Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0248

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tinnomina l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2017 fid-Danimarka u f'Ċipru u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018 f'Malta

    /* COM/2013/0248 final */

    52013DC0248

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tinnomina l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2017 fid-Danimarka u f'Ċipru u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018 f'Malta /* COM/2013/0248 final */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019[1], tistabbilixxi l-proċedura tan-nomina tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, mill-2009 'l quddiem, żewġ bliet ta' żewġ Stati Membri se jiġu nnominati bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, skont min imissu, fl-ordni kronoloġika stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni. Id-Danimarka u Ċipru huma intitolati li jospitaw l-avveniment fl-2017. Malta li hija waħda minn żewġ Stati Membri intitolati li jospitaw l-avveniment fl-2018, flimkien mal-Pajjiżi l-Baxxi, iddeċidiet li tibda l-proċedura tal-għażla tagħha sena qabel l-iskeda normali.

    In-nomina għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2017 u għall-2018 tressqet għall-proċess li ġej.

    Ħarġet sejħa biex jitressqu applikazzjonijiet minn kull Stat Membru kkonċernat sa mhux aktar tard minn sitt snin qabel l-avveniment. Bord tal-għażla kompost minn 13-il espert indipendenti fis-settur kulturali jiltaqa' qabel il-laqgħa tal-għażla sa mhux aktar tard minn ħames snin qabel l-avveniment. Dan jivvaluta l-applikazzjonijiet li jitressqu skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE u jaqbel dwar lista qasira ta' bliet kandidati li jridu jibqgħu jitqiesu wara li jlestu l-applikazzjoni tagħhom.

    Kull Stat Membru kkonċernat ilaqqa' l-bord għall-għażla finali, disa' xhur wara l-laqgħa ta' qabel l-għażla. Wara valutazzjoni estensiva tal-bliet magħżula minn qabel skont il-kriterji stabbiliti għall-azzjoni, il-bord jirrakkomanda belt waħda għat-titolu f'kull Stat Membru kkonċernat.

    Abbażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kull Stat Membru jinnomina belt għalih biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura u jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard minn erba' snin qabel ma jibda dan l-avveniment.

    Il-Parlament Ewropew jista' jagħti opinjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jaslu n-nomini.

    Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jaħtar uffiċjalment il-bliet inkwistjoni għas-sena li għaliha jkunu ġew innominati.

    Meta tlestiet il-kompetizzjoni f'żewġ rawnds spjegata hawn fuq, fir-rapporti rispettivi tiegħu ta' Settembru 2012 il-bord irrakkomanda li Aarhus (id-Danimarka) u Paphos (Ċipru) jospitaw l-avveniment fl-2017 u fir-rapport tiegħu ta' Novembru 2012 il-bord irrakkomanda li l-Belt Valletta (Malta) tospita l-avveniment fl-2018. It-tliet Stati Membri nnotifikaw dawn in-nomini lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-ħarifa tal-2012.

    Il-Parlament Ewropew ta l-opinjonijiet pożittivi tiegħu lill-Kummissjoni fi Frar tal-2013.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9.3 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE qed tressaq lill-Kunsill ir-rakkomandazzjoni mehmuża għan-nomina uffiċjali ta' Aarhus u Paphos għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2017 fid-Danimarka u f'Ċipru rispettivament u għan-nomina uffiċjali tal-Belt Valletta għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 f'Malta.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tinnomina l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2017 fid-Danimarka u f'Ċipru u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018 f'Malta

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bord tal-Għażla ta' Settembru 2012 dwar il-proċess tal-għażla tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura fid-Danimarka u f'Ċipru,

    Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord tal-Għażla ta' Novembru 2012 dwar il-proċess tal-għażla tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura f'Malta,

    Billi:

    Filwaqt li jqis li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE ntlaħqu kollha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Aarhus u Paphos huma nnominati bħala "Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2017" rispettivament fid-Danimarka u f'Ċipru.

    Il-Belt Valletta hija nnominata bħala "Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018" f'Malta.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.

    [2]               ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.

    Top