasizza l-importanza li titjieb il-qagħda tan-nisa f'żoni rurali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-drawwiet diskriminatorji u l-istereotipi; |
5. |
Jinnota bi tħassib li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura ekonomika u politika; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwoti u jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jippromwovu r-rappreżentanza tan-nisa u, fejn ikun meħtieġ, japplikaw kwoti b'mod effikaċi għall-partiti politiċi u l-assemblej nazzjonali, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li diġà għamlu dan biex ikomplu b'dan il-proċess sabiex ikun żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika u jegħlbu l-livell baxx ta' rappreżentazzjoni tagħhom; jinnota li, fejn ġew introdotti kwoti ta' rappreżentanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, dawn għandhom jiġu implimentati kif suppost u kkompletati b'sanzjonijiet legali effikaċi; jilqa', f'dan ir-rigward, is-summit internazzjonali għan-nisa reċenti dwar “Partnership for Change” (Sħubija għall-Bidla) li sar fi Pristina f'Ottubru 2012 taħt il-partroċinju tal-unika kap ta' stat mara fir-reġjun, Atifete Jahjaga; |
6. |
Jinnota bi tħassib li r-rati ta' impjieg ta' nisa fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom baxxi ħafna; josserva li l-appoġġ għall-politiki li jikkonċernaw opportunitajiet indaqs huwa importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet jintroduċu miżuri sabiex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, konsegwentement, id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u jindirizzaw ir-rati għolja ta' qgħad, billi jiffokaw b'mod partikolari fuq in-nisa, speċjalment dawk f'żoni rurali; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fil-Balkani jistabbilixxu qafas legali għal pagi indaqs għall-istess xogħol għaż-żewġ sessi, jgħinu lin-nisa fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tagħlim tul il-ħajja, skedi flessibbli ta' xogħol u wkoll joħolqu ambjent li jħeġġeġ l-intraprenditorija min-naħa tan-nisa; |
7. |
Jinnota bi tħassib li f'xi stati f'dan ir-reġjun, in-nisa intraprendituri spiss isofru diskriminazzjoni meta jkunu qed jippruvaw jiksbu self jew kreditu mill-bank għan-negozju tagħhom, u għadhom sikwit iħabbtu wiċċhom ma' ostakli bbażati fuq l-istereotipi tas-sessi; jistieden lill-istati f'dan ir-reġjun biex jikkunsidraw il-ħolqien ta' skemi ta' mentoring u programmi ta' appoġġ li jistgħu jagħmlu użu mill-pariri u l-esperjenza ta' professjonisti intraprenditorjali; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżviluppaw skemi attivi fis-suq tax-xogħol intiżi sabiex irażżnu l-qgħad fost in-nisa; iħeġġiġhom jiżviluppaw skemi ta' self u jqiegħdu għad-dispożizzjoni finanzjament għal negozji ġodda; |
8. |
Jenfasizza l-importanza li tingħeleb kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, inkluża d-diskriminazzjoni sessista fir-rigward tar-reklutaġġ, il-promozzjoni u l-benefiċċji; |
9. |
Jenfasizza li, fil-proċess tal-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa – li jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-pajjiżi Balkani – huwa kruċjali għall-governanza demokratika; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjari u umani allokati għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet governattivi u indipendenti fdati bit-tnedija u l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u speċjalment politiki ta' integrazzjoni tas-sessi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi; jistieden lill-awtoritajiet jakkumpanjaw miżuri u pjanijiet ta' azzjoni b'riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom, inkluż persunal adegwat magħmul minn nisa; jenfasizza li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) jista' u għandu jintuża għal proġetti b'rabta mal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li l-awtoritajiet fil-pajjiżi għandhom ir-responsabbiltà sħiħa għal mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi li jiffunzjonaw tajjeb; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi bid-diliġenza dovuta fir-rigward tal-effikaċja tal-infiq; |
10. |
Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' informazzjoni statistika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, dwar il-vjolenza fuq in-nisa, dwar l-aċċess għall-kontraċettivi u d-disponibbiltà tagħhom, u dwar il-bżonn mhux sodisfatt tal-kontraċezzjoni, meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, li hija standardizzata u li tista' tiġi mqabbla fuq tul ta' żmien, bejn il-pajjiżi tal-adeżjoni u bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-adeżjoni Balkani jistabbilixxu metodoloġija komuni għall-ġbir ta' informazzjoni statistika flimkien mal-Eurostat, l-EIGE u istituti rilevanti oħrajn; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi u għandhom jiġu implimentati strateġiji eżistenti biex tittejjeb il-pożizzjoni tan-nisa li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa Roma, il-leżbjani, il-bisesswali jew in-nisa transġeneru, in-nisa b'diżabilitajiet, in-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika, u n-nisa anzjani; |
11. |
Iqis li n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, li huwa kruċjali għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun kollu kemm hu; jenfasizza l-importanza ta' aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari l-istupru; itenni r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u jħarrku lil dawk responsabbli għall-ġenoċidju, għar-reati kontra l-umanità u għad-delitti tal-gwerra, inklużi r-reati li jinvolvu l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfajliet, u biex jirrikonoxxu u jikkundannaw dawn ir-reati bħala reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jenfasizza l-bzonn li dawn ir-reati jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet relatati mal-amnestija; jilqa' l-isforzi ta' netwerks bħar-Regional Women's Lobby biex jappoġġjaw lin-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja għan-nisa f'pajjiżi li ħarġu minn konflitt; jenfasizza l-bżonn kontinwu li jiġi ffaċċjat il-passat u li jiġu żgurati sistematikament il-ġustizzja u r-riabilitazzjoni għall-vittmi ta' vjolenza sesswali konnessa ma' konflitti; jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi statali adegwati għall-protezzjoni tax-xhieda u l-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati; |
12. |
Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u jinnota bi tħassib li l-vjolenza sessista u l-abbuż verbali għadhom preżenti fil-pajjiżi Balkani; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani jsaħħu l-korpi tal-infurzar tal-liġi sabiex jindirizzaw b'suċċess kwistjonijiet bħall-vjolenza sessista, il-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar ta' nisa, joħolqu rifuġji għall-vittmi li esperjenzaw jew qegħdin jesperjenzaw vjolenza domestika u jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet legali u l-impjegati tas-servizz pubbliku jkunu aktar sensittivi għal dan il-fenomenu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jistabbilixxu programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza domestika; |
13. |
Jinnota bi tħassib kbir li 30 % tal-vittmi tat-traffikar transkonfinali fl-UE huma ċittadini ta' pajjiżi Balkani, filwaqt li n-nisa u t-tfajliet jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-vittmi identifikati; jisħaq li l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kampanji biex iqanqlu kuxjenza, u l-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma essenzjali sabiex jingħeleb it-traffikar u jiġu protetti l-vittmi potenzjali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jaħdmu flimkien fil-ħolqien ta' front komuni; |
14. |
Jitlob lill-awtoritajiet fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex jipprovdu finanzjament kontinwu għall-ġlieda kontra t-traffikar, biex isaħħu ulterjorment il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw b'mod proattiv u jipproteġu lill-vittmi fost il-popolazzjoni vulnerabbli, jiżguraw permezz tal-liġi li l-vittmi tat-traffikar identifikati ma jiġux ikkastigati għal delitti b'riżultat dirett tat-traffikar tagħhom, jappoġġjaw l-isforzi ta' protezzjoni tal-vittmi, iħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, u jiżviluppaw ulterjorment il-kapaċità taċ-ċentri ta' akkoljenza u r-rifuġji; jitlob ukoll lill-gvernijiet rispettivi jtejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jinħoloq ambjent dissważiv għat-traffikanti, fejn każijiet ta' traffikar jiġu investigati kif xieraq u l-ħatja jinsabu tali u jiġu kkastigati; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex itejbu r-rekords tagħhom fir-rigward tal-prosekuzzjoni u l-ikkastigar u jappoġġjaw inizjattivi lokali biex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar, bħall-vjolenza domestika u opportunitajiet ekonomiċi limitati għan-nisa; |
15. |
Iqis li ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi tistrieħ ukoll fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jindirizzaw l-omofobija u t-transfobija li fadal fid-dritt, fil-politika u fil-prattika, inkluż permezz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reati ta' mibgħeda, it-taħriġ tal-pulizija u l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun jikkundannaw il-mibegħda u l-vjolenza abbażi tal- orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru; |
16. |
Jilqa' ż-żieda f'inizjattivi reġjonali transkonfinali fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-gvernijiet u l-Kummissjoni jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, iħeġġu l-iskambju u l-promozzjoni tal-prattiki tajbin li joħorġu minnhom, fosthom billi jużaw il-fondi ta' qabel l-adeżjoni u jqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed fondi għal dawn l-inizjattivi, inkluż mill-perspettiva tal-ibbaġitjar għas-sessi; |
17. |
Jistieden lill-Gvern tal-Montenegro, u lill-Gvernijiet tas-Serbja, ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Albanija, ladarba jibdew in-negozjati għall-adeżjoni, biex jaqblu fuq ftehim qafas mal-parlamenti tagħhom u s-soċjetà ċivili dwar l-involviment ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost l-oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, fin-negozjati tal-adeżjoni u fit-tfassil tal-pjanijiet ta' azzjoni għar-riforma li jirriżultaw minn dawn in-negozjati, u biex jiżgurawlhom aċċess għal dokumenti rilevanti li għandhom x'jaqsmu mal-proċess tal-adeżjoni; |
18. |
Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jirrikonoxxu u jappoġġjaw ir-rwol li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa għandhom f'oqsma speċifiċi, bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, iż-żieda fil-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika tan-nisa u l-promozzjoni tal-isforzi tal-konsolidazzjoni tal-paċi; jappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet immirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet ikkonċernati; |
19. |
Jinnota bi tħassib li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni, il-proċess għall-inklużjoni soċjali tar-Roma naqqas fil-pass u, f'xi każijiet, saħansitra waqaf; jitlob lill-gvernijiet rispettivi jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jintegraw ulterjorment liċ-ċittadini Roma u jiggarantixxu l-qerda ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' preġudizzju kontra r-Roma, speċjalment in-nisa u t-tfajliet li jsofru diskriminazzjoni multipla, komposta u intersezzjonali; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tinvolvi lill-pajjiżi tat-tkabbir fl-istadji kollha tal-adeżjoni, u timmobilizza l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-mekkaniżmu tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA); |
20. |
Jinnota bi tħassib li d-drittijiet tal-attivisti favur il-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru u favur id-drittijiet tal-bniedem li jenfasizzaw l-importanza li jiġi ffaċċjat il-passat huma regolarment fil-mira ta' diskors ta' mibgħeda, theddid u attakki fiżiċi, u jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa; |
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontinwa kontra l-vjolenza domestika prijorità fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, billi tkompli tindirizza dawn il-kwistjonijiet u timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'rapporti ta' progress, u tenfasizza l-importanza tagħhom f'kuntatti mal-awtoritajiet, u billi turi eżempju tajjeb billi tiżgura li d-delegazzjonijiet, it-timijiet tan-negozjati u r-rappreżentanza tagħha stess waqt laqgħat u fil-midja jkunu bilanċjati bejn is-sessi; |
22. |
Jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi Balkani jimmonitorjaw b'attenzjoni l-progress imwettaq fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dawl ta' adeżjoni futura fl-UE, u jistieden lil kull delegazzjoni taħtar membru tal-persunal bħala responsabbli mill-politiki dwar is-sessi biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prattiki tajba fir-reġjun tal-Balkani; |
23. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet; jinnota li minn età żgħira, ħafna bniet ma jitħeġġux jistudjaw suġġetti tal-iskola jew tal-università li huma meqjusa bħala “tal-irġiel” minnhom infushom, bħax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija; jirrakkomanda li fl-iskejjel jiġu introdotti korsijiet inizjali u li titwessa' l-medda ta' suġġetti u karrieri possibbli miftuħa għall-bniet, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-bażi tal-għarfien u sensiela sħiħa ta' ħiliet neċessarji biex jirnexxu fi kwalunkwe triq li jiddeċiedu li jieħdu; |
24. |
Jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, inkluż b'aċċess għal kontraċettivi ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli; jesprimi t-tħassib fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar l-aċċess għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni; |
25. |
Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jadottaw leġiżlazzjoni u politiki biex jiżguraw aċċess universali għal servizzi tas-saħħa riproduttiva u jippromwovu d-drittijiet riproduttivi, u biex b'mod sistematiku jiġbru data li tkun meħtieġa għall-promozzjoni tas-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva; |
L-Albanija
26. |
Jistieden lill-Gvern Albaniż jappoġġja l-parteċipazzjoni ta' aktar nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, b'mod speċjali fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari fl-2013; |
27. |
Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni u l-Iżvilupp u l-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-diskriminazzjoni billi jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u billi jwaqqaf istituzzjoni tal-appell f'għamla ta' Kummissarju speċifikament għal każijiet ta' diskriminazzjoni sessista, sabiex jippromwovi ambjent fejn in-nisa li jwelldu tfal bniet ma jkunux soġġetti għal diskriminazzjoni; |
28. |
Jitlob lill-Gvern Albaniż itejjeb il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, b'mod speċjali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, u jinnota li n-nisa għandhom ikunu aktar involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u lokali fl-Albanija; |
29. |
Jitlob lill-Gvern Albaniż jipproponi riformi li jqisu d-dimensjoni tas-sessi għal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-proprjetà, il-kodiċi penali, il-liġi elettorali u l-liġijiet tax-xogħol; |
30. |
Ifaħħar lill-Albanija għat-taħriġ mogħti lill-imħallfin dwar l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u miżuri kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u għall-possibilità li vittmi ta' diskriminazzjoni jew ta' vjolenza jirċievu għajnuna legali sponsorjata mill-istat; |
31. |
Ifaħħar lill-Albanija għad-deċiżjoni li ħadet dwar l-integrazzjoni tas-sessi fil-programm baġitarju fuq medda medja ta' żmien għall-Ministeri kollha u jistenna li jara r-riżultati tal-implimentazzjoni tagħha; |
32. |
Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta, u jekk ikun meħtieġ jadotta, indikaturi tal-prestazzjoni biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi; |
33. |
Jistieden lill-parlament Albaniż jistabbilixxi kumitat parlamentari biex jittratta speċifikament id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; |
34. |
Jitlob lill-Gvern Albaniż isaħħaħ l-implimentazzjoni, b'mod partikolari fil-livell lokali, ta' strumenti politiċi li jsawru d-drittijiet tan-nisa, bħall-Istrateġija Nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza domestika u l-vjolenza fuq in-nisa (2011-2015); |
35. |
Ifaħħar lill-awtoritajiet Albaniżi għat-twaqqif ta' indikaturi tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-pubblikazzjoni tar-Rapport Nazzjonali dwar l-Istatus tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Albanija 2012; |
Il-Bosnja-Ħerzegovina
36. |
Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinja l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-prattika legali f'livelli differenti, sabiex tinħoloq sitwazzjoni legali uniformi fil-pajjiż, u jsaħħaħ id-dipartiment responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'livell ċentrali fil-pajjiż sabiex jindirizza n-nuqqas attwali ta' nisa fl-ogħla livelli tal-governanza u jimmonitorja l-problemi kkawżati s'issa min-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mekkaniżmi kollha disponibbli sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà u tittieħed azzjoni aktar qawwija min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina f'dan ir-rigward; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jqiegħed aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Liġi dwar il-Projbizzjoni tad-Diskriminazzjoni ma' liġijiet oħra fil-livell statali; |
37. |
Jinnota bi tħassib partikolari d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal u n-nisa li għadhom kif welldu fis-suq tax-xogħol, u d-differenzi fid-drittijiet tas-sigurtà soċjali b'rabta mal-maternità bejn id-diversi entitajiet u distretti awtonomi (cantons); jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinjaw id-drittijiet ta' sigurtà soċjali għal dawk bil-liv tal-maternità, tal-paternità jew liv tal-ġenituri madwar il-pajjiż sabiex jintlaħaq livell għoli, u tinħoloq sitwazzjoni uniformi għaċ-ċittadini kollha; |
38. |
Jinnota bi tħassib il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa, mhux biss fost il-popolazzjoni ġenerali, iżda wkoll fost dawk li jaħdmu fl-infurzar tal-liġi; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw pjan ta' azzjoni sabiex joħolqu aktar kuxjenza u jħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi; |
39. |
Jinnota bi tħassib serju li l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għad iridu jiġu armonizzati mal-liġijiet tal-entitajiet, bil-għan li jirrikonoxxu l-vjolenza domestika bħala delitt kriminali fil-kodiċijiet kriminali taż-żewġ entitajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina, u b'hekk mhux qed tiġi pprovduta s-sikurezza legali lil dawn il-vittmi; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jsolvi din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun sabiex tiżdied il-protezzjoni għall-vittmi; |
40. |
Ifaħħar lin-nisa fil-parlament tal-Bosnja-Ħerzegovina għad-dibattitu transpartitiku tagħhom dwar il-vjolenza sessista mal-ministri rilevanti; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jagħtu segwitu lil dan id-dibattitu b'miżuri konkreti biex jippromwovu l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; |
41. |
Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jipprovdu statistika uffiċjali dwar in-numru ta' każijiet rapportati ta' vjolenza abbażi ta' data miġbura minn rapporti tal-pulizija, ċentri tal-kura soċjali u istituzzjonijiet ġudizzjarji, u biex jagħmlu din l-istatistika disponibbli pubblikament; bl-istess mod, jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiġbru u jippubblikaw data dwar il-miżuri ta' protezzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza domestika; |
42. |
Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jarmonizza l-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-Liġi Elettorali, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korpi ta' governanza eżekuttiva fil-livelli kollha tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet (muniċipali, tad-distretti awtonomi, tal-entitajiet u statali); |
43. |
Ifaħħar lill-Bosnja-Ħerzegovina għal-leġiżlazzjoni tagħha li tistipula rata minima ta' rappreżentanza ta' 40 % għal kull sess fil-funzjonijiet amministrattivi fil-korpi governattivi statali u lokali, iżda jinnota li dan, fil-prattika, ma wassalx għal 40 % tan-nisa fl-amministrazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jfasslu pjan ta' azzjoni bi skadenzi ċari u b'diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet biex tiġi implimentata din il-leġiżlazzjoni; |
44. |
Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-UNSCR 1325, għal mekkaniżmi istituzzjonali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi, għal aċċess adegwat għall-ġustizzja u għal rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-livelli kollha jinkludu biżżejjed finanzjament għal dawn l-għanijiet fil-baġits tagħhom; |
45. |
Jiddeplora l-fatt li, s'issa, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina investigaw u kkundannaw biss għadd limitat ta' każijiet ta' delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali; jinnota bi tħassib serju li numru kbir ta' ħatja ta' tali delitti ħarbu s-sistema ġudizzjarja b'impunità; jinnota wkoll in-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina li jipprovdu programmi ta' protezzjoni tax-xhieda adegwati għall-vittmi; jitlob, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiżguraw li l-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali jkollhom aċċess sikur u adegwat għas-sistema ġudizzjarja u li l-każijiet kollha ta' delitti tal-gwerra miġjuba quddiem il-qrati jiġu ttrattati malajr u b'mod effiċjenti; |
46. |
Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jtejjeb il-monitoraġġ ta' leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jiġu inklużi objettivi ċari fil-politiki u pjanijiet ta' azzjoni u billi jiġu identifikati b'mod ċar l-istituzzjonijiet responsabbli mill-implimentazzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Bosnia-Ħerzegovina fil-livelli kollha jikkooperaw fil-ġbir ta' data statistika komprensiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-pajjiż kollu kemm hu; |
Il-Kroazja
47. |
Iħeġġeġ lill-Gvern Kroat ikompli bl-aġġustament tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis communautaire tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-adeżjoni; |
48. |
Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tistipula 40 % tan-nisa fil-listi elettorali għall-korpi ta' awtonomija lokali u reġjonali, il-Parlament u l-Parlament Ewropew, meta jitqies li matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2011, żewġ terzi tal-partiti politiċi ma laħqux il-miri preskritti; |
49. |
Ifaħħar lill-Kroazja għat-twaqqif tal-uffiċċju ta' Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u għas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi maħluqa mill-viżibilità ta' dan l-uffiċċju; jirrakkomanda lill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex jikkunsidraw jekk jistgħux isegwu dan l-eżempju bħala prattika tajba; iħeġġeġ lill-Gvern Kroat jibqa' jiffinanzja lill-Uffiċċju tal-Ombudspersons u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom; |
50. |
Jilqa' l-pjanijiet ta' azzjoni għall-integrazzjoni lokali tas-sessi, partikolarment fir-reġjun tal-Istrija; jitlob lill-gvern Kroat jippromwovi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni bħal dawn madwar il-pajjiż; |
51. |
Jistieden lill-Gvern Kroat jistabbilixxi djalogu strutturali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni wara l-adeżjoni; |
52. |
Jilqa' l-progress magħmul fil-Kroazja f'termini ta' trattament adegwat ta' każijiet ta' vjolenza fuq in-nisa u diskriminazzjoni sessista mill-pulizija, wara taħriġ immirat tal-uffiċjali tal-pulizija f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu b'dawn l-azzjonijiet; josserva li l-każijiet madankollu għadhom mhumiex trattati b'mod adegwat mill-ġudikatura u jitlob lill-awtoritajiet jibdew azzjonijiet biex jissensibilizzaw u jħarrġu lill-ġudikatura wkoll; jitlob ukoll lill-gvern Kroat iqiegħed għad-dispożizzjoni għajnuna legali bla ħlas għall-vittmi ta' vjolenza u diskriminazzjoni sessista; |
53. |
Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jiċċaraw fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Protezzjoni mill-Vjolenza fil-Familja (2011-2016) liema awtorità hija responsabbli minn liema azzjoni u jagħtu finanzjament adegwat lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jimplimentaw l-Istrateġija; |
Il-Kosovo
54. |
Jilqa' r-rwol attribwit lill-Assemblea tal-Kosovo fl-approvazzjoni, ir-reviżjoni u l-monitoraġġ tal-Programm għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti ta' monitoraġġ; |
55. |
Jitlob lill-gvern tal-Kosovo jippromwovi linja telefonika diretta ta' emerġenza madwar il-pajjiż għall-vittmi ta' vjolenza domestika u vjolenza sessista u joħloq għarfien dwar il-possibbiltajiet ta' rapportar u pproċessar tal-każijiet; |
56. |
Ifaħħar lill-gvern tal-Kosovo talli qiegħed l-Aġenzija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u jitlob lill-gvern jiżgura funzjonament aktar effiċjenti tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mingħajr indħil politiku; |
57. |
Jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jistabbilixxi ċ-Ċentru għat-Trattament Ugwali propost mill-aktar fis possibbli; |
58. |
Ifaħħar lill-Kosovo għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija fil-ġestjoni ta' każijiet ta' vjolenza sessista u t-twaqqif ta' kmamar speċjali fl-għases tal-pulizija għall-vittmi u t-tfal tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jħarreġ lill-ġudikatura fil-ġestjoni ta' dawn il-każijiet ukoll u jżid in-numru ta' rifuġji għall-vittmi u t-tul possibbli ta' permanenza f'dawn ir-rifuġji; |
59. |
Iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi u jaħdem lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' Pristina, kif stabbiliti fis-summit dwar in-nisa li sar fil-Kosovo f'Ottubru 2012; |
60. |
Jenfasizza l-bżonn ta' aktar promozzjoni dwar l-użu u l-provvista tal-kontraċettivi, u l-aċċess għalhom, peress li filwaqt li perċentwal akbar ta' nisa issa qegħdin jużaw metodi kontraċettivi bħal dawn, l-użu tal-kontraċettivi xorta għadu 'l bogħod milli jkun universali fost in-nisa kollha fil-Kosovo; |
61. |
Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi l-vittmi ta' vjolenza sesswali matul il-konflitt tal-1998-1999 bħala kategorija speċjali fil-liġi permezz ta' emenda lil-Liġi Nru 04/L-054 dwar l-istatus u d-drittijiet tal-martri, l-invalidi, il-veterani, il-membri tal-Kosovo Liberation Army, il-vittmi ċivili tal-gwerra u l-familji tagħhom; |
62. |
Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jidentifika b'mod ċar indikaturi għall-konformità u n-nonkonformità fl-istruzzjonijiet amministrattivi għal-liġijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom; jitlob ukoll lill-Gvern jiġbor data dwar, u jistabbilixxi reġistru nazzjonali għal, każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessista; |
Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)
63. |
Ifaħħar lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-proposta l-ġdida għal liġi kontra l-fastidju sesswali jew il-fastidju morali (mobbing) fil-post tax-xogħol, inklużi ċitazzjonijiet għall-ħatja, u jappella biex il-proposta għal liġi tiġi armonizzata mal-kodiċi kriminali; jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jibdel il-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat li ż-żewġ ġenituri jitħallew jieħdu liv tal-ġenituri jew liv tal-familja sabiex jieħdu ħsieb qraba morda, u l-adozzjoni reċenti ta' tibdil fil-liġi tax-xogħol biex tingħata protezzjoni legali aħjar fis-suq tax-xogħol lin-nisa li huma tqal jew li għadhom kif welldu; |
64. |
Jinnota bi tħassib li n-nisa Roma jsofru diskriminazzjoni doppja abbażi tas-sess u tal-etniċità; jitlob, għalhekk, lill-gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jadotta qafas komprensiv kontra d-diskriminazzjoni li jippermetti lin-nisa Roma jiżguraw id-drittijiet tagħhom; |
65. |
Ifaħħar lill-awtoritajiet ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar iż-żieda ta' pieni dissważivi għan-nonkonformità mal-liġi li tistipula rappreżentanza ta' mill-inqas 30 % ta' kull sess fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob lill-gvern tal-FYROM jimmonitorja mill-qrib jekk, b'riżultat ta' dan, mill-inqas 30 % tal-membri f'korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment fil-livell lokali, humiex nisa; |
66. |
Ifaħħar lill-Parlament ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-'klabb tan-nisa' attiv, li permezz tiegħu, Membri Parlamentari nisa minn diversi partiti jikkooperaw biex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jorganizzaw dibattiti pubbliċi, konferenzi u avvenimenti internazzjonali oħra, u billi jikkooperaw mas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw kwistjonijiet delikati jew marġinalizzati bħall-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel primarji, il-vjolenza domestika, l-HIV, il-kanċer ċervikali, id-diskors ta' mibgħeda u l-pożizzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali; |
67. |
Jinnota li l-mekkaniżmi tar-Rappreżentant Legali fid-Dipartiment għall-Opportunitajiet Indaqs fil-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali, responsabbli biex jipprovdi parir legali f'każijiet ta' trattament mhux ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, ma jaħdmux tajjeb; jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jieħu miżuri biex itejjeb il-funzjonament ta' dawn il-mekkaniżmi; |
68. |
Jinnota bi tħassib l-implimentazzjoni frammentata tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta' koordinament globali tal-isforzi; jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jżid ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll jiżgura l-ħatra u l-funzjonament effettiv ta' Koordinaturi għall-Opportunitajiet Indaqs fil-livell nazzjonali u lokali; |
69. |
Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, riflessa mhux l-inqas fiż-żieda fir-rapporti minħabba l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni, it-taħriġ ta' uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati u l-ftehim dwar protokolli bejn l-istituzzjonijiet rigward l-ipproċessar ta' rapporti; jinnota bi tħassib, madankollu, li n-numru ta' rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika u ta' tipi oħra ta' vjolenza sessista mhuwiex biżżejjed; |
70. |
Jitlob lill-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jelimina l-ostakli kulturali u finanzjarji eżistenti għan-nisa biex jiksbu aċċess għall-kontraċezzjoni; |
Il-Montenegro
71. |
Jinnota bi tħassib li l-perċentwal ta' nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi ftit li xejn żdied matul l-aħħar għexieren ta' snin; jistieden lill-Gvern Montenegrin jirriforma l-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam u jiżgura l-konformità; |
72. |
Jistieden lill-Gvern Montenegrin iżid ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-implimentazzjoni tal-qafas legali u istituzzjonali għall-infurzar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; |
73. |
Ifaħħar lill-Gvern tal-Montenegro għat-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni nazzjonali l-ġdid għall-Ilħiq tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni ta' miri strateġiċi u operattivi f'dan il-pjan; jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tiegħu u jistabbilixxi qafas għat-tkomplija tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-fażi ta' implimentazzjoni; |
74. |
Jilqa' l-inklużjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programm ta' riforma Montenegrin għall-adeżjoni; jistieden lill-Gvern Montenegrin jagħti prijorità lil azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fin-negozjati dwar l-adeżjoni fil-Kapitolu 23 dwar “Il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali” kif ukoll f'kapitoli oħra rilevanti, inkluż il-Kapitolu 19 dwar “Il-Politika Soċjali u l-Impjiegi”, il-Kapitolu 24 dwar “Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà”, u l-Kapitolu 18 dwar “L-Istatistika”; |
75. |
Ifaħħar lill-Gvern Montenegrin għall-progress magħmul fl-indirizzar tal-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Mġieba dwar proċeduri għal rispons istituzzjonali kkoordinat; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha ta' tħassib kbir fil-Montenegro, u jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed fondi u sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tal-Kodiċi ta' Mġieba, biex jintroduċi linja tat-telefon nazzjonali ta' emerġenza u biex jiġbor id-data; |
76. |
Jinnota bi tħassib in-numru baxx ta' lmenti dwar diskriminazzjoni u vjolenza sessisti; jitlob lill-Gvern Montenegrin jagħmel l-investimenti meħtieġa biex iqanqal kuxjenza dwar id-drittijiet tan-nisa, il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-possibbiltajiet ta' rapportar u indirizzar tal-każijiet ta' ksur; |
77. |
Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Parlament Montenegrin biex jirriċerka b'mod metodiku l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza; |
Is-Serbja
78. |
Jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta ulterjorment il-Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-UE billi jsaħħaħ il-mekkaniżmi sabiex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tal-liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, u jtejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi li għandhom x'jaqsmu mal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza u d-Deputat Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; |
79. |
Ifaħħar lill-Gvern Serb għall-kodiċi elettorali li jistipula li wieħed minn kull tliet kandidati fuq il-listi elettorali għall-Parlament għandu jkun membru tas-sess sottorappreżentat u għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, li assigura li 34 % tas-siġġijiet fil-Parlament huma okkupati minn nisa; |
80. |
Jistieden lill-Gvern Serb iħarreġ l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fil-pulizija u l-ġudikatura fis-sensibilizzazzjoni u l-ġestjoni xierqa ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessisti, biex jipprovdi għajnuna legali b'xejn lill-vittmi u jindirizza l-problema ġenerali tal-każijiet b'lura quddiem il-qrati; |
81. |
Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' protokoll ġenerali dwar il-proċeduri għall-kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika u bejn l-imsieħba, l-introduzzjoni ta' linja telefonika ta' emerġenza u l-ftuħ ta' rifuġju ġdid; jinnota, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha tqajjem tħassib kbir fis-Serbja; jitlob lill-gvern jipprovdi biżżejjed fondi u jagħmel biżżejjed sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-protokoll, jippromwovi r-rappurtar ta' każijiet u jiġbor u jaqsam informazzjoni u data bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa; |
82. |
Ifaħħar lill-Gvern Serb u l-Parlament Serb għall-kooperazzjoni tagħhom mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta' pjan ta' azzjoni biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lill-Gvern jipprovdi biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tagħha; |
83. |
Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fil-livell lokali bejn il-gvernijiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' liġijiet u politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-vjolenza sessista, u jipprovdu fondi strutturali għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet li jittrattaw il-vjolenza sessista; |
o
o o
84. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni. |
(1) Anness tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011.
(2) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(4) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.
(5) ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 8.
(6) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.