This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0058
European Parliament resolution of 7 February 2013 on Laos: the case of Sombath Somphone (2013/2535(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-Laos: il-każ ta’ Sombath Somphone (2013/2535(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-Laos: il-każ ta’ Sombath Somphone (2013/2535(RSP))
ĠU C 24, 22.1.2016, p. 106–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 24/106 |
P7_TA(2013)0058
Il-Laos: il-każ ta' Sombath Somphone
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-Laos: il-każ ta’ Sombath Somphone (2013/2535(RSP))
(2016/C 024/14)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Laos, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2012 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Laos, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2012 mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone fil-Laos, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Jannar 2013 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Hillary Clinton, dwar l-għajbien tal-mexxej tas-soċjetà ċivili tal-Laos Sombath Somphone, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Laos u dik tal-4 ta’ Jannar 2013 mill-Ambaxxatur tal-Laos għan-NU, |
— |
wara li kkunsidra l-ittri mingħand bosta Membri tal-Parlament Ewropew u minn membri parlamentari nazzjonali u l-Ittra Miftuħa Konġunta tas-17 ta' Jannar 2013 minn 65 NGO lill-Prim Ministru tal-Laos, dwar l-għajbien ta' Sombath Somphone, |
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta’ Jannar 2013 mill-Forum Asjatiku għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp lill-President tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għajbien Sfurzat (ICCPED), li l-Laos huwa firmatarju tagħha, u d-Dikjarazzjoni tan-NU tat-18 ta’ Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, irratifikat mil-Laos fl-2009, |
— |
wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tal-UNHRC li jikkonċerna l-Laos fil-21 ta’ Settembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos tal-1 ta’ Diċembru 1997, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi Sombath Somphone, figura prominenti fl-iżvilupp soċjali u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, għeb fil-15 ta’ Diċembru 2012 fil-kapitali ta’ Laos, Vientiane; billi l-filmat fuq is-CCTV miksub mill-familja tiegħu juri li Sombath Somphone deher għall-aħħar darba mal-pulizija lokali fl-għassa tal-pulizija ta’ Thadeau għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, fid-data tal-għajbien tiegħu, u ttieħed band’ oħra b’karozza minn irġiel lebsin ħwejjeġ pajżana; |
B. |
billi f’dikjarazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, il-Gvern tal-Laos ikkonferma l-inċident kif irreġistrat bil-kamera tas-sigurtà; billi l-awtoritajiet jisħqu li huwa kien vittma ta’ ħtif motivat minn kunflitti personali jew kummerċjali; |
C. |
billi n-NU u 65 organizzazzjoni internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem esprimew il-biżgħat tagħhom li Sombath Somphone seta’ kien soġġett għal għajbien sfurzat, possibbilment relatat ma’ xogħlu, kif ukoll it-tħassib serju tagħhom dwar is-sikurezza tiegħu u n-nuqqas ta’ progress u informazzjoni fl-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Laos dwar il-fatti tal-għajbien tiegħu; |
D. |
billi l-familja ta’ Sombath Somphone ma kinitx kapaċi ssib fejn jinsab minn dakinhar, minkejja l-appelli ripetuti lill-awtoritajiet lokali u tiftix fiż-żona tal-madwar; |
E. |
billi Sombath Somphone huwa apprezzat b'mod wiesa' u huwa magħruf sewwa minħabba x-xogħol estensiv li wettaq fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u ġust, speċjalment permezz tat-twaqqif tal-PADETC, iċ-Ċentru ta' Taħriġ għall-Iżvilupp Parteċipattiv, fl-1996; billi fl-2005 ngħata l-Premju Ramon Magsaysay għat-Tmexxija tal-Komunità; |
F. |
billi f’Ottubru tal-2012 Sombath Somphone, bħala membru tal-Kumitat Nazzjonali Organizzattiv tal-Laos, kien wieħed minn dawk li organizzaw id-9 Forum tal-Popli Asja-Ewropa li sar fi Vientiane qabel l-ASEM 9, u kien ukoll wieħed mill-kelliema ewlenin; |
G. |
billi grupp ta’ parlamentari tal-ASEAN għamlu żjara fil-Laos fil-ġimgħa tal-14 sat-18 ta’ Jannar 2013 biex jinvestigaw dwar Sombath Somphone; |
H. |
billi jeżisti ksur ta’ libertajiet fundamentali, partikolarment tal-libertà tal-istampa u l-midja, il-libertà tar-reliġjon, il-libertà ta’ għaqda, il-libertà akkademika u d-drittijiet tal-minoranzi, li qed iseħħ fil-Laos; |
1. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għajbien, is-sikurezza u l-benessri ta’ Sombath Somphone; |
2. |
Jinsab imħasseb dwar id-dewmien u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-investigazzjonijiet dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone; jistieden lill-awtoritajiet tal-Laos biex iwettqu investigazzjonijiet fil-pront, trasparenti u bir-reqqa, skont l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw ir-ritorn immedjat u sigur ta' Sombath Somphone għand il-familja tiegħu; |
3. |
Jistieden lill-VP/RGħ biex tissorvelja mill-qrib l-investigazzjonijiet tal-Gvern tal-Laos dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone; |
4. |
Jitlob lill-awtoritajiet tal-Laos biex jerġgħu jaffermaw pubblikament il-legalità u l-leġittimità tax-xogħol li qed isir favur l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali, sabiex tiġi miġġielda l-intimidazzjoni provokata mill-għajbien, bħal dak ta' Sombath Somphone; |
5. |
Jilqa’ ż-żjara tal-grupp ta’ parlamentari tal-ASEAN ġewwa l-Laos f’Jannar tal-2013 biex jiġbor informazzjoni dwar Sombath Somphone, u jistieden lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN twaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga l-ġrajjiet relatati mal-għajbien sfurzat ta' Sombath Somphone; |
6. |
Jistieden lill-UE tinkludi lil-Laos fil-prijoritajiet għat-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; |
7. |
Jisħaq li l-awtoritajiet tal-Laos għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex itemmu l-prattika ta’ arresti arbitrarji u tad-detenzjoni sigrieta; jistedinhom jagħmlu l-għajbien sfurzat reat kriminali u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat; jisħaq li l-għajbien sfurzat huwa ksur ċar tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem; |
8. |
Jistieden lill-Gvern tal-Laos jirrispetta d-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni u ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi, u biex iħares id-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, filwaqt li jtemm ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif rakkomandat fl-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-21 ta' Settembru 2010; |
9. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat tal-ASEAN, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Laos. |