EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0375

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovakkja għall-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tas-Slovakkja għall-2012-2016

/* COM/2013/0375 final - 2013/ () */

52013DC0375

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovakkja għall-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tas-Slovakkja għall-2012-2016 /* COM/2013/0375 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovakkja għall-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tas-Slovakkja għall-2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li flimkien jagħmlu "l-linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politika ekonomika u fil-politika tal-impjiegi tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-influwenzi, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fuq livell ta' Stat Membru, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovakkja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tas-Slovakkja għall-2011-2015.

(5)       Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2013. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[6], li fih ma identifikatx is-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu garantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fl-24 ta' April 2013, is-Slovakkja ssottomettiet il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2013 u fit-30 ta' April2013 il-programm ta' stabbiltà tal-2013 tagħha li jkopri l-perjodu 2012-2016. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta' stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li s-Slovakkja naqqset id-defiċit ġenerali tal-Gvern minn 7,7 % tal-PDG fl-2010 għal 4,3 % tal-PDG fl-2012 bis-saħħa ta' sforz ta' konsolidazzjoni u, abbazi ta' aspettattivi attwali, qiegħda fit-triq it-tajba biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Ix-xenarju makroekonomiku li jappoġġa l-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa ġustifikabbli. Mqabbel mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet jassumu rati ta' tkabbir simili għall-PDG b'konfigurazzjoni ftit differenti. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja mfassla fil-programm hija li tinkiseb pożizzjoni fiskali li tiżgura s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-finanazi pubbliċi. Biex jilħaq dan, il-gvern jikkonferma l-objettiv li jnaqqas id-defiċit nominali taħt it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG fl-2013, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. L-isforz fiskali medju annwali fl-2010-2013 jammonta għal 1,4 % tal-PDG, ħafna aktar mill-isforz ta' 1 % tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill. Parti kbira mill-iffrankar tan-nefqa fl-2013 hija mistennija mill-gvernijiet lokali u mill-unitajiet ġenerali tal-gvern, li dwarhom il-gvern ċentrali ma għandux influwenza diretta. L-ilħuq tal-mira għalhekk jista' jkun fir-riskju, anki minħabba infiq akbar milli ppjanat tal-imgħoddi. Il-Programm jikkonferma l-OTM preċedenti ta' -0,5 % li jrid jintleħaq sal-2018. L-OTM huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għas-snin ta' wara d-data mistennija fejn trid issir il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, it-titjib previst fil-bilanċ tal-baġit strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) huwa sewwa għall-2014 u għall-2015 (0,6pps u 0,7 pps tal-PDG rispettivament) iżda ma jkunx suffiċenti għall-2016 (0,3 pps tal-PDG). Is-Slovakkja hija mistennija tikkonforma mal-valur referenzjarju tan-nefqa. Skont il-programm, id-dejn tal-gvern hu previst li jibqa' taħt is-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tat-Trattat sal-2016. Il-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni qed jipprevedi żieda fil-proporzjon tad-dejn ta' 54,6 % tal-PDG fl-2013 u 56,7 % tal-PDG fl-2014.

            Sabiex jiġi assigurat tnaqqis mdaqqas fid-defiċit nominali sa mill-2011, l-awtoritajiet strieħu ukoll fuq tnaqqis f'investiment iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Gvern, li jista' ma jkunx sostenibbli jew mixtieq f'perspettiva fuq terminu medju jew twil, bħall-miżuri ta' darba. Għall-ġejjieni, il-proċess ta' konsolidazzjoni u konverġenza jrid jissalvagwardja n-nefqa tal-kategoriji li jtejbu t-tkabbir bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-infrastruttura tat-trasport.

(9)       Is-Slovakkja għandha lok fejn tgħolli r-riżorsi addizzjonali billi twessa' l-bażi tat-taxxa, tillimita l-ambitu fin-nuqqas ta' konformità u tal-evażjoni tat-taxxa, u billi tirrikorri aktar lejn taxxi li huma anqas detrimentali għat-tkabbir bħat-taxxa fuq il-proprjetà u t-taxxa ambjentali. Pjan ta' azzjoni sabiex jiġu miġġielda l-frodi fiskali, b'fokus partikolari fuq il-VAT kien adottat fl-2012. Sabiex l-istrateġija tkun suċċess, miżuri oħrajn huma meħtieġa, b'mod partikolari sabiex tiġi mtejba l-infrastruttura tal-IT, jitwessgħu l-kompetenzi u l-kapaċità ta' awditjar tal-awtoritajiet u jkun hemm segwitu ġudizzjarju.

(10)     Fl-2012 is-Slovakkja adottat ir-riforma tal-pensjonijiet sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tagħha . Madankollu, id-differenza fis-sostenibbiltà fit-tul ta' 4,9 % tal-PDG tibqa' ogħla sew mill-medja ta' 3 % tal-UE. Dan jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjieħ, bin-nefqa tal-pensjonijiet li tikkontribwixxi għal 1,5 pps tal-PDG u n-nefqa għall-kura tas-saħħa għal 2 pps tal-PDG. Ġaladarba l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa tas-Slovakkja huma previsti li jiżdiedu b'mod sinifikanti fuq terminu twil, il-progress li sar sabiex is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet titjieb se jkollu bżonn jiġi abbinat ma' riforma fil-kura tas-saħħa sabiex il-finanzi pubbliċi jkunu fis-sod. L-introduzzjoni ta' strutturi ta' inċentiv u mekkaniżmi ta' kontroll effettivi tgħin biex il-kosteffettività u s-sistema għall-kura tas-saħħa jitjiebu.

(11)     Il-qgħad jibqa' waħda mill-isfidi prinċipali għall-ekonomija tas-Slovakkja. F'dawn l-aħħar xhur is-Slovakkja ħadet passi sabiex tirriforma l-politika attiva fis-suq tax-xogħol. Madankollu, is-suċċess tar-riforma se jkun jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq il-kapaċità tas-servizz pubbliku tal-impjiegi li jimplimentawha b'mod effettiv. Huma meħtieġa miżuri addizzjonali aktar immirati għal dawk il-persuni l-aktar żvantaġġati li qed ifittxu impjieg. L-għoti tal-assistenza soċjali għandu jkun abbinat aħjar mal-attivazzjoni, u hemm bżonn li d-diżinċentivi fis-sistema tal-benefiċċji fiskali jitneħħew għal dawk li jkollhom impjieg b'paga baxxa. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' nisa u ta' persuni ikbar fl-età tgħin sabiex tiżdied ir-rata tal-impjieg u tintleħaq il-mira tal-impjiegi tal-2020 ta' 72 %. Madankollu, in-nuqqas ta' faċilitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal, b'mod partikolari għal tfal taħt it-tliet snin, jagħmilha aktar diffiċli għall-ommijiet sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

(12)     Is-Slovakkja għandha waħda mill-ogħla rati ta' qgħad fl-UE. Minkejja l-passi ta' riforma li ttieħdu fl-2012 sabiex titjieb ir-rilevanza tal-edukazzjoni fil-kwalità u fis-suq tax-xogħol, it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol tibqa' diffiċli u s-sistema edukattiva ma tirrispondix fil-pront għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-iffinanzjar per capita fl-edukazzjoni jiffavorixxi l-kwantità fuq il-kwalità, u dik il-parti tal-fondi allokata għall-attivitajiet ta' tagħlim (l-għalliema, il-materjal u t-tagħmir) hija baxxa. It-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni għolja u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi jgħinu wkoll fl-iżvilupp ta' trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona sew, aktar effettività, u biex jiġi attirat l-investiment  fil-qasam tar-R&Ż, u biex titjieb il-kapaċità tal-innovazzjoni fl-ekonomija Slovakka.

(13)     Il-potenzjal tal-ħaddiema mhux utilizzat biżżejjed jirrigwarda wkoll il-komunitajiet marġinalizzati li jiffaċċaw ostakli sinifikanti meta jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol u fis-sistema edukattiva. Madankollu, ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva fl-2012 u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunitajiet marġinalizzati, inklużi r-Rom, jibqgħu diffiċli. Huwa importanti li l-isforzi biex jitjiebu r-riżultati edukattivi tal-gruppi marġinalizzati jitħaffu, kif ukoll li jiġu żgurati miżuri mmirati ta' attivazzjoni għall-adulti.

(14)     Minkejja l-progress notevoli, is-Slovakkja tikklassifika ruħha bħala l-ħames Stat Membru l-aktar intensiv fl-enerġija, parzjalment minħabba li l-industrija hija l-ikbar parti tal-ekonomija tagħha (25,9 % tal-PDG). Fl-istess waqt, il-prezzijiet tal-elettriku huma relattivament għoljin, b'mod partikolari għall-klijenti industrijali żgħar u ta' daqs medju. Is-Slovakkja għamlet sforzi fis-snin riċenti biex tilliberalizza parzjalment is-suq tal-enerġija, iżda għad hemm fejn isir titjib fil-mod kif is-suq jiffunzjona; b'mod partikolari permezz ta' aktar trasparenza — fosthom l-iffissar tat-tariffi għan-netwerks— u billi jsir titjib fil-bażi ekonomika u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet regolatorji. Hemm ukoll fejn isir titjib fis-sigurtà tal-provvista u biex jiġu ffissati miri aktar ambizzjużi fl-effiċjenza enerġetika.

(15)     Fl-2012, is-Slovakkja nediet riforma maġġuri fl-amministrazzjoni pubblika sabiex ittejjeb l-orjentazzjoni lejn il-klijent tas-servizzi pubbliċi, għaċ-ċittadini u għan-negozji. Madankollu, f'dan l-istadju, ir-riforma ma tapplikax għall-amministrazzjoni ċentrali u l-kwalita ġenerali u l-effikaċja tagħha. Billi ma kienx hemm progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, il-proċedimenti ġudizzjarji għadhom jieħdu fit-tul, b'mod partikolari f'każijiet ta' insolvenza, u l-metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim mhux użati biżżejjed. Is-Slovakkja reċentement irriformat ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku kif ukoll tejbet l-awtonomija tal-Uffiċċju tal-Akkwist Pubbliku, l-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE turi li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku tibqa' sfida.

(16)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(17)     Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovakkja, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) u (2) hawn taħt.

(18)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Is-Slovakkja trid ukoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex:

1.           Timplimenta kif ippjanat il-baġit għas-sena 2013, sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli u tilħaq l-isforz fiskali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-EDP. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, twettaq sforz għall-aġġustament strutturali li jippermetti lis-Slovakkja tilħaq l-objettiv ta' terminu medju sal-2017. Tevita qtugħ fin-nefqa li ttejjeb it-tkabbir u żżid l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza tan-nefqa pubblika. Tibni fuq ir-riforma tal-pensjonijiet li ġiet diġà adottata biex tkompli ttejjeb is-sostenibbiltà fit-tultal-finanzi pubbliċi billi tnaqqas id-differenza ta' finanzjament fis-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi u żżid l-kosteffettività fil-qasam tas-saħħa.

2.           Tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni sabiex tiġġieled il-frodi fiskali u tkompli bl-isforzi biex ittejjeb il-ġbir tal-VAT, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċità analitika u ta' awditjar tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Ittejjeb il-konformità fiskali. Tgħaqqad it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli mal-valur tas-suq tal-proprjetà.

3.           Tieħu miżuri biex ittejjeb il-kapaċità tas-servizz pubbliku tal-impjieg, biex tipprovdi servizzi personalizzati lil dawk li jkunu u qed ifittxu impjieg kif ukoll issaħħaħ ir-rabta bejn il-miżuri ta' attivazzjoni u l-assistenza soċjali. Tindirizza b'mod effettiv il-qgħad fuq terminu twil permezz ta' miżuri ta' attivazzjoni u taħriġ speċifiku. Ittejjeb il-provvediment ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, b'mod partikolari għal dawk li għandhom anqas minn tliet snin. Tnaqqas il-porzjon tat-taxxa għall-ħaddiema b'paga baxxa u tadotta sistema ta' benefiċċji.

4.           Iżżid l-isforzi biex tindirizza l-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Tieħu passi sabiex tattira żgħażagħ fil-professjoni tat-tagħlim u tgħolli r-riżultati tal-edukazzjoni. Fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, issaħħaħ id-disponibbiltà tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-kumpaniji. Fl-edukazzjoni għolja, toħloq aktar programmi ta' baċellerat li jkunu orjentati lejn ix-xogħol. Tħeġġeġ it-trasferiment effettiv tal-għarfien billi tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u s-settur kummerċjali. Iżżid l-isforzi biex jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni preprimarja ta' kwalita għolja u inklussiva kif ukoll għall-edukazzjoni skolastika tal-komunitajiet marġinalizzati, inklużi r-Rom.

5.           Iżżid l-isforzi biex is-suq tal-enerġija jiffunzjona aħjar; b'mod partikolari, iżżid it-trasparenza tal-mekkaniżmu għall-iffissar tat-tariffi, iżżid ir-responsabbiltà tar-regolatur . Issaħħaħ l-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi tal-viċinat. Ittejjeb l-effiċjenza enerġetika b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni u fl-industrija.

6.           Temenda l-Att tas-Servizz Ċivili biex issaħħaħ l-awtonomija tas-servizz pubbliku. Ittejjeb l-immaniġjar tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika. Iżżid l-isforzi biex issaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi fil-ministeri ewlenin, bl-għan ukoll li ttejjeb l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Timplimenta miżuri biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. Tippromwovi proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u tinkoraġġixxi aktar l-użu tagħhom.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       F'isem il-Kunsill

                                                                       il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2013) 375 finali.

[3]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013.

[5]               COM(2012) 750 finali.

[6]               COM(2012) 751 finali.

[7]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top