Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0830

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tal-ARTEMIS u l-ENIAC

/* COM/2013/0830 final */

52013DC0830

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tal-ARTEMIS u l-ENIAC /* COM/2013/0830 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tieni evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tal-ARTEMIS u l-ENIAC

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport jenfasizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-bord ta’ esperti indipendenti li wettqu t-tieni evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ARTEMIS u ENIAC. Barra minn hekk, dan jagħti l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u jistabbilixxi miżuri ta’ segwitu. ARTEMIS u ENIAC huma l-impriżi konġunti li jimplimentaw impriżi teknoloġiċi konġunti fl-oqsma rispettivi tas-sistemi inkorporati tal-informatika u n-nanoelettronika. B’dan il-mod, il-Kummissjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-evalwazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 11.2 tal-atti li jistabbilixxu tal-impriżi konġunti[1].

2.            Il-kuntest

L-impriżi teknoloġiċi konġunti, stabbiliti fis-sura ta’ impriżi konġunti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (dak li kien l-Artikolu 171 tat-Trattat), ġew introdotti fis-Seba’ Programm Qafas (FP7) biex jappoġġaw oqsma ewlenin tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku ta’ importanza għall-kompetittività tal-Ewropa. L-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC tnedew fi Frar tal-2008.

L-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC huma s-sħubijiet pubbliċi-privati bejn l-industrija, għadd ta’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati (Stati Membri mdaħħlin fl-impriżi teknoloġiċi konġunti)[2], u l-Unjoni Ewropea bl-għan speċifiku li jiddefinixxu u jimplimentaw Aġenda għar-Riċerka komuni mill-komunitajiet ta’ riċerka Ewropej (l-industrija u l-organizzazzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka), jiksbu sinerġija u koordinazzjoni tar-R&Ż Ewropej, jippromwovu l-involviment tal-SMEs u joħolqu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti. L-istrument ewlieni huwa l-mobilizzazzjoni ta’ fondi mill-UE, minn Stati Membri mdaħħlin fl-impriżi teknoloġiċi konġunti u mill-industrija.

Sa mit-twaqqif tagħhom, l-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC nedew u evalwaw, rispettivament, sitt (waħda fis-sena) u disa’ sejħiet għal proposti (waħda f’kull sena fl-2008, l-2009 u l-2010 u tnejn f'kull sena fl-2011, l-2012 u l-2013). Sa tmiem l-2012, ġew iffinanzjati 102 proġett permezz tal-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC. L-UE u l-Istati Membri mdaħħlin fl-impriżi teknoloġiċi konġunti flimkien s’issa impenjaw iktar minn EUR 1.115 biljun għaż-żewġ impriżi teknoloġiċi konġunti f'daqqa (2008-2012), flimkien ma' sforzi privati tar-R&Ż li jammontaw għal iktar minn EUR 1.670 biljun.

It- 52 proġett ARTEMIS sal-lum jirrappreżentaw total ta' investiment fir-R&Ż ta’ EUR 990 miljun, li jinkludu EUR 288 miljun f'kontribuzzjonijiet nazzjonali, EUR 163 miljun f'kontribuzzjoni tal-UE u EUR 539 miljun f'kontribuzzjoni tal-industrija. Dawk il-proġetti jindirizzaw it-tmien Sotto-Programmi kollha tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika ARTEMIS fl-oqsma tas-sikurezza, il-kura tas-saħħa, l-ambjenti intelliġenti, il-manifattura, l-informatika, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u s-sistemi inkorporati tad-disinn. Wara impenn relattivament baxx mill-Istati Membri ARTEMIS fl-ewwel erba’ snin, l-introduzzjoni tal-Proġetti Pilota ta' Innovazzjoni ARTEMIS fl-2012 taw spinta lill-attivitajiet tal-impriżi konġunti li jirriżultaw minn impenji ogħla mill-Istati Membri.

Fil-każ tal-ENIAC, sal-lum il-50 proġett jirrappreżentaw total ta' investiment fir-R&Ż ta’ EUR 1.795 biljun, li jinkludu EUR 382 miljun f'kontribuzzjonijiet nazzjonali, EUR 283 miljun f'kontribuzzjoni tal-UE u EUR 1.130 miljun f'kontribuzzjoni tal-industrija. Il-proġetti jkopru it-tmien oqsma kollha tax-xogħol tal-Aġenda ta’ Riċerka Strateġika ENIAC fl-oqsma tal-karozzi/it-trasport, il-komunikazzjonijiet/l-istil ta' ħajja, l-enerġija, is-saħħa, is-sikurezza/is-sigurtà, id-disinn tas-semikondutturi, il-manifattura tas-semikondutturi u t-tagħmir/il-materjali sottostanti. Mill-2011, l-impriża konġunta ENIAC saret mezz importanti għall-implimentazzjoni tal-linji pilota tal-manifattura skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin. Dan ħoloq żieda qawwija fl-investimenti konġunti mill-partijiet interessati, u b'hekk l-eżekuzzjoni tal-programm tresqet qrib lejn il-baġit li kien previst.

Kif previst fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-impriżi konġunti ENIAC u ARTEMIS, il-Kummissjoni għandha twettaq, sal-31 ta’ Diċembru 2010 u sal-31 ta’ Diċembru 2013, evalwazzjoni interim bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti. L-evalwazzjonijiet ikopru l-kwalità, l-effiċjenza u l-progress lejn l-għanijiet stabbiliti tal-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC. L-ewwel evalwazzjoni interim tal-impriżi teknoloġiċi konġunti ARTEMIS u ENIAC[3] twettqet wara sentejn mit-tnedija tal-inizjattivi u primarjament evalwat l-effiċjenza, il-ġestjoni u l-ħidmiet tal-impriżi konġunti. L-għan prinċipali tat-tieni valutazzjoni interim huwa li jevalwa l-kisbiet ta-impriżi konġunti tal-ARTEMIS u l-ENIAC wara aktar minn 5 snin ta’ tħaddim.

3.            Proċedura ta’ evalwazzjoni

It-tieni evalwazzjoni interim xtarret ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-kwalità tar-riċerka tal-impriżi konġunti. Barra minn hekk, din wettqet segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel evalwazzjoni interim fl-2010 u tar-rapport tal-Kummissjoni[4] dwar dan ir-rapport ta' evalwazzjoni interim.

Il-Kummissjoni ħatret bord ta’ esperti esterni u indipendenti, presedut minn Dr Götzeler[5]. Fil-kompożizzjoni tal-bord ingħatat attenzjoni biex tkun żgurata kopertura tajba tad-dominji tekniċi kif ukoll il-kontinwità mal-bord responsabbli mill-ewwel evalwazzjoni interim. Il-bord mexa b'kunsens u bbaża is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq riċerka estensiva dokumentata, evidenza evalwata bejn il-pari u intervisti ma' partijiet interessati[6].

L-evalwazzjoni mill-esperti twettqet bejn Settembru tal-2012 u Frar tal-2013. Ir-rapport finali tagħhom ġie ppubblikat f’Lulju tal-2013 u dan huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali[7]. L-evalwazzjoni saret b’mod parallel mal-abbozzar tal-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ impriża konġunta ġdida biex tieħu post u tissuċċiedi l-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC kienu, fost l-oħrajn, analizzati u servew bħala kontribut għall-Valutazzjoni tal-Impatt għar-regolament il-ġdid tal-impriżi teknoloġiċi konġunti.

4.            Ir-riżultati tal-evalwazzjoni u r-rakkomanazzjonijiet

It-tieni rapport ta’ evalwazzjoni interim jikkonferma l-valur għoli u l-kisbiet sinifikanti tal-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC. B'mod partikolari, il-bord ikkonkluda li (i) ir-rilevanza tal-impriża konġunta tibqa' għolja, u kien hemm progress konsiderevoli biex jiksu l-għanijiet tagħhom; (ii) l-effettività hija għolja, (iii) l-effiċjenza hija tajba minkejja l-piż regolatorju, amministrattiv u finanzjarju kemxejn tqil, u (iv) il-kwalità tal-eżami, ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti kif magħmula mill-impriża konġunta huwa għoli. B’mod ġenerali, il-bord jappoġġa l-istrument tripartitiku tal-impriżi teknoloġiċi konġunti, il-ġbir tar-riżorsi mill-industrija, l-UE u l-Istati Membri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom isejħu għal aktar simplifikazzjoni, bit-titjib tal-proċeduri amministrattivi u t-tisħiħ tal-istrutturi ta’ governanza.. Il-Kummissjoni tilqa' u tappoġġa l-fatt li l-bord iħeġġeġ b'mod sħiħ il-ħtieġa ta' strateġija unika Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-Sistemi u l-Komponenti Elettroniċi (ECS). Din l-istrateġija għandha tiġi żviluppata flimkien ma’ matriċi ta’ Industriji Ewropej Ewlenin (KEIs) sabiex tikkumplimenta t-Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin[8] (KETs) bħala mezz biex jiġu identifikati, appoġġati u mkabbra l-ekosistemi industrijali meħtieġa għal attività Ewropea sostenibbli f'ECS f’mod li huwa kompatibbli mal-ftuħ tal-impriża konġunta.

Il-lista dettaljata tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord tingħata fl-anness. Iż-żmien mogħti għar-rakkomandazzjonijiet jindika jekk għandhomx jiġu implimentati skont l-impriżi konġunti attwali jew għandhomx jitqiesu għall-impriżi konġunti futuri, jiġifieri Sistemi u Komponenti Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (ECSEL) proposti mill-Kummissjoni.[9]

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel evalwazzjoni interim, il-bord huwa ġeneralment sodisfatt u jindika li bosta mir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati fir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim u ġeneralment ġew implimentati b’mod sodisfaċenti. Madankollu, skont il-bord, l-implimentazzjoni ta’ wħud mir-rakkomandazzjonijiet li ġew indirizzati lill-Istati Membri hija inqas sodisfaċenti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom x’jaqsmu mal-armonizzazzjoni tal-prattiċi ta' finanzjament, il-proċeduri u l-impenji baġitarji multiannwali tal-Istati Membri, li jistgħu jikkawżaw dewmien fil-proċess u piż amministrattiv.

5.            Azzjonijiet ta’ segwitu pjanati

Il-Kummissjoni tilqa’ t-tieni rapport ta’ evalwazzjoni interim. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq analiżi eżawrjenti u kritika. Il-Kummissjoni, kif stabbilit hawn taħt, se timplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lilha u se taħdem mal-industrija, l-Istati Membri mdaħħlin fl-impriżi teknoloġiċi konġunti u l-impriżi konġunti biex tgħinhom jimplimentaw il-partijiet tagħhom.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni se timplimenta:

· azzjonijiet fuq żmien qasir għal impriżi konġunti eżistenti (jiġifieri l-attivitajiet tagħhom sat-tnedija tal-impriża teknoloġika konġunta l-ġdida) permezz tal-istrutturi ta’ governanza tagħhom; u

· azzjonijiet fil-kuntest tal-qafas legali tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' ECSEL JTI.

Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet mill-bord hija spjegata hawn taħt. Din it-taqsima tippreżenta wkoll is-segwitu mill-Kummissjoni tar-rapport tagħha dwar l-ewwel evalwazzjoni interim.

5.1.         Osservazzjonijiet ġenerali

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur ta’ mudell tripartitiku u b’mod partikolari tilqa' r-riżultati pożittivi dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-impriżi konġunti attwali. It-tnedija u t-tisħiħ tal-impriżi konġunti kienu diffiċli iżda ngħeleb ix-xkiel il-kbir .

F’termini operattivi, l-impriża konġunta ENIAC qiegħda fit-triq it-tajba biex titqarreb lejn l-għan oriġinali, jiġifieri li tirfed programm ta’ investiment industrijali fir-R&Ż fin-nanoelettronika ta’ EUR 2.7 biljun. l-impriża konġunta ARTEMIS se tmur lil hinn mill-mira inizjali ta’ EUR 2.5 biljun f'R&Ż għal sistemi inkorporati tal-informatika. Madankollu, l-iżviluppi tal-aħħar sentejn indikaw ukoll żieda sinifikanti tal-volum u l-attivitajiet ta' ARTEMIS. Il-Kummissjoni tinsab kunfidenti li ż-żewġ inizjattivi se jkunu wettqu l-wegħdiet tagħhom sal-aħħar tal-mandat tagħhom fl-2017.

5.2.         Rakkomandazzjonijiet għall-Assoċjazzjonijiet Industrijali

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet industrijali li huma membri tal-impriżi konġunti, speċjalment fix-xiri sfurzat tal-industrija inkluż l-SMEs, fiż-żamma tal-aġenda tar-riċerka aġġornata u fil-promozzjoni tal-impriżi konġunti. Il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza tal-involviment tal-industrija fl-ogħla livell biex turi tmexxija u involviment. F’dan il-kuntest, id-dokument ta' pożizzjoni[10] żviluppat taħt l-awspiċi ta’ AENEAS[11] u CATRENE[12] jipprovdi perspettivi u għanijiet sinifikanti għall-industrija Ewropea tan-nanoelettroniki sal-2020.

Fi qbil mal-osservazzjonijiet tal-bord tat-tieni evalwazzjoni interim, il-Kummissjoni tqis l-evoluzzjoni tal-impriżi konġunti biex jappoġġaw proġetti f'Livell ta’ Preparazzjoni tat-Teknoloġija (TRL) ogħla bħala kemm f’waqtha kif ukoll meħtieġa, b'enfasi ikbar fuq l-innovazzjoni u l-isfruttar, u bir-R&Ż li jitqarreb lejn is-suq. B’mod partikolari, is-sejħa għal l-linji pilota tal-manifattura mill-impriża konġunta ENIAC fl-2012 kienet ta’ suċċess kbir. Din is-sejħa hija l-ewwel implimentazzjoni fuq skala kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-KETs. Bl-istess mod, il-Proġetti Pilota ta' Innovazzjoni ARTEMIS huma tabilħaqq "għan ta' min ifaħħru li tiġi sostnuta l-innovazzjoni mill-ippruvar tal-kunċett u l-istadju tal-prototip sa pjattaforma solida industrijali".

Barra minn hekk, ix-xogħol tajjeb magħmul fi ħdan l-ARTEMIS-IA[13] fuq analiżi tal-portafoll u indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni huwa magħruf. Kemm assoċjazzjonijiet industrijali kif ukoll l-impriżi konġunti se jiġu mħeġġa jibqgħu jaħdmu f’din id-direzzjoni. B’hekk tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni 15.

Madankollu l-Kummissjoni taqbel mal-bord ta' evalwazzjoni li jista’ jsir aktar, kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2. Bl-impriża konġunta ECSEL ġdida, is-sħab industrijali għandhom jieħdu l-opportunità ta’ proċedura aktar ikkoordinata u proattiv biex tissaħħaħ id-dimensjoni strateġika tal-kooperazzjoni tagħhom. Huma se jkunu mistiedna joħorġu b’orjentazzjonijiet ewlenin għall-industrija tal-komponenti u s-sistemi Ewropea biex din issir il-mutur għall-qasam promettenti ta’ prodotti u servizzi “intelliġenti kullimkien”. Għal dan il-għan, il-proposta tar-Regolament tal-Kunsill dwar l-ECSEL tinkludi rekwiżit għal involviment aktar wiesgħa tal-partijiet interessati.

Ir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-ewwel evalwazzjoni interim ikkummentat fid-dettall dwar il-pożizzjonament tal-impriżi konġunti lejn EUREKA. Il-Kummissjoni issa tagħraf li seħħ progress sinifikanti. Fil-qasam tan-nanoelettronika, CATRENE u ENIAC żviluppaw dokument dwar Viżjoni, Missjoni u Strateġija komuni għar-R&Ż għall-mikroelettroniki u n-nanoelettroniki fl-Ewropa. Bl-istess mod, fil-qasam tas-sistemi inkorporati, ITEA2[14] u ARTEMIS ilaqqgħu summits flimkien u waqqfu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni[15]. Dawn l-azzjonijiet se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġija ġenerali tal-UE dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-UE li tkopri n-nanoelettroniki, is-sistemi inkorporati tal-informatika u ċiberfiżiċi konformi mar-rakkomandazzjoni 16, u għandhom jiġu msaħħa.

5.3.         Rakkomandazzjonijiet għall-Impriżi Konġunti

Il-Kummissjoni taqbel mas-sejbiet tal-bord ta' esperti li l-proċeduri ta' evalwazzjoni u tal-għażla u l-proċess tar-reviżjoni teknika ġew simplifikati, huma tajbin u meqjusin mill-parteċipanti bħala ta' għajnuna kbira. Proġetti mnedija fil-bidu tal-impriżi konġunti issa qed joqorbu lejn tmiemhom, u l-enfasi tar-rappurtar finali għandu jkun fuq l-isfruttament tar-riżultati. Għaldaqstant il-Kummissjoni tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet 3 u 15 u se titlob lid-Diretturi Eżekuttivi biex jeżaminaw l-possibbiltà li jimplimentawhom u jiżguraw rappurtar tajjeb dwar attivitajiet ta’ sfruttament, għalkemm jillimitaw il-piż fuq il-benefiċjarji. L-iżvilupp ta’ metrija xierqa biex jitkejjel l-impatt u s-suċċess tal-proġetti ta' impriżi konġunti huwa ugwalment importanti.

Kif stabbilit hawn fuq, iż-żewġ impriżi konġunti urew li għandhom il-kapaċità li jirreaġixxu malajr u b’mod xieraq għar-rekwiżiti li jinbidlu u li jiggwidaw l-inizjattivi biex ikunu eqreb tas-suq. Il-korpi varji fl-impriżi konġunti għandhom jiġu mfaħħra dwar dan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinsab kunfidenti li r-rakkomandazzjonijiet 4, 6 u 14 għandhom jintlaqgħu pożittivament fil-korpi tal-impriżi konġunti peress li dawn jindirizzaw kwistjonijiet ta’ natura aktar operazzjonali.

L-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ awditjar ex post mill-impriżi konġunti kienet partikolarment diffiċli u soġġetta għal osservazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni se tibqa' tqajjem din il-kwistjoni fil-Bordijiet tat-Tmexxija bil-għan li tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li t-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-impriżi konġunti huma korretti. Ir-Rakkomandazzjonijiet 10, 12 u 13 huma indirizzati fir-Regolament tal-Kunsill propost dwar l-ECSEL sal-punt fejn dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu implimentati fi ħdan il-qafas legali applikabbli.

5.4.         Rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni Ewropea

Ir-rakkomandazzjonijiet b'rabta mal-ġenerazzjoni li jmiss ta' impriżi teknoloġiċi konġunti ġew ikkunsidrati fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-impriża konġunta ECSEL. Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni li jkun hemm impriża teknoloġika konġunta unika (ir-rakkomandazzjoni 5) b'aġenda integrata unika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (ir-rakkomandazzjoni 1) ibbażata fuq regolament finanzjarju simplifikat (ir-rakkomandazzjoni 7) u rwol strateġiku miżjud għall-Bord tat-Tmexxija tagħha (ir-rakkomandazzjoni 8). Barra minn hekk il-proposta dwar l-ECSEL tinkorpora iktar armonizzazzjoni ta' regoli (ir-rakkomandazzjoni 9) f’konformità mar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ta' Orizzont 2020.

Barra minn hekk, fit-23 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni adottat strateġija Ewropea għall-komponenti u s-sistemi mikroelettroniċi u nanoelettroniċi[16], skont ir-rakkomandazzjoni 16. Wieħed mis-sisien tal-istrateġija huwa t-twaqqif tal-impriża konġunta tal-ECSEL ġdida, li tiffoka fuq l-innovazzjoni u li tkopri TRL ogħla.

5.5.         Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri

Il-Kummissjoni tagħraf id-diffikultajiet esperjenzati mill-Istati Membri mdaħħlin fl-impriża konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' tar-rakkomandazzjonijiet li jolqtuhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-involviment f’impenji multiannwali, l-armonizzazzjoni tar-regoli u r-rati ta' finanzjament, u s-sinkronizzazzjoni tal-proċeduri. L-esperjenza u l-fehim reċiproku, mibnija permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC, għandhom jippermettu l-bidu mill-ġdid tal-impriża konġunta ECSEL taħt il-kappa ta' Orizzont 2020. Dan diġà jidher fir-Regolament tal-Kunsill dwar l-ECSEL propost mill-Kummissjoni u li fih huma indirizzati dawn il-kwistjonijiet. B’mod partikolari, dan joffri l-possibbiltà ta’ approċċ komuni għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi għall-proġetti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jappoġġaw l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni proposti tal-proċessi għall-benefiċjarji fl-azzjonijiet futuri li se jinżammu għall-finanzjament.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li dan l-aħħar sar ħafna progress fi ħdan l-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC biex jintlaħaq bilanċ bejn l-appoġġ għall-prijoritajiet nazzjonali u l-kisba ta' għanijiet komuni Ewropej.

6.            Konklużjoni

Filwaqt li l-ewwel evalwazzjoni interim għenet biex l-imprizi konġunti jtejbu l-ħidmiet tagħhom u jiffukaw fuq l-għanijiet operattivi tagħhom, is-sejbiet tat-tieni evalwazzjoni interim kienu kontribut sinifikanti u f'waqtu fl-abbozzar tal-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Kunsill dwar l-ECSEL futur. Għalkemm għad hemm xkilijiet amministrattivi li jistgħu jingħelbu fl-impriża konġunta ECSEL futura, l-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC urew li huma għodda effettiva u effiċjenti għall-implimentazzjoni ta' programm ta’ R&Ż immexxi mill-industrija u kofinanzjati mill-Istati Membri u l-UE.

L-evalwazzjoni finali tal-impriżi konġunti ARTEMIS u ENIAC hija skedata għall-2017 bħala parti tal-evalwazzjoni interim prevista għall-impriża konġunta ECSEL. Dik l-evalwazzjoni finali għandha tindaga dwar l-impatt ġenerali tal-proġetti appoġġati mill-impriżi konġunti, u tikkummenta dwar il-kontribut tagħhom fil-kuntest ġenerali tal-istrateġija Ewropea għall-mikroelettroniki u n-nanoelettroniki u s-sistemi inkorporati.

 Anness - Lista ta’ rakkomandazzjonijiet mingħand il-bord ta’ evalwazzjoni

Nru[17] || Sommarju tar-rakkomandazzjonijiet || Perjodu ta’ żmien

Rakkomandazzjonijiet għall-Assoċjazzjonijiet Industrijali

1 || L-impriża teknoloġika konġunta SRA u l-programmi ta’ ħidma jeħtieġ li jirriflettu b'mod aktar qawwi perspettiva Ewropea koerenti, billi jorbtu ma’ strateġija ġenerali Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi, kif propost fir-Rakkomadazzjoni 16. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

2 || L-Assoċjazzjonijiet Industrijali għandhom ikollhom rwol aktar attiv fid-definizzjoni tal-għanijiet ġenerali u l-istrateġija tal-impriżi teknoloġiċi konġunti u għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod aktar attiv mal-partijiet interessati sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fi proposti ta’ proġetti, speċjalment mill-SMEs, u biex jiżviluppaw u jżżommu aġġornata l-Aġenda Strateġika tar-Riċerka. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

Rakkomandazzjonijiet għall-Impriżi Konġunti[18]

3 || Ir-reviżjonijiet ta’ proġetti ta' impriżi teknoloġiċi konġunti, inkluża reviżjoni finali ta' wara l-proġett li, fl-opinjoni tal-bord, għandhom isiru bejn 6 u 12-il xahar wara tmiem ta' proġett, għandhom jissorveljaw aktar mill-qrib u b’mod aktar rigoruż l-isfruttament attwali u dak pjanat tar-riżultati tal-proġett, u l-miżuri mdaħħlin minn sħab tal-proġett biex jinkiseb l-isfruttament pjanat. || Issa

4 || Il-proġetti ARTEMIS għandhom jibnu, fejn xieraq, fuq teknoloġija ARTEMIS żviluppat fl-imgħoddi, b'referenza ssir għal dak li ġie ffinanzjat qabel u bil-wiri, flimkien ma' affarijiet ġodda, tal-użu mill-ġdid xieraq ta’ riżultati preċedenti tal-proġett flimkien ma’ progress xieraq lejn livelli TRL ogħla. Il-proporzjon ta’ finanzjament għal proġetti li jimmiraw lejn applikazzjonijiet u servizzi ġeneriċi (proġetti ta' applikazzjoni) għandu jiżdied. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

6 || Sejħiet ENIAC u CATRENE għal, u għażliet ta', proposti għandhom ikunu allinjati aktar mill-qrib (p.eż. bl-użu ta’ sejħiet komuni u/jew kumplimentari), bil-korpi rilevanti responsabbli mill-għoti tal-fondi jżommu grad ta' flessibbiltà fir-rigward tal-għoti tal-iktar mgħodija xierqa ta' finanzjament. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

8 || Il-Bordijiet tat-Tmexxija tal-impriżi konġunti għandhom jiġu ffukati fuq kwistjonijiet strateġiċi u l-piż amministrattiv tagħhom għandu jitnaqqas biex b'hekk rappreżentanti tal-industrija ta' livell għoli jiġu mħajra jieħdu sehem. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

10 || L-impriżi konġunti għandhom jesploraw u jiżviluppaw mekkaniżmi xierqa biex joħolqu "sistema ta' twissija bikrija" biex jiġu identifikati ttardjar potenzjali jew restrizzjonijiet għad-disponibbiltà, ta' finanzjament mill-Istati Membri. Biex jingħalaq kwalunkwe distakk finanzjarju li jiġi identifikat, il-finanzjament bil-quddiem mill-KE (f'isem l-Istat Membru) għandu jiġi permess għal proġetti li huma kritiċi fir-rigward ta' xi missjoni. || Issa

12 || Għandhom jittieħdu passi (p.eż. modifika fil-kriterji tal-evalwazzjoni) tul il-proċess tal-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposta biex jittejjeb it-tlaqqigħ tal-portafoll tal-proġett ma' għanijiet strateġiċi Ewropej u biex tiġi żgurata l-aqwa kopertura ta' oqsma ewlenin iddefiniti fl-istrateġija ġenerali UE ECS (proposta fir-Rakkomandazzjoni 16) u l-pjanijiet ta' ħidma li joħorġu minn tali strateġija. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

13 || Għandhom jiġu żviluppati u implimentati mekkaniżmi speċifiċi ta' appoġġ għat-titjib tal-proċessi ta' ġestjoni tal-proġetti fi proġetti ta' impriżi teknoloġiċi konġunti. L-ispejjeż tal-ġestjoni għandhom jiġu 100 % iffinanzjati mill-KE għall-proġetti tal-impriżi teknoloġiċi konġunti kollha. || Impriżi teknoloġiċi konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

14 || Il-proġetti tal-impriżi teknoloġiċi konġunti għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni waħda (jiġifieri l-impriża konġunta) u proċess tar-rappurtar wieħed tal-proġett. || Issa

15 || Metriji xierqa għall-kejl tal-impatt u s-suċċess ta' proġetti ta' impriżi teknoloġiċi konġunti għandhom jiġu żviluppati u użati għall-impriżi teknoloġiċi konġunti attwali kif ukoll dawk futuri. || Issa

Rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni Ewropea

5 || L-impriżi teknoloġiċi konġunti ENIAC u ARTEMIS, flimkien mal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija (ETP) dwar Sistemi Intelliġenti ta' Integrazzjoni (EPoSS), għandhom jiġu integrati f'organizzazzjoni unika (JTI ECS). || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

7 || Għandha tinbena l-impriża teknoloġika konġunta ġdida, integrata proposta (ta' Rakkomandazzjoni 5), jew tabilħaqq kwalunkwe impriża teknoloġika konġunta futura, bħala korp ta' sħubija pubblika-privata kif definit fl-Artikolu 209 tar-regolament finanzjarju. || Impriża Teknoloġika Konġunta tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

13 || Għandhom jiġu żviluppati u implimentati mekkaniżmi ta' appoġġ speċifiku għat-titjib fil-proċessi tal-ġestjoni tal-proġett fi proġetti ta' impriżi teknoloġiċi konġunti. L-ispejjeż tal-ġestjoni għandhom ikunu 100 % iffinanzjati mill-KE għall-proġetti kollha ta' impriżi teknoloġiċi konġunti. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

16 || Strateġija ġenerali fuq terminu medju u terminu twil tal-UE fuq ir-riċerka, l-iżvilupp, u l-innovazzjoni f'Sistemi u Komponenti Elettroniċi (ECS) għandha tkun definita b'mod ċar u użata bħala "mexxeja" ewlenija għad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament. || Issa

Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri

9 || Ir-regoli ta' parteċipazzjoni, ir-rati ta' finanzjament u l-proċeduri tal-Istati Membri għandhom jiġu armonizzati u sinkronizzati kull fejn huwa possibbli. Il-prinċipju ta' gwida għandu jkun l-adozzjoni tal-aqwa prattiki. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

11 || L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom dwar sistema ta' finanzjament multiannwali. || Impriżi Teknoloġiċi Konġunti tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u ta' Issa

14 || Proġetti tal-impriżi teknoloġiċi konġunti għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni tal-proġett waħda biss (jiġifieri l-impriża konġunta) u proċess tar-rappurtar wieħed biss. || Issa

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Konġunta Teknoloġika f’Sistemi ta' Kompjuters Inkorporati. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 72/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC

[2]               L-Istati Membri mdaħħlin fl-ARTEMIS: L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru (irtira riċentament), ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvija, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja, is-Slovenja, ir-Renju Unit. L-Istati Membri mdaħħlin fl-ENIAC: L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

[3]               http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/jti/index_en.htm

[4]               COM(2010) 752 final u http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/jti/

[5]               Il-bord espert kien magħmul mill-membri li ġejjin: M. Götzeler (is-CEO ta' Aixtron SE); W. Arden (dak li kien Infineon Technologies); Ch. de Prost (ATMEL); J.-L. Dormoy (EDF); M. Jansz (il-Fondazzjoni tat-Teknoloġija STW); T. Luukkonen (L-Istitut tar-Riċerka tal-Ekonomija Finlandiża); A. Sangiovanni-Vincentelli (l-Università ta' Kalifornja f'Berkeley); D. Wright (l-Università ta' Exeter).

[6]               Il-bażi tal-evidenza għall-evalwazzjoni inkludiet reviżjoni dokumentarja estensiva dwar kwistjonijiet legali u finanzjarji, aġendi ta’ riċerka, programmi ta’ ħidma, statistiki dwar il-parteċipazzjoni u proġett tal-informazzjoni. Ġew mwettqa 104 intervisti ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati: l-industrija, l-akkademja, il-Kummissjoni, Awtoritajiet Pubbliċi nazzjonali, ir-raggruppamenti EUREKA u l-impriżi konġunti.

[7]               https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/second-interim-evaluation-artemis-and-eniac-joint-technology-initiatives

[8]               http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf

[9]               COM(2013) 501 final u http://ec.europa.eu/research/press/2013/pdf/jti/ecsel_factsheet.pdf

[10]             Innovation for the future of Europe: Nanoelectronics beyond 2020           http://www.aeneas-office.eu/web/downloads/strategic-docs/position_paper_final.pdf

[11]             The Association for European NanoElectronics ActivitieS         http://www.aeneas-office.eu/web/index.php

[12]             The Eureka Cluster for Application and Technology Research in Europe on NanoElectronics http://www.catrene.org/

[13]             The industrial Association for Advanced Research & Technology for Embedded Intelligence and Systems    http://www.artemis-ia.eu/

[14]             The Eureka Cluster on Information Technology for European Advancement (ITEA)             http://www.itea2.org/

[15]             High-level vision 2030 ITEA-ARTEMIS - http://www.artemis-ia.eu/publications

[16]             COM(2013) 298 final

[17]             In-numerazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tirreferi għar-rapport tal-esperti.

[18]             Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirriferu għar-responsabbiltà kollettiva/konġunta tal-partijiet kollha involuti fl-impriżi konġunti.

Top