This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0214
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on the application of Directive 2009/33/EC on the promotion of clean and energy efficient road transport vehicles
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
/* COM/2013/0214 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija /* COM/2013/0214 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT
TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE
dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija Introduzzjoni Dan huwa l-ewwel
rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE tat-23 ta' April 2009
dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti
fl-użu tal-enerġija[1]
("id-Direttiva dwar il-vetturi nodfa"), u dwar l-azzjonijiet ta'
appoġġ li ħadu l-Istati Membri, kif meħtieġ skont l-Artikolu 10 ta' din
id-Direttiva. Id-Direttiva 2009/33/KE
ilha fis-seħħ biss għal żmien qasir, u l-implimentazzjoni tagħha f'għadd ta'
Stati Membri ddewmet b'mod konsiderevoli. Barra minn hekk, l-analiżi kienet
diffiċli minħabba li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jirrappurtaw dwar
l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u minħabba l-inkonsistenzi fid-dejta
disponibbli. Għaldaqstant, dan ir-rapport jista' jipprovdi biss analiżi
kwalitattiva limitata, li hija bbażata l-iżjed fuq studji tal-każijiet.
Il-materjal iddettaljat ingħata fi studju mħejji għall-Kummissjoni[2]. Id-Direttiva dwar
il-vetturi nodfa għandha l-għan li tistimula s-suq tal-vetturi nodfa u
effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b'hekk li tikkontribwixxi għall-politiki
tal-UE dwar l-enerġija, il-klima u l-ambjent fis-settur tat-trasport. Id-data
tal-iskadenza biex isiru t-traspożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva kienet ġiet
stabbilita bħala l-4 ta' Diċembru 2010. Id-Direttiva tapplika għall-vetturi mixtrijin
minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti kif iddefiniti
fid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku[3],
u għall-operaturi tat-trasport pubbliku kif iddefiniti fir-Regolament dwar
servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri[4]. Id-Direttiva teħtieġ li jitqiesu l-konsum operattiv
tal-enerġija tul il-ħajja tal-prodott, l-emissjonijiet tad-diossidu
tal-karbonju (CO2), u l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx),
l-idrokarburi li mhumiex tal-metan (NMHC) u l-materja partikulata (PM). B'hekk,
id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa għall-ewwel darba daħħlet l-obbligi ta'
sostenibbiltà fil-liġi dwar l-akkwist pubbliku għall-UE kollha. Id-Direttiva tagħti
żewġ għażliet biex jitqiesu l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent: L-ewwel għażla tikkonsisti fit-twaqqif ta'
speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni tal-vetturi f’dak li għandu
x’jaqsam mal-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent. It-tieni
waħda toffri l-opportunità li dawn l-impatti jintużaw bħala kriterji tal-għoti. Id-Direttiva
tiddefinixxi metodoloġija biex jiġu kkalkulati l-kosti tal-konsum tal-enerġija,
l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu
tal-vetturi tul il-ħajja operattiva tagħhom. Dan l-approċċ tal-għoti ta’ valur
monetarju jinternalizza l-kosti esterni tat-trasport, li hija mira fit-tul
tal-politika tal-UE. Dan jagħti vantaġġ lill-vetturi li jużaw l-enerġija b'mod
aktar effiċjenti u li huma aktar nodfa, u jħaffef il-penetrazzjoni tagħhom
fis-suq, kemm għal dawk li jkollhom magna ta' kombustjoni interna konvenzjonali
u kemm għal dawk li jaħdmu bi fjuwils alternattivi. 1. L-implimentazzjoni
tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa fl-Istati Membri Id-data
tal-iskadenza biex isiru t-traspożizzjonijiet tad-Direttiva kienet ġiet stabbilita
bħala l-4 ta' Diċembru 2010. Sa dik id-data tliet Stati Membri
biss kienu ssodisfaw dan l-obbligu. Il-Kummissjoni kellha tniedi proċedimenti
ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma ssodisfawx l-obbligu. Meta kien qed
jitħejja l-abbozz ta' dan ir-rapport, il-proċedimenti ta' ksur li kienu
għaddejjin kollha ngħalqu malli saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva
mill-Istati Membri rispettivi. Madankollu, għad
fadal Stat Membru wieħed li għadu ma għamilx traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan l-Istat Membru, il-Latvja, għadu
fil-proċess li jtemm it-traspożizzjoni. It-Tabella nru 1 tagħti ħarsa
ġenerali lejn l-evoluzzjoni tal-proċess tat-traspożizzjoni. It-Tabella nru 1:
Ħarsa ġenerali lejn il-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi
Nodfa fl-Istati Membri || Stat Membru || Traspożizzjoni nazzjonali || L-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni Data stabbilita fid-Direttiva: l-4 ta' Diċembru 2010 || Ir-Repubblika Ċeka Id-Danimarka u l-Portugall || Settembru 2010 Diċembru 2010 || Mhux applikabbli 2011 || Il-Litwanja Il-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija, l-Italja u Spanja ir-Rumanija Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u Malta || Frar 2011 Marzu 2011 April 2011 Mejju 2011 || 27.01.2011: Ittra ta' avviż formali mibgħuta lil 13-il Stat Membru tal-UE minħabba li dawn ma kkomunikawx il-miżuri nazzjonali tagħhom (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Rumanija) Il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u l-Isvezja Ir-Renju Unit Il-Belġju u l-Estonja || Ġunju 2011 Lulju 2011 Ottubru 2011 || 16.06.2011: Intbagħtet opinjoni motivata lil 10 Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit) 25.11.2011: Intbagħtet opinjoni motivata lill-Finlandja minħabba n-nuqqas ta' miżuri fir-rigward tal-Provinċja ta' Åland 2012 || L-Awstrija Is-Slovenja Il-Finlandja Il-Latvja || Frar 2012 Marzu 2012 April 2012 2013 (ippjanati) || 22.03.2012: Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tieħu l-każ tal-Finlandja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (proċedimenti li twaqqfu wara notifika dwar traspożizzjoni sħiħa min-naħa tal-Finlandja) Fil-biċċa l-kbira
tal-każijiet, il-proċess tat-traspożizzjoni kien jinvolvi l-emendi għal atti
eżistenti dwar l-akkwist pubbliku u mhux l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida.
Bosta Stati Membri ħejjew ukoll dokumenti ta' gwida b'rabta
mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE jew beħsiebhom iħejju t-tali
dokumenti. L-Istati Membri ma
rrappurtaw l-ebda eżenzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 ta' din
id-Direttiva. Biex tiffaċilita
l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, fit-30 ta' Marzu 2009,
li kienet id-data tal-adozzjoni tad-Direttiva mill-Kunsill tal-Ministri,
il-Kummissjoni fetħet portal fuq l-internet dwarha. Il-portal kompla jispjega
aktar fid-dettall id-Direttiva. Huwa inkluda wkoll kalkulatur biex
jingħata valur monetarju lill-ispejjeż tal-enerġija, tal-emissjonijiet tas-CO2
u tas-sustanzi li jniġġsu, kif ukoll biex tingħata informazzjoni dwar politiki
u miżuri relatati fl-Istati Membri. Sussegwentement, infetaħ portal
aktar elaborat għall-Vetturi Nodfa[5]
dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE biex jiffaċilita l-applikazzjoni
tagħha. Dan il-portal jipprovdi d-dejta disponibbli għall-kalkolu tal-kosti tul
il-ħajja tal-vetturi kollha fis-suq. Jiffaċilita l-akkwist konġunt biex jgħin
ir-raggruppament tax-xiri tal-vetturi sabiex jinkisbu ekonomiji ta' skala
minħabba volumi akbar. Il-portal jagħti wkoll informazzjoni dwar
il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u programmi u inċentivi speċifiċi
għax-xiri u t-tħaddim ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri differenti, fil-livelli nazzjonali,
reġjonali u lokali. 2. L-azzjonijiet
ta' appoġġ li ħadu l-Istati Membri F'dawn l-aħħar snin,
ħafna Stati Membri implimentaw miżuri addizzjonali biex jappoġġaw l-iżvilupp
ta' suq għall-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u dawn ikkontribwixxew
għall-istess miri mogħtija fid-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa. Dawn il-miżuri
jinkludu inċentivi u appoġġ għall-vetturi nodfa mill-awtoritajiet pubbliċi, kif
ukoll miżuri li indirettament jistimulaw ix-xiri u l-użu ta' vetturi nodfa u effiċjenti
fl-użu tal-enerġija, bħal restrizzjonijiet selettivi fuq l-aċċess u
l-immaniġġar tad-domanda lokali permezz tad-divrenzjar skont kriterji
ambjentali, u miżuri ta' tassazzjoni fuq il-vetturi. Fejn ikunu
stabbiliti restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-vetturi normalment ikollhom
jikkonformaw ma' standard jew livell ta' emissjonijiet meħtieġ jew ma' kriterji
oħrajn biex ikunu jistgħu jiddaħħlu fis-suq. Għalhekk, filwaqt li l-miżuri huma
mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet ambjentali f'żona partikolari, jista'
jkun li l-benefiċċji tagħhom ikunu usa’ jekk, bħala riżultat tagħhom, jiġi
stimulat ix-xiri ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni, bħal dawk
appoġġati mill-Inizjattiva CIVITAS, potenzjalment jistgħu jippromwovu l-aħjar
prattiki u jippromwovu l-interess f'vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija għas-settur pubbliku, b'mod partikolari f’każ li jkun hemm
benefiċċji marbutin ma’ dan. Il-forniment
tal-infrastruttura x-xierqa għall-mili tal-fjuwil jew għall-iċċarġjar
tal-batteriji huwa ta' importanza kbira meta wieħed ikun qed jimmira li jżid
ix-xiri u l-użu ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jitħaddmu
bi fjuwils jew teknoloġiji alternattivi. Jekk ikun hemm nuqqas ta' fiduċja
min-naħa tal-konsumaturi fid-disponibbiltà tal-fjuwils alternattivi, dan jista'
jnaqqas l-użu tagħhom. L-importanza ta' dan l-aspett hija enfasizzata
fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta'
infrastruttura tal-fjuwils alternattivi[6]. Il-forniment
tal-infrastruttura għall-mili tal-fjuwil jew għall-iċċarġjar tal-batteriji
tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor u fl-Istati Membri stess u trid tiġi
armonizzata iktar sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ is-suq intern biex ikun hemm
użu aktar mifrux ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jużaw
fjuwils alternattivi, hekk kif issemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
msejħa “Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils
alternattivi”[7]. 3. L-applikazzjoni
tal-għażliet previsti fid-Direttiva dwar il-vetturi nodfa Il-maġġoranza
tal-Istati Membri żammew l-għażliet differenti kollha stipulati
fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa meta kienu qegħdin
jittrasponu din id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan jippermetti
lill-awtoritajiet pubbliċi jinkludu l-impatti tal-vetturi fuq l-enerġija u
l-ambjent fil-proċeduri tal-akkwist jew billi jiffissaw speċifikazzjonijiet
tekniċi, jew billi jinkludu l-impatti bħala kriterji tal-għoti. Fit-tieni każ,
dawn l-impatti jistgħu jissarrfu fil-valur monetarju tagħhom. Ir-raġunijiet
prinċipali li taw l-Istati Membri għaż-żamma tal-għażliet kollha stipulati
fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa kienu li jagħtu aktar
flessibbiltà lill-awtorità x-xerrejja, li jippermettu lill-awtorità x-xerrejja
tuża l-għażliet li jkunu l-aktar adattati għall-ħtiġijiet tal-akkwist tagħha, u
li jippermettu l-iżjed għażliet ix-xierqa skont iċ-ċirkostanzi lokali.
Il-pajjiżi li llimitaw dawn l-għażliet għal raġunijiet ta' sempliċità jew
għall-konsistenza mal-approċċ nazzjonali eżistenti kienu biss is-Slovenja, li
ppermettiet biss li l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent jintużaw bħala
kriterji tal-għoti, ir-Repubblika Ċeka, li ma ppermettietx l-użu tal-għażla
tal-għoti ta’ valur monetarju, u l-Isvezja, li ma tat l-ebda possibbiltà li
l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent jintużaw bħala kriterji tal-għoti.
It-Tabella nru 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjoni tad-Direttiva. It-Tabella nru 2: L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) fl-Istati
Membri tal-UE L-azzjoni li ħadu l-Istati Membri b’rabta mal-Artikolu 5(3) || L-Istati Membri L-għażliet kollha huma permessi || 24 Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija. Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit Hija permessa biss l-għażla nru 1 (jiġifieri li jiġu ffissati speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni tal-vetturi b’rabta mal-enerġija u l-ambjent) || - Hija permessa biss l-għażla nru 2a (jiġifieri li l-impatti fuq l-enerġija u l-ambjent jintużaw bħala kriterji tal-għoti) || Is-Slovenja Hija permessa biss l-għażla nru 2b (jiġifieri li jingħata valur monetarju għall-impatti fuq l-enerġija u l-ambjent) || - L-għażliet nri 1 u 2a || Ir-Repubblika Ċeka L-għażliet nri 1 u 2b || L-Isvezja Fil-livell nazzjonali, il-Ġermanja tat
evidenza aneddotali dwar l-għażliet li jintużaw l-iżjed mill-awtoritajiet
xerrejja (l-għażliet previsti kollha jistgħu jingħażlu bħalissa skont
il-leġiżlazzjoni trasposta fil-Ġermanja), fejn l-Għażla nru 1 tqieset
bħala l-iżjed waħda li tintuża, u warajha, l-Għażla nru 2a. Ġie nnutat li
l-Għażla nru 2b probabbilment kienet l-inqas waħda li tintuża,
primarjament minħabba d-diffikultajiet marbutin mal-applikazzjoni tagħha.
Kuntatti mill-belt ta' Hamburg kienu ta’ din il-fehma, u qalu li s’issa
huma użaw biss l-Għażla nru 1, l-iżjed minħabba li huwa faċli biex
tapplikaha. F'Kopenħagen l-għażliet kollha ntużaw mill-awtoritajiet
tat-trasport pubbliku, u dawn irrappurtaw li kellhom esperjenzi tajbin b'rabta
ma’ kull waħda minnhom. Il-belt ta’ Bologna użat l-Għażliet nri 2a
u 2b, iżda għad ma għandhiex evidenza dwar l-esperjenzi marbutin ma’ dawn
il-metodi, kemm pożittivi u kemm negattivi. Is-Slovenja użat il-metodoloġija
għall-kosti tul il-ħajja operattiva tal-prodott, minkejja li tqies li ma kienx
hemm biżżejjed informazzjoni dwar il-prestazzjoni marbuta mal-emissjonijiet.
L-ebda wieħed mir-rappreżentanti minn Kopenħagen, minn Bologna u mis-Slovenja
għadu ma fforma opinjoni dwar jekk l-għażliet għandhomx jinżammu jew jiġu
emendati. Il-belt ta’ Ghent tuża l-għażliet kemm
tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u kemm tal-kriterji tal-għoti (jiġifieri
l-għażliet nri 1 u 2a). Għall-ewwel għażla, it-teknoloġija li jrid ikollha
l-vettura li tkun se tinxtara hija l-unika waħda li għandha tiġi speċifikata
(abbażi ta' analiżi tal-vetturi fis-suq), filwaqt li fil-każ tal-kriterji
tal-għoti, il-vetturi jridu jilħqu prestazzjoni ambjentali minima. Fi Stokkolma,
id-Direttiva 2009/33/KE tippermetti li jibqa' jintuża l-approċċ li kien jintuża
qabel fil-belt, li effettivament jiffissa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi,
jiġifieri jistgħu jinxtraw biss vetturi li jilħqu d-definizzjoni nazzjonali ta'
x'inhi vettura nadifa. Ir-rappreżentanti tal-bliet ta’ Ghent u Stokkolma kienu
tal-fehma li kien hemm bżonn ta' aktar gwida dwar l-użu tal-impatti fuq
l-enerġija u fuq l-ambjent bħala rekwiżiti tekniċi u li hemm bżonn jiġu
bbilanċjati mill-ġdid il-fatturi li jintużaw fl-għażla tal-għoti ta’ valur
monetarju rispettivament. L-operaturi tat-trasport pubbliku f'Londra, fi
Vjenna u fir-Rumanija kollha jispeċifikaw l-istandards ambjentali li
jridu jikkonformaw magħhom il-vetturi li jkunu se jinxtraw, filwaqt li l-belt
ta’ Barċellona tagħmel stima tal-kosti tal-vettura tul iċ-ċiklu ta’
ħajja tagħha, flimkien ma' fatturi oħrajn. Il-maġġoranza tal-Istati Membri kienu
tal-fehma li għandhom jinżammu l-għażliet kollha. Dan kien primarjament
minħabba l-esperjenza limitata li kellhom sa issa b’rabta mad-Direttiva 2009/33/KE
minn meta ġiet trasposta. U wkoll minħabba n-nuqqas ta' valutazzjonijiet li
twettqu sa issa biex jiġu ddeterminati l-impatti ta' din id-Direttiva, fosthom
fuq l-iżvilupp tas-suq tal-vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod
effiċjenti. Xi Stati Membri qalu wkoll li s-sistemi nazzjonali jvarjaw madwar
l-UE, u għaldaqstant huwa importanti li tinżamm l-għażla bejn l-alternattivi
differenti sabiex ma jkunx hemm Stati Membri li jkunu żvantaġġati. Dwar jekk għandhomx jiġu emendati xi għażliet,
l-Istati Membri reġgħu kienu tal-fehma li minħabba l-esperjenza limitata
miksuba b’rabta mad-Direttiva 2009/33/KE, fil-preżent ma setgħux jissuġġerixxu
b'liema mod jistgħu jittejbu l-għażliet. Biex ikunu jistgħu jagħmlu hekk,
jeħtieġ li jiksbu aktar esperjenza u li jagħmlu valutazzjoni tal-impatti
b’rabta ma’ dan. Gwida speċifika dwar
l-applikazzjoni tal-għażliet differenti tad-Direttiva 2009/33/KE u dwar
il-ponderazzjoni relattiva li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tagħha
tħejjiet biss minn għadd żgħir ta' Stati Membri, bħall-Pajjiżi l-Baxxi,
il-Latvja, id-Danimarka, Franza u r-Renju Unit. 4. L-impatt
tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa Il-valutazzjoni
tal-impatt tad-Direttiva 2009/33/KE kienet imxekkla ħafna min-nuqqas ta'
obbligi tal-Istati Membri li jirrappurtaw dwarha, u din is-sitwazzjoni kompliet
tiggrava minħabba n-nuqqas ta' dejta komprensiva, kemm min-naħa tax-xerrejja u
kemm min-naħa tal-manifatturi. Ma nstabet l-ebda ġabra ta' dejta konsistenti
dwar il-prestazzjoni marbuta mal-użu effiċjenti tal-enerġija u
mal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi li jniġġsu tal-vetturi
mixtrijin skont it-termini ta' din id-Direttiva. L-implimentazzjoni
tad-Direttiva 2009/33/KE f'għadd ta' Stati Membri ħafna wara d-data ffissata
fil-bidu għat-traspożizzjoni tagħha wkoll ippreveniet milli jkun mistenni xi
impatt kbir ta' din il-leġiżlazzjoni f’dan l-istadju bikri. F'għadd żgħir ta'
każijiet biss twettqu valutazzjonijiet tal-impatt mistenni tad-Direttiva dwar
il-Vetturi Nodfa. Rigward l-impatti potenzjali stmati tal-għażliet stipulati
fl-Artikolu 5(3) tagħha, kienu ftit ħafna dawk l-Istati Membri li wettqu
valutazzjoni ta’ dan. Fir-Renju Unit, twettqet valutazzjoni tal-impatt
tal-leġiżlazzjoni trasposta, iżda din kienet tittratta d-Direttiva kollha kemm
hi u mhux l-għażliet speċifiċi. Minn din il-valutazzjoni ġie konkluż li
fir-Renju Unit se jkun hemm benefiċċji ekonomiċi ta’ EUR 27 miljun
assoċjati mal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Iżda minħabba d-dewmien
fil-proċess tat-traspożizzjoni u n-nuqqas ta' dejta reali ta' wara
l-implimentazzjoni, għad ma hemm ebda valutazzjoni tal-impatt konklużiva dwar
l-impatt reali ta' wara t-traspożizzjoni. Għadd ta' Stati Membri diġà kellhom rekwiżiti
"ekoloġiċi" għall-akkwist pubbliku marbutin mal-akkwist tal-vetturi
qabel l-introduzzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Għaldaqstant, l-impatt ta'
din id-Direttiva fuq il-qagħda eżistenti kien minimu. Madankollu, ġie
rrikonoxxut li jista’ jkun li l-korpi pubbliċi jibbenefikaw
mill-formalizzazzjoni tal-kriterji għall-akkwist, u dawk l-Istati Membri li
qabel ma kellhom l-ebda kriterji dwar dan huma mistennija jibbenefikaw minnha. Bosta bliet fl-UE
waqqfu politiki bil-ħsieb li jakkwistaw vetturi aktar nodfa u li jkunu iktar
effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dawn il-politiki għinu biex jitnaqqsu
l-emissjonijiet mill-flotot ta' vetturi pubbliċi f'dawn l-ibliet. Ta' sikwit,
dawn l-akkwisti saru minħabba l-ħtieġa biex jikkonformaw mal-istandards
tal-kwalità tal-arja tal-UE. Bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Vetturi
Nodfa, huwa mistenni jkun hemm aktar bliet li jibdlu l-flotot tal-vetturi
tagħhom biex jagħmluhom iktar nodfa skont l-għażliet li toffri din
id-Direttiva. Il-manifatturi
indikaw li hemm għadd ikbar ta' awtoritajiet pubbliċi li qegħdin jevalwaw
il-kosti u l-impatti tal-vetturi tul-il-ħajja operattiva tagħhom u li mhux
qegħdin jikkonċentraw biss fuq l-ispiża tax-xiri tal-vetturi. F'dan ir-rigward,
id-Direttiva 2009/33/KE donnha qed twassal għal bidla fl-attitudni li jista'
jkollha impatt aktar sinifikanti fit-tul fuq id-deċiżjonijiet tal-akkwist
tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi tat-trasport pubbliku. Madankollu, rigward l-impatti aktar mifruxin,
inħass li jkun diffiċli ħafna li jiġu vvalutati l-impatti tad-Direttiva 2009/33/KE,
billi jista' jkun li impatti simili mistennija setgħu ġew stimulati minn miżuri
politiċi oħrajn. Minkejja li s-suq għall-vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet
qed jikber, huwa diffiċli li dan jiġi attribwit għall-implimentazzjoni ta' din
id-Direttiva, u dan x’aktarx li qed iseħħ l-aktar minħabba fatturi oħrajn
(inklużi l-iżviluppi teknoloġiċi, leġiżlazzjoni oħra tal-UE, il-politiki
nazzjonali ta' tassazzjoni fuq il-vetturi, il-kundizzjonijiet tas-swieq,
l-iskemi ta' inċentivi eżistenti tal-gvernijiet, eċċ.). Bosta Stati Membri semmew li l-attività ta'
akkwist pubbliku marbuta mal-vetturi (u ma’ setturi oħrajn) kienet baxxa f'dawn
l-aħħar snin – ħafna minnhom għandhom ftit wisq fondi disponibbli minħabba
r-riċessjoni dinjija biex ikunu jistgħu jġeddu l-flotot
tal-vetturi/il-kuntratti tas-servizzi. Kif qal Stat Membru partikulari, fattur ieħor
li jista' jkollu impatt fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-awtoritajiet pubbliċi
u tal-partijiet interessati mis-settur privat huwa l-prezzijiet għoljin
tal-petrol/tal-enerġija. Huwa stmat li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu
jkunu applikabbli b'mod ġenerali. Il-kosti totali tas-sidien tal-vetturi
f'ċerti każijiet għandhom rwol importanti fid-deċiżjonijiet tax-xiri (b'mod
partikolari għall-vetturi heavy-duty u għall-vetturi tal-flotta), u dan jista'
jkun qiegħed ipoġġi pressjoni fuq il-manifatturi tal-vetturi biex iżidu
s-sensiela ta' vetturi nodfa tagħhom u l-offerti tagħhom fuqhom. In-nuqqas ta'
proċeduri komuni għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi
heavy-duty fixkel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE għall-vetturi
ta’ dan it-tip. Għaldaqstant ġiet ipprovduta metodoloġija speċifika għall-kalkolu
tal-emissjonijiet fil-Portal għall-Vetturi Nodfa. Barra minn hekk,
l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (l-UITP) u
l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tal-Karozzi (l-ACEA) ħadmu flimkien
biex jiftehmu dwar kif l-operaturi u x-xerrejja setgħu japplikaw
id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa fl-offerti
għall-karozzi tal-linja. Tista' ssir kollaborazzjoni simili dwar tipi ta'
vetturi heavy-duty oħrajn. Mill-2013 'il
quddiem, il-magni tal-vetturi heavy-duty kollha se jiġu ttestjati skont
iċ-ċiklu tranżitorju għall-vetturi heavy-duty armonizzat għall-użu madwar
id-dinja kollha msejjaħ il-"Worldwide Harmonized Heavy-Duty Transient
Cycle" iddefinit taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa
tan-Nazzjonijiet Uniti. Kif iddikjarat fir-rapport finali[8] tal-grupp ta' ħidma rispettiv,
l-għan tar-riċerka inizjali mwettqa kien l-iżvilupp ta' ċiklu ta' testijiet
għall-magni tal-vetturi armonizzat għall-użu madwar id-dinja kollha għall-kejl
tal-emissjonijiet tal-egżost mill-magni. Din l-għodda se tintuża biex jitkejlu
l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, l-emissjonijiet tas-CO2
u l-konsum tal-fjuwil. Dan il-kejl se jappoġġa applikazzjoni aktar mifruxa
tal-għażla tal-għoti ta’ valur monetarju mogħtija fid-Direttiva dwar il-Vetturi
Nodfa. Sal-lum ma nstabet
l-ebda prova ta' għażla tat-teknoloġija, u dan jikkonferma li l-approċċ ta' din
id-Direttiva huwa kompletament newtrali mil-lat tat-teknoloġija. 5. Ir-replikazzjoni
tal-Approċċ tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa Id-Direttiva dwar
il-Vetturi Nodfa hija parti minn bidla gradwali fil-politika tal-UE lejn
inklużjoni aktar proattiva u konsistenti tar-rekwiżiti ambjentali
fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwisti u l-prodotti. Ilhom għadd ta' snin
jittieħdu approċċi simili għal dak tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa rigward
l-inklużjoni tal-impatti operattivi tal-prodotti tul-il-ħajja tagħhom fuq
ir-riżorsi u fuq l-ambjent f'xi setturi oħrajn bħal dak tal-bini, tal-apparat
li jaħdem bl-elettriku u tat-tagħmir tal-uffiċċji. Inizjattivi ta’ dan it-tip,
flimkien ma' vetturi li qed isiru dejjem iżjed nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija, se jkollhom rwol importanti biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta'
titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika tal-UE sal-2020. L-iżvilupp
fil-leġiżlazzjoni dwar l-akkwisti lejn approċċ ta' kosteffikaċja, bħall-kejl
tal-kosti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, ġie ġġeneralizzat fil-proposta
tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 għal analiżi
tad-Direttivi eżistenti dwar l-akkwist pubbliku[9],
u b'mod partikolari fl-Artikolu 66 dwar il-kriterji tal-għoti ta' kuntratt
u l-Artikolu 67 dwar l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. Il-bidliet
inklużi fil-qafas rivedut propost għandhom iwasslu għal kunsiderazzjoni aktar
konsistenti tal-kriterji ambjentali fid-deċiżjonijiet tal-akkwist pubbliku
fl-UE. Filwaqt
li ma nstabet ebda prova li d-Direttiva 2009/33/KE tinfluwenza b'mod dirett
l-approċċ tas-settur privat lejn l-akkwist ta' vetturi nodfa u li jużaw
l-enerġija b'mod effiċjenti, xorta waħda nstabu eżempji tal-akkwist ta' iktar
vetturi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti fis-settur privat. B'danakollu,
ta' min jinnota li l-akkwist ta' vetturi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti
fis-settur privat huwa element wieħed biss tal-ġestjoni tal-flotta. L-akkwist
ta' vetturi ta’ dan it-tip jista' jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġestjoni
ta' flotta, b'mod partikolari f’każ li l-ispejjeż ta' vettura b'użu effiċjenti
tal-enerġija tul il-ħajja tagħha jkunu inqas minn dawk ta' vetturi
konvenzjonali. Iżda elementi oħrajn tal-ġestjoni ta' flotta li tkun effiċjenti
fl-użu tal-enerġija jinkludu t-tkabbir kemm jista’ jkun tat-tagħbija,
it-tnaqqis tal-vjaġġi mingħajr tagħbija u s-sewqan ekoloġiku. Għalhekk, ħafna
ditti li jkollhom flotot kbar, pereżempju l-kumpaniji tal-kurriera bħad-DHL,
it-TNT u l-UPS, jimmaniġġaw il-flotot tagħhom b'mod li jnaqqsu l-konsum
tal-enerġija, u b'hekk inaqqsu l-emissjonijiet. Għal dawn il-kumpaniji,
il-ġestjoni tal-flotot tal-vetturi tagħhom b'dan il-mod jagħmel sens ekonomiku,
minbarra li jwieġeb għat-tħassib ambjentali usa’, inkluż tal-klijenti tagħhom
stess. Wieħed jista' jidentifika diversi eżempji ta' prattika tajba fir-rigward
tal-ġestjoni nadifa tal-flotot madwar id-dinja. Fil-Finlandja, l-approċċi stabbiliti
fid-Direttiva 2009/33/KE ġew adottati fis-settur privat. Il-pariri dwar
l-akkwist prodotti b'rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi
Nodfa tqassmu wkoll lix-xerrejja l-privati l-kbar, bħalma huma x-xerrejja
tal-karozzi tal-kumpaniji, u dan huwa importanti, għaliex kważi waħda minn kull
ħames karozzi ġodda li jinxtraw fil-Finlandja huma karozzi tal-kumpaniji. 6. Konklużjonijiet Id-dewmien
fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa fil-maġġoranza
tal-Istati Membri llimita l-esperjenza miksuba b’rabta ma' din id-Direttiva
s’issa u għaldaqstant ikkumplika l-valutazzjoni tal-impatti tagħha fl-ambitu
ta' dan ir-rapport ta' monitoraġġ. Din il-qagħda kompliet tiggrava minħabba
n-nuqqas ta' obbligi tal-Istati Membri li jirrappurtaw dwar din id-Direttiva. Jidher
li tinħtieġ gwida addizzjonali dwar l-applikazzjoni tal-għażliet differenti
tad-Direttiva biex jitqiesu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2
u tas-sustanzi li jniġġsu meta jkunu qed jiġu akkwistati l-vetturi. Jinħtieġ li
jiġi appoġġat ukoll l-approċċ tal-għoti ta’ valur monetarju, li għadu ġdid.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu din il-gwida, filwaqt li jqisu b'mod
partikolari l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tagħhom. Għandu jitqies ukoll
taħriġ apposta għall-persunal inkarigat mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
nazzjonali rilevanti. Il-Portal
dwar il-Vetturi Nodfa huwa meqjus bħala għodda utli għall-awtoritajiet pubbliċi
fl-akkwist ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’rabta
mal-prevalenza tal-esperjenza miksuba fil-kuntest ta' din id-Direttiva.
Il-Kummissjoni se taġġorna l-Portal dwar il-Vetturi Nodfa biex twieġeb
għall-aspettattivi tax-xerrejja pubbliċi u privati. Barra minn hekk,
il-funzjonalità marbuta mal-promozzjoni tal-akkwist konġunt ta' vetturi nodfa u
effiċjenti fl-użu tal-enerġija fuq il-Portal se tittejjeb u dan jinkludi li
jitħaffu aktar il-kuntatti mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u
reġjonali fl-UE 27 u lil hinn minnha. Dan
mistenni jgħin biex jibni s-saħħa tas-suq tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu
tal-enerġija b'rata aktar mgħaġġla sabiex l-industrija tkun tista' tibbenefika
mill-ekonomiji tal-iskala u toffri prodotti aktar kompetittivi. Jekk tingħata
aktar attenzjoni lill-klijenti privati wkoll jista’ jiżdied l-impatt tad-Direttiva 2009/33/KE,
skont il-mira oriġinali li l-ewwel jiġi indirizzat b'mod dirett is-settur
pubbliku u mbagħad wara jiġi indirizzat l-akkwist fis-settur professjonali u
f’dak privat. Għadd
ta' partijiet interessati, bħalma huma l-assoċjazzjonijiet industrijali tal-UE,
jistgħu jiżviluppaw gwida għall-membri rispettivi tagħhom, kif għamlet
l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (l-UITP), sabiex jiżdied
l-għarfien dwar din id-Direttiva. Il-Kummissjoni varat Osservatorju Ewropew
għall-Elettromobbiltà (bl-Ingliż imsejjaħ “European Electro-mobility
Observatory” (EEO)) f'Diċembru tal-2012[10],
li se jiżgura l-ġbir u t-tqassim tad-dejta statistika ewlenija dwar
l-elettromobbiltà (il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku bil-batterija u dawk li
jaħdmu bl-elettriku biċ-ċelluli tal-fjuwil) b'mod konsistenti mill-awtoritajiet
reġjonali u lokali. L-Osservatorju
Ewropew għall-Elettromobbiltà għandu jsir il-pjattaforma ewlenija ta' informazzjoni dwar
l-elettromobbiltà tar-reġjuni Ewropej. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar
il-mod kif l-akkwist pubbliku fil-livell lokali jinfluwenza l-iżvilupp tas-suq
tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew tal-vetturi li
jaħdmu bl-elettriku biċ-ċelluli tal-fjuwil fl-Ewropa. Fl-analiżi
li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, li hija ppjanata li ssir fl-2014,
il-Kummissjoni qed tippjana li tivvaluta bl-akbar reqqa l-valur miżjud
tad-Direttiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha mnejn tikkunsidra
l-possibbiltà li tiffaċilita l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva billi tissimplifikaha.
Dan jista' jsir billi jitnaqqsu l-għażliet fil-livell tal-Istati Membri,
pereżempju billi tingħata l-iżjed attenzjoni lill-approċċ l-iktar sempliċi fejn
jidħlu l-kalkoli li jridu jitwettqu. Dan iwassal biex tiġi evitata
l-possibbiltà ta' frammentazzjoni tas-suq intern minħabba għażliet teknoloġiċi
differenti. Dan imbagħad jista' jwassal għal kundizzjonijiet aħjar
għall-ekonomiji tal-iskala għat-teknoloġiji innovattivi tal-vetturi permezz
tar-raggruppament tad-domanda fis-suq intern. Jistgħu jiġu imposti fuq l-Istati
Membri wkoll obbligi ċari ta' rrappurtar. [1] Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009
dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti
fl-użu tal-enerġija, ĠU L 120/5
(http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:120:0005:0012:mt:pdf) [2] http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/vehicles/directive/index_en.htm [3] Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament u tal-Kunsill li
tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi
tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali; id-Direttiva
2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni
tal-proċeduri għall-ippremjar tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi,
il-kuntratti tal-forniment pubbliku u l-kuntratti tas-servizzi pubbliċi [4] Ir-Regolament (KE) 1370/2007
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar
servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq [5] http://www.cleanvehicle.eu/ [6] COM(2013) 18 finali. [7] COM(2013) 17 finali. [8] http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trans/doc/2001/wp29grpe/TRANS-WP29-GRPE-42-inf02.pdf [9] COM(2011) 896. [10] http://www.hyer.eu/publications/newsletters/hyer-update-december-2012/hyer-signs-european-electromobility-observatory-contract