Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0279

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

    /* COM/2013/0279 final */

    52013DC0279

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv /* COM/2013/0279 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku

    Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    1.           Introduzzjoni

    Is-settur tal-baħar u dak marittimu li jiffurmaw l-"ekonomija l-blu" għandhom il-potenzjal jipprovdu 7 miljun impjieg fl-Ewropa sal-2020. Dawn l-impjiegi mhux se jinħolqu biss f'setturi emerġenti, bħal dak tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, iżda wkoll billi l-industriji marittimi tradizzjonali jerġgħu jingħataw il-ħajja. Iż-żona tal-Atlantiu tista’ tagħti kontribut sinifikanti għal dan it-"tkabbir blu". Fl-istess ħin, l-istabbiltà ambjentali u ekoloġika tal-ikbar ekosistema tal-Ewropa u l-iktar waħda importanti jeħtieġ li titħares għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    Għaldaqstant, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi l-prijoritajiet għar-riċerka u l-investiment biex imexxi l-"ekonomija l-blu" 'il quddiem fiż-żona tal-Atlantiku. Il-ħames Stati Membri tal-Atlantiku[1] u r-reġjuni tagħhom jistgħu jibbażaw fuq il-Pjan ta’ Azzjoni biex jgħinu biex jinħoloq tkabbir sostenibbli u inklużiv fiż-żoni kostali. Il-Pjan ta’ Azzjoni jibni fuq l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Atlantiku[2], u huwa r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet li saru permezz tal-Forum tal-Atlantiku. Il-Forum ippermetta lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lis-soċjetà ċivili u lill-industrija jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni u jikkunsidraw tweġiba għall-isfidi li jiġi pprovdut it-tkabbir, li titnaqqas l-impronta tal-karbonju taż-żona tal-Atlantiku, li jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-baħar, li jiġu stabbiliti reazzjonijiet effettivi għat-theddid u għall-emerġenzi u li jiġi implimentat approċċ ta' ġestjoni imsejjes fuq l-ekosistemi fl-ilmijiet tal-Atlantiku. Il-Forum ibbaża wkoll fuq dak li qalu l-partijiet interessati permezz ta’ serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, permezz ta’ sejħa onlajn għas-suġġerimenti u permezz ta’ kontribuzzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali.

    Iż-żmien tal-Pjan ta’ Azzjoni jaqbel sew mal-iżvilupp tal-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF)[3]. L-għanijiet tematiċi tal-QSK għandhom rilevanza wiesgħa għall-Istrateġija għall-Atlantiku, partikolarment:

    – għall-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

    – għaż-żieda fil-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tqarrib tal-industrija lejn ir-riċerka; u

    – għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Impriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs), bħalma huma dawk li huma prevalenti fl-industrija tat-turiżmu, tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa maħsub li jkollu effett b’saħħtu ta’ sinjalar għar-reġjuni u għas-settur privat. Huma għandhom jibdew jikkunsidraw f’liema oqsma jistgħu jaħdmu flimkien, inkluż fuq bażi transkonfinali, biex jimplimentaw il-prijoritajiet miftehma. Il-proċess biex jiġi żviluppat il-Pjan ta’ Azzjoni, li twettaq bi sħubija mal-ħames Stati Membri tal-Atlantiku, ħeġġeġ lill-partijiet interessati, inkluż lir-reġjuni, lill-bliet tal-port u lis-settur privat, jikkunsidraw kif huma jistgħu jieħdu azzjoni biex ikabbru l-ekonomija l-blu u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli fiż-żona tal-Atlantiku. Dan għandu jgħin biex jiġu attirati l-investiment u l-attività tas-settur privat fl-ekonomija l-blu u, b’hekk, biex ir-reġjuni kostali fiż-żona tal-Atlantiku jerġgħu jingħataw il-ħajja.

    L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni jeħtieġ li tiġi sostnuta permezz ta' kombinament tal-isforzi fi tliet oqsma biex l-ekonomija l-blu titħalla tilħaq il-potenzjal tagħha fiż-żona tal-Atlantiku — jiġifieri fl-investiment immirat, fiż-żieda fil-kapaċità tar-riċerka u f’ħiliet ogħla:

    – l-investiment: jeħtieġ li l-investiment jiġi mmirat lejn l-innovazzjoni, il-kapaċitajiet teknoloġiċi u l-istrateġiji intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni u l-SMEs se jkunu partikolarment importanti f’dan il-kuntest. L-użu effettiv tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (l-ESIF) f’dawn l-oqsma għandu rwol ewlieni biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali ta' tkabbir, kompetittività u impjiegi. Jista' jkun meħtieġ ukoll l-investiment fl-infrastruttura. Pereżempju, it-teknoloġija tal-bastimenti u l-infrastruttura tal-baħar bħall-portijiet u l-marini għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-appoġġ għall-ekonomija l-blu. Il-Forum tal-Atlantiku identifika l-potenzjal tagħhom biex joffru servizzi ġodda, pereżempju, lis-suq tat-turiżmu tal-kruċieri, li qiegħed jikber, u biex joffru stazzjonijiet tal-assemblaġġ u tal-manutenzjoni għal installazzjonijiet ġodda lil hinn mill-kosta. L-UE diġà tat appoġġ finanzjarju konsiderevoli lil dan il-proċess, inkluż self kumplimentari mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Fil-futur l-ESIF se jippermetti koerenza akbar bejn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE, għalkemm il-finanzi għall-infrastruttura jew għall-investiment fit-turiżmu xorta waħda se jkollhom jiġu l-aktar mis-settur privat;

    – ir-riċerka: il-governanza tal-oċeani, l-isfruttament u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, is-sikurezza fuq il-baħar, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar (inkluż l-għoti tad-denominazzjoni ta' Żoni tal-Baħar Protetti għal ċerti żoni kostali u ċerti żoni tal-ibħra internazzjonali) ma jeħtiġux biss dejta u fehim dwar kif jaħdmu u jinteraġixxu l-ekosistemi, imma wkoll il-kapaċità li jinħolqu mudell u li jsir tbassir u tħabbir. Dan l-approċċ iħaffef il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju. Huwa jinkuraġġixxi l-investiment u jnaqqas l-ispejjeż operattivi. Għaldaqstant, l-osservazzjoni u l-immappjar tal-oċeani u t-tbassir dwarhom huma importanti ħafna għat-tkabbir sostenibbli tal-attività ekonomika fiż-żona tal-Atlantiku u għat-tkabbir tal-fehim tagħna tal-proċessi oċeaniċi fl-Atlantiku li jaqdu rwol importanti fid-determinazzjoni tal-klima tagħna. Huwa importanti ħafna li dan it-tagħrif ikun disponibbli b’mod wiesa’. Hemm dejjem iktar evidenza li aċċess aħjar għall-informazzjoni tas-settur pubbliku jista’ jipprovdi spinta sinifikanti favur l-innovazzjoni;

    – ħiliet ogħla: in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol li għandha l-ħiliet meħtieġa għal ċerti setturi tal-industrija tal-baħar u dik marittima għandu jiġi indirizzat biex l-ekonomija l-blu tilħaq il-potenzjal tagħha, kemm billi jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u kemm billi ż-żgħażagħ jiġu attirati lejn is-settur. Dan huwa partikolarment il-każ għal oqsma emerġenti bħalma huwa dak tal-enerġija rinnovabbli, iżda jgħodd ukoll għal setturi aktar tradizzjonali bħalma huma l-bini tal-bastimenti, is-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar tal-frott tal-baħar, fejn l-innovazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-adattament għal teknoloġiji ġodda huma meħtieġa biex wieħed jikkompeti fis-suq globali.

    2.           Pjan ta’ azzjoni

    Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri u r-rispons mill-Forum tal-Atlantiku rriżultaw fil-Pjan ta’ Azzjoni li ġej, li għandu jiġi implimentat sal-2020. Dawn l-oqsma ta’ azzjoni huma ddisinjati biex jilqgħu l-isfidi tal-istrateġija għall-Atlantiku u biex jipprovdu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv mil-lat soċjali u biex joħolqu l-impjiegi. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni mhux maħsub biex ikun eżawrjenti. Il-Pjan jinkludi sett indikattiv ta’ oqsma ta’ azzjoni għar-riċerka u l-investiment biex jiġu indirizzati sfidi komuni. Diġà qed isir ħafna mill-Istati Membri kkonċernati, kemm individwalment kif ukoll kollettivament, biex jiżviluppaw l-ekonomiji tal-baħar u marittimi tagħhom. Għaldaqstant, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jidentifika l-oqsma fejn hemm lok għal aktar xogħol kollettiv. Jekk jiġu indirizzati dawn il-prijoritajiet tista' tiġi promossa l-innovazzjoni, ikun hemm kontribut għall-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent tal-baħar u kostali tal-Atlantiku, titjib fil-konnettività u l-ħolqien ta' sinerġiji għal mudell ta' żvilupp reġjonali inklużiv mil-lat soċjali u sostenibbli.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa stedina lis-settur privat, lir-riċerkaturi, lill-korpi pubbliċi reġjonali u nazzjonali u lil atturi oħra biex jibdew ifasslu proġetti li jirrispondu għall-prijoritajiet.

    Il-Prijorità 1: Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u tal-innovazzjoni

    L-għanijiet speċifiċi ta’ din is-sejħa jinkludu:

    – l-iskambju tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-kumpaniji u ċ-ċentri ta’ riċerka:

    iż-żieda fil-kapaċità taż-żona tal-Atlantiku li toħloq l-innovazzjoni permezz tar-riċerka u t-teknoloġija billi jiġu mħeġġa:

    (a) in-netwerking u r-riċerka kooperattiva bejn iċ-ċentri ta' riċerka, l-edukazzjoni għolja u n-negozju fl-Istati Membri;

    (b) it-trasferiment tal-għarfien u tal-ideat, kif ukoll tal-ħiliet bejn l-edukazzjoni għolja, in-negozju u r-riċerka, inkluż permezz ta’ raggruppamenti marittimi reġjonali, nazzjonali u transkonfinali u pjattaformi teknoloġiċi;

    – it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-ekonomija marittima taż-żona tal-Atlantiku:

    it-titjib tal-ħiliet fl-industriji tradizzjonali tal-Atlantiku, bħall-bini tal-vapuri, l-akkwakultura u s-sajd, kif ukoll fis-setturi emerġenti tal-ekonomija l-blu permezz ta':

    (a) l-implimentazzjoni ta' miżuri edukattivi u tat-taħriġ, inkluż ta’ programmi transkonfinali u r-rikonoxximent reċiproku tal-programmi nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

    (b) it-tqajjim ta' kuxjenza dwar karrieri relatati mal-baħar, biex b’hekk jinħoloq entużjażmu għall-kultura u l-karrieri marittimi fost iż-żgħażagħ u jiġu indirizzati ostakli oħrajn li jiskuraġġixxu liż-żgħażagħ milli jidħlu għal karriera marittima[4]; pereżempju permezz ta’ taħriġ dwar l-ibburdjar, korsijiet tat-teknoloġija avvanzata u inizjattivi konġunti oħrajn fl-Atlantiku;

    – l-inkuraġġiment tal-adattament u tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi billi jiġi promoss il-potenzjal taż-żona tal-Atlantiku:

    l-appoġġ għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-għoti ta’ ħajja mill-ġdid lill-industrija tal-akkwakultura tal-UE permezz ta’:

    (a) l-iżvilupp ta' ħolqien imtejjeb tal-mudelli għal diversi speċi u ta’ rkaptu u tekniki u teknoloġiji relatati mtejbin sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impronta tal-karbonju, il-ħsara lil qiegħ il-baħar, ir-rimi u l-qabdiet inċidentali;

    (b) il-qsim tat-tagħrif dwar għodod li jtejbu l-fehim tal-maniġers tas-sajd dwar l-impatti soċjoekonomiċi u fuq l-ekosistemi tal-miżuri ta’ ġestjoni;

    (c) it-twettiq ta’ riċerka biex jittejbu t-tkabbir, il-produttività, il-kompetittività u s-sostenibbiltà ambjentali tal-akkwakultura (inkluż tal-akkwakultura li tinsab ’il barra mix-xatt) u l-kapaċità tal-industrija li twieġeb għall-bżonnijiet tas-suq;

    (d) it-titjib tal-pożizzjoni fis-suq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura minn sorsi fl-UE permezz ta’ titjib fl-ipproċessar, fit-tikkettar, fit-traċċabbiltà u fiċ-ċertifikazzjoni.

    Il-Prijorità 2: Il-ħarsien, il-kisba u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-ambjent tal-baħar u kostali tal-Atlantiku

    Il-miri speċifiċi ta’ din il-prijorità jinkludu:

    – it-titjib tas-sikurezza u tas-sigurtà marittimi:

    it-tisħiħ tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-baħħara, tal-popolazzjonijiet ta’ mal-kosta, tal-proprjetà u tal-ekosistemi permezz ta’:

    (a) l-evalwazzjoni u l-estensjoni, kif meħtieġ, tal-mekkaniżmi eżistenti ta' twissija, rappurtar u rispons għal speċi tal-baħar invażivi u ta' ħsara u t-trawwim tal-iskambji tal-aqwa prattiki dwar kif jiġi ffaċċjat it-tali theddid;

    (b) l-appoġġ għal inizjattivi meħudin mill-Istati Membri fl-Atlantiku, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riskji, il-mekkaniżmi ta’ rispons ikkoordinati u l-investimenti f’tagħmir mill-aqwa li jikkontribwixxu b’mod xieraq biex jittejbu t-tħejjija u r-rispons ikkoordinati għat-theddid tal-baħar, għad-diżastri naturali, għall-inċidenti marittimi, għat-tixrid ta’ żejt u ta’ materjal perikoluż jew għat-traffikar[5];

    (c) l-iżvilupp, l-ittestjar u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda biex tittejjeb l-ispezzjoni tal-bastimenti u jissaħħu s-sikurezza u s-sigurtà tal-portijiet u tat-tbaħħir billi tiġi integrata aħjar id-dejta mis-satelliti u mill-faċilitajiet ta' sorveljanza bbażati fl-arja, fuq l-art u fuq il-baħar u ta’ strumenti innovattivi fuq il-post sabiex jittejjeb l-għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-qasam marittimu;

    (d) appoġġ għall-forniment ta’ servizzi tal-informazzjoni reġjonali relatati mal-baċir tal-baħar fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Iskambju tal-Informazzjoni (CISE), ibbażat fuq standards validi għall-UE kollha li hemm ftehim fuqhom u fuq l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fi proġetti pilota;

    – l-esplorazzjoni u l-ħarsien tal-ilmijiet tal-baħar u taż-żoni kostali:

    l-iżvilupp ta’ kapaċità Ewropea ta' osservazzjoni tal-oċean Atlantiku u tbassir dwaru, ibbażata fuq strutturi, pjattaformi u mekkaniżmi eżistenti, biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-istituzzjonijiet tar-riċerka, tiġi stimulata l-innovazzjoni u titnaqqas l-inċertezza dwar l-imġiba tal-Oċean Atlantiku u l-impatt tat-tibdil fil-klima billi:

    (a) jintużaw sistemi u mekkaniżmi eżistenti sabiex jiġi żviluppat u jinżamm programm integrat sostenibbli għall-eżaminazzjoni u l-osservazzjoni tal-kosti, ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonna tal-ilma, li jkopri l-ilmijiet tal-Istati Membri tal-UE, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej mill-kosta sal-oċean fond;

    (b) jiġu żviluppati strumenti u pjattaformi ġodda għall-osservazzjoni tal-oċeani u għall-monitoraġġ tal-ekosistemi (inkluż l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar) li jżidu l-għadd ta’ parametri li jistgħu jitkejlu awtomatikament, inaqqsu l-ispejjeż tal-osservazzjoni u jgħaġġlu t-tixrid tad-dejta lill-utenti;

    (c) jingħata kontribut għal ġestjoni, ikkatalogar u tqassim iktar effettiv tad-dejta interoperabbli dwar il-baħar u għal mappa ta’ qiegħ il-baħar b'iktar minn riżoluzzjoni waħda permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ibħra u d-Dejta dwarhom;

    (d) jiġi żviluppat netwerk ta’ sistemi ta’ tbassir oċeanografiku kostali (fosthom valutazzjonijiet tar-riskju) ibbażat fuq is-servizz tal-baħar Copernicus;

    l-għoti ta’ kontribut għall-iżvilupp ta' għodod u strateġiji biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar it-tibdil globali fil-klima, inklużi strateġiji ta’ mitigazzjoni u adattament permezz ta’:

    (a) l-appoġġ għal valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju tal-ekonomija l-blu fiż-żona tal-Atlantiku;

    (b) l-iżvilupp ta' pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-effiċjenza enerġetika;

    (c) l-iżvilupp ta' sħubiji kooperattivi sabiex jiġu identifikati u mmonitorjati l-impatti tat-tibdil globali fil-klima fuq l-attivitajiet fl-ibħra, l-ekosistemi u l-komunitajiet kostali fiż-żona tal-Atlantiku, inkluż l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet aqwa ta’ tbassir u ta’ valutazzjoni tar-riskju;

    l-għoti ta' appoġġ għall-ħarsien ambjentali tal-ibħra u għall-isforzi biex jinkiseb “status ambjentali tajjeb” tal-ilmijiet tal-Atlantiku sal-2020[6] billi:

    (a) nkomplu nibnu fuq il-pjanijiet nazzjonali, il-proċessi tal-Konvenzjoni ta’ OSPAR u s-siti tan-Natura 2000 sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' netwerk koerenti ta’ Żoni tal-Baħar Protetti għall-kosta tal-Atlantiku tal-Ewropa billi jkun hemm qbil dwar prattiki tajbin u proċessi ta’ evalwazzjoni kondiviżi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-Makaroneżja u għar-Reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Karibew;

    (b) titħeġġeġ iktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż permezz tal-Konvenzjoni ta’ OSPAR, pereżempju dwar programmi ta’ monitoraġġ ikkoordinati u integrati u azzjoni konġunta biex jiġu rrestawrati l-ekosistemi;

    il-valutazzjoni tal-valur soċjali u ekonomiku u tal-funzjonament tal-ekosistemi u tal-bijodiversità tal-Atlantiku sabiex jiġi appoġġat it-teħid tad-deċiżjonijiet;

    l-għoti ta’ kontribut għall-proċessi ta' ppjanar spazjali marittimu u tal-ġestjoni integrata tal-kosti tal-Istati Membri, pereżempju permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tat-tħaffif tal-koordinazzjoni transkonfinali;

    – il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar:

    l-iżvilupp ta’ fehim aħjar tal-fattibbiltà teknika, tal-vijabbiltà ekonomika u tal-impatt ambjentali tat-tħaffir għall-minerali fl-Oċean Atlantiku, u l-iżvilupp u l-ittestjar ta' teknoloġiji innovattivi tat-tħaffir;

    it-tqegħid tas-sisien għal industrija Ewropea tal-bijoteknoloġija tal-baħar sostenibbli u ta' valur miżjud għoli permezz ta':

    (a) l-esplorazzjoni ta’ qiegħ il-baħar u l-valutazzjoni tal-kompożizzjoni ġenetika u tal-bijodiversità tiegħu, kif ukoll tal-potenzjal li għandu li jipprovdi materjali għall-industrija tal-bijoteknoloġija, filwaqt li jitqiesu l-liġijiet internazzjonali applikabbli u l-ħtieġa li jitħares l-ambjent tal-baħar;

    (b) it-tisħiħ tar-rabtiet bejn ir-riċerka u l-industrija fiż-żona tal-Atlantiku sabiex jiġu żviluppati l-bijobanek u jiġu identifikati s-swieq għal bijoprodotti tal-baħar innovattivi (il-bijomediċina, l-inġinerija tat-tessuti, il-farmaċewtiċi, l-enżimi industrijali) u l-iffukar tar-riċerka fuq il-provvediment ta' proċessi industrijali għall-manifattura tagħhom;

    – l-isfruttament tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli tal-ambjent tal-baħar u kostali taż-żona tal-Atlantiku:

    il-kunsiderazzjoni ta’ modi biex titħaffef l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli ta’ lil hinn mill-kosta permezz ta’:

    (a) it-tħeġġiġ tal-valutazzjoni u tal-immappjar tal-potenzjal tar-riżorsi tal-enerġija tal-Oċean Atlantiku Ewropew u d-determinazzjoni ta' kif għandu jittaffa l-impatt fuq l-ambjent u fuq in-navigazzjoni tal-kostruzzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar tal-installazzjonijiet bħala parti mill-Istrateġiji reġjonali Intelliġenti ta’ Speċjalizzazzjoni għall-enerġija rinnovabbli ta’ lil hinn mill-kosta;

    (b) l-għoti ta’ kontribut għal sistema Ewropea tat-trażmissjoni tal-elettriku li tippermetti l-ibbilanċjar tat-tagħbijiet bejn is-sistemi nazzjonali u tipprovdi rabtiet aħjar bejn l-enerġiji ta’ lil hinn mill-kosta u dawk ta’ fuq l-art;

    (c) il-promozzjoni tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-wiri tat-teknoloġiji għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli ta’ lil hinn mill-kosta ġġenerata mir-riħ, mill-mewġ, mill-marea u mill-bijomassa, inkluża l-integrazzjoni ma’ impjanti tad-desalinizzazzjoni jew ma’ pjattaformi b'ħafna użi li jinsabu lil hinn mill-kosta;

    (d) jit-tħeġġiġ tal-użu tal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi, oċeanografiċi u meteoroloġiċi speċjali tar-Reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Atlantiku biex dawn jiġu megħjuna jiksbu l-awtosuffiċjenza fl-enerġija u jilħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju.

    Il-Prijorità 3: It-titjib tal-aċċessibbiltà u tal-konnettività

    L-għanijiet speċifiċi ta’ din il-prijorità jinkludu:

    – il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-portijiet:

    it-tħaffif tal-iżvilupp tal-portijiet bħala ċentri tal-ekonomija l-blu permezz ta':

    (a) it-tħaffif tat-titjib tal-infrastruttura biex tittejjeb il-konnettività mal-partijiet tal-pajjiż li jinsabu 'l ġewwa mill-kosta, it-tisħiħ tal-intermodalità u l-promozzjoni tal-imbark u l-iżbark mgħaġġel tal-bastimenti permezz ta' miżuri bħall-provvediment tal-elettriku max-xatt, it-tagħmir tal-portijiet bil-kapaċità ta' riforniment tal-gass naturali likwifikat u l-indirizzar ta' ostakli amministrattivi;

    (b) l-għoti tal-opportunità lill-portijiet li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom lejn attivitajiet ġodda tan-negozju bħall-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu lil hinn mill-kosta jew it-turiżmu;

    (c) l-analiżi u l-promozzjoni ta' netwerks tal-portijiet u rotot qosra għall-vapuri bejn il-portijiet Ewropej, fl-arċipelagi u għall-kosta tal-Afrika permezz ta' inizjattivi bħall-Awtostradi tal-Baħar biex jiżdied it-traffiku tal-baħar.

    Il-Prijorità 4: Il-ħolqien ta' mudell tal-iżvilupp reġjonali inklużiv mil-lat soċjali u sostenibbli

    L-għanijiet speċifiċi ta’ din il-prijorità jinkludu:

    – it-trawwim ta' għarfien aħjar tal-isfidi soċjali fiż-żona tal-Atlantiku:

    l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-tisħiħ tas-saħħa, tal-inklużjoni soċjali u tal-benesseri tal-popolazzjonijiet kostali u l-iżvilupp ta' indikaturi tal-baħar soċjoekonomiċi xierqa u li jkunu jistgħu jintużaw biex jitkejlu, jitqabblu u jiġu segwiti x-xejriet fl-iżvilupp tal-ekonomija l-blu;

    – il-ħarsien u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali tal-Atlantiku:

    il-ġlieda kontra l-istaġjonalità u t-titjib tal-prospetti għall-SMEs permezz tad-diversifikazzjoni tal-prodotti tat-turiżmu marittimu u kostali u l-iżvilupp ta’ swieq speċjalizzati billi jsir investiment:

    (a) fl-isports tal-baħar, fil-marini u fl-attivitajiet tal-passatempi tat-tbaħħir;

    (b) fis-servizzi tal-portijiet, inklużi dawk għall-passiġġieri tal-kruċieri;

    (c) fl-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-attrazzjonijiet kulturali u naturali tal-kosta tal-Atlantiku bħas-sajd artiġjanali, il-kċina lokali u l-patrimonju marittimu;

    (d) fil-ħarsien u r-restawr tal-attrazzjonijiet turistiċi, inklużi l-attrazzjonijiet kulturali kostali u ta’ taħt il-baħar u s-siti tal-patrimonju marittimu, li għandhom valur arkeoloġiku, ekoloġiku u storiku[7].

    3.           IMPLIMENTAZZJONI

    3.1.        Sorsi ta' finanzjament

    Iż-żmien ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jħalli lill-Istati Membri jqisu l-prijoritajiet identifikati fil-Ftehimiet ta’ Sħubija tagħhom mal-Kummissjoni li għandhom jiġu nnegozjati qabel tmien l-2013.

    – Il-Ftehimiet ta' Sħubija tal-2014 sal-2020 għall-ESIF huma sors importanti ta’ finanzjament li l-Istati Membri jistgħu jużaw, fejn xieraq, biex jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni. Il-Ftehimiet ta' Sħubija għandhom iqisu l-istrateġiji tal-baċir tal-baħar rilevanti, bħall-Istrateġija għall-Atlantiku, meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ta' prijorità għall-kooperazzjoni. Dawn jipprovdu opportunità biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ewlenin tal-iżvilupp u l-potenzjal għall-iżvilupp tal-ekonomija l-blu fl-Istati Membri tal-Atlantiku u fir-reġjuni kostali tagħhom. Dawn jippermettu wkoll lill-Istati Membri jistabbilixxu arranġamenti li se jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-ESIF u sorsi oħra ta' finanzjament. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri li huma responsabbli għan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-awtoritajiet li huma responsabbli għat-tfassil tal-programmi operattivi għaldaqstant għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fix-xhur li ġejjin. Il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jkun ukoll sors ta’ tnebbiħ għal dawk li jkunu qegħdin ifasslu l-programmi operattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali, skont il-ħtiġijiet taż-żona koperta mill-programm.

    – Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jservi bħala gwida għall-Kummissjoni nnifisha fl-implimentazzjoni tal-fondi ġestiti direttament, inklużi l-programm imsejjaħ "Orizzont 2020", l-istrument imsejjaħ "LIFE+" u l-programm imsejjaħ "COSME" u l-elementi ġestiti direttament tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Fil-fatt, il-programm imsejjaħ "Orizzont 2020" se jkun element ewlieni li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u diġà qiegħed jikkunsidra t-"tkabbir blu" bħala wieħed mill-oqsma ewlenin tar-riċerka għas-snin li ġejjin. Dan il-programm jista’ jappoġġa l-aġenda tat-tkabbir blu fl-esplorazzjoni u t-tkabbir kemm jista’ jkun tal-potenzjal tad-diversità tal-ħajja tal-baħar, fit-teħid tar-riżorsi tal-baħar fond b'mod sostenibbli u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għall-osservazzjoni tal-oċean. Dan għandu jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-baħar u marittima u lill-ambjent tal-baħar billi jiżdied il-pass tat-trasferiment tar-riċerka u tal-innovazzjoni fl-ekonomija.

    – Investiment pubbliku mmirat sewwa jista' u għandu jħajjar investiment privat u inizjattivi tan-negozju. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu wkoll li javviċinaw lis-settur privat biex jesploraw l-involviment u l-finanzjament kumplimentari.

    – Barra minn hekk, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Grupp tal-BEI[8]) jinsab lest li juża l-għodod finanzjarji u l-għarfien espert tiegħu biex jappoġġa proġetti adattati biex imexxi ’l quddiem il-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni. Il-BEI jista’ jestendi l-appoġġ tiegħu kemm għall-attivitajiet tas-settur pubbliku u kemm għal dawk tas-settur privat fil-forma ta' self, ta’ finanzjament imħallat[9] u tal-għoti ta' pariri tekniċi. Il-Bank joffri diversi strumenti finanzjarji, li jvarjaw minn self għall-investiment għall-finanzjament dirett kif ukoll indirett sa fondi tal-ekwità permezz tal-FEI, biex jappoġġa attivitajiet ta' diversi daqsijiet.

    Fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji u tal-ħtieġa għall-awtoritajiet fiż-żona tal-Atlantiku li jqisu firxa ta’ prijoritajiet tal-iżvilupp, għandu jiġi enfasizzat li l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni jibqa’ wieħed volontarju, iżda għandu jkun konformi mal-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-ħames Stati Membri kkonċernati. Il-proġetti kollha li jitressqu lill-awtoritajiet rilevanti bi tweġiba għall-Pjan ta’ Azzjoni jridu jkunu jħarsu l-kriterji stabbiliti fir-regolamenti ta' finanzjament rilevanti. Fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma tal-fondi tal-UE, id-deċiżjoni dwar jekk jitteħidx proġett speċifiku jew le se tittieħed mill-awtorità ta' ġestjoni kompetenti.

    3.2.        Kollaborazzjoni intelliġenti

    Il-Pjan ta’ Azzjoni jidentifika opportunitajiet għall-Istati Membri, għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu flimkien, fejn meħtieġ, biex tintlaħaq l-isfida tat-tkabbir sostenibbli. Imma t-tali xogħol kollettiv, ovvjament, mhux l-uniku mod kif il-Pjan ta' Azzjoni jista’ jiġi implimentat. L-azzjonijiet u l-proġetti speċifiċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali wkoll jista’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu biex il-Pjan ta' Azzjoni jitwettaq. Fejn xieraq, għandha titrawwem il-kooperazzjoni bejn il-programmi differenti li huma speċifiċi għall-pajjiżi differenti.

    Il-ħidma flimkien b'mod immirat tista' twassal għal għadd ta' benefiċċji addizzjonali, mhux l-inqas l-iskambju tat-tagħrif, il-qsim tal-ispejjeż u l-iskambju tar-riżultati u tal-aħjar prattiki, kif ukoll il-ġenerazzjoni ta' ideat għal iktar oqsma ta' kollaborazzjoni. B'mod iktar speċifiku, l-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jaħdmu bl-appoġġ ta' sorsi differenti ta' finanzjament biex jiżviluppaw proġetti konġunti jew approċċi oħra.

    Il-programm imsejjaħ "Orizzont 2020" u programmi u strumenti ta' finanzjament oħrajn tal-UE jistgħu jappoġġaw il-kooperazzjoni fir-riċerka billi jiffaċilitaw il-proġetti proposti minn konsorzji magħmulin minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati. Pereżempju, dawn il-proġetti jistgħu jittestjaw soluzzjonijiet differenti għal problemi komuni jew iqabblu l-prestazzjoni ta’ teknoloġiji differenti. Franza, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit diġà qegħdin jipparteċipaw f'għadd ta' proġetti konġunti, ta’ netwerks tar-riċerka u ta’ pjattaformi tat-teknoloġija kif ukoll f’inizjattiva ta' pprogrammar konġunt dwar Ibħra u Oċeani b'saħħithom. Dawn il-mekkaniżmi joffru lill-Istati Membri mod kif jaħdmu flimkien b'modi li jistgħu jissaħħu permezz tal-programm imsejjaħ "Orizzont 2020". It-twaqqif ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni intra-Ewropej ukoll jista’ jifforma s-sisien ta' kooperazzjoni transatlantika msaħħa fil-qasam tar-riċerka.

    Il-proġetti u l-azzjonijiet konġunti mhumiex limitati għar-riċerka biss. Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (pereżempju permezz tal-Programm għaż-Żona tal-Atlantiku), li se tiġi ffinanzjata permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (l-FEŻR), toffri mekkaniżmu biex ir-reġjuni u l-bliet ġirien minn Stati Membri differenti tal-UE jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin permezz ta' proġetti li jesploraw għażliet għall-kooperazzjoni b’rabta ma’ sfidi komuni. Il-programm imsejjaħ "Erasmus għal Kulħadd" se jipprovdi opportunitajiet għal sħubiji fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

    Il-ħidma konġunta tista’ tinvolvi wkoll azzjonijiet kollaborattivi għall-iskambju tat-tagħrif u ta’ prattiki tajbin. Inizjattivi bħal dawk imsejħin "Copernicus"[10] jew "Għarfien dwar il-Baħar 2020"[11] jistgħu jipprovdu l-qafas adattat għal dan. Pereżempju, il-fehim ta' kif pajjiżi jew reġjuni ġirien b'kundizzjonjiet oċeanografiċi jew meteoroloġiċi simili jindirizzaw l-erożjoni kostali jista' jgħin biex tiżdied l-effiċjenza operattiva. L-għarfien ta’ x’ħadem u x’ma ħadimx f’postijiet oħra jista’ jżomm milli l-istess żbalji jitwettqu darbtejn. Jista’ jkun hemm skambju tal-prattiki tajbin permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma apposta għal hekk, permezz ta’ skambji tal-persunal jew ta’ fora fuq l-internet.

    3.3.        Appoġġ

    Biex il-Pjan ta' Azzjoni jiġi implimentat b'suċċess fil-livell nazzjonali u reġjonali, mekkaniżmu xieraq ta’ implimentazzjoni jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali u jippermetti li jiġi mmonitorjat il-progress. Il-Forum tal-Atlantiku offra lezzjonijiet utli b’rabta mal-organizzazzjoni tad-djalogu u tal-koordinazzjoni. Biex l-implimentazzjoni timxi ’l quddiem, se jkun importanti li jitkompla d-djalogu mal-Istati Membri u mar-reġjuni, inkluż mas-settur privat. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni mhux se tiddependi biss fuq is-settur pubbliku, iżda se tiddependi wkoll fuq kemm ikun involut is-settur privat.

    Kwalunkwe mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għandu jkun ħafif u ffukat sew u għandu jibni fuq il-prattiki tajbin li kienu ta' suċċess fi strateġiji oħrajn tal-baċir tal-baħar billi:

    – joffri impenn politiku u sorveljanza;

    – jqajjem kuxjenza dwar il-Pjan ta’ Azzjoni u l-għanijiet tiegħu;

    – jippromwovi x-xiri sfurzat min-naħa tas-settur privat; u

    – jipprovdi evalwazzjoni u valutazzjoni tal-progress.

    Huwa jista' wkoll:

    – jagħti gwida lill-partijiet interessati u lill-promoturi potenzjali tal-proġett;

    – jagħmel possibbli l-kooperazzjoni fiż-żona tal-Atlantiku;

    – jikkoordina u jaħdem mal-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE;

    – iġib flimkien sħab possibbli għall-proġetti biex jiżviluppaw attivitajiet li jikkorrispondu mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni; u

    – jidentifika s-sorsi potenzjali ta’ finanzjament għall-proġetti kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell nazzjonali.

    Il-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni għandu jiġi ddefinit f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati qabel tmien l-2013. Biex jiġi mħeġġeġ iktar netwerking u l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-proġetti, il-Kummissjoni tista' torganizza konferenzi għall-partijiet interessati tal-Atlantiku.

    4.           Rendikont tal-progress li sar s'issa

    Biex jinżamm il-momentum tul il-perjodu mill-2014 sal-2020, se jkun importanti nifhmu kif l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni qed tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet usa’ tal-UE b’rabta mal-impjiegi, mat-tkabbir u mas-sostenibbiltà. Se nkunu rridu nifhmu, pereżempju, jekk konniex kapaċi nipprovdu l-kapaċità li nbassru tassew ir-riskji u t-tibdiliet ewlenin marbutin mad-dinamika tas-sistema ta' ċirkulazzjoni tal-Atlantiku tat-Tramuntana, sa fejn iż-żoni kritiċi ta' qiegħ il-baħar fl-Atlantiku ġew immappjati, jekk il-Pjan ta' Azzjoni appoġġax l-iżvilupp ta' firxa ta' prodotti u servizzi ġodda u innovattivi u jekk dan tejjibx l-ambjent operattiv u ta' ġestjoni tar-riskju għall-industriji ta’ lil hinn mill-kosta. Se nkunu rridu nifhmu wkoll sa liema punt inkiseb it-tkabbir li huwa inklużiv mil-lat soċjali, sa liema punt ġew indirizzatti l-ħtiġijiet tal-ħiliet u jekk ġiex implimentat approċċ ta' ġestjoni bbażat fuq l-ekosistemi fiż-żona tal-Atlantiku jew le. Se nkunu rridu nkunu kapaċi wkoll noħorġu lezzjonijiet li jistgħu jintużaw għal baċiri tal-baħar oħrajn.

    Il-monitoraġġ tal-progress m’għandux joħloq rekwiżiti ġodda tar-rappurtar. Minflok, it-tagħrif bażiku eżistenti se jintuża sabiex tinbena stampa ta’ kif iż-żona tal-Atlantiku qiegħda tinbidel minħabba l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u minħabba fatturi oħra. Il-Kummissjoni dalwaqt se tibda taħdem mal-ħames Stati Membri tal-Atlantiku biex tiġi ddefinita u maqbula metodoloġija għall-preparazzjoni ta' dan ir-rendikont.

    Hekk kif isir progress fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija, jista’ jkun li l-Pjan ta’ Azzjoni jkollu jiġi adattat u żviluppat iktar. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, se tislet il-lezzjonijiet li ħarġu minnha u se tivvaluta l-progress li jkun sar fiha. Hija se tħejji analiżi ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’' Azzjoni sa tmien l-2017. Evalwazzjoni indipendenti ta' kampjun ta’ proġetti lesti se tikkontribwixxi għal din l-analiżi, li se tiġi diskussa mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħrajn.

    5.           L-internazzjonalizzazzjoni tal-Istrateġija għall-Atlantiku

    L-Oċean Atlantiku mhux limitat biss għall-Ewropa. Huwa riżorsa maqsuma u sistema magħquda li tgħaqqad il-kontinent tal-Ewropa mal-Afrika u mal-Amerika. L-Istati kostali kollha għandhom interess u responsabbiltà komuni li jiżguraw governanza tajba tal-oċean, inkluż permezz tal-UNCLOS[12], tal-IMO[13] u tal-Awtorità Internazzjonali għal Qiegħ il-Baħar.

    Il-valur ekonomiku tal-Oċean Atlantiku huwa enormi għall-pajjiżi li jinsabu fuq ix-xtut tiegħu. Il-Kummissjoni temmen li, biż-żmien, il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ joħloq sisien sodi għall-kooperazzjoni ma’ nazzjonijiet tal-Atlantiku oħrajn. Il-potenzjal għal ħidma konġunta, pereżempju fir-riċerka u l-osservazzjoni oċeanografiċi, huwa ċar. Diġà hemm il-prospett ta' impenn reali min-naħa tal-Istati Uniti u tal-Kanada biex tiġi stabbilita alleanza transatlantika tar-riċerka biex jissaħħaħ il-fehim komuni tagħna tal-ekosistema tal-Atlantiku u l-potenzjal tagħha li tappoġġa l-ekonomija l-blu. L-iżvilupp ta' din l-alleanza transatlantika tar-riċerka se jseħħ pass pass, wara li jsir eżerċizzju biex jingħata rendikont tas-sitwazzjoni u jintlaħaq qbil dwar l-iktar oqmsa promettenti għall-kooperazzjoni. Jista’ jkun li nazzjonijiet tal-Atlantiku oħrajn ukoll ikunu lesti jiddiskutu l-impenn tagħhom fil-qasam tar-riċerka jew b’rabta ma’ kwistjonijiet oħrajn. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw flimkien liema passi jistgħu jittieħdu biex is-sħab internazzjonali jiġu involuti fl-iżvilupp pass pass tal-Istrateġija għall-Atlantiku.

    6.           Konklużjoni

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw il-Pjan ta’ Azzjoni u l-orjentazzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.

    [1]               Franza, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit.

    [2]               COM 782/2011 tal-21 ta’ Novembru 2011.

    [3]               Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (l-FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (l-FSE), il-Fond għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali Ewropew (l-EARDF) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (l-FEMS).

    [4]               It-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività fis-settur marittimu ressqet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2011.

    [5]               L-inizjattivi eżistenti jinkludu ċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi — Narkotiċi (MAOC-N) u s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) ikkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-UE (Frontex).

    [6]               Hekk kif stabbilit fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE).

    [7]               Skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-2001 tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali ta' Taħt l-Ilma, kif xieraq.

    [8]               Il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (l-FEI).

    [9]               Il-finanzjament imħallat huwa l-finanzjament b’self tal-BEI biex jikkumplimenta l-appoġġ fil-forma ta' għotja mogħti minn sorsi oħrajn tal-UE jew minn sorsi pubbliċi oħrajn.

    [10]             L-inizjattiva msejħa "Copernicus", li qabel kienet magħrufa bħala l-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (jew GMES) hija sistema Ewropea tas-satellita għall-monitoraġġ tad-dinja (http://copernicus.eu).

    [11]             L-inizjattiva msejħa "Għarfien dwar il-Baħar 2020" hija proġett tal-UE li jiġbor flimkien id-dejta dwar il-baħar minn sorsi differenti bl-għan li jgħin lill-industrija, lill-awtoritajiet pubbliċi u lir-riċerkaturi jsibu d-dejta u jużawha b’mod iktar effettiv biex jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda kif ukoll biex jitjieb il-fehim tagħna ta' kif iġibu ruħhom l-ibħra (http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/marine_knowledge_2020/index_mt.htm).

    [12]             Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

    [13]             L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

    Top