This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0898
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Final evaluation of the Ambient Assisted Living Joint Programme
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment
/* COM/2013/0898 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment /* COM/2013/0898 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt
tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment 1. Introduzzjoni L-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li
t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma fundamentali
biex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet preżentati minn popolazzjoni
li qed tixjieħ. B'mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat dan
il-punt fil-Komunikazzjoni tagħha Xjuħija tajba fis-Soċjetà
tal-Informazzjoni (2007)[1] u għamlet disponibbli ammont sostanzjali
ta' appoġġ finanzjarju għar-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni infurzat mill-ġdid l-impenn
tal-Unjoni biex tuża l-ICT għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu
fil-Komunikazzjoni tagħha Aġenda Diġitali għall-Ewropa
(2010)[2].
Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Programm Konġunt tal-Għajxien
Megħjun Kontestwalment (AAL JP) hija l-pedament ta' dak l-impenn. Il-Programm Konġunt tal-Għajxien
Megħjun Kontestwalment twaqqaf fl-2008 minn 20 Stat Membru tal-UE u tliet
pajjiżi assoċjati[3].
L-Unjoni ddeċidiet li, l-istess bħall-Istati parteċipanti hija
wkoll tagħti l-appoġġ tagħha permezz ta’ finanzjament
mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp
Teknoloġiku (FP7), ibbażat fuq l-Artikolu 185 tat-Trattat tal-KE
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)[4]. L-AAL JP jiffoka fuq ir-riċerka applikata
u l-innovazzjoni tal-prodotti bbażati fuq l-ICT u s-servizzi għal
popolazzjoni li qed tixjiħ, bi żmien biex jitqiegħdu fis-suq ta'
bejn sentejn u tliet snin. Is-sidien prinċipali tal-programm huma l-Istati
parteċipanti, li jwettquh permezz ta' Assoċjazzjoni AAL
(AALA) internazzjonali u mingħajr skop ta' qligħ, irregolata minn
Assemblea Ġenerali u appoġġata mil-lat operattiv minn Unità
Ċentrali ta' Ġestjoni. Il-Kummissjoni għandha status ta'
osservatriċi fl-Assemblea Ġenerali u dritt għal veto
fil-programm annwali ta' ħidma, u hija parti wkoll mill-ftehimiet mal-AALA
fir-rigward tal-kontribut finanzjarju tal-UE. Id-Deċiżjoni tal-2008 dwar
il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-AAL JP kienet titlob evalwazzjoni finali tal-programm
li trid issir sal-aħħar tal-2013; din twettqet minn bord ta' esperti
indipendenti ta' livell għoli ppresedut minn Philippe Busquin, l-eks
Kummissarju Ewropew għar-Riċerka. Il-bord ivvaluta r-riżultati miksuba u
l-progress li sar lejn l-objettivi tal-AAL JP, u ħareġ
rakkomandazzjonijiet ta' segwitu strateġiċi u operattivi indirizzati
lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Dan ir-rapport janalizza
r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-bord u jipproponi azzjoni li trid
tittieħed mill-Kummissjoni ma' istituzzjonijiet u partijiet interessati
oħra tal-UE u permezz tar-rwol tagħha fl-AAL JP. 2. Sfond: l-isfida
tat-tixjiħ demografiku Id-dejta bażika dwar il-popolazzjoni li
qed tixjieħ turi bidla imminenti u sinifikanti fis-soċjetà u
fl-ekonomija u li l-UE għadha mhux preparata sew għaliha. Huwa
previst li jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, sal-2020 se jkun hemm tnaqqis
sa żewġ miljun impjieg fis-settur tal-kura u s-saħħa, li
jfisser li 15 % tax-xogħol neċessarju fis-settur ġenerali
tal-kura tas-saħħa mhux se jkun kopert[5].
Il-proporzjon ta' persuni li għandhom iktar minn 65 sena mal-persuni‑li
jaħdmu (li għandhom bejn 15 u 64 sena) se jonqos minn madwar 1:4
fl-2008 għal 1:3 fl-2020 u 1:2 fl-2050, li se jitfa' piż kbir fuq
is-solidarjetà interġenerazzjonali[6].
L-ispiża dejjem ikbar tat-tixjiħ se jkollha impatt sinifikanti fuq
il-finanzi pubbliċi[7],
iżda wkoll fuq il-ġid privat. Il-persuni li għandhom iktar minn
50 sena u għandhom dħul disponibbli sinifikanti u d-dħul
tal-pensjonanti qiegħed dejjem jiżdied[8].
Min-naħa l-oħra, id-differenzi huma kbar ħafna, b'19 %
tal-anzjani tal-UE jinsabu f'riskju ta' faqar, ċifra li qed tiżdied
b'rata mgħaġġla speċjalment fl-UE-10[9]. L-isfida demografika tista' tiġi
indirizzata biss permezz ta' taħlita koerenti ta' politiki soċjali,
ekonomiċi, tas-saħħa, tal-innovazzjoni u diġitali[10]. Jekk tittieħed
azzjoni llum din tista' tissarraf f'rebħa trippla: ·
kwalità tal-ħajja aħjar
għaċ-ċittadini; ·
kura aktar sostenibbli għas-soċjetà; u ·
impjiegi u negozji ġodda permezz ta'
"ekonomija tal-anzjani" li qed tikber. In-natura trasformattiva tal-ICT tagħti
lok għal innovazzjoni reali fil-mod li tiġi organizzata l-kura
tal-anzjani, tinqata' l-burokrazija biex b'hekk il-provvista tal-kura tkun iktar
effiċjenti u effettiva u għalhekk tippermetti li l-persuni li
jindukraw lin-nies iqattgħu aktar ħin mal-klijenti tagħhom.
L-ICT tista' tgħin ukoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u
tal-benesseri tal-persuni informali li jindukraw lin-nies, bħall-membri
tal-familja. Fl-aħħar nett, tista' tikkontribwixxi għal stil ta'
ħajja b'saħħtu u attiv għall-anzjani permezz
tal-ġestjoni tas-saħħa u l-adattament tal-postijiet
tax-xogħol filwaqt li tippermettilhom ikomplu jipparteċipaw b'mod
attiv fl-ekonomija u s-soċjetà ġenerali. Għadd dejjem jikber ta'
studji tal-każijiet juri li miżuri fis-settur tal-kura jistgħu
jwasslu għal titjib fl-effiċjenza ta' bejn 10 u 30 %, livelli
ogħla ta' sodissfazzjon tal-utent u tkabbir annwali tan-negozji ta' aktar
minn 10 %[11]. It-tixjiħ demografiku ġie
identifikat fl-istrateġija Ewropa 2020[12] kemm bħala sfida
kif ukoll bħala opportunità għal tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklużiv. L-inizjattivi ewlenin Aġenda Diġitali
għall-Ewropa u Unjoni ta' Innovazzjoni[13] jindirizzawh bħala
prijorità. Din tal-ewwel tiffoka fuq servizzi, prodotti u proċessi
innovattivi ibbażati fuq l-ICT u s-soluzzjonijiet diġitali u
l-attivitajiet tal-AAL JP għandhom rwol importanti fil-Programm
tas-Saħħa għat-Tkabbir u s-Sħubija Ewropea
għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu (EIP‑AHA). 3. Proċess ta'
evalwazzjoni L-evalwazzjoni finali tkopri sitt snin ta'
ħidma tal-AAL JP, mill-2008 sal-2013. F'konformità mal-mandat tal-bord
espert, din tivvaluta: ·
il-progress lejn l-objettivi tal-programm u r-rakkomandazzjonijiet
mill-evalwazzjoni interim; ·
il-progress lejn l-eċċellenza operattiva
tal-programm u l-effettività tal-approċċ tal-Artikolu 185 f'dan
il-qasam. Barra
minn hekk, din tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar segwitu li jista' jsir
għall-AAL JP skont Orizzont 2020. Il-bord
kien magħmul sabiex jiġi żgurat l-għarfien tajjeb
tat-teknoloġija, l-ekonomiji tas-saħħa u l-bżonnijiet
tal-utent, l-esperjenza fl-evalwazzjoni tal-programm u l-kontinwità mal-bord
inkarigat mill-evalwazzjoni interim. Is-sejbiet
tal-bord kienu bbażati fuq l-analiżi ta' dokumentazzjoni ta' sfond
estensiva, li tinkludi r-rapport ta' evalwazzjoni interim, l-istudji ta'
każijiet, l-informazzjoni statistika dwar l-AAL JP u xi 20 intervista
mal-partijiet interessati. L-evalwazzjoni saret bejn Mejju u
Settembru 2013 u r-rapport finali[14] nħareġ
f'Ottubru 2013. L-evalwazzjoni
saret b'mod parallel mal-abbozzar tal-proposta tal-Kummissjoni dwar is-segwitu
għall-AAL JP b'appoġġ finanzjarju minn Orizzont 2020 u s-sejbiet
preliminari ntużaw fit-tħejjija tal-proposta finali. 4. Riżultati u
rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni Ir-rapport finali ta' evalwazzjoni jikkonferma l-valur
miżjud għoli u l-kisbiet ewlenin tal-AAL JP. B'mod partikolari,
il-bord ikkonkluda li: (1) l-AAL JP wettaq progress tajjeb
fil-ksib tal-objettivi tiegħu u laqa' sew ir-rakkomandazzjonijiet
tal-evalwazzjoni interim tal-2010 fil-Bord Kuneva; (2) l-importanza dejjem tikber
tat-tixjiħ demografiku, li hija sfida kondiviża u urġenti
fl-Ewropa, tiġġustifika biċ-ċar l-eżistenza tal-AAL
JP; (3) l-AAL JP jopera bħala
qafas koerenti li jwassal valur miżjud ċar għall-Ewropa; (4) ir-riċerka
assoċjata, l-iżvilupp u l-attività ta' innovazzjoni qed tilħaq
massa kritika; (5) l-attivitajiet li
għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet għall-isfruttament
industrijali espandew b'mod sinifikanti mill-evalwazzjoni interim; (6) il-programm huwa ġestit
b'mod tajjeb u għandu arranġamenti ta' governanza li jaħdmu sew;
u (7) il-progress skont il-programm
huwa inkoraġġanti, għalkemm l-impatti soċjali u
ekonomiċi fuq skala kbira għadhom iridu jidhru. Il-bord għaraf ukoll xi kisbiet
importanti u riżultati bikrin li jitqiesu bħala indikaturi
promettenti ta' impatt ġenerali għoli, li jinkludu: ·
il-parteċipazzjoni tajba mill-SMEs (aktar minn
40 %); ·
l-investiment stmat tagħhom ta' aktar minn EUR 325
miljun minn parteċipanti fl-industrija (fil-biċċa
l-kbira SMEs),
ingranat b'investiment konġunt ta' EUR 150 miljun mill-UE u
EUR 220 miljun mill-pajjiżi parteċipanti; ·
it-tnedija sa issa ta' madwar 130 proġett, b'involviment
tajjeb tal-utent finali; ·
il-fatt li kważi 50 % tal-proġetti
taħt l-ewwel żewġ sejħiet diġà assiguraw drittijiet
ta' propjetà intellettwali fir-rigward tar-riżultati tagħhom;
25 % assiguraw il-finanzjament biex iqiegħdu fis-suq prodotti u
servizzi ġodda tal-ICT, eż. sistemi ta' allarm, telesorveljanza,
sistemi robotiċi, għodod ta' komunikazzjoni u taħriġ
ibbażat fuq il-logħob għall-anzjani; ·
l-eżistenza ta' għadd ta' prodotti u
servizzi kummerċjali li joriġinaw direttament mill-ewwel
proġetti AAL JP; u ·
il-ħolqien ta' "ekosistema"
innovattiva u ġdida, enfasizzata bil-ħames fora li ġew
organizzati fuq bażi annwali mill-2009, b'attendenza dejjem tikber minn
500 sa 1 200 persuna, b'mod parallel mal-għadd dejjem jikber ta'
esibituri, sponsors kummerċjali u sħab attivi fil-midja. Il-Bord għamel għadd ta'
rakkomandazzjonijiet fejn huwa possibbli li jsir titjib addizzjonali,
inklużi kwistjonijiet li jibdew mill-Evalwazzjoni Interim,
bħall-involviment ulterjuri tal-utenti finali, aktar servizz u
orjentazzjoni soċjali innovattiva, attenzjoni ulterjuri għal mudelli
u ppjanar ta' negozji, skambju aħjar ta' tagħlimiet meħuda u
infurzar mill-ġdid tar-rwol ta' Unità Ċentrali ta' Ġestjoni. Il-bord laqa' wkoll il-proposta
tal-Kummissjoni dwar segwitu għall-AAL JP skont Orizzont 2020 u
għamel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tat-tnedija u l-implimentazzjoni
tiegħu sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ġenerali. Fl-Anness
hemm lista ddettaljata tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord. It-tweġiba tal-Kummissjoni
għar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord hija spjegata hawn taħt. 4.1. Osservazzjonijiet ġenerali Il-Kummissjoni
tilqa' r-rapport
finali ta' evalwazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq
analiżi ċara u kritika. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati
Parteċipanti u ma' partijiet interessati oħra biex tindirizza
r-rakkomandazzjonijiet kif inhu stabbilit hawn taħt. B'mod
partikolari, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet biex tipproponi u
sussegwentement timplimenta l-qafas legali tas-segwitu propost tal-Programm
Konġunt tal-Għajxien Attiv u Mejgħun. Il-Kummissjoni
tagħraf il-valur tas-sħubija mal-Istati Membri skont l-Artikolu 185
tat-TFUE, inklużi l-impenji ċari meħuda biex jiżguraw li
l-AAL JP jwassal riżultati bikrin li huma promettenti. Minkejja bidu
diffiċli f'sitwazzjoni ta' qasam ġdid, l-AAL JP wera b'mod ċar
ir-relevanza tiegħu u ssodisfa jew qabeż l-objettivi inizjali
tiegħu. Inħolqot kostitwenza ġdida, li tirrappreżenta
l-katina ta' organizzazzjonijiet tal-utent, ta' industrija (b'aktar minn
40 % huma SMEs), fornituri tas-servizz, investituri u organizzazzjonijiet
ta' riċerka. Ġew iffinanzjati aktar minn 130 proġett, li
jirrappreżentaw investiment tal-UE ta' EUR 150 miljun, ikkomplementat
b'investiment fis-sod ta' aktar minn EUR 220 miljun minn Stati
parteċipanti u ingranaġġ ta' ko‑finanzjament stmat ta'
aktar minn EUR 250 miljun minn parteċipanti tal-programm. Il-kontribuzzjoni
tal-Istati parteċipanti hija notevoli peress li taqbeż l-impenn
legalment mitlub tagħhom bi kważi 50 %. F'termini
operattivi, l-AAL JP tjieb b'mod konsiderevoli mill-evalwazzjoni interim,
għalkemm għad hemm lok għal aktar titjib - u huwa fil-fatt
neċessarju sabiex il-programm jibqa' relevanti, b'mod partikolari
għall-SMEs, li jeħtieġu flessibbiltà f'termini tal-kontenut ta'
interventi u skadenzi kuntrattwali/ta' ħlas. 4.2. Rakkomandazzjonijiet
lill-Istati Membri Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-bord li
jridu jsiru sforzi biex titjieb aktar il-prestazzjoni operattiva tal-AAL JP
bħala fattur kritiku ta' suċċess issa li għaddej b'pass
mgħaġġel u ġibed l-attenzjoni ta' grupp kbir ta' partijiet
interessati. Il-proċeduri u r-rwoli ta' governanza għandhom jiġu
rriveduti b'mod kritiku biex jidentifikaw nuqqasijiet possibbli u oqsma
għas-semplifikazzjoni u t-titjib. F'dan ir-rigward, il-Kumissjoni diġà talbet fil-proposta tagħha għall-AAL JP li
l-Istati parteċipanti għandhom jistabbilixxu miri komuni vinkolanti
għaż-żmien sal-kuntratt u ż-żmien sal-ħlas. Il-Kummissjoni
taqbel mar-rakkomandazzjonijiet li s-sejħiet futuri jkunu diretti
għal proposti dwar l-isfidi soċjoekonomiċi u li jiġu
skjerati strumenti b'aġilità u proġetti kollaborattivi li jirriflettu
d-dinamiċi u l-iżviluppi futuri tas-suq fil-qasam kopert
mill-programm. Il-Kummissjoni
diġà qiset dawn l-aspetti fil-kuntest ta' Orizzont 2020 u l-proposti
ta' segwitu tal-AAL JP tiegħu jinkludu l-għażla li jintużaw
strumenti addizjonali bħal premji u għotjiet għall-innovazzjoni
biex ikun jista' jsir intervent rapidu meta jkun xieraq. Il-Kummissjoni
taqbel ukoll mar-rakkomandazzjoni li l-programm ikun aktar orjentat lejn
l-isfruttament u mas-suġġeriment li jiġu applikati metriċi
aktar b'saħħithom u segwitu sistematiku biex jagħtu stampa aktar
ċara tal-impatt tal-proġett li jiggwida l-implimentazzjoni futura.
Dawn il-metriċi se jiġu pprovduti fi ftehim futur bejn il-Kummissjoni
u l-AALA. Il-bord
jissuġġerixxi wkoll li minbarra
l-parteċipazzjoni tajba tal-utent fil-livell kwantitattiv, il-kwalità
tal-parteċipazzjoni (minn utenti u atturi fuq in-naħa tad-domanda‑bħal
fornituri tas-servizz u kumpaniji tal-assigurazzjoni) għandha titjib ukoll
fil-programm ta' segwitu biex jiġi żgurat li tinfirex fuq żona
ġeografika usa' u tinżamm matul iċ-ċiklu tal-ħajja
tal-proġett. Il-Kummissjoni
taqbel ma' din il-fehma u introduċiet rekwiżit li l-Istati
parteċipanti, skont il-programmi nazzjonali ta' finanzjament tal-ALL JP,
għandhom l-għan li jappoġġaw il-parteċipazzjoni minn
utenti u organizzazzjonijiet min-naħa tad-domanda‑. Il-Kummissjoni
taqbel ukoll mar-rakkomandazzjoni tal-bord li għandhom jissaħħu
aktar l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' ħolqien ta' sentiment ta'
komunità‑, li huma għodda ewlenija tal-programm. Dan se
jiġi rifless f'miżuri ta' appoġġ futuri u fil-mandat
tal- AALA. Ir-rakkomandazzjonijiet
imsemmija hawn fuq huma indirizzati wkoll fil-proposta biex testendi l-kamp ta'
applikazzjoni tal-AAL JP2 għal tixjiħ attiv u b'saħħtu u
r-rabta mill-qrib ippjanata (u eżistenti) bejn l-AAL u l-komunitajiet EIP
AHA. 4.3. Rakkomandazzjonijiet
lill-Kummissjoni Huwa
rrakomandat li l-Kummissjoni tgħin biex issaħħaħ iktar
il-koerenza u s-sinerġiji bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u
l-attivitajiet ta' applikazzjoni relatati mal-ICT għat-tixjiħ attiv u
b'saħħtu. Din ir-rakkomandazzjoni ntlaqgħet tajjeb ħafna u
diġà ttieħdu diversi passi f'din id-direzzjoni. Il-proposta
għall-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni
Orizzont 2020, diġà tqis li l-AAL JP2 huwa komplementari għal
xogħol ta' R&Ż fuq perjodu itwal‑ta' żmien u għal
proġetti pilota innovattivi skont Sfida Soċjetali 1 (Saħħa,
Bidla Demografika u Benessri). Skont Orizzont 2020, l-AAL JP se jindirizza
r-riċerka u l-innovazzjoni orjentati lejn is-suq u għandhom
l-għan li jittraduċu r-riżultati tar-riċerka tal-bażi
fi prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT u li jidhru fis-suq bi
tweġiba għall-bżonnijiet tal-utenti. Imbagħad, dan se
jiġi kkomplementat bl-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt
imsejħa Aktar Snin, Ħajjiet Aħjar, li se tiffoka fuq
riċerka ġdida multidixxiplinari dwar il-bidla demografika bi
tweġiba għall-bżonnijiet politiki. Il-Kummissjoni
se tiżgura wkoll il-komplementarjetà mal-għarfien ippjanat u
l-komunità innovattiva dwar it-tixjiħ b'saħħtu tal-Istitut
Ewropew tat-Teknoloġija. Fl-aħħar
nett, l-EIP-AHA stabilixxa l-prijoritajiet ewlenin għall-innovazzjoni u se
jindirizza għadd ta' ostakoli għat-twassil fis-suq tas-soluzzjonijiet
innovattivi għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu b'ritmu aktar mgħaġġel
u fuq l-iskala t-tajba. Se jinħolqu sinerġiji b'saħħithom
bit-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-AAL JP f'konformità ma' dak
tal-EIP-AHA. 5. Konklużjonijiet Il-Kummissjoni tilqa' bi ħġarha
r-rapport finali ta' evalwazzjoni tal-AAL JP, li jiddokumenta l-impatt
pożittiv tas-sħubija fl-UE u l-forzi tal-Istati parteċipanti.
It-tagħlimiet mis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport
għandhom iwasslu biex is-segwitu tal-AAL JP skont Orizzont 2020
ikollu impatt akbar u sinerġiji aktar effettivi fost firxa ta' inizjattivi
relatati mal-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-Istati Membri kollha
għandhom għalhekk jqisu li jipparteċipaw fl-AAL2 li se
jsaħħaħ aktar l-integrazzjoni Ewropea f'dan il-qasam. L-AAL JP huwa eżempju tajjeb
tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-prattika, bl-ICT u l-innovazzjoni
fis-sens l-aktar wiesa' tagħhom li jgħinu lill-Ewropa tindirizza
sfida soċjetali kbira u fl-istess ħin joħolqu opportunitajiet
ġodda ta' tkabbir sinifikanti għall-industrija u għall-impjiegi
li huma tant‑meħtieġa. Il-Parlament u
l-Kunsill huma mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq l-analiżi
u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport u biex jappoġġaw
l-implimentazzjoni tal-azzjoni proposta. [1] COM(2007) 332 finali,
l-14 ta' Ġunju 2007. [2] COM(2010) 245 finali/2,
id-19 ta’ Mejju 2010. [3] Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja,
l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru,
il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja,
il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit
(l-Istati Membri parteċipanti), flimkien mal-Iżrael, in-Norveġja
u l-Isvizzera. [4] Id-Deċiżjoni Nru 742/2008/KE,
tad-9 ta' Lulju 2008. [5] L-istimi preliminari tal-Kummissjoni Ewropea stess
ibbażati fuq id-dejta tal-EUROSTAT u tal-OECD. [6] SEC(2008) 2911. [7] COM(2009) 545,
17 ta’ Settembru 2009. [8] In-Netwerk tal-Ekonomija
tal-Anzjani (Silver Economy) tar-Reġjuni Ewropej. [9] Ir-Rapport Interim Konġunt tal-KPE-KPS dwar
il-Pensjonijiet, it-28 ta' Mejju 2010. [10] COM(2006) 571, COM(2009) 180, ir-Rapport dwar
it-Tixjiħ 2009 — Serje Ekonomija Ewropea (European Economy). [11] Valutazzjoni tal-impatt ex-ante tal-Kummissjoni Ewropea
tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Attiv u Mejgħun propost,
SWD/2013/0251, 9 ta' Novembru 2012. http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=SWD:2013:0251:FIN:EN:PDF. [12] COM(2010) 2020, 3 ta' Marzu 2010. [13] COM(2010) 1161, 6 ta’ Ottubru 2010. [14] https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/second-interim-evaluation-artemis-and-eniac-joint-technology-initiatives.