This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0886
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION A roadmap for completing the single market for parcel delivery Build trust in delivery services and encourage online sales
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn
/* COM/2013/0886 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn /* COM/2013/0886 final */
1) L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku permezz ta' servizzi
mtejba ta' konsenja Il-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-muturi ewlenin ta’
Ewropa aktar kompetittiva u prospera, b’potenzjal sinifikanti biex
jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Bejn l-2013 u l-2016,
il-kummerċ elettroniku mistenni li jilħaq rata ta’ tkabbir annwali
ta’ iktar minn 10 fil-mija madwar l-UE. Il-livelli ta’ kummerċ elettroniku jvarjaw ħafna madwar
l-Istati Membri tal-UE. Filwaqt li 82 % tal-utenti tal-internet fir-Renju
Unit xtraw xi ħaġa onlajn fl-2012, kienu biss madwar 11 %
tal-utenti tal-internet fir-Rumanija li għamlu dan. Il-kummerċ
elettroniku transfruntier fl-UE qiegħed jikber aktar bil-mod
mill-kummerċ elettroniku domestiku: filwaqt li 54% tal-utenti tal-internet
tal-UE kienu xtraw xi ħaġa onlajn minn bejjiegħ minn
pajjiżhom stess fl-2012, kienu biss 14% li xtraw xi ħaġa onlajn
minn bejjiegħ transfruntier[1].
Teżisti sitwazzjoni simili għar-rigward tal-impriżi, fejn kienu
14 % fost l-impriżi kollha li għamlu bejgħ elettroniku
f'pajjiżhom stess u 6 % biss lejn pajjiżi oħra fl-UE[2]. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar
il-kummerċ elettroniku flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE[3]
identifikat il-konsenja fiżika[4]
ta’ oġġetti ordnati onlajn bħala waħda mill-elementi
kruċjali biex il-kummerċ elettroniku jkun jista' jikber. Is-servizzi
ta' konsenja offruti mill-bejjiegħa onlajn huma wieħed mill-fatturi
fundamentali li jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' konsumatur li jixtri
mingħandhom. Bħalissa, il-konsenja u r-ritorn tal-prodotti huma fost
l-aktar affarijiet li jippreokkupaw kemm lix-xerrejja kif ukoll
lill-bejjiegħa onlajn fl-UE[5].
Il-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2012 dwar “Suq integrat
għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku
fl-UE” iddefiniet il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu
indirizzati. Din poġġiet enfasi partikolari fuq
it-twassil transfruntier tal-pakketti[6],
fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs, kif ukoll fuq reġjuni inqas avvanzati
u aċċessibbli, bl-argument li l-kummerċ elettroniku jrid ikun
aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha,
irrispettivament mid-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu. Wara l-adozzjoni tal-Green Paper,
tfaċċa qbil wiesa’ fost il-partijiet kollha kkonċernati, kemm
fuq il-kwistjonijiet identifikati kif ukoll fuq il-bżonn urġenti biex
dawn jiġu indirizzati. L-operaturi tal-konsenja, il-bejjiegħa onlajn
u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kienu involuti f’diskussjonijiet
kostruttivi f’diversi konferenzi apposta kif ukoll f'fora oħra. Bosta
operaturi bdew jiżviluppaw soluzzjonijiet li jistgħu jikkorrispondu
aħjar mal-aspettattivi tal-klijenti tagħhom. Permezz ta’ dan il-pjan direzzjonali,
il-Kummissjoni għandha l-għan li tara li jsir titjib tanġibbli
kemm jista’ jkun malajr. Tinħtieġ azzjoni biex il-bejjiegħa
onlajn u l-konsumaturi jingħataw servizzi transfruntieri ta' kwalità
għolja ta' konsenja tal-pakketti, li jkunu aċċessibbli u bi
prezzijiet li jistgħu jlaħħqu magħhom, filwaqt li jitqiesu
l-ħtiġijiet tal-SMEs u ta’ reġjuni anqas avvanzati jew
aċċessibbli (inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda[7]).
Filwaqt li jkompli jibni fuq il-progress li diġà sar wara l-adozzjoni
tal-Green Paper, il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jiggwida u
jorganizza t-triq ’il quddiem fi tliet għanijiet ewlenin:
Aktar trasparenza u informazzjoni għall-atturi kollha tul
il-katina ta’ valuri tal-kummerċ elettroniku
Disponibbiltà, kwalità u affordabbiltà aħjar
tas-soluzzjonijiet tal-konsenja
· Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’
rimedju għall-konsumaturi Il-pjan direzzjonali jattribwixxi kompiti u
rwoli speċifiċi lill-partijiet interessati varji. Il-Kummissjoni ser
tiffaċilita dan il-proċess kollaborattiv permezz ta’ fora u workshops
apposta, u se tosserva mill-qrib il-progress li jsir. Wara 18-il xahar sejra
tagħmel analiżi tas-sitwazzjoni sabiex tivvaluta jekk ikunx hemm
bżonn ta' miżuri addizzjonali. 2) Suq mhux kompletat fejn tidħol
il-konsenja transfruntiera tal-pakketti L-isfidi ewlenin li jesperjenzaw
il-konsumaturi u l-bejjiegħa onlajn It-tweġibiet għall-Green
Paper ta’ konsultazzjoni[8]
kif ukoll stħarriġ, studji u workshops speċifiċi
jikkonfermaw li l-konsenja hija fattur ewlieni fl-iżvilupp ġenerali
tal-kummerċ elettroniku. Madankollu l-aspettattivi u l-ħtiġijiet
tal-konsumaturi u tal-bejjiegħa onlajn mhux dejjem qed jintlaħqu fejn
jidħlu l-veloċità, il-kwalità, l-affidabilità jew tal-ispiża
tal-konsenja. [9]Il-biċċa
l-kbira tal-ilmenti tal-konsumaturi fejn jidħlu t-tranżazzjonijiet
transfruntiera, li daħlu għand in-Network ta' Ċentri Ewropej
tal-Konsumaturi, jikkonċernaw il-problemi ta' konsenja. Studju
riċenti minn Copenhagen Economics ikkonferma li l-problemi relatati
mal-konsenja jinfluwenzaw bil-kbir jekk il-bejjiegħa jiffinalizzawx
ix-xiri tagħhom jew jekk jabbandunawx it-tentattivi li jixtru onlajn[10]
Il-problemi ewlenin identifikati jistgħu jinġabru fil-qosor
kif ġej: ·
Il-konsumaturi
ħafna drabi ma jkunux jafu liema għażliet ta’ konsenja
għandhom, meta u kif pakkett jista’ jiġi kkonsenjat lilhom, u kif
jistgħu jirritornawh jekk ikunu jixtiequ hekk. Huma jilmentaw dwar
konsenja li ddum ma tasal u dwar nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-proċess
tal-konsenja. Ta’ spiss jikkunsidraw il-prezzijiet għall-konsenja
transfruntiera, u l-konsenja lejn żoni rurali jew remoti bħala
eċċessivi. Huma ressqu ilmenti li l-prodotti jkollhom il-ħsara
jew li ma jiġu kkonsenjati xejn, u dwar il-konsenja ta' prodott
b'ieħor. Barra minn dan, spiss ma jkunux jafu bil-mekkaniżmi ta'
ilmenti u ta' rimedju jekk xi ħaġa tmur ħażin. ·
Il-bejjiegħa onlajn[11], b’mod
partikolari dawk żgħar, ma għandhomx biżżejjed
informazzjoni dwar is-servizzi ta' konsenja li jista' jkollhom u għandhom
għażla u disponibilità limitata ta’ soluzzjonijiet tal-konsenja
tal-kwalità (eż. funzjonalitajiet ta' monitoraġġ u
traċċar, għażliet flessibbli fejn tidħol l-aħħar
fażi tal-konsenja, l-hekk imsejjaħ "last mile") u
l-affordabbiltà meħtieġa. Il-bejjiegħa onlajn jinsabu taħt pressjoni ta’ żmien.
Il-vijabbiltà tan-negozji tagħhom tiddependi fuq il-ħila tas-settur
tal-konsenja li jwassal il-prodotti bi prezz baxx, u b’mod konvenjenti Dan
japplika b’mod partikolari fil-każ tal-parteċipanti
ż-żgħar fis-suq tal-kummerċ elettroniku. Minħabba
volumi iżgħar, dawn ma għandhomx biżżejjed poter ta’
negozjar li jiksbu skonti sostanzjali mill-operaturi tal-konsenja u b’hekk huma
kkonfrontati b’għażliet anqas favorevoli ta’ konsenja. Fl-istess
ħin, huma m’għandhomx il-kapaċità li jinvestu f’netwerk ta’
konsenja tagħhom stess. F’ambjent ikkaratterizzat mill-ekonomiji ta’
skala, dawn ma humiex kapaċi jkunu kompetittivi fil-konfront ta'
bejjiegħa onlajn akbar. L-operaturi tal-konsenja jkollhom
jirreaġixxu b'mod xieraq għall-aspettattivi ta' konsenja dejjem
jinbidlu tal-klijenti tagħhom, filwaqt li jadattaw ruħhom għal
sfidi bħalma huma l-ispejjeż għolja tal-ewwel u tal-aħħar
parti tal-vjaġġ, jew l-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi
postali pubbliċi. L-operazzjoni ta' konsenja transfruntiera huma
affettwati minn għadd kbir ta’ rekwiżiti amministrattivi u
regolatorji, inklużi d-dwana[12],
u n-nuqqas ta’ interoperabilità bejn il-kumpaniji ta’ konsenja (eż. fejn
jidħol il-monitoraġġ u t-traċċar, jew is-sistemi
komuni ta’ tikkettar). Ambjent regolatorju fi trasformazzjoni Il-qafas regolatorju għas-servizzi postali
kif imfisser fid-Direttiva tas-Servizzi Postali [13](minn
hawn 'l quddiem: DSP) tiffoka primarjament fuq is-servizzi postali tal-ittri u
dwar il-ħarsien tas-servizz postali universali fl-Istati Membri.
Madankollu hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari
fl-ambitu tar-rekwiżiti tas-servizz universali, li huma rilevanti
għall-konsenja ta’ pakketti. Fil-prattika, 5-10 % (biss) tal-volum
tal-konsenji transfruntiera ta' pakketti jaqgħu taħt
id-dispożizzjonijiet tas-servizz universali peress li r-rekwiżiti
minimi tad-DSP ikopru biss is-servizzi bażiċi tal-pakketti, dawk hekk
imsejħa “over the counter" (għalhekk prinċipalment C2C).
L-obbligi minimi tas-servizz universali huma mfissra fl-Artikolu 3
tad-Direttiva Postali iżda l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn
minn dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet
ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jew il-ġbir ta’ dejta
statistika japplikaw ukoll għal servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti li
l-operaturi kollha tal-konsenja — inklużi l-operaturi postali — jipprovdu
barra mill-ambitu tas-servizz universali. Fil-bidu tal-2014, il-Kummissjoni
Ewropea se tippubblika rapport ta’ implimentazzjoni li se jivvaluta
l-effettività u r-rilevanza tad-DSP fil-kuntest ta’ ambjent ta’ suq fi
trasformazzjoni rapida. Il-konsumaturi Ewropej se jkomplu jibbenefikaw,
mit-13 ta' Ġunju 2014, mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar
id-Drittijiet tal-Konsumatur (minn issa 'l quddiem: DDK), li ser itejjeb
b’mod sinifikanti l-informazzjoni u t-trasparenza fil-qasam tax-xiri onlajn.
Dan jolqot b'mod partikolari l-eliminazzjoni ta' nollijiet moħbija u
t-trasparenza fil-prezzijiet għal kuntratti mill-bogħod u mhux fuq
il-post; drittijiet imtejba fejn jidħlu r-rifużjonijiet (pereż.
r-rifużjoni tal-ispejjeż tal-konsenja fejn ikun applikabbli) u
obbligi ta' informazzjoni ċara dwar l-ispejjeż involuti meta
jiġu rritornati oġġetti mixtrija fil-każ ta' irtirar.
L-istrumenti li ġew adottati dan l-aħħar dwar is-soluzzjoni
alternattiva u onlajn tat-tilwim (l-ADR u l-ODR) se jkomplu jtejbu
l-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim.[14] L-aspetti ambjentali u tat-trasport huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli tas-servizzi
tal-konsenja u għat-tnaqqis tal-ispejjeż għolja tas-servizzi
tal-ewwel u tal-aħħar parti tal-vjaġġ.[15]
Kwalunkwe azzjoni proposta taħt dan il-pjan direzzjonali għandha tkun
kompletament koerenti ma’ inizjattivi relatati, partikolarment fil-kuntest
tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011[16],
u ta' kwalunkwe inizjattiva ta' segwitu (bħalma hija l-inizjattiva
tat-trasport elettroniku tal-merkanzija), jew azzjonijiet dwar
il-loġistika tal-ibliet, l-ippjanar sostenibbli tal-mobilità urbana
(SUMP), ir-regolament dwar l-arja, kif ukoll inizjattivi fir-rigward ta’
proċeduri doganali. Fir-rigward tal-aspetti soċjali,
id-domandi tal-kummerċ elettroniku f’termini ta’ flessibilità,
kapaċità u kumplessità għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fejn
jidħlu l-kondizzjonijiet ta’ impjieg. Minħabba l-innovazzjoni
fil-kumpaniji ta' konsenja u l-mudelli l-ġodda tan-negozju jista' jkun
hemm bżonn ta' bidliet fejn jidħlu l-impjiegi u l-ħiliet
operattivi. L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti
fis-salvagwardja ta' kundizzjonijiet responsabbli tal-impjiegi u, fil-livell
tal-UE, qed jiġu żviluppati proġetti u programmi differenti[17] li se
jitkomplew ukoll bħala parti minn djalogu regolari fil-qafas tal-kumitat
Ewropew tad-djalogu soċjali għas-servizzi postali, flimkien
mar-rapportar u l-promozzjoni tal-aħjar prattika. Il-ħtieġa għal azzjoni li
tmur lil hinn mill-qafas regolatorju Il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE,
madankollu, ma jindirizzax is-sensiela sħiħa ta’ problemi mfissra
hawn fuq. In-nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-operaturi tal-konsenja
huwa fil-fatt ħafna inqas konsegwenza tal-frammentazzjoni regolatorja
milli ta' strutturi operazzjonali tradizzjonali. Is-swieq postali tradizzjonali
(tal-ittri) dejjem kienu ddominati mit-traffiku domestiku, u l-proċessi
operattivi, inklużi s-sistemi tal-IT, ġew ottimizzati fid-dawl
taċ-ċirkostanzi domestiċi. Fil-passat il-flussi transfruntiera
kienu jikkonċernaw l-aktar il-posta tal-ittri, u s-DSP kienet ta'
għajnuna biex jiġi żgurat li l-kwalità ta’ dawn il-flussi
tiżdied b’mod sinifikanti biż-żmien. B’kuntrast, il-flussi
transfruntiera tal-pakketti — speċjalment B2C (mill-impriżi lejn
il-konsumaturi) — ma kellhom l-ebda rwol sinifikanti qabel ma feġġ
il-kummerċ elettroniku. Id-domanda dejjem tikber għall-provvista
ta' servizzi B2C tal-pakketti transfruntiera, li jkunu ta' kwalità għolja
u affordabbli għalhekk tirrappreżenta kemm sfida ġdida
għall-operaturi postali tradizzjonali — kif ukoll fl-istess
ħin wieħed mill-aktar swieq ta’ tkabbir promettenti fi żminijiet
li fihom il-volum tal-ittri qiegħed kontinwament jonqos. Dawn l-operaturi
bħalissa qegħdin fil-proċess li jirriorjentaw il-proċessi
tagħhom lejn servizzi (transfruntiera) ta' konsenja tal-pakketti li jkunu
effiċjenti, traċċabbli u madankollu affordabbli. L-operaturi privati tal-pakketti u dawk
express ukoll jeħtieġ li jadattaw
ruħhom għat-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku xprunat
mill-konsenji B2C, kemm nazzjonali kif ukoll lil hinn mill-fruntieri
nazzjonali. Dawn l-operaturi — li għadhom jiddominaw is-swieq
transfruntiera tal-pakketti — jeħtieġ partikolarment li jaddattaw
l-operazzjonijiet tagħhom orjentati lejn il-B2B
għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi individwali, billi jinvestu
fil-kapaċitajiet ta' ssortjar, in-netwerks ta' bejgħ bl-imnut u
s-sistemi ta' ritorn tal-pakketti. F’dan il-kuntest, dan il-pjan direzzjonali
għandu l-għan li jrawwem titjib (kontinwu) fiż-żewġ
mudelli ta' negozju, u għalhekk ukoll il-kompetizzjoni bejn id-diversi
atturi fis-suq tal-konsenja, għall-benefiċċju tal-bejjiegħa
onlajn, tal-klijenti aħħarija, u tal-ekonomija b’mod ġenerali. 3) It-triq 'il quddiem: Pjan direzzjonali b'azzjonijiet
għat-18-il xahar li ġejjin Proċess immexxi mill-industrija Is-suq tal-konsenja transfruntiera tal-pakkett
marbut mal-kummerċ elettroniku huwa kkaratterizzat minn tkabbir u
innovazzjoni mgħaġġlin, iżda wkoll minn sinjali ta’ xi
fallimenti tas-suq, pereżempju f’termini tal-asimmetriji
tal-informazzjoni. Dan il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jirrikonċilja
l-potenzjal tal-forzi tas-suq li jsibu soluzzjonijiet effiċjenti
mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati ċerti interessi
kruċjali ta' politika pubblika — pereż. l-aċċess
għall-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku fil-każ ta'
atturi anqas qawwija bħall-SMEs u l-abitanti ta’ żoni remoti/rurali. Wara l-identifikazzjoni ta’ objettivi ċari
ta’ politika pubblika fil-Green Paper tal-2012, grupp ta’ operaturi postali u
l-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Posta (IPC) dan l-aħħar
għamlu sensiela ta’ impenji f’ċerti oqsma koperti mill-Green Paper
(jiġifieri, informazzjoni aħjar lill-bejjiegħa onljan;
soluzzjonijiet effiċjenti għar-ritorn; funzjonalitajiet ta'
monitoraġġ u traċċar għal pakketti ħfief; sistemi
ta’ ttikkettar imtejba u ġestjoni konnessa aħjar fejn jidħlu l-ilmenti
tal-konsumaturi). Il-Kummissjoni tilqa’ dawn l-impenji, peress li
jidher li jwittu t-triq lejn l-indirizzar ta' għadd ta’ kwistjonijiet
indirizzati kemm fil-Green Paper kif ukoll f’dan il-pjan direzzjonali. Hija
sejra tissorvelja mill-qrib u tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji,
u sa liema punt dawn jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet u
l-aspettattivi tal-bejjiegħa onlajn u tal-konsumaturi tagħhom. Ta'
min jinnota li, relevanti kemm huma relevanti dawn l-impenji, ma jindirizzawx
l-isfidi kollha identifikati f’dan il-pjan direzzjonali, u lanqas ma jorbtu jew
jinkludu l-operaturi kollha fl-industrija tal-konsenja tal-pakketti.
Fl-evalwazzjoni finali tagħha, il-Kummissjoni sejra teżamina wkoll sa
liema punt is-soluzzjonijiet implimentati minn xi parti tal-industrija
tal-konsenja se jiżguraw livell suffiċjenti ta' interkonnettività ta’
operaturi oħra fis-suq (pereż. permezz ta’ standards miftuħa
u/jew aċċess mhux diskriminatorju) sabiex il-bejjiegħa onlajn jiġu
pprovduti b'servizzi effiċjenti ta’ konsenja transfruntiera. Huwa evidenti wkoll li xi wħud
mill-objettivi msemmija hawn fuq ma jistgħux jiġu ssodisfati biss
mill-operaturi tal-konsenja. Se jkun hemm bżonn ta' azzjoni kumplimentari
(awto-regolatorja) mill-bejjiegħa onlajn, kif ukoll mill-Istati Membri u
l-korpi regolatorji tagħhom. L-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ma’ dawk
kollha interessati biex tiżgura li d-diversi flussi ta’ ħidma
deskritti hawn taħt jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr u
bl-aktar mod effettiv possibbli. Matul il-perjodu u l-proċess
tal-implimentazzjoni il-Kummissjoni ser tieħu għadd ta’ miżuri
ta’ faċilitazzjoni. Peress li l-bżonnijiet u l-aspettattivi
tal-bejjiegħa onlajn u l-konsumaturi huma ċentrali għal dan
il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni se tikkoordina mill-qrib magħhom biex
tiżgura li kwalunkwe soluzzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ dan
il-pjan direzzjonali tkun kemm jista' jkun relevanti għalihom. Il-Forum
tal-Utenti Postali, organizzat mill-Kummissjoni fuq bażi annwali, se
jkollu rwol partikolarment importanti f’dan il-kuntest. Għar-rigward tal-azzjonijiet mmexxija
mill-industrija, il-Kummissjoni se tiffaċilita u timmonitorja l-progress
billi torganizza laqgħat ta’ ħidma apposta. Dawn se
jkunu jinvolvu l-operaturi ta' konsenja kollha li jistgħu jkunu milquta
jew interessati, kif ukoll esperti f’operazzjonijiet tal-konsenja u
rappreżentanti tal-bejjiegħa onlajn u tal-konsumaturi. Permezz ta’
dawn il-gruppi ta’ ħidma, il-Kummissjoni se (i) tara li l-partijiet
interessati kollha rilevanti jkunu involuti fil-proċess, (ii) tara li
jinkiseb kunsens dwar in-natura preċiża tal-kompiti li jridu
jitwettqu, u (iii) tagħti ħarsa lejn il-progress miksub. Għar-rigward ta' dawk l-azzjonijiet li
jinvolvu l-Istati Membri, ir-regolaturi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni,
il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet regolari fil-laqgħat tal-Grupp
ta’ Regolaturi Ewropej għas-servizzi tal-posta, il-Kumitat
tal-Istati Membri stabbilit skont id-DSP, u l-Grupp ta’ Esperti
stabbilit skont id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Se jkomplu jsiru
laqgħat regolari u skambji ta’ informazzjoni dwar id-dimensjonijiet
soċjali u ambjentali kif ukoll dwar kwistjonijiet marbuta mat-trasport
fil-kuntest usa’ mal-imsieħba soċjali u b’mod partikolari mal-kumitat
ta' djalogu soċjali Ewropew għas-servizzi postali. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi
matul perjodu ta’ 18-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-pjan
direzzjonali. Jekk sa dak iż-żmien ċerti azzjonijiet ma jkunux
għadhom ġew implimentati, jew jekk jirriżulta li dawn ma
kellhomx effettività suffiċjenti fid-dawl tal-għanijiet identifikati,
il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjonijiet korrettivi jew addizzjonali xierqa
sabiex tirrimedja għan-nuqqasijiet tas-suq. L-azzjonijiet kollha proposti biex
jittieħdu mill-Kummissjoni f’dan id-dokument huma konsistenti u
kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali (2007-2013) u l-QFP
il-ġdid 2014-2020. L-azzjonijiet kollha huma bla ħsara
għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Filwaqt li
l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet huma ffukati fuq aspetti B2C, xi
wħud jistgħu anki jkunu applikabbli fil-kuntest B2B
(mill-impriżi lejn l-impriżi). Objettiv I: Żieda
fit-trasparenza, fl-informazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni
għall-atturi kollha tul il-katina ta’ valuri tal-kummerċ elettroniku Il-konsumaturi huma “l-inizjatur” ta’ kwalunkwe xiri online iżda
mhux neċessarjament f’pożizzjoni li jikkontrollaw il-konsenja
tal-oġġetti ordnati. Dan għaliex il-konsenja hija bbażata
fuq kuntratt bejn il-bejjiegħ onlajn u l-operatur(i) tal-konsenja.
L-għoti ta' informazzjoni suffiċjenti, ċara u komprensiva dwar
il-firxa u l-karatteristiċi tas-servizzi pprovduti tkun ta' għajnuna
lill-konsumaturi biex jingħeleb it-tħassib tagħhom dwar
il-konsenja. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar
id-Drittijiet tal-Konsumatur se tiżgura li l-konsumaturi jkunu aktar
infurmati b'mod partikolari dwar il-prezzijiet (pereż. għar-ritorn).
Madankollu jkun jaqbel li l-bejjiegħa onlajn imorru lil hinn mill-ammont
minimu legali ta' informazzjoni rikjesta meta l-klijenti jkunu jixtiequ hekk. Jeħtieġ li
l-bejjiegħa onlajn jirreaġixxu għall-aspettattivi
tal-konsumaturi mhux biss fir-rigward tal-informazzjoni, iżda wkoll billi
joffru servizzi ta' konsenja sempliċi, affordabbli u affidabbli. Fis-suq
diġà jeżisti għadd ta’ soluzzjonijiet xierqa ta' konsenja,
iżda ħafna drabi dawn ma jkunux magħrufa fost il-bejjiegħa
onlajn, speċjalment l-SMEs.[18]
Il-bejjiegħa onlajn jeħtieġu informazzjoni aħjar dwar is-servizzi
disponibbli ta’ konsenja, operaturi alternattivi tal-konsenja,
l-għażliet ta' konsolidazzjoni u l-intermedjarji, u indikaturi
ewlenin ta’ prestazzjoni (dwar il-veloċità, il-karatteristiċi
tar-ritorn, il-livelli tariffarji, eċċ.). Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun
hemm aktar informazzjoni globali dwar is-swieq u s-servizzi (transfruntiera)
tal-pakketti. Is-suq tal-konsenja tal-pakketti
bħalissa mhux trasparenti. Id-dejta
dwar il-pakketti, speċjalment fejn jidħlu l-volumi, it-tariffi u
l-ħlasijiet terminali[19], mhux disponibbli
għar-regolaturi jew għal korpi kompetenti oħra, peress li
l-operaturi postali ma jippubblikawx jew ma jipprovdux dejta li tkun barra
l-ambitu tar-reġim USO (tal-pakketti). Madankollu, l-iżvilupp
mgħaġġel tal-kummerċ elettroniku jitlob li jkun hemm iktar
trasparenza ta’ flussi tal-pakketti (transfruntiera) sabiex il-qafas
superviżorju jsir aktar idoneu għall-iskop tiegħu, biex jista'
jkun hemm definizzjonijiet ċari tas-suq u biex jiġi vverifikat li teżisti
kompetizzjoni ġusta. Kumpaniji ta’ konsenja stabbiliti kif ukoll parteċipanti
ġodda fis-suq jeħtieġu ambjent regolatorju prevedibbli. Studji
riċenti kif ukoll rapporti[20]
u kontribuzzjonijiet għall-Green Paper ikkonfermaw li għad hemm
ostakoli għad-dħul fis-suq għal ċerti swieq ta’ konsenja
postali. Operaturi postali alternattivi kif ukoll xi bejjiegħa onlajn iressqu
l-argument li hemm lok għal titjib fir-rigward tal-applikazzjoni tad-DSP. L-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar
is-Servizzi Postali hija ffukata ħafna fuq il-provvista ta’ servizzi
postali tal-ittri u s-salvagwardja tal-provvista ta’ servizz universali. Ir-regolaturi nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali
tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni se jkollhom bżonn li jkun
f’pożizzjoni li jidentifikaw ċerti preokkupazzjonijiet regolatorji u
distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-konsenja tal-pakketti u li
japplikaw miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ. Jistgħu
pereżempju jqumu preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni
għar-rigward ta’ abbużi tas-setgħa fis-suq, bħal sussidji
inkroċjati illegali, prezzijiet għoljin mhux ġustifikabbli
(jiġifieri bi ksur tal-prinċipji tal-Artikolu 14(3)(b)(iv) tad-DSP),
tariffi predatorji (transfruntiera) għall-konsenja tal-pakketti jew
ċaħda mhux ġustifikata ta’ aċċess għan-netwerks
tal-konsenja jew għall-elementi ewlenin tagħhom (pereż.
bażi tad-dejta tal-indirizzi). L-Art. 22a tad-DSP jobbliga lill-Istati Membri biex
jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi postali jipprovdu
"l-informazzjoni kollha, b’mod partikolari lill-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali, inkluża dik finanzjarja u informazzjoni
dwar il-forniment tas-servizz universali sabiex tiġi żgurata
l-konformità mad-Direttiva u għal (...) finijiet statistiċi definiti
b’mod ċar”. L-applikazzjoni tiegħu mhix limitata għall-USO
iżda tista' wkoll tintuża bex tiġi inkluża informazzjoni
dwar oġġetti postali (pakketti) oħra; lanqas ma hi strettament
limitata għal fornituri maħtura tas-servizz universali.
Għar-rigward tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw
li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jipprovdu lill-Kummissjoni, meta din
titlobha, informazzjoni xierqa u rilevanti meħtieġa biex din tkun
tista' twettaq il-kompiti tagħha taħt din id-Direttiva. Abbażi
ta' dan, l-Istati Membri għandhom jisfruttaw il-potenzjal sħiħ
sabiex tiġi żgurata trasparenza dwar is-swieq globali tal-konsenja
tal-pakketti. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri sabiex
jistabbilixxu qafas statistiku li jkopri d-dejta tal-pakketti kollha rilevanti.
Dan il-fluss ta’ ħidma se jitwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp
ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta (ERGP) li diġà beda
jirrifletti metodoloġija komuni ta' ġbir ta' dejta statistika, li
tiġi applikata mir-regolaturi nazzjonali kollha. Azzjoni 1: Titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi u l-ispejjeż ta’ soluzzjonijiet ta' konsenja u ta' ritorn differenti offruti fuq il-websajts tal-bejjiegħa onlajn Il-bejjiegħa onlajn għandhom: · jipprovdu informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-opzjonijiet ta' konsenja u ta' ritorn. L-informazzjoni trid tkun tkopri l-fatturi rilevanti kollha tad-diversi opzjonijiet ta’ konsenja (speċjalment fejn jidħlu l-perjodu tal-konsenja, kwalunkwe possibbiltajiet tat-traċċar, l-opzjonijiet differenti għall-aħħar parti tat-traġitt tal-konsenja, it-tariffi tas-servizz ta’ konsenja u tas-soluzzjonijiet għar-ritorn), u t-tariffi assoċjati tagħhom. Dan l-objettiv ikun jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, billi: - jiġi adottat, matul it-18-il xahar li ġejjin, kodiċi ta’ kondotta jew kodiċi ta’ prattika tajba (volontarju) imfassal u segwit mill-bejjiegħa onlajn. Il-kodiċi għandu jindirizza l-komprensività u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-servizzi ta' kunsinna u ta' ritorn, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet speċifiċi tal-bejjiegħa onlajn iż-żgħar: Għalkemm jista' jkun li l-bejjiegħa onlajn iż-żgħar isibuha diffiċli li jipprovdu tali informazzjoni, l-għoti ta' ammont minimu ta’ informazzjoni ewlenija jidher li huwa fl-interess tagħhom stess jekk ikunu jixtiequ jakkwistaw il-fiduċja tal-klijenti (potenzjali) tagħhom; - l-inklużjoni tar-rekwiżiti relevanti tal-konsenja fit-tfassil u l-operazzjoni tal-marki ta' fiduċja tal-kummerċ elettroniku; - l-inklużjoni ta' opzjonijiet għall-konsumaturi li jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom lill-bejjiegħa onlajn dwar l-esperjenza li jkollhom tal-konsenja. Il-Kummissjoni sejra: · Torganizza laqgħat apposta ma’ bejjiegħa onlajn u rappreżentanti tal-konsumaturi sabiex tappoġġja dan/wn il-fluss(i) ta’ ħidma u sabiex jitkejjel il-progress. Azzjoni 2: Informazzjoni aħjar għall-bejjiegħa onlajn dwar is-servizzi ta' konsenja disponibbli għalihom Filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji potenzjali mal-istrutturi u l-inizjattivi eżistenti bħal pereżempju l-inizjattiva eFreight tal-Kummissjoni[21], L-operaturi tal-konsenja u l-bejjiegħa onlajn għandhom (flimkien): · jiżviluppaw definizzjoni konġunta ta' kunċetti u karatteristiċi bażiċi tas-servizzi ta' konsenja li jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-konsumatur pjuttost milli fuq proċessi loġistiċi. Din tkun tista’ tkopri oqsma bħalma huma d-dimensjonijiet tal-pakketti (id-daqs, il-piż), il-perjodu ta’ konsenja (il-veloċità), jew servizzi addizzjonali offruti (pereż. f’termini ta’ traċċar, kopertura tal-assigurazzjoni, eċċ.), u tkun ta' għajnuna kemm għall-bejjiegħa onlajn kif ukoll għall-konsumaturi biex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti u jagħmlu għażliet infurmati. · jiżguraw aċċess aħjar għall-informazzjoni għall-bejjiegħa onlajn fil-livell nazzjonali u transfruntier. L-informazzjoni għandha tinkludi: is-soluzzjonijiet ta' konsenja disponibbli fl-Istati Membri tal-UE fejn jidħlu l-perjodu ta' konsenja (il-veloċità), it-tariffi, il-karatteristiċi tar-ritorn, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għal dawn is-servizzi, eċċ). Għandha tinkludi s-servizzi pprovduti mill-operaturi rilevanti kollha, inklużi operaturi alternattivi tal-konsenja, il-konsolidaturi, is-sensara tal-pakketti u intermedjarji oħra, eċċ. dan l-objettiv jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta': - sistemi ta' paragun fuq l-internet (dwar prezzijiet u/jew karatteristiċi tas-servizz); - pjattaformi (webportals), li jipprovdu lill-bejjiegħa onlajn b’aċċess għal informazzjoni disponibbli pubblikament, li tinkludi ġabra minima ta’ dejta u ta' informazzjoni kif identifikati hawn fuq. L-istrumenti ta' preżentazzjoni għandhom ikunu miftuħa u disponibbli għall-bejjiegħa onlajn kollha u kwalunkwe operatur ta' konsenja jew intermedjarju għandhom jitħallew jippreżentaw is-servizzi tagħhom permezz ta’ dan l-istrument abbażi ta' kundizzjonijiet ta’ aċċess mhux diskriminatorji. Dawn l-istrumenti għandhom jieħdu kont tad-dimensjoni tal-konsumatur. L-industrija hija mħeġġa biex tqis l-istandards kif żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva eFreight, peress li dawn l-istandards jipprovdu l-bażi biex jiġu żviluppati strumenti tal-internet simili bħal ma huma pjanifikaturi multimodali tal-vjaġġ tal-merkanzija. Il-Kummissjoni sejra: · Torganizza laqgħat u workshops apposta sabiex tlaqqa' flimkien lill-atturi relevanti kollha, inkluż b'mod speċjali l-operaturi privat tal-konsenja; tikkjarifika b'mod preċiż dak li għandu jinkiseb (inkluż kwistjonijiet ta' ħin), u żżomm għajnejha fuq il-progress miksub. · Tiffoka l-aġenda tal-Forum annwali tal-Utenti tal-Posta dwar l-evalwazzjoni tal-progress li sar. Azzjoni 3: Iżjed trasparenza fuq is-swieq (transfruntiera) tal-konsenja, is-servizzi tal-konsenja u l-istandards ta' kwalità abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali L-Istati Membri għandhom: · abbażi tax-xogħol metodoloġiku preparatorju li diġà qed isir mill-ERGP, jiddefinixxu qafas statistiku ċar, abbażi tal-Artikolu 22a tad-DSP, li jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jiġbru d-dejta tas-suq relevanti dwar il-flussi domestiċi u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali attivi fis-swieq tal-pakketti B2C u B2B, inkluż intermedjarji, konsolidaturi u operaturi alternattivi. Id-dejta li tinġabar għandha tinkludi mill-inqas il-volumi, it-tariffi, il-ħlasijiet terminali, is-servizzi offruti, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għas-servizzi u l-livelli tal-istandard ta’ kwalità; · jieħdu passi biex jiżguraw li l-utenti u l-fornituri tas-servizz postali jingħataw b'mod regolari u trasparenti informazzjoni suffiċjentement iddettaljata dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizz universali offrut mill-fornitur(i) tas-servizz universali, speċjalment dwar is-servizzi bażiċi ta’ konsenja tal-pakketti. Il-fornituri nnominati ta’ servizz universali għandhom jippreżentaw b’mod aktar ċar soluzzjonijiet differenti tal-konsenja tal-pakketti li jkunu parti mill-USO, kif ukoll il-karatteristiċi tas-servizz tagħhom, inklużi t-tariffi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom: · jippubblikaw kull sena d-dejta tas-suq relevanti dwar il-flussi domestiċi u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali attivi fis-swieq tal-pakketti B2C u B2B, inklużi intermedjarji, konsolidaturi u operaturi alternattivi. B’mod parallel, il-Kummissjoni sejra: · tniedi studju li jindirizza r-rekwiżit ta' trasparenza, u l-għodod biex tinkiseb, pereż. permezz tal-istabbiliment ta' tabella ta’ valutazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-konsenja; · tindirizza l-iżviluppi u l-isfidi fil-konsenja tal-pakketti (transfruntiera), fil-kuntest tar-rapport ta' implimentazzjoni tad-DSP, li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel kwart tal-2014. Ir-Rapport għandu l-għan li jqiegħed l-iżviluppi reċenti fil-kuntest akbar tal-politika postali tal-UE u tan-natura dejjem tinbidel tas-settur postali. Filwaqt li dan il-pjan direzzjonali se jipprovdi l-azzjoni meħtieġa dwar il-konsenja tal-pakketti mill-angolu tal-kummerċ elettroniku, l-implimentazzjoni tar-rapport se tieħu f'kunsiderazzjoni din id-dimensjoni meta tkun qed tivvaluta is-sitwazzjoni globali u l-isfidi futuri għas-settur postali. · tiżgura li Grupp Ewropew għar-Regolaturi tas-servizzi postali jiffoka fuq il-pakketti transfruntiera, b’mod partikolari billi: - tirrapporta dwar il-kwalità tal-prestazzjoni tas-servizz u tad-dejta statistika; - tagħmel analiżi sabiex jiġi determinat jekk ikunx hemm xi falliment tas-suq fis-swieq transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti li minħabba fih ikun hemm bżonn xi azzjoni ulterjuri. Objettiv II: Jittejbu
d-disponibbiltà, il-kwalità u l-affordabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-konsenja Il-bejjiegħa
onlajn, speċjalment l-SMEs u l-mikrokumpaniji lokalizzati f'żoni
remoti jew f'reġjuni periferiċi, jistgħu jirnexxu biss jekk
ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom soluzzjonijiet ta' konsenja
affordabbli u effiċjenti. L-operaturi tal-konsenja, il-kmamar tal-kummerċ u
l-assoċjazzjonijiet tal-bejjiegħa onlajn diġà qed jistabbilixxu
prassi tajba fl-appoġġ lill-SMEs li jkunu qed jibdew jużaw
l-internet u fit-titjib tal-kumdità għall-konsumatur finali. Madankollu, fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi dejjem
jevolvu kemm tal-bejjiegħa onlajn kif ukoll tal-konsumaturi tagħhom,
l-innovazzjoni sostnuta fil-proċessi, il-prodotti u s-servizzi
tal-konsenja hija indispensabbli. L-interoperabilità msaħħa bejn
l-operaturi tal-konsenja hija essenzjali biex ikomplu jiżviluppaw
is-soluzzjonijiet tal-konsenja li jissodisfaw il-ħtiġijiet
tal-bejjiegħa onlajn u l-konsumaturi f’termini ta’ kwalità (aktar
veloċità, effiċjenza, affidabilità), affordabbiltà u aċċessibbiltà[22], u
b’hekk tkun żgurata l-kumdità tal-konsumaturi, kwalità għolja
tal-konsenja finali (“last mile”) u proċeduri ta' ritorn li jkunu qed
jiffunzjonaw kif suppost. Bħalissa qed jibdew jaħdmu għadd ta’ inizjattivi
fil-livell tal-UE biex tiżdied l-interoperabbiltà kif ukoll għadd ta'
soluzzjonijiet innovattivi ta’ fluss ta’ dejta. [23]Ġew
adottati programmi tal-aħjar prattiki u ta' riċerka teknoloġika
fejn l-operaturi tal-loġistika u l-bejjiegħa onlajn jistgħu
konġuntement jiżviluppaw proġetti. Organizzazzjonijiet bħal
ma huma l-IPC reċentement varaw proġetti oħra f’dan il-qasam.
Il-flussi ta’ kummerċ transfruntier jibbenefikaw bil-kbir minn
interfaċċi miftuħin għall-flussi tal-informazzjoni,
soluzzjonijiet ta' monitoraġġ u traċċar u ta' tiftix bejn
it-trasportaturi, is-sistema ta’ ttikkettar, sistemi mtejba ta' preavviż
għat-trattament tal-volumi transfruntiera diretti 'l ġewwa u
operazzjonijiet ta’ ritorn aħjar/aktar sempliċi. Barra minn hekk,
bis-saħħa ta' aggregazzjoni aktar sistematika tal-volumi ta’
bejjiegħa bl-imnut żgħar, ikunu jistgħu jgawdu minn
aċċess għal skontijiet għall-volum. Konsegwentement, il-kompetizzjoni ġusta fl-UE, u l-istabbiliment
ta’ standards li jtejbu l-flussi kummerċjali interkonnessi fl-UE
eventwalment ikollhom impatt pożittiv fuq il-kompetittività internazzjonali
tal-UE kemm fis-suq tal-kummerċ elettroniku kif ukoll f'dak tal-konsenja. Il-kooperazzjoni msaħħa fil-livell tal-ERGP bejn
l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li
l-istrumenti regolatorji eżistenti jkunu infurzati aħjar f’kuntest tranfruntier. Azzjoni 4: Il-promozzjoni tal-interoperabilità msaħħa ta' operazzjonijiet ta' konsenja tal-pakketti biex jiġi appoġġjat kummerċ transfruntier effiċjenti L-operaturi tal-konsenja u l-bejjiegħa onlajn għandhom: jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' interkonnessjoni bejn is-sistemi ta' informazzjoni u l-interfaċċi miftuħa biex ikun jista' jsir l-iskambju ta' dejta bejn is-sistemi ta' informazzjoni f'ambjent b'ħafna operaturi; b'mod partikolari, għandhom jiżviluppaw soluzzjonijiet transfruntiera għall-monitoraġġ u t-traċċar, it-tikkettar u proċessi relatati li jitolbu armonizzazzjoni mtejba; jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' ritorni aktar effettivi, li jistgħu jinkludu wkoll opzjonijiet ta' kooperazzjoni u konsolidazzjoni bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konsenja "last-mile". Is-soluzzjonijiet kollha previsti għandhom ikunu bbażati fuq standards u infrastrutturi miftuħa u aċċess mhux diskriminatorju għal dawn. B’mod partikolari, l-industrija hija mħeġġa li tqis l-iżviluppi taħt l-inizjattiva eFreight. Soluzzjonijiet affordabbli ta' monitoraġġ u traċċar għandhom ikunu disponibbli b’mod partikolari għal pakketti li jkunu jiżnu anqas minn 2 kg, li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-konsenji li joriġinaw mill-kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni sejra: timmonitorja u tissorvelja l-progress fuq bażi regolari; tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-DSP biex jiżviluppa, fejn fattibbli, standards volontarji dwar il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, jiġifieri sistema komuni ta indirizzi fl-UE. Objettiv III: Ġestjoni
aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’ rimedju
għall-konsumaturi Kważi 40 % tal-konsumaturi jindikaw li l-problemi konnessi
mal-konsenja iżommuhom lura milli jixtru onlajn[24].
Il-konsumaturi jinkwetaw b’mod partikolari li ma jkollhomx biżżejjed
protezzjoni “meta l-konsenja tmur ħażin”, pereż. fil-każ
ta’ konsenja li ma tasalx, dewmien fil-konsenja jew opzjonijiet mhux adegwati
tar-ritorn. Filwaqt li jkomplu jibnu fuq il-leġiżlazzjoni l-ġdida
dwar il-protezzjoni tal-konsumatur msemmija hawn fuq, il-partijiet involuti jridu
jaħdmu flimkien biex jipprovdu soluzzjonijiet faċli
għall-konsumatur li bihom jiġu ġestiti l-ilmenti u t-tilwim
potenzjali. F’dan il-qasam l-IPC bħalissa qed taħdem fuq
ġestjoni mtejba tal-ilmenti tal-konsumatur billi tikkollega l-call centres
tal-operaturi parteċipanti u s-sistemi komuni ta’ servizz
għall-konsumatur għal prodotti (rintraċċati), iżda
għandhom jiġu identifikati proġetti oħra li għaddejjin
u jeħtieġ li jiġu esplorati opzjonijiet biex ikomplu jiġu
żviluppati soluzzjoni eżistenti. Azzjoni 5: Protezzjoni aħjar tal-konsumatur[25] L-operaturi tal-konsenja, il-bejjiegħa onlajn u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom (flimkien): · jiżguraw kooperazzjoni aħjar fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur. L-Istati Membri għandhom: · jinkoraġġixxu l-użu ta’ mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għal servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kif dawn qed jiġu żviluppati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ADR. Il-Kummissjoni sejra: · tenfasizza kwistjonijiet relatati mal-konsenja (pereż. rekwiżiti ta’ trasparenza rigward informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-konsenja jew l-arranġamenti ta’ ritorn, ir-responsabbiltà tal-operaturi tal-konsenja) fil-kuntest tal-linji-gwida li jmiss (2014) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur indirizzata lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri; · titlob lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali (ERPG) biex janalizza l-ilmenti tal-konsumaturi marbuta mal-konsenja tal-pakketti (transfruntiera); · tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-DSP biex jiżviluppa strumenti (volontarji) ta' standardizzazzjoni għall-kejl ta' ilmenti li jikkonċernaw pakketti li jkun saritilhom il-ħsara, li jkunu damu ma waslu jew li jkunu ntiflu. ANNESS: Tabella ta’ azzjonijiet Atturi: || Objettiv I: Aktar trasparenza, informazzjoni || Objettiv II: Disponibbiltà, kwalità u affordabbiltà aħjar tas-soluzzjonijiet tal-konsenja || Objettiv III: Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u mekkaniżmi mtejba ta’ rimedju għall-konsumaturi L-operaturi tal-konsenja, flimkien mal-bejjiegħa onlajn || Jiġi żgurat aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konsenja għall-bejjiegħa onlajn fil-livell nazzjonali u transfruntier (strumenti ta' informazzjoni ġodda/mtejba; standards komuni) || Jiżviluppaw soluzzjonijiet għal interoperabilità aħjar (sistemi ta' informazzjoni interkonnessi; soluzzjonijiet transfruntiera għall-monitoraġġ u t-traċċar, it-tikkettar u proċessi relatati li jirrekjedu aktar standardizzazzjoni; soluzzjonijiet aktar effettivi ta' ritorn; konsenja tal-"last mile") || Jittejbu l-mekkaniżmu tar-riżoluzzzjoni tad-disputi u s-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur Il-bejjiegħa onlajn || Jiżguraw li l-konsumaturi jsibu informazzjoni xierqa fuq il-websajts tal-bejjiegħa onlajn || || L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji || Provvista mtejba ta’ informazzjoni dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti u s-swieq tal-pakketti fil-livell nazzjonali SM: - jibnu fuq ix-xogħol li għaddej bħalissa mill-ERGP biex jiġi definit qafas statistiku għall-ġbir ta’ dejta tas-suq relevanti dwar il-konsenja domestika u transfruntiera tal-pakketti mill-fornituri kollha tas-servizz postali - jistabbilixxu standards ċari nazzjonali ta' kwalità tas-servizz għall-konsenja (transfruntiera) USO tal-pakketti u jaraw li jkun hemm monitoraġġ indipendenti; ARN: jippubblikaw kull sena r-riżultati tad-dejta statistika u tal-kejl tal-istandards tal-kwalità ta' servizz || || SM: - jimplimentaw u jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju li jirriżultaw mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur anke qabel id-data attwali tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-disposizzjonijiet; - jiżviluppaw, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-DSP u l-ADR, (Riżoluzzjoni Alternattiva tad-Disputi) mekkaniżmi għas-servizzi kollha ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti Il-Kummissjoni Ewropea || - tniedi studju li jindirizza t-trasparenza fis-swieq tal-pakketti u servizzi; - tippubblika l-ħames rapport ta’ applikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-DSP, u titratta b'mod komprensiv is-settur tal-pakketti; - titlob lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali (ERPG) biex jirrapporta dwar il-kwalità tal-prestazzjoni tas-servizz u dwar id-dejta statistika għall-pakketti u biex jagħmel analiżi tas-swieq transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti || - tagħti mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw standards volontarji għal sistema komuni ta' indirizzi || - tenfasizza l-aspetti relatati mal-konsenja fil-kuntest ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD), ippubblikata fl-2014; - titlob lill-ERGP li janalizzaw l-ilmenti tal-konsumaturi involuti f’konsenja transfruntiera; - tagħti mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw standards volontarji għall-kejl tal-imenti - Monitoraġġ u superviżjoni tal-progress fuq bażi regolari; - Organizzazzjoni ta' laqgħat u ta' sessjonijiet ta' ħidma apposta sabiex jitlaqqgħu flimkien l-atturi relevanti kollha, jiġi kkjarifikat b'mod preċiż dak li għandu jinkiseb (inkluż kwistjonijiet ta' ħin), u jittieħed kont tal-progress miksub; - Tiġi ffokata l-aġenda tal-Forum Annwali tal-Utenti tal-Posta dwar l-evalwazzjoni tal-progress li sar; - Jiġu diskussi kwistjonijiet rilevanti għall-Istati Membri fil-Kumitati stabbiliti skont id-Direttivai dwar is-Servizzi Postali u l-Kummerċ elettroniku; - Jiġi żgurat li l-programmi ta’ ħidma 2014/2015 tal-ERGP jieħdu kont tal-kompiti identifikati f'dan il-pjan direzzjonali; - Isir rapport dwar il-progress li jkun sar fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ dan il-pjan direzzjonali; - Jiġu identifikati miżuri addizzjonali (leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi) f'każ li l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan il-pjan direzzjonali ma jilħqux il-livell mistenni. [1] Eurostat [isoc_ec_ibuy]]-
2012. [2] Eurostat [isoc_ec_eseln2]
-2011, aġġornat f'Diċembru 2013. [3] Il-komunikazzjoni dwar
il-kummerċ elettroniku, COMP(2011) 942 finali; ir-Riżoluzzjoni
(P7_TA(2010)0320) tal-21/9/2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern
għall-kummerċ elettroniku; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE
dwar is-Suq Uniku Diġitali u l-Governanza tas-Suq Uniku, 31/5/2012;
l-opinjoni tal-ESC INT 674 ta' 3/2013 dwar il-Green Paper; ir-Riżoluzzjoni
(P7_TA-PROV(2012)0468) tal-11/12/2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku
Diġitali (2012/2030(INI)). [4] Din l-inizjattiva
għalhekk ma tkoprix "il-konsenja" elettronika (eż. biljetti
elettroniċi, kotba elettroniċi). [5] Ir-riċerka dwar is-suq
tal-konsumatur dwar it-tħaddim tal-kummerċ elettroniku u
tal-kummerċjalizzazzjoni dwar it-tekniki ta' kummerċjalizzazzjoni u
l-bejgħ fuq l-Internet fil-bejgħ bl-imnut tal-prodotti, Studju f'isem
il-Kummissjoni Ewropea (KE), DĠ SANCO, 2011, il-Kummerċ elettroniku
transfruntier Ewropew, Accenture for the European Retail Round Table, 1/2012. [6] Dan il-pjan direzzjonali
jirreferi għall-pakketti bħala kwalunkwe oġġett (ħlief
prodotti tal-merċa) li jiġi ordnat onlajn u jiġi kkonsenjat
lill-konsumatur. Pakkett huwa definit fl-aktar sens wiesa' u jinkludi kull
oġġett li jkollu piż ta' bejn il-100 g u t-30 kg. [7] L-importanza
tal-kwistjoni għar-reġjuni l-aktar imbiegħda ġiet
enfasizzata fir-Rapport Solbes, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta'
Ġunju 2012 dwar l-aktar reġjuni imbiegħda fakkret
fil-ħtieġa li jitqiesu r-reġjuni l-aktar imbiegħda
fil-proposti kollha marbuta mas-Suq Uniku Diġitali fejn ikun rilevanti. [8] [Link to Summary report Green
Paper consultation]. [9] Ara, pereżempju,
l-i"Studju tas-suq tal-konsumatur dwar l-iffunzjonar tat-tekniċi
tal-kummerċ elettroniku u tal-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ fuq
l-Internet fil-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti”, li ħareġ
fl-2011 (f’isem il-KE, DĠ SANCO). [10] Copenhagen Economics (CE),
Studju dwar il-qagħda attwali tas-swieq tal-pakketti tal-UE b’enfasi
partikolari fuq il-kummerċ elettroniku, 2013, studju f’isem il-KE, p. 19. [11] F’dan il-pjan direzzjonali,
it-terminu “bejjiegħ onlajn” jirreferi għal kwalunkwe bejjiegħ
bl-imnut li jbigħ mill-inqas parti mill-offerta tiegħu onlajn u
għalhekk ikun jinħtieġ servizzi ta' konsenja biex ikun jista'
jwettaq dawn it-tranżazzjonijiet. [12] Id-dwana hija indirizzata
fil-kuntest tat-tħejjija tar-regoli ta’ implimentazzjoni dwar
il-Kodiċi Doganali Modernizzat, il-VAT fir-reviżjoni attwali tal-VAT.
L-ebda waħda minn dawn l-aspetti ma hi speċifikament indirizzata
f’dan il-pjan direzzjonali peress li huma lill hinn mill-ambitu tiegħu. [13] Id-Direttiva 97/67/KE, kif
emendata bid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE, ĠU L 52, 27.2.2008, p.
3 [14] Id-Direttiva 2013/11/UE,
id-Diretiva dwar ADR tal-konsumatur, ĠU L 165, 18.6.2013, p.63;
ir-Regolament (UE) Nru 524/2013, ir-Regolament dwar l-ODR tal-konsumatur ODR,
ĠU L 165,, 18.6.2013, p.51) [15] F’dan il-kuntest ara wkoll
il-Konklużjonijiet konġunti dwar l-Ambjent tal-kumitat tad-Djalogu
Soċjali Ewropew għas-servizzi postali, 4/4 2013. [16] Il-White Paper, "Pjan
Direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema
tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod
effiċjenti". [17]
Ara d-dikjarazjonijiet konġunti tal-imsieħba soċjali settorjali
Ewropej (PostEurope u UNI Europa Post & Logistics) dwar l-evoluzzjoni
tas-settur postali fl-Ewropa u l-ħidma tagħhom li għaddejja dwar
it-tlaqqiegħ ta' bejn il-ħiliet u l-impjiegi fis-settur postali
Ewropew, appoġġjat mill-Kummissjoni; il-Komunikazzjonijiet
"Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut
Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" (COMP(2010)finali) u "Lejn
irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" (COM
(2012) 173 finali). [18] Ara FTI, Studju dwar
il-konsenja transfruntiera tal-pakketti, 2011. [19] L-operaturi
tal-konsenja li jibagħtu l-pakketti lejn pajjiż ieħor
jirrimuneraw lill-operatur tal-konsenja destinatarju
għall-ipproċessar u l-konsenja ta' dak l-oġġet
f’każijiet fejn dawn ma jkollhomx netwerk integrat tal-kunsinna. Din
is-sistema ta’ rimunerazzjoni se tissejjaħ pagamenti terminali
għall-iskop ta’ dan id-dokument (pereż. drittijiet terminali
jirrappreżentaw rimunerazzjoni simili fil-każ ta’ ittra postali;
taħt is-sistema UPU il-ħlasijiet terminali għall-pakketti
jissejħu rati territorjali interni). [20] WIK, The role of Regulators,
2011; Study on the main developments in the postal sector, 2013. [21] l-inizjativa
eFreight tal-Kummissjoni;http://ec.europa.eu/transport/media/consultations/doc/2013-01-17-efreight/background.pdf,
ara wkoll l-inizjattiva reċenti tal-IPC kif imsemmi qabel (taqsima D). [22] Problemi
ta’ interoperabbiltà, bħalma hija l-multitudni eżistenti
tal-istandards tal-indirizzar u tat-tikkettar, u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà
tas-sistemi tal-informazzjoni, iżidu l-ispejjeż tal-konsenja u b'hekk
il-prezzijiet tal-konsenja mħallsa mill-bejjiegħ. [23] Ara
b'mod speċjali l-inizjattivi eFreight; http://ec.europa.eu/transport/media/consultations/doc/2013-01-17-efreight/background.pdf ; CE E–Commerce Study 2013. [24] Ewrobarometru Speċjali
398, 2013 għall-2012; 47% fl-2010 (Cons Focus, 11/ 2010). [25] Dan il-pjan direzzjonali ma
jinkludi l-ebda azzjonijiet speċifiċi dwar is-sigurtà tal-prodotti,
li kienu diġà ġew identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
dwar 20 azzjoni għal prodotti aktar sikuri u konformi għall-Ewropa,
13.2.2013, COM (2013) 76 finali.