Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0059

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe (2013/2536(RSP))

    ĠU C 24, 22.1.2016, p. 108–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/108


    P7_TA(2013)0059

    Id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe (2013/2536(RSP))

    (2016/C 024/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe u dik l-aktar reċenti tas-17 ta' Jannar 2013 (1),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar iż-Żimbabwe mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, fil-15 ta' Frar 2011,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika taż-Żimbabwe tas-17 ta' Awwissu 2012 u tat-12 ta' Novembru 2012 dwar inċidenti reċenti ta' fastidju fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (HCHR) tal-24 ta' Mejju 2012 u tad-29 ta' Mejju 2012,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-18 ta' Jannar 2013 dwar l-attakki reċenti fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qabel l-elezzjonijiet,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifika,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza ta' Jannar 2007, li ż-Żimbabwe rratifika,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 1998,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi kien hemm żieda sinifikanti fl-intimidazzjoni, l-arresti arbitrarji, il-fastidju ġudizzjarju u l-għajben ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' avversarji politiċi tal-partit Zanu-PF ta' Robert Mugabe f'perjodu li issa jitqies bħala dak ta' qabel l-elezzjonijiet, b'ħafna membri tal-MDC, diversi deputati tal-MDC, u membri ewlenin tat-tmexxija tal-MDC, bħall-Ministru tal-Enerġija Elton Mangoma, il-Koministru tal-Intern Theresa Makone u l-iSpeaker imkeċċi tal-Parlament taż-Żimbabwe Lovemore Moyo, ikunu fil-mira;

    B.

    billi Okay Machisa, Direttur Eżekuttiv Nazzjonali tal-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe (ZimRights) u President tal-Koalizzjoni “Kriżi fiż-Żimbabwe”, ġie arrestat fl-14 ta' Jannar 2013;

    C.

    billi Okay Machisa ġie akkużat b'“pubblikazzjoni ta' informazzjoni falza”, “falsifikazzjoni” u “frodi”, u għalhekk ikkontraviena t-Taqsimiet 31, 136 u 137 tal-Att dwar id-Dritt Kriminali (Kodifikazzjoni u Riforma) u allegatament ipprova jiffroda l-Uffiċċju tar-Reġistratur Ġenerali billi ffalsifika u mmanifattura kopji foloz ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-votanti;

    D.

    billi Okay Machisa baqa' detenut fl-għases tal-pulizija f'Ħarare u f'Rhodesville; billi ngħata l-ħelsien taħt garanzija mill-Qorti Suprema soġġetta għal kundizzjonijiet eċċessivi;

    E.

    billi membri oħra ta' ZimRights – Leo Chamahwinya, l-Uffiċjal għall-Programmi Edukattivi, u Dorcas Shereni, il-President tat-taqsima lokali ta' Highfield – qed jaffaċċjaw ukoll detenzjoni arbitrarja u fastidju ġudizzjarju u qed jiġu detenuti sal-4 ta' Frar 2013 skont deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Maġistrati fil-21 ta' Jannar 2013;

    F.

    billi l-arrest u d-detenzjoni ta' Machisa, Chamahwinya u Shereni seħħew wara rejd tal-pulizija fuq l-uffiċċji ta' ZimRights fit-13 ta' Diċembru 2012;

    G.

    billi dawn l-arresti seħħew biss ftit ġimgħat wara li ZimRights iddenunzjat it-tendenza ta' żieda fil-brutalità min-naħa tal-pulizija fiż-Żimbabwe kollu u talbet li tittieħed azzjoni b'urġenza mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi indirizzat dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    H.

    billi r-rejd tal-5 ta' Novembru 2012 mill-pulizija fl-uffiċċju tal-Unità għas-Servizzi ta' Counselling (CSU) taż-Żimbabwe, klinika medika reġistrata li tipprovdi servizzi mediċi u ta' counselling lil vittmi tal-vjolenza organizzata u tat-tortura, u d-detenzjoni ta' tliet membri tal-persunal mingħajr akkużi formali, huma allarmanti;

    I.

    billi l-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni huma komponenti essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, partikolarment fil-kuntest tal-konklużjoni tal-proċess ta' tfassil tal-kostituzzjoni u tat-tħejjija għal elezzjonijiet demokratiċi;

    J.

    billi l-NGOs taż-Żimbabwe li ġew irrejdjati mill-pulizija fl-2012 jinkludu l-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe (ZimRights), l-Unità għas-Servizzi ta' Counselling (CSU) ,il-Forum tal-NGOs taż-Żimbabwe għad-Drittijiet tal-Bniedem, iċ-Ċentru ta' Riżorsi Elettorali (ERC), u l-Assoċjazzjoni ta' Gays u Leżbjani taż-Żimbabwe (GALZ);

    K.

    billi fl-2009 kien iffurmat gvern ta' koalizzjoni wara ftehim ta' qsim tal-poteri li ntlaħaq f'Settembru bejn il-partiti ZANU-PF u MDC biex jintemmu l-impass politiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fl-2008;

    L.

    billi l-Gvern ta' Unità Nazzjonali (GNU) impenja ruħu, fil-Ftehim Politiku Globali tiegħu (GPA), li joħloq kostituzzjoni ġdida, jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-attività politika u li jagħti spinta lill-ekonomija; billi minkejja li talab li jitneħħew il-miżuri restrittivi tal-UE, naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-GPA, tħabat biex iġib l-istabbiltà fil-pajjiż u naqas milli jwitti t-triq għal tranżizzjoni demokratika permezz ta' elezzjonijiet kredibbli, minħabba ostakli deliberati mill-partit Zanu-PF;

    M.

    billi Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem effikaċi tkun pass importanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali u tal-pjan direzzjonali miftiehem għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli;

    N.

    billi d-dispożizzjonijiet rigward il-governanza tajba, it-trasparenza fil-karigi politiċi u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati skont l-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou;

    O.

    billi l-irkupru ekonomiku tal-pajjiż għadu fraġli u ċerti politiki tal-Istat huma theddida għal relazzjonijiet ekonomiċi futuri bejn l-Unjoni u ż-Żimbabwe;

    1.

    Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-intimidazzjoni politika, il-fastidju u l-arrest arbitrarju ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

    2.

    Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ġew detenuti talli eżerċitaw attivitajiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqfu l-fastidju ġudizzjarju u jinvestigaw bis-sħiħ l-abbużi li jaffaċċjaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    3.

    Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jeħilsu lis-Sa Dorcas Shereni u lis-Sur Leo Chamahwinya minnufih u bla kundizzjonijiet;

    4.

    Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiggarantixxu f'kull ċirkustanza l-integrità fiżika u psikoloġika tas-Sinjuri Okay Machisa u Leo Chamahwinya, tas-Sa Dorcas Shereni u tas-Sa Faith Mamutse;

    5.

    Jistieden liż-Żimbabwe jirrispetta d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, li jiddikjara li “kulħadd għandu d-dritt, individwalment u b'assoċjazzjoni ma' oħrajn, li jippromwovi u jiġġieled għall-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali”;

    6.

    Ifakkar li skont il-Ftehim Politiku Globali (GPA) iż-Żimbabwe impenja ruħu li jiżgura li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-proċeduri u l-prassi tiegħu jkunu konformi mal-prinċipji u l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    7.

    Jistieden lill-GNU jdaħħal bidliet fil-liġijiet ripressivi bħalma huma l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza, l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika, u l-Att dwar id-Dritt Kriminali (Kodifikazzjoni u Riforma) qabel ma jsejjaħ l-elezzjoni ġenerali, peress li dawn il-liġijiet intużaw biex jillimitaw severament id-drittijiet fundamentali;

    8.

    Huwa preokkupat dwar il-fatt li sal-lum ma saret ebda bidla fis-sistema tal-ġustizzja taż-Żimbabwe li hija kkunsidrata b'mod ġenerali bħala waħda estremament favorevoli għal Zanu-PF;

    9.

    Jappoġġa, kif mitlub fl-Emenda tal-Att Elettorali reċentement ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali u f'dan il-kuntest elettorali, il-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha tittratta b'mod indipendenti u trasparenti l-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u hija mistennija tinvestiga lmenti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, tagħti pariri dwar leġiżlazzjoni favur id-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem inġenerali;

    10.

    Jirrikonoxxi l-istabbiliment tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe, iżda huwa preokkupat li ma ngħatat ebda kapaċità sinifikanti li biha taġixxi b'mod indipendenti u tilħaq l-objettivi tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiż qed jaffaċċja;

    11.

    Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jieħu l-passi meħtieġa, inklużi r-restituzzjoni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, jorganizza referendum kostituzzjonali paċifiku u kredibbli u tħejjijiet elettorali li jissodisfaw l-istandards internazzjonali rikonoxxuti, ħalli l-miżuri mmirati jkunu jistgħu jiġu sospiżi;

    12.

    Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, parteċipazzjoni aktar attiva mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC); iqis li din l-organizzazzjoni reġjonali għandha rwol importanti bħala garanti tal-GPA, u jinsisti, inter alia, fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim u b'mod partikolari tal-Artikolu 13 tiegħu biex tkun żgurata azzjoni mhux partiġana mill-pulizija u minn forzi oħra tas-sigurtà;

    13.

    Jistieden lis-SADC tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-Prinċipji u l-Linji gwida tas-SADC li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi qabel l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet li jmiss fiż-Żimbabwe;

    14.

    Iħeġġeġ il-fatt li jintbagħtu osservaturi internazzjonali, b'mod partikolari mis-SADC u l-Parlament Pan-Afrikan, fi stadju bikri u f'ammont suffiċjenti, u li jibqgħu fil-post qabel u wara l-elezzjonijiet biex jevitaw il-vjolenza u l-intimidazzjoni u, f'dan il-kuntest, biex jikkooperaw mal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    15.

    Jappoġġa l-miżuri mmirati tal-UE li attwalment qegħdin fis-seħħ, li huma reazzjoni għas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, b'deċiżjonijiet annwali li jippermettu lill-UE żżomm lil uffiċjali għoljin fil-Gvern taż-Żimbabwe taħt sorveljanza kostanti; iħeġġeġ lill-GNU jieħu l-passi meħtieġa li jippermettu li dawk il-miżuri jiġu sospiżi fi żmien debitu;

    16.

    Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE f'Ħarare tibqa' toffri l-għajnuna tagħha lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali taż-Żimbabwe sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bl-għan li jsiru elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli skont l-istandards li l-UE tistenna minn kwalunkwe wieħed mis-sħab kummerċjali tagħha;

    17.

    Jiddeplora n-nuqqas ta' klawżola b'saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim interim ta' Sħubija Ekonomika konkluż ma' erba' Stati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika (ESA), inkluż iż-Żimbabwe; itenni t-talba tiegħu biex ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE ikun fihom klawżoli vinkolanti u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lil din il-kwistjoni fin-negozjati kontinwi għal FSE sħiħ mal-Istati ESA;

    18.

    Jenfasizza li s-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE (skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou) għandha tinżamm, fiċ-ċirkustanzi attwali, iżda l-UE għandha żżomm l-impenn tagħha ta' appoġġ lill-popolazzjoni lokali;

    19.

    Jistieden lill-Bank Dinji u liż-Żimbabwe jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-qrati internazjzonali;

    20.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-Gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Bank Dinji, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth u lill-Parlament Pan-Afrikan.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0024.


    Top