Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0317

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL b’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE

    /* COM/2013/0317 final */

    52013DC0317

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL b’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE /* COM/2013/0317 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    b’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE

    1.           Sfond

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva dwar il-VAT), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga minn din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura biex tiġi imposta t-taxxa jew sabiex jiġu evitati ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi derogi mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, b’konformità mad-deċiżjonijiet konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali derogi għandhom ikunu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u proporzjonati.

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-3 ta’ April 2013, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex ikompli miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT. B'konformità mal-Artikolu 395(2) ta' dik id-Direttiva, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit, permezz ta' ittra datata l-14 ta' Mejju 2013. B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

    Ir-Renju Unit qed jitlob li jkun awtorizzat biex ikompli japplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta' mowbaljs u mezzi b'ċirkwit integrat li għalihom kien kiseb deroga minn qabel f'April 2007[1]. Din il-miżura kienet limitata fiż-żmien, u kienet tiskadi fit-30 ta' April 2009. Din id-data ta’ skadenza sussegwentement ġiet estiża sat-30 ta’ April 2011[2].

    Wara din l-estensjoni, il-Ġermanja, l-Italja u l-Awstrija talbu deroga simili li tikkonċerna l-mowbajls u l-mezzi b’ċirkwit integrat minħabba li dawn l-Istati Membri kienu kkonfrontati wkoll bi frodi f’dawn is-setturi. Dan irriżulta f’Deċiżjoni li tawtorizza dawn it-tliet Stati Membri li japplikaw id-deroga mitluba. Fl-istess ħin, il-miżura ta' deroga għar-Renju Unit ġiet estiża għal darb’oħra, bl-effett li l-awtorizzazzjonijiet għal kull Stat Membru kkonċernat jiskadi fl-istess jum, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2013[3].

    Finalment, il-Pajjiżi l-Baxxi talab f’Ottubru 2012 deroga simili għal, fost ħwejjeġ oħra, mowbajls u mezzi b’ċirkwit integrat iżda aċċetta li d-deroga għandha wkoll tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013, sabiex tippermetti politika alternattiva u iktar armonizzata dwar il-frodi tal-VAT fil-futur[4].

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-deroga mogħtija lir-Renju Unit ma kinitx intiża bħala miżura għal terminu ta’ żmien twil li tiġi estiża b'mod indefinit. Għandu jkun tabilħaqq imfakkar li, matul in-negozjati riċenti tal-Kunsill dwar tipi ta’ derogi simili, għadd ta' Stati Membri esprimew it-tħassib tagħhom, fejn saħqu li kwalunkwe deroga mis-sistema ta' pagament frazzjonat ma tistax tkun ħlief l-aħħar għażla meta ma hemmx alternattiva oħra u miżura ta' emerġenza f'każijiet ta' frodi bil-provi, u trid toffri garanziji skont in-neċessità u n-natura eċċezzjonali tad-deroga mogħtija, id-durata tal-miżura u n-natura speċifika tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, dawn l-Istati Membri nnutaw li l-mekkaniżmu tar-reverse charge jinvolvi dejjem li r-riskju ta' frodi jinfirex għal Stati Membri oħra, u fakkru li l-proċedura tar-reverse charge ma għandhiex tintuża sistematikament biex tikkumpensa għal sorveljanza inadegwata mill-awtoritajiet tat-taxxa ta' Stat Membru.

    2.           Ir-Reverse charge

    Il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT hija l-persuna taxxabbli li tforni l-merkanzija jew is-servizzi. L-għan tal-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa li jċaqlaq dik l-obbligazzjoni għal fuq il-persuna taxxabbli li tkun ġiet fornuta bil-merkanzija.

    Il-frodi tal-kummerċjant nieqes iseħħ meta n-negozjanti jevadu l-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa wara li jbigħu l-prodotti tagħhom. Il-klijenti tagħhom, madanakollu, huma intitolati għal tnaqqis tat-taxxa peress li jkollhom fattura valida. Fil-każijiet l-aktar aggressivi ta' tali evażjoni tat-taxxa l-istess merkanzija jew servizzi huma, permezz ta’ skema “karusell" (li tinvolvi li l-merkanzija jew is-servizzi jiġu nnegozjati bejn l-Istati Membri) fornuti diversi drabi mingħajr ma titħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Bin-nomina tal-persuna li tkun ipprovduta bil-merkanzija jew bis-servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’tali każijiet, instab li l-mekkaniżmu tar-reverse charge jelimina l-opportunità biex wieħed iwettaq dik il-forma ta’ evażjoni fiskali.

    3.           Ir-rikjesta

    Ir-Renju Unit jitlob, skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq il-mowbaljs u l-mezzi b'ċirkwit integrat bħall-mikroproċessuri u unitajiet ċentrali tal-ipproċessar fl-istat qabel ma jiġu integrati fi prodotti għal utenti finali.

    4.           L-Opinjoni tal-Kummissjoni

    Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, dawn jiġu eżaminati biex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex dawn it-talbiet jintlaqgħu jkunu sodisfatti, jiġifieri, jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għas-soġġetti taxxabbli u/jew l-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta tipprevjenix ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem adottat approċċ limitat u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jxekklux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, likollhom ambitu limitat, ikunu meħtieġa u proporzjonati.

    Kif imsemmi hawn fuq, il-miżura derogatorja qatt ma kienet intiża bħala soluzzjoni fit-tul u kienet maħsuba biex tippermetti lir-Renju Unit biex jistabbilixxi miżuri konvenzjonali oħra kontra l-frodi f’dan is-settur. Il-Kummissjoni tifhem li r-Renju Unit daħħal fis-seħħ ċerti miżuri, bħal tekniki tal-invetsigazzjoni msaħħa, verifiki u kontrolli ta’ pre-reġistrazzjoni estiżi, li jistgħu jiġu applikati meta d-deroga tintemm.

    Barra minn hekk, id-diversi talbiet għal deroga wara l-għoti tad-deroga lir-Renju Unit qed jindikaw wkoll b’mod ċar li l-frodi f’dawn is-setturi mexa bejn Stati Membri differenti (ir-Renju Unit, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi). Għalhekk, issa ġie stabbilit b’mod ċar li l-ewwel miżura ta’ deroga kellha impatt negattiv fuq il-frodi fi Stati Membri oħra u għalhekk laqtet ħażin lis-Suq Intern kollu kemm hu. Barra minn hekk, meta Stat Membru ġdid jintlaqat minn dan it-tip ta’ frodi u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida[5], dan ikollu jistenna bosta xhur, skont il-proċedura ta’ deroga attwali, biex jingħata deroga simili, li tkompli taċċentwa l-impatt negattiv li jolqotha. Dawn l-effetti sekondarji huma ferm aktar importanti milli oriġinarjament stmati.

    Fl-istess ħin, il-fatt li dawn id-derogi kollha jispiċċaw fl-istess data għandu jipprovdi soluzzjoni għall-UE kollha li fuqha għad irid isir ftehim.

    5.           Konklużjoni

    Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba tar-Renju Unit.

    [1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE tas-16 ta' Mejju 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 42)

    [2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/439/KE tal-5 ta' Mejju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 148, 11.6.2009, p. 14)

    [3]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/710/UE tat-22 ta’ Novembru 2010 li tawtorizza lill-Ġermanja, lill-Italja u lill-Awstrija jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE u li temenda d-Deċiżjoni 2007/250/KE biex jiġi estiż il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni mogħti lir-Renju Unit (ĠU L 309, 25.11.2010, p. 5)

    [4]               Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/116/UE tal-5 ta’ Marzu 2013 li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 64, 7.3.2013, p. 4).

    [5]               Bħalma hu propost permezz ta' COM(2012)428 tal-31.7.2012

    Top