EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0549

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern u dwar ir-Regolament 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità

/* COM/2013/0549 final */

52013DC0549

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern u dwar ir-Regolament 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità /* COM/2013/0549 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern u dwar ir-Regolament 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

I Direttiva 2007/64/KE

1.           DAĦLA

Dan ir-rapport jeżamina kif id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern (minn hawn 'il quddiem: "il-PSD") ġiet applikata kif mitlub mill-Art. 87. Il-perjodu kkunsidrat minn dan ir-Rapport huwa bejn l-2009 u l-2012. L-Art 87 jirrikjedi rapport dwar numru ta' kwistjonijiet: Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (speċjalment strumenti tal-ħlas ta' valur baxx u flus elettroniċi); Tranżazzjonijiet b'fażi waħda u tranżazzjonijiet fil-muniti kollha; Rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni u ostakli għad-dħul fis-suq; Rekwiżiti prudenzjali (kapital inizjali/fondi proprji/salvagwardja); Għoti ta' kreditu minn istituzzjonijiet tal-ħlas; Ħin ta' eżekuzzjoni u nuqqas ta' eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża. Madankollu, dan ir-rapport ma jillimitax l-ambitu tiegħu għal dawn il-kwistjonijiet biss.

Il-proċess ta' reviżjoni tal-PSD kien ibbażat fuq 2 studji esterni ddedikati. L-ewwel studju, "l-istudju ġuridiku" pprovda valutazzjoni tal-konformità ġuridika dwar it-traspożizzjoni tal-PSD fis-27 Stat Membru[1]. It-tieni studju, "l-istudju ekonomiku", analizza l-impatt ekonomiku tal-PSD u r-Regolament relatat 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali f'euro meta mqabbla mal-objettivi oriġinali tagħhom[2]. Għall-istess għan, kontribut mill-Istati Membri u mill-atturi tas-suq rilevanti nġabar permezz tal-kumitati konsultattivi tal-Kummissjoni għall-politika tal-ħlasijiet bl-imnut.

Dan ir-rapport jiddeskrivi t-traspożizzjoni tal-PSD (taqsima 2); iqis l-applikazzjoni u l-impatti tagħha (taqsima 3); jidentifika l-kwistjonijiet importanti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-PSD (taqsima 4) u jasal għal għadd ta' konklużjonijiet (taqsima 5).

2.           IT-TRASPOŻIZZJONI TAD-DIRETTIVA

Il-PSD daħlet fis-seħħ fil-25 ta' Diċembru 2007 bi skadenza tal-1 ta' Novembru 2009 għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali. Xi Stati Membri marru lil hinn mill-iskadenza. Biex jimplimentaw il-PSD, il-maġġoranza tal-Istati Membri introduċew att ġuridiku ġdid fil-leġiżlazzjoni tagħhom[3].

L-implimentazzjoni tal-PSD ma wassalitx għal kwistjonijiet ewlenin u l-Istati Membri implimentawha kif imiss[4]. Matul il-proċedura tat-traspożizzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni kkooperaw mal-Istati Membri u pprovdewlhom għajnuna biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta.

Madankollu, minkejja l-approċċ tal-armonizzazzjoni sħiħa[5] tad-Direttiva, l-istudju ġuridiku enfasizza li l-PSD fih dispożizzjonijiet kemm speċifiċi kif ukoll astratti li wasslu għal diffikultajiet għall-implimentazzjoni madwar l-UE. Xi Stati Membri kkomplementaw id-dispożizzjonijiet tal-PSD b'regoli nazzjonali addizzjonali.

Il-PSD fih 25 dispożizzjoni mhux obbligatorja. Meta Stat Membru jagħżel li jagħmel użu minn opzjoni, kellu jinforma lill-Kummissjoni[6].

L-għadd kbir ta' opzjonijiet tal-Istati Membri jirriżulta mill-ħtieġa li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq domestiċi u mill-proċess ta' negozjati li wassal għall-adozzjoni tal-PSD[7]. Il-partijiet interessati kienu ġeneralment newtrali fir-rigward tal-impatt tad-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji. Din id-diversità ma wasslitx għal arbitraġġ ġuriżdizzjonali mill-utenti jew mill-fornituri għall-post tal-attivitajiet tagħhom[8].

3.           L-APPLIKAZZJONI U L-IMPATTI TAD-DIRETTIVA

3.1.        Titolu I - Suġġett, kamp ta' applikazzjoni, u definizzjonijiet

3.1.1.     Kamp ta' applikazzjoni

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni. L-Anness mehmuż mal-PSD jiddefinixxi l-attivitajiet koperti mit-termini "servizzi ta' ħlas" u fih seba' kategoriji ta' servizzi tal-ħlas. Flimkien mal-Artikolu 3 li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni negattiv, din il-lista tiddefinixxi s-servizzi li jaqgħu taħt l-ambitu tal-PSD.

L-istudju ekonomiku kkonkluda li l-lista eżistenti kienet adegwata. Dan huwa sostnut mill-partijiet interessati.

Madankollu, ir-rispons li wasal ukoll qajjem xi tħassib fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-komprensività tal-Anness. Inħass li xi servizzi għandhom jiġu inklużi fil-lista dwar is-servizzi tal-ħlas. L-iżviluppi kummerċjali u teknoloġiċi ġodda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. L-inklużjoni ta' fornituri terzi li joffru servizzi ta' inizjazzjoni tal-ħlas ukoll tqieset importanti.

3.1.2.     L-ambitu territorjali u tal-munita

Skont l-Artikolu 2(1), il-PSD u r-regoli tagħha dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-iżvelar u l-kondotta tan-negozju tapplika biss għal tranżazzjonijiet intra-UE, l-hekk imsejħa "tranżazzjonijiet two-leg". .

Madankollu, 13-il Stat Membru ħadu l-inizjattiva biex jestendu xi wħud mir-regoli tal-PSD għat-tranżazzjonijiet b'fażi waħda[9] għas-segment tal-UE tat-tranżazzjonijiet ta' ħlas, 'il ġewwa jew 'il barra, jew permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali għal 11-il Stat Membru jew billi jippermettu derogi kuntrattwali għaż-żewġ Stati Membri. Il-PSD tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal servizzi ta' ħlas f'muniti tal-UE. L-Istati Membri li estendew l-applikazzjoni tal-PSD għal tranżazzjonijiet b'fażi waħda għandhom it-tendenza li japplikaw il-PSD ukoll għal muniti ta' Stati li mhumiex tal-UE/iż-ŻEE.

Dawn ir-reġimi differenti għandhom impatt fuq il-partijiet interessati u fuq il-konsumaturi. Barra dan, il-konsumaturi sempliċiment ma jafux li hemm reġimi regolatorji differenti li qed jiġu applikati[10]. Fuq in-naħa tal-fornituri, inqas minn 25 % jużaw sistemi u proċeduri differenti għal tranżazzjonijiet b'fażi waħda u two-leg[11].

3.1.3.     Kamp ta' applikazzjoni negattiv

L-Artikolu 3 jistabbilixxi lista ta' tranżazzjonijiet ta' ħlas jew servizzi li għalihom il-PSD ma tapplikax. Dan il-kamp ta' applikazzjoni negattiv jagħmilha diffiċli għall-konsumaturi biex jifhmu liema attività taqa' taħt liema qafas regolatorju. Skont stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni, 82 % minn 24 assoċjazzjoni tal-konsumaturi f'20 Stat Membru differenti u 15-il awtorità kompetenti jappoġġjaw l-emendar tal-kamp ta' applikazzjoni negattiv[12]. Partijiet interessati talbu jew għall-kjarifika jew għat-tħassir ta' ċerti eżenzjonijiet. Barra minn hekk, fornituri ta' servizzi ta' ħlas għandhom it-tendenza li jevalwaw huma stess jekk l-operazzjonijiet tagħhom jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-PSD. Dan jista' jwassal jew għal evażjoni regolatorja jew sabiex l-awtoritajiet kompetenti jirċievu ħafna talbiet għall-informazzjoni minn fornituri[13].

3.1.4.     Ħlasijiet ta' valur baxx u flus elettroniċi

L-Artikolu 34 u l-Artikolu 53 jistabbilixxu l-prinċipji għal derogi rispettivament għar-rekwiżiti tal-informazzjoni u r-regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet għal prodotti sempliċi tal-ħlas għal tranżazzjonijiet ta' valur baxx. Il-PSD tipprovdi għall-flessibbiltà billi l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jnaqqsu jew jirdoppjaw l-ammonti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet nazzjonali filwaqt li jżidu dawk l-ammonti għal strumenti li jitħallsu bil-quddiem (pre-paid)[14]. Ħafna Stati Membri ddeċidew li jirduppjaw l-ammont u għollew il-limitu massimu għal strumenti mħallsa minn qabel għal EUR 500. Skont stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni, huma biss 17 minn 69 istituzzjoni ta' kreditu li ddikjaraw li kienu joffru strumenti li jaqgħu taħt id-deroga tat-tranżazzjonijiet bi ħlas baxx. Dan ir-reġim ġuridiku eħfef jikkompeti direttament ma' reġimi oħrajn saħansitra eħfef ipprovduti mill-PSD (jiġifieri d-dispensa għal istituzzjonijiet tal-ħlas zgħar, attivitajiet ta' ħlas eżentati). Il-limitu, il-livell tar-rekwiżiti ta' informazzjoni u l-limitazzjoni tad-drittijiet u obbligi għal tranżazzjonijiet ta' valur baxx ġew ikkunsidrati adegwati[15].

3.1.5.     Mikrointrapriżi

L-Artikoli 30(2) u 51(3) jsostnu li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-Titoli III u IV jiġu applikati għall-mikrointrapriżi. Dawn tal-aħħar huma definiti fil-PSD b'referenza[16] għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[17].

Disa' Stati Membri użaw l-għażla fir-rigward tat-Titolu III[18] u tmienja fir-rigward tat-Titolu IV[19]. Skont l-istudju ekonomiku, id-dispożizzjonijiet fakultattivi jistgħu jkunu adattati għall-iżgħar mikrointrapriżi iżda mhux għal dawk bi skala sa total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 2 miljun u 10 impjegati[20].

3.2.        Titolu II — Fornituri ta' servizzi ta' ħlas

3.2.1.     Ir-reġim tal-ippassaportar

In-numru tal-istituzzjonijiet tal-ħlas "ippassaportati" fl-Istati Membri jvarja ħafna madwar iż-ŻEE. F'xi pajjiżi, għadd sinifikanti ta' istituzzjonijiet tal-ħlas applikaw għal passaporti; f'oħrajn, l-ebda istituzzjoni tal-ħlas ma ppruvat tikseb passaport sabiex topera barra minn pajjiżha[21].

Għall-partijiet interessati, "l-ippassaportar" huwa karatteristika importanti[22]. L-awtoritajiet kompetenti għandhom it-tendenza li japplikaw approċċi diverġenti. Madankollu, l-introduzzjoni tar-reġim tal-ippassaportar hi bidla sinifikanti u għalkemm l-effetti ta' din id-dispożizzjoni fis-suq għadhom ma ġewx esperjenzati, il-PSD stabbiliet qafas stabbli għal żvilupp pan-Ewropew ta' istituzzjonijiet tal-ħlas[23].

3.2.2.     Ir-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni

Xi Stati Membri talbu informazzjoni addizzjonali u aktar dettalji dwar il-formola tal-applikazzjoni[24] li l-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jippreżentaw sabiex joperaw.

Ta' min jinnota li f' 6 pajjiżi, in-numru ta' istituzzjonijiet ta' ħlas ġodda maħluqa wara l-2007 jammonta għal 50% jew aktar mill-istituzzjonijiet tal-ħlas kollha li jeżistu bħalissa[25].

3.2.3.     Rekwiżiti prudenzjali (kapital inizjali/fondi proprji/salvagwardja)

Il-PSD jistabbilixxi r-regoli għal rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet tal-ħlas inkluż il-kapital inizjali[26], il-fondi proprji[27] u r-rekwiżiti ta' salvagwardja[28].

3.2.3.1.  Rekwiżit tal-kapital inizjali

Il-kapital inizjali meħtieġ ivarja minn EUR 20 000 għal EUR 125 000 skont l-impenji meħuda mill-fornitur.

3.2.3.2.  Fondi proprji

12-il Stat Membru ddeċidew li japplikaw l-għażla pprovduta mill-Artikolu 7(3)[29] li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-metodi stabbiliti bl-Artikolu 8 fir-rigward tal-kalkolu tal-fondi proprji għal istituzzjonijiet ta' ħlas li huma inklużi fis-superviżjoni konsolidata tal-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali[30].

L-ammont tal-fondi proprji jista' jkun sa 20 % ogħla jew aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-metodu ta' kalkolu magħżul[31]. Żewġ Stati Membri biss ma għażlux din il-possibbiltà. Żewġ pajjiżi biss applikaw il-possibbiltà li jżidu l-ammont tar-rekwiżiti tal-fondi proprji, il-bqija tal-Istati Membri pprovdew għaż-żewġ possibbiltajiet[32]. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tar-regolaturi ma għamlux użu mill-opzjoni minkejja li żammew l-awtorità ġuridika li jagħmlu dan[33]. Il-partijiet interessati b'mod ġenerali (inklużi 16 il-awtorità nazzjonali) jidhru li jaqblu li r-rekwiżiti tal-fondi proprji huma għolja biżżejjed[34].

3.2.3.3.  Rekwiżiti ta' salvagwardja

Żewġ possibbiltajiet huma stabbiliti rigward is-salvagwardja tal-fondi: l-istituzzjonijiet tal-ħlas jistgħu jew jżommu dawn il-fondi f'kont separat jew ikollhom polza tal-assigurazzjoni. Tal-ewwel għandha t-tendenza li tintuża mill-maġġoranza tal-istituzzjonijiet tal-ħlas fiż-ŻEE, minħabba li kienet meqjusa aktar ċara, konvenjenti, kosteffiċjenti u f'konformità mal-liġijiet nazzjonali u d-dwana. Ir-rekwiżiti tas-salvagwardja stabbilixxew livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti[35].

3.2.4.     Istituzzjonijiet tal-ħlas b'dispensa

Persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tal-fornituri[36] u jgawdu minn regoli prudenzjali eħfef skont l-artikolu 26 u 27. Din l-għażla ġiet trasposta fi 15-il Stat Membru iżda sa issa, hija kienet użata biss f'9 minnhom. 2 203 hekk-imsejħa istituzzjonijiet tal-ħlas żgħar - jew istituzzjonijiet tal-ħlas b'dispensa/istituzzjonijiet tal-ħlas irreġistrati - ħadu vantaġġ minn dan ir-reġim eħfef sa issa. Kieku r-rinunzja ma kenitx offruta bħala għażla, xi fornituri kienu joperaw barra l-qafas regolatorju[37].

3.2.5.     Aċċess għal sistemi ta' ħlas

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 28 b'mod litterali[38]. Il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-sistemi ta' ħlas kollha joħloq sitwazzjoni żbilanċjata bejn l-istituzzjonijiet tal-ħlas u b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta' kreditu. Ir-risposti riċevuti mill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Green Paper "Lejn suq Ewropew integrat għal ħlasijiet bil-kards, minn fuq l-internet u bil-mowbajl"[39] juru li l-istituzzjonijiet tal-ħlas huma mħassba dwar l-impatt tad-dispożizzjoni tal-PSD fuq l-aċċess għal sistemi ta' ħlas. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom it-tendenza li jargumentaw li s-sistemi ta' ħlas għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe riskji li jista' jkollhom effett negattiv għas-sistemi b'mod ġenerali, li hija r-raġuni għaliex fil-fehma tagħhom, is-sistemi ta' ħlas għandhom jibqgħu taħt superviżjoni u limitati fl-aċċess.

3.3.        Titolu III — Rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni

3.3.1.     Kundizzjonijiet standardizzati u t-trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-kalkolu tal-kontribuzzjoni għall-utenti u l-fornituri

Kwistjonijiet speċifiċi għall-konsumaturi ġew identifikati[40] u huma relatati mal-ambitu, il-kwalità, il-kontenut tekniku eċċessiv, l-opaċità u d-disponibbiltà.

Regoli dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-informazzjoni japplikaw kemm għal servizzi ta' ħlas sempliċi ("tranżazzjoni ta' ħlas wieħed ta' darba", eż. rimessa ta' flus jew ħlas ta' kontijiet) u servizzi aktar kumplessi bbażati fuq kuntratti qafas (li taħthom huma eżegwiti t-"tranżazzjonjiet ta' ħlas individwali"). Kwistjoni ewlenija li tirrigwarda t-tranżazzjoni unika hija l-forniment ta' informazzjoni dwar ir-rati tal-kambju applikabbli għal tranżazzjonijiet bil-kards[41]. Il-PSD tesiġi li l-konsumatur ikun informat minn qabel dwar ir-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati jew, jekk ikunu se jintużaw ir-rati tal-kambju ta' referenza, id-data rilevanti biex tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju. Bħalissa, ħafna drabi dan mhux qed ikun il-każ. Oqsma oħra ta' tħassib huma t-tqassim ta' ħlasijiet u informazzjoni dwar id-data tal-valur tal-kreditu f'sitwazzjonijiet fejn jew il-kont ta' ħlas ma jkollu l-ebda rata ta' imgħax jew fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas.

Ir-regoli armonizzati fuq kuntratti qafas jinkludu l-indikazzjoni ta' informazzjoni prekuntrattwali estensiva, l-indikazzjoni ta' informazzjoni ta' qabel u wara li ssir it-tranżazzjoni, il-modalitajiet tat-twassil tal-informazzjoni (inklużi l-ħlasijiet diretti u l-komunikazzjoni minn distanza mbiegħda), id-disponibiltà kostanti tat-termini kuntrattwali, il-bidla tal-kuntratt qafas inkluż bidla tar-rata tal-imgħax u tal-kambju, u t-terminazzjoni.

Irriżulta li kien hemm biss ftit kwistjonijiet ewlenin ta' tħassib u li dawn kienu jikkonċernaw prinċipalment bidliet għall-kuntratt ta' qafas. L-għoti ta' informazzjoni dwar bidliet proposti u l-perjodu ta' xahrejn bejn in-notifika tal-bidliet u d-dħul tagħhom fis-seħħ ma jistgħux dejjem jiġu rrispettati kif xieraq. Każ partikulari ta' bidla fil-kuntratt ta' qafas hija l-bidla fir-rata tal-imgħax u t-tariffi.

Il-PSD tonqos milli tindirizza b'mod komprensiv in-nuqqas ta' kunsens tal-utent għal bidliet għall-kuntratt ta' qafas.

3.4.        Titolu IV– Drittijiet u obbligi

3.4.1.     Soprataxxi

Il-PSD tqis is-soprataxxi bħala għodda ta' gwida għall-Istati Membri. Erbatax minnhom ipprojbew is-soprataxxi b'mod ġenerali, pajjiż wieħed ipprojbihom għall-użu ta' karti ta' debitu iżda mhux karti ta' kreditu u 12 ma pprojbewhomx b'mod ġenerali u jippermettuhom fuq il-kards kollha u wieħed fuq il-karti tal-kreditu biss[42].

Fl-Istati Membri fejn huma permessi s-soprataxxi, kwistjoni waħda hija l-fatt li l-ispiża marbuta mal-użu tal-karta ta' spiss tiġi mgħarrfa lill-konsumatur fi stadju avvanzat. Il-kontroll tas-soprataxxa jidher li huwa marbut ukoll mal-kontroll ta' x'jiġri aktar 'il fuq fil-katina tal-provvista tas-servizzi ta' ħlas. Għandu wkoll jiġi mfakkar li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (211/83/KE) tillimita d-dritt li tiġi introdotta soprataxxa minn nofs l-2014.

3.4.2.     Ir-responsabbiltà (tranżazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata)

L-Artikolu 60 jistabbilixxi d-dritt ta' rifużjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet mhux awtorizzati. Il-prinċipju ta' rimborż immedjat fuq it-tranżazzjonijiet kollha mhux awtorizzati japplika mingħajr kundizzjonijiet għall-utenti kollha.

L-Artikolu 61(1) jistipula deroga, skont liema min ikun qed iħallas, u mhux il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas, iġorru t-telf fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' ħlas mhux awtorizzati. Din ir-responsabbiltà hija bbażata fuq l-użu ta' strumenti tal-ħlas mitlufa jew misruqa jew il-miżapproprjazzjoni tagħhom. Id-dispożizzjoni tal-PSD tistabbilixxi wkoll ammont sa massimu ta' EUR 150. L-implimentazzjoni turi approċċi differenti: fejn mhux l-aspetti kollha stipulati fid-dispożizzjoni tal-PSD huma ripetuti, f'xi Stati Membri ir-responsabbiltà tal-konsumaturi jew tal-utenti hija stabbilita taħt il-EUR 150, f'oħrajn dawn ikomplu jġorru t-telf kollu.

3.4.3.     Dritt ta' rifużjoni

Skont l-Artikolu 62 u wara, dawk li jħallsu jistgħu jitolbu rifużjonijiet ta' tranżazzjoni ta' ħlas awtorizzata matul perjodu ta' tmien ġimgħat taħt ċerti kondizzjonijiet u notevolment meta min iħallas ma jaqbilx mar-riċevitur fuq l-ammont impost. Kif imħabbar f'dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għar-Regolament tat-tmiem tas-SEPA, il-Kummissjoni evalwat jekk ir-regola armonizzata tar-rifużjonijiet irriżultatx bħala xierqa għal dan l-iskop. Ir-regoli huma maħsuba biex joffru protezzjoni wiesgħa għal min iħallas. Fl-istess ħin, ir-regoli attwali xi kultant jitqiesu li huma inqas favorevoli minn xi regoli nazzjonali preeżistenti. Dan wassal lil għadd ta' Stati Membri biex jestendu d-dritt tar-rifużjonijiet għad-debiti diretti kollha mingħajr ma jimponu l-ebda kundizzjoni. Billi l-Ktieb tar-Regoli Prinċipali tad-Debiti Diretti SEPA attwali jipprovdi wkoll għal jedd inkondizzjonat ta' rifużjoni għal debiti diretti, ċerti fornituri japplikaw ukoll dritt inkondizzjonat fuq bażi volontarja. Xi fornituri esprimew tħassib sostanzjali rigward l-applikazzjoni ta' drittijiet ta' rifużjoni. Filwaqt li perjodu ta' żmien ta' għaxart ijiem għar-rifużjoni kien ġeneralment meqjus bħala xieraq għal debiti diretti, tali perjodu ta' żmien huwa meqjus problematiku għal tranżazzjonijiet bil-kards peress li l-fornitur normalment mhuwiex f'qagħda li jiddeċiedi dwar il-mertu tat-talba għal rifużjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol[43].

3.4.4.     Ħin ta' eżekuzzjoni

Il-fornituri ma rraportaw l-ebda diffikultajiet kbar biex jirrispettaw iż-żmien tal-eżekuzzjoni jew biex jimplimentaw id-dati tal-valur għal tranżazzjonjiet ta' ħlas previsti mill-PSD[44]. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw il-PSD rigward ir-regola dwar il-limitu ta' żmien għall-ikkreditjar u d-derogi possibbli bi ftehim bejn min iħallas u l-fornituri tagħhom, kif ukoll dawk li jirrigwardaw tranżazzjonjiet ta' ħlas mibdija fuq karti. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha jidhru li adottaw dawn iż-żewġ derogi.

Għalkemm il-PSD tippermetti biss ħinijiet tal-cut-off għal tranżazzjonijiet 'il barra qrib tmiem il-ġurnata tax-xogħol, ħinijiet tal-cut-off applikati mill-istituzzjonijiet ta' kreditu kienu jvarjaw b'mod sostanzjali. Dan il-kunċett huwa interpretat b'modi differenti. Dan għalhekk jista' jkollu effett fir-rigward taż-żmien reali tal-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet.

3.4.5.     Nuqqas ta' eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża

Skont l-Artikolu 75, ir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur għandha tirrifondi mingħajr dewmien żejjed l-ammont li jirriżulta minn tranżazzjoni ta' ħlas li ma ġietx eżegwita jew difettuża.

Il-fornituri rrappurtaw tħassib dwar ir-responsabbiltà stretta tagħhom f'ċerti oqsma, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-kundizzjonijiet u l-forniment tal-informazzjoni. Il-PSD tipprovdi li rifużjoni hija r-rimedju fil-każijiet kollha ta' eżekuzzjoni difettuża, li huwa mifhum bħala kreditu lill-kont tal-fornitur tar-riċevitur. Interpretata litteralment ir-regola tal-PSD tista' tfisser li eżekuzzjoni difettuża tkun tkopri wkoll id-dewmien fl-eżekuzzjoni. F'dan ir-rigward, fattur ewlieni tal-effettività ta' dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà hija l-ħeffa li biha l-utenti jistgħu jiksbu rimedju. Il-PSD ma tipprovdi l-ebda skadenzi speċifiċi għat-tlestija tar-rimedju.

4.           IR-RIEŻAMI TAL-OPERAZZJONI TAL-PSD: KWISTJONIJIET EMERĠENTI

Il-PSD diġà tat lok għal progress sinifikanti fir-rigward tal-integrazzjoni totali tas-suq tal-ħlasijiet bl-imnut. Madankollu, dan is-suq huwa dinamiku ħafna u esperjenza innovazzjoni sinifikanti f'dawn l-aħħar ftit snin. Oqsma importanti ta' dan is-suq, speċjalment ħlasijiet bil-kard u mezzi ġodda ta' ħlasijiet, bħall-ħlasijiet bl-internet u mobbli, spiss għadhom frammentati skont il-fruntieri nazzjonali u b'hekk jagħmluha diffiċli għal servizzi ta' ħlas diġitali innovattivi u faċli biex jintużaw biex jiżviluppaw b'mod effiċjenti u biex jipprovdu lill-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut b'metodi ta' ħlas effettivi, sikuri u konvenjenti (bl-eċċezzjoni possibbli ta' karti ta' kreditu) fuq livell pan-Ewropew sabiex jixtru varjetà dejjem akbar ta' oġġetti u servizzi. L-aħħar żviluppi f'dawn is-swieq issottolinjaw ukoll ċerti lakuni regolatorji u fallimenti tas-suq fis-swieq għal ħlasijiet bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl. Biex jiġu ttrattati kif suppost dawn il-kwistjonijiet, huwa meħtieġ approċċ armonizzat fil-livell Ewropew.

5.           KONKLUŻJONIJIET

L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fil-PSD kkontribwiet kemm biex tiffaċilita l-forniment ta' servizzi ta' ħlas uniformi madwar l-UE kif ukoll, għal ħafna fornituri ta' servizzi ta' ħlas, għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-konformità ġuridika u tal-produzzjoni. Il-benefiċċji mistennija għadhom ma twettqux kompletament minħabba differenzi f'liġijiet u regolamenti oħra applikabbli (kontra l-ħasil tal-flus, il-protezzjoni tad-dejta, il-protezzjoni tal-konsumatur) madwar l-UE. Min-naħa tal-konsumatur, il-kwistjonijiet ewlenin jikkonċernaw l-approċċi differenti użati mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas u l-Istati Membri meta d-Direttiva tathom marġni ta' manuvrar u diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni[45].

II Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009

1.           Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 jelimina d-differenzi fl-imposti fuq il-ħlasijiet transfruntiera u nazzjonali bl-euro. Dan japplika għal ħlasijiet bl-euro fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-prinċipju bażiku tagħha huwa li l-imposti għal tranżazzjonijiet ta' ħlas offruti minn kwalunkwe fornitur ta' servizzi ta' ħlas fl-UE għandhom ikunu l-istess, għall-ħlas tal-istess valur, kemm jekk il-ħlas huwa nazzjonali kif ukoll jekk huwa transfruntier. Ir-Regolament japplika għal kull ħlas ipproċessat elettronikament, inklużi trasferimenti ta' kreditu, debiti diretti, ġbid ta' kontanti, ħlasijiet permezz ta' karti tad-debitu u tal-kreditu u rimessi ta' flus.

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 u l-prekursur tiegħu, ir-Regolament 2560/2001, ġab miegħu tnaqqis kbir ħafna ta' imposti mħallsa mill-konsumaturi (u utenti oħrajn tas-servizzi tal-ħlas) għal servizzi ta' ħlas regolati. Pereżempju, l-imposti għal trasferiment tal-kreditu ta' 100 EUR naqas minn medja tal-UE ta' EUR 23,60 fl-2001 għal EUR 2,46 fl-2005. Bl-istess mod, l-imposti fuq ġbid transfruntier mill-ATM f'euro waqgħu għal-livelli li jġarrbu d-detenturi tal-kard fil-pajjiż tagħhom stess. Għalhekk, ir-Regolament ġab iffrankar importanti għal miljuni ta' ċittadini tal-UE.

2.           Il-klawżola ta' reviżjoni

L-Artikolu 15 tar-Regolament jirrikjedi żewġ rapporti. L-ewwel rapport għandu jimmira biex jiddiskuti kemm hu adatt li jitneħħew l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldi għal għanijiet ta' statistika u huwa marbut mal-Artikolu 5 tar-Regolament.

It-tieni għandu jimmira li jivvaluta l-applikazzjoni ġenerali tar-Regolament u jeżamina f'iktar dettall tliet kwistjonijiet speċifiċi:

– l-użu tal-IBAN u l-BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet;

– l-adattezza tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 3(1), jiġifieri l-limitu massimu ta' EUR 50 000 safejn japplika r-Regolament;

– l-iżviluppi tas-suq fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8 jiġifieri fuq tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta' debiti diretti u fuq l-aċċessibilità għal debiti diretti.

Il-kwistjonijiet identifikati mill-koleġiżlaturi bħala li jeħtieġu r-rapporti ġew indirizzati sadanittant fil-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għar-Regolament, imressqa f'Diċembru 2010.

3.           L-emendi introdotti bir-Regolament (UE) 260/2012 (ir-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA)

Ir-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA, li daħal fis-seħħ fil-31 ta' Marzu 2012, jintroduċi bosta bidliet għat-test tar-Regolament tal-ħlasijiet transfruntieri. B'mod partikolari:

– L-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldi jitneħħew għal ħlasijiet ta' kwalunkwe valur mill-1 ta' Frar 2016;

– L-użu tal-IBAN u l-BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet huwa soġġett għar-regoli ġenerali tar-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA;

– Il-limitu massimu tal-applikazzjoni ta' EUR 50000, previst fl-Artikolu 3(1) jitneħħa;

– Is-sitwazzjoni legali ta' tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta' debiti diretti (l-Artikolu 6 u 7 tar-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri) hija indirizzata;

– L-aċċessibilità għal tranżazzjonijiet ta' debitu dirett (l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri) hija kkonfermata.

4.           Konklużjonijiet

L-adozzjoni tar-Regolament tal-migrazzjoni lejn is-SEPA kien akkumpanjat minn reviżjoni sħiħa tal-kwistjonijiet indikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri. Konsegwentement, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi revedut ir-Regolament dwar dawn il-punti. Għandu jkun enfasizzat li t-tneħħija tal-EUR 50 000 tirrappreżenta progress importanti u mixtieq għall-integrazzjoni Ewropea tas-suq tal-ħlasijiet bl-imnut.

Filwaqt li numru ta' mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament ġew imqajma fil-kuntest tal-istudju ekonomiku, ir-riżultati ta' dan l-eżerċizzju fil-biċċa l-kbira kkonfermaw li r-Regolament jidher li qed jaħdem tajjeb. Pereżempju, imposti għal trasferimenti ta' EUR 100 komplew ix-xejra ta' tnaqqis u laħqu l-medja ta' EUR 0,50 għaż-żona tal-euro għal trasferimenti mibdija onlajn u baqgħu baxxi, fil-livell baxx ta' EUR 3,10 għat-trasferimenti mibdija l-bank[46].

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-ebda tibdil fit-test tar-Regolament (KE) 924/2009 ma huwa meħtieġ jew rakkomandat f'dan iż-żmien.

III KONKLUŻJONIJIET FINALI

L-objettivi tal-PSD huma li "jkun stabbilit fuq livell Komunitarju qafas ġuridiku modern u koerenti għas-servizzi ta' ħlas, kemm jekk is-servizzi huma kompatibbli mas-sistema li tirriżulta mill-inizjattiva tas-settur finanzjarju għal żona unika tal-ħlas bl-euro, kif ukoll jekk le, li hu newtrali sabiex jiġi żgurat livell ta' kundizzjonijiet indaqs għas-sistemi kollha tal-ħlas, sabiex tinżamm l-għażla għall-konsumatur, li għandu jfisser pass konsiderevoli 'l quddiem rigward l-ispejjeż, is-sigurtà u l-effiċjenza għall-konsumatur, meta mqabbel mas-sistema preżenti"[47]. Il-PSD b'mod globali twettaq l-iskop tagħha u kwalunkwe bidliet futuri possibbli għandhom isegwu approċċ evoluzzjonarju u mhux wieħed rivoluzzjonarju.

L-analiżi tal-PSD u l-impatti tagħha jissuġġerixxu li għadd ta' bidliet jistgħu jkunu previsti għall-PSD sabiex isaħħu l-effett tagħha, jiċċaraw numru ta' aspetti tagħha[48], jipprovdu ambjent ekwu u jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi. F'dan ir-rigward, il-PSD tapplika biss għal ħlasijiet fejn iż-żewġ fornituri finali jkunu jinsabu fiż-ŻEE iżda mhux, pereżempju, għal tranżazzjonijiet minn jew lejn pajjiżi terzi (l-hekk imsejħa "tranżazzjonijiet b'fażi waħda"). Fil-waqt tal-adozzjoni tagħha, għadd ta' attivitajiet (relatati) mal-ħlasijiet kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tal-PSD. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn l-utenti tas-servizzi ta' ħlas ma jgawdux il-protezzjoni tal-PSD għal volum dejjem akbar ta' tranżazzjonijiet, ta lok għal inċertezzi dwar il-kamp ta' applikazzjoni reali tad-Direttiva u ħoloq kundizzjonijiet li mhumiex ekwi għal kulħadd. Il-flessibbiltà offruta mill-PSD f'li tippermetti lin-negozjanti sabiex jitolbu ħlas jew jagħtu rifużjoni sabiex jidderieġu lill-konsumatur lejn l-aktar mezzi ta' ħlas effiċjenti, ikkombinata mal-għażla għall-Istati Membri li jipprojbixxu jew jillimitaw kwalunkwe soprataxxa bħal din fit-territorju tagħhom, wassal għal eteroġeneità estrema fis-suq. Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u sabiex tiġi promossa ċ-ċertezza ġuridika, armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tar-rifużjonijiet fir-rigward tad-debiti diretti tista' tiġi kkunsidrata sabiex jiġu evitati d-disparitajiet kurrenti Ewropej f'dan ir-rigward. Tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni tar-"reġim simplifikat" għall-hekk imsejħa "istituzzjonijiet għal ħlasijiet żgħar" u ftit aġġustamenti għad-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll.

Hemm il-ħtieġa wkoll li jiġi akkomodat l-iżvilupp teknoloġiku tan-negozju. Tfaċċaw atturi ġodda fis-suq (l-hekk imsejħa "fornituri ta' servizzi ta' ħlas ta' partijiet terzi") li bażikament joffru soluzzjonijiet ta' ħlasijiet bi prezz baxx fuq l-internet bl-użu tal-applikazzjoni bankarja onlajn tad-dar tal-klijenti, bil-kunsens tagħhom, u jinfurmaw lin-negozjanti li l-flus jinsabu fi triqithom, u b'hekk jiffaċilitaw ix-xiri onlajn. Xi atturi joffru wkoll informazzjoni konsolidata dwar kontijiet differenti ta' utent tas-servizzi ta' ħlas ("servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet"). Filwaqt li dawn l-atturi ġodda jġibu vantaġġi li ma jistgħux jinċaħdu għall-utenti tal-ħlasijiet b'mod ġenerali - kemm in-negozjanti kif ukoll il-konsumaturi - u jġibu wkoll il-kompetizzjoni fis-suq, jeħtieġ li tiġi indirizzata serje ta' kwistjonijiet dwar is-sigurtà, l-aċċess għall-informazzjoni dwar kontijiet ta' ħlas jew il-privatezza tad-dejta fil-livell tal-UE, flimkien mal-liċenzjar u s-superviżjoni possibbli tagħhom bħala istituzzjonijiet tal-ħlas taħt il-PSD.

F'dak li jirrigwarda r-Regolament 924/2009, kif diġà spjegat aktar 'il fuq, dan ma jeħtieġx aktar reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni jew irfinar.

Anness 1 Emendi għar-Regolament (KE) 924/2009 introdotti bir-Regolament (UE) 260/2012

Ir-Regolament dwar il-ħlasijiet transfruntieri || Id-dispożizzjoni oriġinali || Ir-Regolament dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA || Id-dispożizzjoni emendata

Artikolu 3(1) || Imposti miżmuma għal ħlasijiet f'euro sa EUR 50 000 għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti tal-istess valur || Artikolu 17(2) || Imposti miżmuma għal ħlasijiet f'euro ta' kwanunkwe valur għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti tal-istess valur

Art. 5. || L-Istati Membri jneħħu l-obbligi tar-rappurtar statistiku abbażi tas-saldi fuq ħlasijiet li jammontaw sa EUR 50 000 || Artikolu 17(4) || L-Istati Membri jneħħu l-obbligi tar-rappurtar statistiku abbażi tas-saldi fuq ħlasijiet ta' kull valur sa mill-1 ta' Frar 2016.

Art. 6. || Tariffa multilaterali tal-interkambju ta' EUR 0,088 għandha tapplika għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012, sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim dwar tariffa ta' interkambju aktar baxxa || Art 6(3) u Art. 8 || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012. Mill-1 ta' Frar 2014, tariffa multilaterali tal-interkambju għal tranżazzjonijiet transfruntieri ta' debitu dirett tista' tapplika għal tranżazzjonijiet-R, skont kriterji definiti strettament (approċċ ibbażat fuq l-ispejjeż)

Art. 7. || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta' debitu dirett sal-1 ta' Novembru 2012, iżda biss jekk kienet teżisti f'dak l-Istat Membru qabel l-1 ta' Novembru 2009. || Art. 6(3), Art. 8 u Artikolu 17(5) || Tariffa multilaterali tal-interkambju għandha tapplika għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta' debitu dirett sal-1 ta' Frar 2017, iżda biss jekk kienet teżisti f'dak l-Istat Membru qabel l-1 ta' Novembru 2009. Mill-1 ta' Frar 2014 tkun tista' tapplika għal tranżazzjonijiet-R, skont kriterji definiti strettament (approċċ ibbażat fuq l-ispejjeż)

Art. 8. || Aċċessibilità għal tranżazzjonijiet ta' debitu dirett għandha tkun assigurata sal-1 ta' Novembru 2010 mill-PSPs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għandha tkun assigurata sal-1 ta' Novembru 2014 mill-PSPs fi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro. || Art. 3, Art. 16(2) u Art. 17(6) || Aċċessibilità għal tranżazzjonijiet (ta' trasferiment ta' kreditu u) ta' debitu dirett għandha tkun assigurata immedjatament mill-PSPs fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għandha tkun assigurata sal-31 ta' Ottubru 2016 mill-PSPs fi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro.

Artikolu 15(2) || L-użu tal-(IBAN u l-)BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet || L-Artikolu 5(4), 5(5) u l-Artikolu 17(3) + l-Anness || Il-PSUs huma obbligati li jużaw il-BIC, iżda biss fejn meħtieġ, sal-1 ta' Frar 2014 għal ħlasijiet nazzjonali u sal-1 ta' Frar 2016 għal tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transfruntieri. Mill-1 ta' Frar 2016 l-IBAN biss hija meħtieġa.

[1]               http://ec.europa.eu/internal_market/payments/docs/framework/transposition/psd_transposition_study_report_en.pdf

[2]               London Economics u IFF f'Assoċjazzjoni ma' PaySys Study.

[3]               Tipik — p4

[4]               Tipik– p5

[5]               L-Artikolu 86(1) tal-PSD

[6]               http://ec.europa.eu/internal_market/payments/framework/options_en.htm

[7]               iff, London Economics u PaySys – p169

[8]               iff, London Economics u PaySys – p171

[9]               iff, London Economics u PaySys – p136-9

[10]             iff, London Economics u PaySys – p141

[11]             iff, London Economics u PaySys – p148

[12]             Iff, London Economics u PaySys – p130-1

[13]             iff, London Economics u PaySys – p131

[14]             L-Artikolu 34(2) tal-PSD

[15]             iff, London Economics u PaySys – p152-3

[16]             L-Artikolu 4(26) tal-PSD

[17]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri= OJ:L:2003:124:0036:0041:en:PDF

[18]             Tipik– p31

[19]             Tipik– p42

[20]             iff, London Economics u PaySys – p165

[21]             iff, London Economics u PaySys – p175

[22]             iff, London Economics u PaySys – p180-183

[23]             Skont id-dejta eżistenti fi 13-il Stat Membru - iff, London Economics u PaySys - p177

[24]             Tipik– p10

[25]             iff, London Economics u PaySys – p192

[26]             L-Artikolu 6 tal-PSD

[27]             L-Artikolu 7 tal-PSD

[28]             L-Artikolu 9 tal-PSD

[29]             Tipik– p12

[30]             skont id-Direttiva 2006/48/KE

[31]             L-Artikolu 8(3) tal-PSD

[32]             Tipik– p13

[33]             iff, London Economics u PaySys – p198

[34]             iff, London Economics u PaySys – p200

[35]             iff, London Economics u PaySys – p197

[36]             Stipulat fl-Artikolu 13 tal-PSD

[37]             iff, London Economics u PaySys – p207

[38]             Tipik– p30

[39]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/ LexUriServ.do?uri=COM:2011:0941:FIN:EN:PDF – Ir-risposti: https://circabc.europa.eu/faces/jsp/extension/wai/navigation/container.jsp

[40]             iff, London Economics u PaySys –p 295

[41]             iff, London Economics u PaySys –p 246

[42]             Tipik– p 44

[43]             iff, London Economics u PaySys –p 267

[44]             iff, London Economics u PaySys –p 270

[45]             iff, London Economics u PaySys –p 288

[46]             Dejta ta' Settembru 2012.

[47]             Il-premessa 4 tal-PSD

[48]             iff, London Economics u PaySys –p 275

Top