Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0049

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli (2012/2098(INI))

ĠU C 24, 22.1.2016, p. 28–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/28


P7_TA(2013)0049

Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli (2012/2098(INI))

(2016/C 024/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-segwitu tal-Green Paper rigward ir-responsabilità soċjali korporattiva (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Modernizzazzjoni tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Tisħiħ tal-Governanza Korporattiva fl-Unjoni Ewropea – Pjan għall-Avvanz” (COM(2003)0284) (il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Governanza Korporattiva),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pakkett ‘Negozji Responsabbli’” (COM(2011)0685),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” (COM(2011)0682),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta’ qafas Ewropew għar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Kontribut kummerċjali għal Żvilupp Sostenibbli” (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar “ir-responsabilità soċjali korporattiva: sħubija ġdida” (5),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta’ “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Strateġija rinnovata tal-UE 201114 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni(A7-0017/2013),

Kunċett modern tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (RSK): rimarki preliminari

1.

Jenfasizza li n-negozju ma jistgħux jieħdu f’idejhom ir-responsabilità tal-awtoritajiet pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ standards soċjali u ambjentali;

2.

Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali attwali kienet riżultat ta’ żbalji fundamentali rigward it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabiltià, kif ukoll minn kunsiderazzjoni ta’ medda qasira ta’ żmien biss, u li l-UE għandha d-dmir tiżgura li dawn il-lezzjonijiet jitgħallimhom kulħadd; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġiet tal-Ewrobarometru dwar il-fiduċja fin-negozju; jappella biex ir-riżultati ta’ dawn l-istħarriġiet jiġu diskussi bis-sħiħ u biex il-partijiet interessati kollha jieħdu azzjoni; huwa bil-qawwa favur ir-responsabilità soċjali korporattiva (RSK), u huwa tal-fehma li din – jekk tkun implimentata b'mod korrett u titħaddem mill-impriżi kollha, mhux biss minn dawk kbar – tista’ tagħti kontribut kbir biex terġa’ titkattar il-fiduċja mitlufa, li hija meħtieġa għal irkupru ekonomiku sostenibbli, u tista’ ttaffi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika; jinnota li meta n-negozju jassumi responsabilità għas-soċjetà, l-ambjent, u l-impjegati, huwa joħloq sitwazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd li sservi biex twessa’ l-bażi ta’ fiduċja meħtieġa għas-suċċess ekonomiku; iqis li huwa fl-interess tan-negozju u tas-soċjetà kollha kemm hi li l-RSK issir parti minn strateġija ta’ negozju sostenibbli; jirrimarka li diversi negozji – speċjalment impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) – qed jagħtu eżempju eċċellenti f’dan il-qasam;

3.

Huwa tal-fehma li l-impriżi jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali tas-suq u għall-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jipprovdu postijiet tax-xogħol u jwittu t-triq għall-irkupru ekonomiku;

4.

Jemmen li d-dibattitu dwar l-RSK għandu jitqiegħed f’kuntest usa’ li, filwaqt li jiżgura li s-CRS tibqa’ primarjament politika volontarja, iħalli wkoll lok għal djalogu dwar miżuri regolatorji, kull fejn dan ikun f’postu;

5.

Japprova d-definizzjoni l-ġdida tal-RSK proposta mill-Kummissjoni, li twarrab id-dikotomija bejn l-approċċi volontarji u dawk obbligatorji;

6.

Iqis li l-governanza korporattiva tikkostitwixxi element fundamentali tar-responsabilità soċjali korporattiva, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-ħaddiema u mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u rigward il-politika dwar il-bonusijiet, ir-rimunerazzjoni u s-salarji; jemmen li, b’mod partikolari f’każijiet meta negozju jsib ruħu f'diffikultajiet, bonusijiet, rimunerazzjoni u salarji eċċessivi mħallsa lill-maniġers mhumiex kompatibbli ma’ mġiba soċjalment responsabbi;

7.

Jemmen li l-politika fiskali ta’ negozju għandha titqies bħala parti integrali mill-RSK u li, b’konsegwenza ta dan, imġiba soċjalment responsabbli ma tħalli l-ebda lok għal strateġiji maħsuba biex jevadu t-taxxa jew jisfruttaw ir-rifuġji fiskali;

8.

Iqis li, fil-valutazzjoni tar-responsabilità soċjali ta’ kumpanija, jeħtieġ li titqies l-imġiba tal-kumpaniji li joperaw fil-katina ta’ provvista tagħha u, fejn dan ikun applikabbli, tas-subkuntratturi tagħha;

It-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK, il-pubbliku ġenerali, il-kompetittività u l-innovazzjoni

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippromwovu mudelli ta’ negozju innovattivi, imfassla biex isawru rabtiet aktar stretti bejn l-impriżi u l-ambjent soċjali li joperaw fih;

10.

Jitlob li l-Kummissjoni tikunsidra d-diskussjonijiet attwali li qed isiru rigward ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza sabiex l-istrateġija tal-RSK il-ġdida li ġiet proposta tikkumplimenta d-Direttiva riveduta.

11.

Jenfasizza l-importanza li jintrifdu soluzzjonijiet innovattivi li permezz tagħhom l-impriżi jkunu jistgħu jindirizzaw sfidi soċjali u ambjentali bħalma huma l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti u prodotti ekoeffiċjenti, aċċessibbli u ddisinjati għal kulħadd;

12.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tkabbar il-viżibilità tal-RSK u xxerred l-aqwa prattiki, u jiffavorixxi bis-sħiħ l-introduzzjoni ta’ skema ta’ premju Ewropew għal impriżi u sħubijiet li jħaddmu l-RSK; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fost azzjonijiet oħra, jekk għal dan il-għan tistax tiġi introdotta tikketta soċjali Ewropea;

13.

Jilqa’ l-idea li jinħolqu pjattaformi tal-RSK b’diversi partijiet interessati, u jaqbel mal-approċċ settorjali li ntgħażel;

14.

Jagħraf l-importanza u l-potenzjal tal-inizjattiva “Impriża 2020” tan-netwerk CSR Europe, li jista’ jkolha rwol sostanzjali fit-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK u l-kompetittività billi trawwem id-disseminazzjoni tal-aqwa prattiki; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu aktar sinerġiji rigward l-objettiv ta’ politiki u inizjattivi li jġibu ‘l quddiem l-innovazzjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirfed l-isforzi tan-netwerk CSR Europe, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox taħdem biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-Istati Membri b’tali mod li jissawru l-pedamenti għal pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u għat-tixrid tal-prattiki tajbin;

15.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tagħmel stħarriġiet perjodiċi dwar il-fiduċja pubblika fin-negozju u l-attitudnijiet tal-pubbliku lejn strateġiji tal-RSK implimentati mill-impriżi; jirrakkomanda li l-kontenut ta’ dawn l-istħarriġiet jintrabat mar-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, bil-għan li jiġu identifikati l-ostakoli għal konsum aktar responsabbli;

Titjib tat-trasparenza u l-effikaċja ta’ politiki tal-RSK

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal miżuri speċifiċi maħsuba ħalli jikkumbattu informazzjoni żvijanti u falza rigward impenji favur ir-responsabilità soċjali korporattiva u relatata mal-impatt ambjentali u soċjali ta’ prodotti u servizzi, lil hinn mill-miżuri stabbiliti fid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, b’attenzjoni partikolari għal kwistjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ lmenti abbażi ta’ proċedura miftuħa u ċara kif ukoll dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet; iqis li l-“greenwashing” mhuwiex biss forma ta’ qerq li jiżvija lill-konsumaturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-investituri, iżda wkoll li jnaqqas il-fiduċja fl-RSK bħala mezz effikaċi għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklussiv;

17.

Jaqbel li kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali għandhom jitqiesu aktar fl-akkwisti pubbliċi; jitlob, f’dan il-kuntest, li l-kriterju tal-prezz l-aktar baxx ma jibqax jintuża għall-għoti ta’ appalti, u li jkun hemm aktar responsabilizzazzjoni matul il-katina tas-subappalti;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi ħalli tiżblokka u ssaħħaħ il-potenzjal tal-RSK fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima (billi torbotha mal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija), pereżempju fil-proċessi li l-kumpaniji jużaw għax-xiri ta' materja prima;

19.

Jenfasizza li l-għajnuna li l-UE tagħti lil gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw regolamentazzjoni soċjali u ambjentali kif ukoll reġimi ta' spezzjoni effikaċi tikkostitwixxi komplement meħtieġ sabiex l-RSK tan-negozji Ewropej tinġieb ‘il quddiem madwar id-dinja kollha;

20.

Jenfasizza li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI) jagħmel parti mill-proċess ta' implimentazzjoni tal-RSK fid-deċiżjonijiet marbutin mal-investiment; jinnota li, għalkemm bħalissa ma teżisti l-ebda definizzjoni universali tal-SRI, is-soltu dan jgħaqqad l-għanijiet finanzjarji tal-investituri mal-preokkupazzjonijiet tagħhom rigward kwistjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi u ta' governanza korporattiva;

21.

Jagħraf li huwa importanti li n-negozji jiżvelaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, bħal fatturi soċjali u ambjentali, bil-għan li jiġu identifikati riskji ta’ sostenibbiltà u li titkattar il-fiduċja tal-investituri u tal-konsumaturi; jindika l-progress notevoli li qed isir f’dan ir-rigward, u jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-mira tal-Kunsill Internazzjonali dwar lir-Rappurtar Integrat (IIRC) li r-appurtar integrat (IR) isir l-istandard globali fid-deċennju li ġej;

22.

Jisħaq li jeħtieġ li jitħarsu r-rispett rigoruż għad-drittijiet tal-bniedem, id-diliġenza u t-trasparenza biiex l-RSK tkun żgurata tul il-katina ta’ provvista kollha kemm hi, biex jitkejjel l-impatt tan-negozji Ewropej fuq is-sostenibbiltà, u biex jiġu miġġielda l-evitar tat-taxxi u l-fluss ta’ flejjes illeċiti;

23.

Jenfasizza li r-responsabbiltà korporattiva m’għandhiex tiġi ristretta għal strument ta’ marketing, u li l-uniku mod biex l-RSK tiġi żviluppata bis-sħiħ huwa li din tkun integrata fl-istrateġija komprensiva tan-negozju u tkun implimentata u msarrfa fir-realtà fl-operazzjonijiet ta’ kuljum u fl-istrateġija finanzjarja; ikun favur rabta bejn responsabilita korporattiva tajba u governanza korporattiva tajba; jemmen li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-kumpaniji biex jiddeċiedu dwar strateġija tal-RSK fil-livell tal-bord tad-diretturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu kodiċijiet ta’ ġestjoni korporattiva li jirriflettu l-importanza tar-responsabilità għal kulħadd fil-kumpanija, u li jistabbilixxu rabta soda bejn il-prestazzjoni tal-kumpanija mil-lati tal-ambjent, is-soċjetà u d-drittijiet tal-bniedem u r-riżultati finanzjarji tagħha;

24.

Jenfasizza li l-investituri u l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment l-impriżi li jkunu impenjaw ruħhom favur l-RSK, għax dan iservi biex iħeġġeġ lil dawn tal-aħħar fl-isforzi tagħhom;

25.

Jisħaq li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI), bħala parti mill-proċess ta’ implementazzjoni tal-RSK f’deċiżjonijiet tal-investiment, jikkombina l-objettivi finanzjarji u ekonomiċi tal-investituri ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi, kulturali u edukattivi;

26.

Qiegħed isegwi mill-qrib id-diskussjonijiet attwali dwar il-proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali mogħtija mill-kumpaniji; huwa favur l-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva li tippermetti flessibilità ta’ azzjoni kbira, fil–qies tan-natura multidimensjonali tal-RSK u tad-diversità tal-politiki tal-RSK implimentati min-negozji, akkumpanjata b’livell suffiċjenti ta’ paragunabbilità li jaqdi l-ħtiġijiet tal-investituri u tal-partijiet interessati l-oħra, kif ukoll il-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-impatt tan-negozji fuq is-soċjetà, inkluż dwar aspetti ta’ governanza u tal-metodoloġija ta’ kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandha tkopri wkoll, fejn dan ikun f’loku, il-ktajjen ta’ subappalti u ta’ provvista, u għandha tissejjes fuq metodoloġiji aċċettati globalment bħal dawk tal-Inizjattiva Globali dwar ir-Rappurtar jew tal-Kunsill dwar ir-Rappurtar Integrat; jitlob, barra minn hekk, li għall-SMEs jiġu applikati eżenzjoni jew qafas semplifikat;

27.

Jitlob li jitkattar il-monitoraġġ aktar inklussiv u aktar trasparenti tal-prinċipjio tal-RSK fil-politika kummerċjali tal-UE, b'punti ta' riferiment ċari biex jitkejjel it-titjib, bl-għan li titħeġġeġ il-fiduċja fis-sistema;

28.

Iħeġġeġ lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri biex jagħtu tagħrif konkret dwar l-RSK, u tagħlim u taħriġ dwarha, ħalli l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-RSK u jimplementawha fil-kultura organizzattiva tagħhom;

29.

Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja biex jinkludu standards trasparenti ta’ ġurnaliżmu fil-politiki tal-RSK tagħhom, inklużi garanziji ta’ protezzjoni tal-fonti u l-jeddijiet tal-whistleblowers;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra ulterjormanet miżuri vinkolanti u mhux vinkolanti maħsuba biex jiffaċilitaw r-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-isforzi magħmula min-negozji rigward it-trasparenza u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja;

31.

Jopponi bil-qawwa l-introduzzjoni ta’ parametri speċifiċi, bħall-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE kollha kemm hi, li jistgħu jikkawżaw burokrazija żejda u strutturi operazzjonali ineffiċjenti; minflok, jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-kumpaniji, u tippromwovi fosthom, l-użu ta’ metodoloġiji aċċettati internazzjonalment, bħalma huma dawk tal-Inizjattiva Globali dwar ir-Rappurtar u tal-Kunsill dwar ir-Rappurtar Integrat;

32.

Iqis li huwa essenzjali, madankollu, li l-Kummissjoni, mill-aktar fis, tiżviluppa l-metodoloġija komuni prevista biex tkejjel il-prestazzjonijiet ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja; jemmen li din il-metodoloġija tkun utli kemm mil-lat ta' trasparenza tal-informazzjoni tal-negozji kif ukoll għall-finijiet tal-valutazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu rigward il-prestazzjonijiet ambjentali tal-kumpaniji;

33.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tvara “Komunità ta' Prattika” dwar l-RSK u azzjoni soċjali min-naħa tan-negozji; jemmen li dan jeħtieġlu jkun kumplimentarju għal kodiċi ta’ prattika tajba għall-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni, li permezz tiegħu l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom fi proċess ta’ tagħlim kollettiv biex itejbu l-effiċjenza u l-obbligu ta’ rendikont f’azzjonijiet b’diversi partijiet interessati;

34.

Jitlob li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u attiva u involviment ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi, inklużi t-trejdjunjins, fl-iżvilupp, l-operat u l-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi tal-RSK tal-kumpaniji, filwaqt li jaħdmu ma’ min iħaddem f’approċċ ta’ sħubija ġenwina;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li obbligu ta’ rappurtar sistematiku fuq informazzjoni essenzjali dwar is-sostenibbiltà ma jkunx ta’ piż żejjed fuq il-kumpaniji, ladarba jeħtieġ li dawn tal-aħħar jilqgħu kwalunkwe strateġija ġdida tal-RSK; jitlob li l-Kummissjoni taħseb għal perjodu ta’ tranżizzjoni qabel ma jidħol fis-seħħ ir-rappurtar mhux finanzjarju fuq bażi regolari għall-kumpaniji, minħabba li dan jagħtihom l-opportunità inizjali li jimplimentaw sewwa l-RSK internament, b’tali mod li jistabbilixxu politika akkurata u dettaljata tal-RSK bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni interna tagħhom;

36.

Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tobbliga lill-fondi ta’ investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jinfurmaw lill-klijenti tagħhom (ċittadini, negozji, awtoritajiet pubbliċi, eċċ.) dwar kriterji ta’ investiment etiku jew responsabbli li japplikaw jew dwar kwalunkwe standard jew kodiċi li jimxu miegħu;

37.

Japprova d-direttiva tal-Kummissjoni dwar l-istandards minimi għall-vittmi; jappella biex il-politiki tal-RSK tal-kumpaniji fis-setturi rilevanti (bħall-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, l-akkomodazzjoni u t-telekomunikazzjonijiet) jinkludu strateġiji u strutturi pożittivi u prattiċi biex jappoġġjaw il-vittmi ta’ reati u l-familji tagħhom waqt kriżi, u biex jistabbilixxu politiki speċifiċi għal kwalunkwe impjegat li, fil-post tax-xogħol jew barra minnu, jisfa vittma ta’ reat;

38.

Jirrikonoxxi l-valur u l-potenzjal sostanzjali ta’ strumenti ta’ awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni bħalma huma kodiċijiet ta’ kondotta speċifiċi għas-settur; jilqa’ għalhekk ix-xewqa tal-Kummissjoni li ttejjeb l-istrumenti eżistenti billi tiżviluppa kodiċi ta' prattiki tajba għal dan il-qasam; huwa kontra, madanakollu, l-introduzzjoni ta’ approċċ uniku li ma jikkunsidrax l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur u r-rekwiżiti speċifiċi tan-negozji;

L-RSK u l-SMEs: mit-teorija għall-prattika

39.

Ifakkar fil-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, li joperaw prinċipalment fuq livell lokali u reġjonali ġewwa setturi speċifiċi; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki tal-Unjoni dwar l-RSK, inklużi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-RSK, jikkunsidraw sewwa r-rekwiżiti essenzjali tal-SMEs, bi qbil mal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, u jirrikonoxxu l-approċċ informali u intuwittiv tal-SMEs lejn l-RSK;

40.

Jindika l-importanza li l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu involuti fl-RSK u li l-kisbiet tagħhom f'dan il-qasam jiġu rikonoxxuti;

41.

Jirrikonoxxi li bosta SMEs fl-Ewropa diġà jħaddmu politiki tal-RSK, bħall-impjieg lokali, l-involviment fil-komunità, l-applikazzjoni ta’ politiki ta’ governanza tajba fil-katina ta’ provvista tagħhom, eċċ.; jirrimarka, madankollu, li l-maġġoranza ta’ dawn l-SMEs ma jafux li fil-fatt qed jimplimentaw fil-prattika sostenibbiltà, RSK u prattiki tajba ta’ governanza korporattiva; jistieden lill-Kummisjsoni, għalhekk, biex l-ewwel teżamina l-prattiki attwali tal-SMEs qabel ma tikkunsidra strateġiji speċifiċi tal-RSK għall-SMEs;

42.

Jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kull miżura li tista’ tikkawża piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs, filwaqt li juri l-appoġġ tiegħu għal miżuri li jħallu lill-SMEs jagħmlu azzjonijiet konġunti;

43.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu intelliġenti mill-fondi ta’ koeżjoni bil-għan li jirfdu attivitajiet promozzjonali rigward l-RSK minn organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs, fuq l-eżempju tal-programm ewlieni Ġermaniż kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew;

44.

Jitlob lill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs u ma’ partijiet interessati oħra, biex tfassal strateġiji u miżuri ħalli tgħin lill-SMEs jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiki tal-RSK, pereżempju permezz ta’ database għall-ġbir ta’ informazzjoni fuq politiki tal-RSK implimentati mill-SMEs, b’dettalji ta’ proġetti mwettqa f’pajjiżi differenti;

45.

Jirrakkomanda li jitfasslu gwidi u manwali dwar l-RSK għall-SMEs; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-urġenza ta’ aktar riċerka akkademika fuq kif tista’ titqawwa l-aċċettazzjoni tal-RSK min-naħa tal-SMEsm kif ukoll dwar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-politiki tal-RSK fil-livell lokali u reġjonali;

46.

Huwa tal-fehma li, biex ikollha impatt ġenwin fuq it-tnaqqis tal-faqar, l-aġenda tal-RSK għandha wkoll tiffoka fuq l-SMEs, minħabba li l-impatt soċjali u ambjentali kumulattiv tagħhom huwa sinifikanti;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw strategiji ta’ żvilupp u ta’ appoġġ maħsuba għad-disseminazzjoni tal-RSK fost l-SMEs; jirrakkomanda, b’mod partikolari, li jitfasslu miżuri speċifiċi għal-impriżi żgħar u għall-mikroimpriżi;

Kwistjonijiet ta' konformita' u relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

48.

Jenfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar kif ir-riżultati tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt fir-rigward tas-Sostenibilità (SIA) tal-ftehimiet jiġu inkorporati fin-negozjati qabel il-konklużjoni tagħhom, u li l-Parlament ikun mgħarraf dwar liema kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet ikunu nbidlu, bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi identifikati fl-SIA;

49.

Jenfasizza li jeħtieġ li trattati bilaterali futuri dwar l-investiment iffirmati mill-UE jiżguraw li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li l-investituri jkunu protetti u l-ħtieġa li jkun previst intervent mill-istat, speċjalment b'rabta ma’ standards soċjali, tas-saħħa u ambjentali;

50.

Jistieden li l-idea ta’ sponsorizzazzjoni tiġi promossa fost min iħaddem;

51.

Ifakkar li, għas-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali u/jew għat-talba ta' kumpens għal esternalitajiet negattivi ta' attività tan-negozju irresponsabbli jew illegali tan-negozju, diġà jeżistu kemm il-kawżi fil-qrati kif ukoll alternattivi għal dawn tal-aħħar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex taħdem aktar ħalli tkattar l-għarfien dwar iż-żewġ triqat kemm fost il-komunità tan-negozju kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali; ifakkar li l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC) tipprovdi servizzi ta' soluzzjoni tat-tilwim għal individwi, negozji, stati, entitajiet statali u organizzazzjonijiet internazzjonali li jfittxu alternattivi għal kawżi fil-qrati, liema alternattivi jistgħu jikkontribwixxu biex itejbu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja għall-vittmi f'każ ta' ksur ta' prattiki kummerċjali responsabbli li jikkawżaw danni ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-UE u/jew barra minnha;

52.

Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni fil-livell korporattiv dwar l-importanza tal-RSK u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' ottemperanza, bħala kompitu għall-Kummissjoni, jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn sensibilizzazzjoni u tisħiħ xieraq tal-kapaċitajiet fil-livell tal-gvernijiet tal-pajjiżi ospitanti, biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-RSK u l-aċċess għall-ġustizzja;

53.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-kumpaniji tal-UE biex jieħdu inizjattivi immirati li jippromwovu l-RSK u jiskambjaw prattiki tajba ma’ sħabhom f'pajjiżi oħra;

Konklużjonijiet

54.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri regolatorji jitfasslu fi ħdan qafas legali solidu u f’konformità ma’ standards internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati interpretazzjonijiet nazzjonali differenti u riskji ta’ vantaġġi jew żvantaġġi kompetittivi fuq skala reġjonali, nazzjonali jew makroreġjonali;

55.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bl-isforzi tagħha għall-promozzjoni tal-RSK f’relazzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħra madwar id-dinja; jitlob, f’dan ir-rigward, li jsiru sforzi akbar biex ir-reċiproċità ssir prinċipju ċentrali tar-relazzjonijiet kummerċjali;

56.

Jerġa’ jsostni l-konvinzjoni tiegħu li l-iżvilupp tal-RSK għandu jiġi avvanzat primarjament permezz tal-approċċ li jħaddan diversità ta’ partijiet interessati filwaqt li jalloka rwol ewlieni lin-negozji, li jeħtieġ li jkunu jistgħu jiżviluppaw approċċ imfassal għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri u approċċi speċifiċi għall-iżvilupp tal-RSK fost l-SMEs;

57.

Jinnota li l-istrateġija attwali tal-Kummissjoni dwar l-RSK tkopri l-perjodu 2011-2014; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li tiġi adottata strateġija ambizzjuża fil-ħin għall-perjodu ta’ wara l-2014;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 86, 10.4.2002, p. 3.

(2)  ĠU C 39, 18.2.2003, p. 3.

(3)  ĠU C 187 E, 7.8.2003, p. 180.

(4)  ĠU C 67 E, 17.3.2004, p. 73.

(5)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.

(6)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.


Top