EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0194

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Finali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE

/* COM/2013/0194 final */

52013DC0194

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Finali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE /* COM/2013/0194 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Finali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE

LISTA TA’ AKRONIMI

AFSI AGIR Sahel AU-IBAR CSP/RSP DEVCO EDF UE FAO FSTP IFAD MFF NGO NSA PSNP SHARE SWD NU UNHLTF UNRWA WB WFP || Inizjattiva tal-Aquila dwar is-Sigurtà tal-Ikel Alliance Globale pour l'Initiative Résilience Unjoni Afrikana – Uffiċċju Interafrikan għar-Riżorsi mill-Annimali Pajjiż/Dokument dwar l-Istrateġija Reġjonali Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - EuropeAid Fond Ewropew għall-Iżvilupp L-Unjoni Ewropea Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti Programm Tematiku dwar is-Sikurezza ta' l-Ikel Il-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu Qafas finanzjarju pluriennali Organizzazzjoni mhux Governattiva Attur mhux statali Programm ta’ Xibka Protettiva għall-Produzzjoni Supporting Horn of Africa Resilience Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal In-Nazzjonijiet Uniti Task Force ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti L-Aġenzjia tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għajnuna u x-Xogħolijiet Il-Bank Dinji Il-Programm Dinji tal-Ikel

1.           Introduzzjoni

Fl-2008, ix-xejra fit-tul ta’ tnaqqis kostanti fil-prezzijiet tal-ikel inqalbet hekk kif kien hemm żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel bażiku. Bħala konsegwenza, aktar minn 100 miljun ruħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiċċaw ibatu l-ġuħ. Prezzijiet għolja u volatili tal-ikel għarrqu s-sitwazzjoni fejn tidħol is-sigurtà tal-ikel, partikolarment għal dawk l-aktar vulnerabbli, u dan wassal għal irvellijiet minħabba l-ikel f’diversi pajjiżi.

Matul is-Samit tal-G8 f’Lulju 2008, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha biex tistabbilixi l-Istrument tal-Faċilità għall-Ikel, li jiswa EUR 1 biljun bħala reazzjoni fuq skala kbira kontra l-effetti tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, u tabilħaqq ir-reazzjoni tal-UE permezz tal-istrumenti eżistenti[1] kellha bilfors titkabbar sabiex setgħet tindirizza l-ħtiġijiet li rriżultaw minn xokk ekonomiku ta’ din ix-xorta.. Fis-16 ta’ Diċembru 2008, ġiet stabbilita l-Faċilità għall-Ikel (“il-Faċilità għal reazzjoni rapida kontra ż-żieda u l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżi li qed jiżviluppaw”).

Il-Faċilità għall-Ikel tal-UE kienet tikkostitwixxi l-ewwel reazzjoni finanzjarja maġġuri għall-kriżi tal-ikel u għenet biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni internazzjonali fin-NU u l-G8. Fil-parti l-kbira tagħha, il-Faċilità għall-Ikel żiedet mal-kontribuzzjoni ta’ USD 3.9 biljun magħmula mill-Kummissjoni lill-Inizjattiva tal-Aquila dwar is-Sigurtà tal-Ikel (AFSI). L-AFSI tnediet mill-mexxejja tal-G8 f’Lulju 2009 u tammonta għal USD 22 biljun f’appoġġ fuq tliet snin għall-agrikoltura sostenibbli u għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Bħala segwitu għal dawn l-impenji, l-UE aktar reċentement nediet żewġ inizjattivi ġodda bħala reazzjoni għall-kriżijiet massivi tal-ikel li laqtu l-Qarn tal-Afrika u s-Sahel (SHARE[2] u AGIR[3] Sahel). Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat qafas ġdid ta’ politika biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-aktar nies u komunitajiet vulnerabbli kontra kriżijiet futuri[4].

Il-Faċilità għall-Ikel tal-UE kienet tkopri tliet snin (2009-2011), u kienet primarjament indirizzata lejn il-perjodu bejn l-għajnuna ta’ emerġenza u l-assistenza għall-iżvilupp fuq perjodu medju u dak fit-tul. L-objettivi kienu li:

· tiġi inkorġġita reazzjoni pożittiva ta’ forniment mis-settur agrikolu f’pajjiżi u reġjuni fil-mira,

· jittaffew l-effetti negattivi tal-prezzijiet volatili tal-ikel fuq il-popolazzjonijiet lokali f’konformità mal-objettivi globali fejn tidħol is-sigurtà tal-ikel, inklużi l-istandards tan-NU għal ħtiġijiet nutrittivi; kif ukoll,

· jissaħħu l-kapaċitajiet produttivi u l-governanza tas-settur agrikolu biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-interventi.

F’konformità ma’ dawn l-objettivi, kien hemm tliet kategoriji ta’ miżuri eliġibbli għall-finanzjament: miżuri biex jitjieb l-aċċess għall-mezzi ta’ produzzjoni u tas-servizzi agrikoli, miżuri li jistabbilixxu xibka ta’ sikurezza, u miżuri oħra fuq skala żgħira bil-għan li tiżdied il-produzzjoni abbażi tal-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar id-diversi miżuri ta’ implimentazzjoni li ttieħdu, ir-riżultati u l-impatt probabbli, u t-tagħlimiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet ċentrali għat-titjib tal-programmi ta’ sigurtà tal-ikel preżenti u futuri tal-UE.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD), li jipprovdi aktar dettall dwar il-miżuri meħuda u l-impatt tagħhom fuq perjodu qasir[5].

2.           L-Iprogrammar u l-implimentazzjoni

F’Marzu 2009, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill pjan ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel li kien fih lista ta’ pajjiżi fil-mira u l-bilanċ previst bejn l-entitajiet eliġibbli għall-implimentazzjoni. Kien jinkludi l-analiżi finanzjarja indikattiva li ġejja: (i) Jiġu allokati EUR 920 miljun għal 50 pajjiż magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji indikattivi, (ii) jintużaw EUR 60 miljun għal interventi fuq livell reġjonali fl-Afrika, u (iii) inżammu EUR 20 miljun għal miżuri ta’ appoġġ.

Sa Mejju 2010, il-fondi kienu impenjati kollha.. Il-ħeffa fil-proċess ta’ approvazzjoni kien dovut ħafna għat-twaqqif ta’ Task Force mill-Kummissjoni, l-użu ta’ proċeduri mħaffa, u għall-flessibbiltà murija mill-Parlament Ewropew, li aċċetta perjodi iqsar mis-soltu li matulhom ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ skrutinju.

Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-attivitajiet kienu implimentati kif ippjanat, matul l-implimentazzjoni saru għadd ta’ tibdiliet għall-pjan ġenerali, li kienu jammontaw għal 5.2% tal-valur tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE[6]. L-implimentazzjoni ma setgħetx issir fil-Komoros filwaqt li, f’xi ftit pajjiżi, l-allokazzjonijiet tnaqqsu (eż. fil-Madagaskar, il-Ginea, Sao Tomé u Principe) jew żdiedu (eż. fiż-Żambja). Il-programmi ta’ appoġġ baġitarju ma setgħux jiġu implimentati kif kien previst inizjalment[7], min-naħa l-oħra żdied l-appoġġ iddirezzjonat permezz ta’ NGOs u ta’ aġenziji tal-Istati Membri tal-UE, meta mqabbel mal-pjanijiet inizjali.

Il-maġġoranza l-kbira tal-attivitajiet ġew fi tmiemhom fl-2011. Madankollu xi ftit interventi ma tlestewx qabel l-ewwel nofs tal-2012[8]. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Faċilità għall-Ikel tal-UE[9] kienet qed twettaq total ta’ 179 kuntratt u ftehim li jkopru 232 proġett. L-operazzjonijiet u l-proġetti ta’ appoġġ baġitarju ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali ġew ġestiti ċentralment minn DEVCO, flimkien mal-miżuri ta’ appoġġ, filwaqt li l-proġetti ma’ NGOs u l-aġenziji tal-Istati Membri kienu devoluti lejn id-Delegazzjonijiet tal-UE f’Jannar 2010. Il-Kummissjoni żburżat kważi 100% tal-ammont totali ta’ EUR 983.7 miljun (bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ appoġġ). Din ir-rata għolja ħafna nkisbet bis-saħħa tal-użu ta’ proċeduri mgħaġġla, monitoraġġ mill-qrib, u flessibbiltà fir-riallokazzjonijiet.

Ir-Regolament stipula li għandu jintuża massimu ta’ 2% mill-Faċilità għall-Ikel tal-UE (jiġifieri massimu ta’ EUR 20miljun) għal miżuri ta’ appoġġ, inkluż ir-reklutaġġ ta’ persunal temporanju f’Delegazzjonijiet tal-UE, il-monitoraġġ, l-awditjar, il-valutazzjoni, l-istudji, il-konferenzi u l-assistenza teknika. Eventwalment, ġew użati EUR 17.3 miljun għal dawn l-iskopijiet. Minbarra l-użu ta’ miżuri ta’ appoġġ, il-Kummissjoni qassmet mill-ġdid għaxar postijiet fil-livell ta’ kwartier ġenerali biex l-inizjattiva tkun tista’ titnieda.

3.           Monitoraġġ, Awditjar u Evalwazzjoni

Il-Faċilità għall-Ikel kienet issorveljata mill-qrib: Ġew immonitorjati 176 proġett (aktar minn 75% tal-proġetti tal-Faċilità għall-Ikel) bl-użu tal-approċċ ROM, jiġifieri Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultat u ġew abbozzati 236 rapport ta’ monitoraġġ minn esperti esterni, analizzati mill-persunal tal-Kummissjoni fi Brussell kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-UE u kondiviżi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, kemm mal-imsieħba li jimplimentaw kif ukoll mal-awtoritajiet lokali.

Il-proġetti akkwistaw punteġġi tajba, b’70 % tal-proġetti li ġew klassifikati bħala li kellhom prestazzjoni “tajba ħafna u tajba”, 23 % li kellhom prestazzjoni “bi problemi” u 7 % biss ġew elenkati bħala li kellhom “diffikultajiet maġġuri”[10]. Dawn ir-riżultati jixbħu il-medji tar-riżultati ROM għal proġetti tal-UE in ġenerali, kif evalwati fl-2011[11]. Matul il-ħajja tal-proġett ta’ spiss kienet issir missjoni oħra ta’ monitoraġġ aktar tard, bil-għan li jitkejjel il-progress fil-prestazzjoni u jsir segwitu tar-rakkomandazzjonijiet.

Barra minn hekk, is-sħab fdati bl-implimentazzjoni ssottomettew rapporti dwar il-progress u rapporti speċifiċi finali b’mod regolari[12], ma liema sħab saru żjarat fuq il-post u laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni. Is-sett kollu ta’ informazzjoni li joħroġ mill-monitoraġġ inqabad f’tabella ta’ valutazzjoni dwar il-ġestjoni globali żviluppata bħala għodda interattiva użata sabiex tiġi aġġornata f’ħin reali l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ li jkollhom il-Kummissjoni kif ukoll id-Delegazzjonijiet tal-UE.

Saru evalwazzjonijiet indipendenti fuq tliet livelli: (i) fil-livell tal-proġett għal proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs u aġenziji fl-Istati Membri, (ii) fil-livell ta’ sħab fdati bl-implimentazzjoni (pereż. il-FAO[13], l-AU-IBAR), u (iii) fuq livell globali, dwar l-Istrument tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE[14]. Bejn l-2011 u l-2012 saret evalwazzjoni finali tal-Faċilità għall-Ikel tal-UE u segwiet il-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Hija kkonkludiet b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet effiċjenti u effettiva fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel, li l-interventi kienu rilevanti u li l-proġetti kellhom effett pożittiv ċar fuq il-benefiċjarji. Madankollu, kien ikun hemm impatt akbar kieku tħalla perjodu itwal għall-implimentazzjoni u kieku kien stabbilit ambitu ġeografiku idjaq. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat dan l-aħħar rapport speċjali dwar l-effettività ta’ assistenza għas-sigurtà tal-ikel mill-UE fl-Afrika sub-Saħarjana li jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, li l-UE teżamina l-fattibilità ta’ strument permanenti biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi potenzjali futuri ta’ kriżijiet ta’ ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[15].

4.           Ir-riżultati u l-impatt probabbli

Minkejja l-perjodu qasir tagħha, il-Faċilità għall-Ikel laħqet aktar minn 59 miljun benefiċjarju dirett b’effetti li xterdu lejn 93 miljun benefiċjarju indirett, il-biċċa l-kbira minnhom proprjetarji żgħar vulnerabbli u l-familji tagħhom[16]. L-interventi ġew allinjati mal-politiki u l-prioritajiet tal-pajjiżi sħab u implimentati f’koordinazzjoni, f’kumplimentarjetà u f’koerenza mal-istrumenti tas-sigurtà tal-ikel tal-UE bħall-Programm Tematiku dwar is-Sigurtà tal-ikel u l-programmi tal-Istati Membri tal-UE u ta’ donaturi oħra.

Permezz ta’ aktar minn 65% tal-interventi zdiedet il-qawwa ta’ operazzjonijiet kurrenti, b’finanzjament addizzjonali li, fejn kien rilevanti u possibbli, ġie inkanalat permezz ta’ strutturi ta’ implimentazzjoni eżistenti. Bis-saħħa ta’ dan seta’ jkun hemm reazzjoni rapida u ġiet adattata għall-perjodu qasir ta’ żmien tal-Faċilità għall-Ikel. Imfassla bħala parti mir-reazzjoni koordinata internazzjonali tal-UNHLTF għall-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, kważi 60% tal-finanzjament ġie inkanalat permezz tal-aġenziji tan-NU.

Permezz ta’ dan seta’ jkun hemm reazzjoni xierqa u f’waqtha bis-saħħa tal-presenza konkreta wiesgħa tal-aġenzija, li pprovdiet profil viżibbli tajjeb għall-viżibilità tal-Faċilità għall-Ikel fuq livell ta’ pajjiż. Il-Faċilità għall-Ikel kienet ukoll strumentali fit-tisħiħ tas-sħubijiet tal-Kummissjoni mal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti bbażati Ruma[17], li ultimament wasslu għall-iffirmar ta’ Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni għal qafas ta’ kooperazzjoni programmatika dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni[18]. L-interventi ġew ukoll implimentati minn aktar minn 425 atturi mhux Statali, il-biċċa l-kbira minnhom ibbażati lokalment u fil-pajjiż. Aktar minn żewġ terzi minnhom kienu kkuntrattati mill-aġenziji tan-NU filwaqt li 124, li joperaw taħt is-sejħa għall-proposti, ġew kuntrattati mill-Kummissjoni.

Il-kisbiet ewlenin, ir-riżultati u l-impatt fuq żmien qasir tal-interventi tal-Faċilità għall-Ikel qed jiġu ppreżentati hawn taħt għal kull wieħed mit-tliet tipi ta’ interventi identifikati fir-Regolament.

4.1.        Miżuri biex jitjieb l-aċċess għall-kontribut u s-servizzi agrikoli;

Il-biċċa l-kbira tal-interventi tal-Faċilità għall-Ikel (62%) iffokaw fuq it-titjib tal-produzzjoni agrikola ta’ propjetarji żgħar u/jew l-aċċess tagħhom għall-mezzi ta’ produzzjoni. Id-distribuzzjoni tal-mezzi ta’ produzzjoni agrikoli kienet l-akbar element tal-proġetti implimentati mill-FAO u mill-NGOs. Lill-bdiewa fil-mira tqassmu 124 600 tunellata metrika ta’ żrieragħ iċċertifikati u mtejba kif ukoll 950 000 tunnellata metrika ta’ fertilizzant. L-isfida ewlenija f’dan il-qasam kienet biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-agrikoltura marbuta maż-żminijiet partikolari tas-sena, minkejja l-proċeduri tal-akkwist u d-disponibilità limitata fis-suq lokali. Kif irrappurtat mis-sieħba fdati bl-implimentazzjoni, id-diversi proġetti wasslu għal żieda medja fil-produzzjoni agrikola ta’ 50% (b’firxa bejn 20% u 100%) u żieda medja fl-introjtu annwali ta’ kull unità domestika ta’ kważi EUR 290 (b’firxa ta’ bejn EUR 40 u EUR 2100).

Fil-Gwatemala, il-FAO u l-WFP flimkien saħħew il-produttività agrikola u l-kapaċità ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ 14 000 proprjetarju żgħir. F’Alta Verapaz, il-produttività tal-bdiewa tal-qamħirrun żdiedet minn medja ta’ 2.1 tunnellati kull ettaru għal medja ta’ 3.5 tunnellata/ettaru. L-unitajiet domestiċi setgħu jipproduċu ammont żejjed ta’ 20% bħala medja peress li xi wħud mill-produtturi setgħu jilħqu grad tajjeb ta’ organizzazzjoni u jissodisfaw standards internazzjonali ta’ kwalità.

Il-produzzjoni żdiedet ukoll permezz ta’ proġetti mmirati lejn is-sidien tal-bhejjem, billi ġew ipprovduti b’total ta’ 834 000 annimal (baqar, mogħoż, ħnieżer u tiġieġ). Inkiseb impatt importanti f’termini ta’ produttività permezz ta’ żieda fil-mekkanizzazzjoni tal-agrikoltura (fiż-Żambja pereżempju, l-użu ta’ għodod eħfef għaż-żrigħ minflok l-imħaret il-kbar seddqet l-ugwaljanza bejn is-sessi peress li t-tħawwil u t-tneħħija tas-sikrana huwa tradizzjonalment xogħol in-nisa) u t-tnaqqis tal-mortalità permezz tat-tilqim tal-bhejjem.

L-AU-IBAR implimentat il-proġett “Vaċċini għall-Kontroll ta’ Mard tal-annimali traskurat” (VACNADA) fi 28 pajjiż Afrikan ta’ taħt is-Saħara. Tlaqqam total ta’ 44.6 miljun bhima kontra 4 mardiet tal-annimali li jittieħdu, b’mod li tnaqqset b’mod drammatiku l-okkorrenza ta’ dak il-mard fiż-żoni fil-mira. Bl-immunità ogħla miksuba permezz tat-tilqim, is-sidien tal-bhejjem (speċjalment proprjetarji żgħar li ma setgħux jifilħu jħallsu għal tilqim) setgħu jżommu l-istokk tagħhom, ibigħu ż-żejjed u jkopru l-infiq domestiku, u dak mhux previst.

Il-proġett tejjeb ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni (f’ċerti każijiet b’100%) kif ukoll il-kwalità ta’ vaċċini magħżula permezz tal-forniment ta’ tagħmir u t-titjib tal-faċilitajiet ta’ laboratorji li jipproduċu l-vaċċini, ikkumplimentati b’attivitajiet ta’ taħriġ sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tas-servizzi veterinarji.

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti akkumpanjaw id-distribuzzjoni taż-żerriegħa/fertilizzant u tal-bhejjem bid-distribuzzjoni ta’ għodod, tilqim, u ta’ makkinarju agrikolu. Aktar minn 88 000 makkinarju u faċilità ta’ wara l-ħsad ġew pprovduti lill-benefiċjarji. Is-sħubijiet mas-settur privat, b’mod partikolari permezz ta’ negozjanti lokali li jaħdmu fl-agrikoltura, ikkontribwew mhux biss fit-titjib tad-disponibbiltà u ċ-ċirkolazzjoni tal-mezzi ta’ produzzjoni iżda wkoll stimulaw l-ekonomija lokali. Diversi proġetti kienu jinvolvu d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni (pereż. l-ortikultura fil-Bangladexx, it-trobbija ta’ annimali żgħar fit-Tanżanija, il-vaski tal-ħut, il-pjantaġġini fuq skala medja jew il-produzzjoni veġetali f’Ħaiti), li wassal biex il-benefiċjarji jkollhom aċċess għal ikel aktar diversifikat. Barra minn dan, il-proġetti tejbu l-produzzjoni għas-suq, biex seta’ jiġi ġġenerat introjtu żgħir ta’ flus kontanti għal unitajiet domestiċi li qabel kienu jaqilgħu biss kemm jeżistu.

Fil-proġett Self Help Africa implimentat fl-Etjopja l-produzzjoni agrikola żdiedet b’35% fil-każ ta’ 17 500 unità domestika permezz tad-distribuzzjoni ta’ 606 Mt ta’ żrieragħ imtejba, 29 Mt ta’ għalf tal-annimali, 278 000 mediċini tal-annimali (antibijotiċi u antielmintiċi), makkinarju (għat-tindif taż-żrieragħ, pompi ta’ irrigazzjoni, materjali marbut mal-prodotti tal-ħalib) u l-kostruzzjoni ta’ 16-il maħżen taż-żerriegħa. Id-dħul annwali tal-benefiċjarji żdied, u jvarja bejn madwar 290 EUR sa 1 500 EUR.

L-operazzjonijiet kienu jinkludu l-bini tal-kapaċità li tkun tista’ ssostni l-kisba sostenibbli ta’ żieda fil-produttività agrikola. L-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità ġew assoċjati ma’ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet inklużi t-taħriġ tal-bdiewa f’tekniki agrikoli u tal-irrigazzjoni; huma saħħew ukoll il-kapaċitajiet ta’ gruppi lokali ta’ bdiewa u ta’ assoċjazzjonijiet tal-produtturi. Barra minn hekk, is-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu mmirati mhux biss lejn il-bdiewa iżda wkoll lejn uffiċjali tal-gvern u partijiet interessati oħra. Kważi 2.5 miljun ruħ ibbenefikaw mid-diversi attivitajiet ta’ taħriġ. Il-metodoloġiji ta’ estensjoni, bħal skejjel għall-bdiewa fuq il-post (farmer field schools) u promoturi rurali, servew bħala kanali effettivi ta’ għoti ta’ pariri permezz ta’ dimostrazzjonijiet fuq il-post ta’ intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni, prattiki agrikoli tajba, agrikoltura ta’ konservazzjoni, ġestjoni tal-fertilità tal-ħamrija, irrigazzjoni fuq skala żgħira, diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, eċċ.

Fiż-Żambja, il-produzzjoni tal-ikel żdiedet permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-inputs agrikoli u l-promozzjoni tal-prinċipji ta’ agrikoltura ta’ konservazzjoni. Matul il-jiem tal-estensjoni waqt il-lezzjonijiet għall-bdiewa fuq il-post (farmer field schools – FFS) 400 uffiċjal tat-taħriġ agrikolu ttrasferew l-għarfien tagħhom dwar l-agrikoltura ta’ konservazzjoni lil 28 bidwi fuq il-post li kull wieħed minnhom min naħa tiegħu ħarreġ lil 15-il bidwi ieħor parteċipanti. B’dan il-mod intlaħqu kważi 180,000 bidwi.

It-tixrid ta’ prattiċi tal-agrikoltura ta’ konservazzjoni wasslet għal żieda medja ta’ 30% fil-produzzjoni tal-qamħirrum minn 2 tunnellati/l-ettaru sa 2.6 tunnellata/l-ettaru. B’segwitu fuq l-EUR 16.9 miljun inkanalti fil-proġett permezz tal-Faċilità għall-Ikel, huwa ppjanat li jsir kontribut ġdid ta’ EUR 11.1 miljun (iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) biex tkompli tixxerred il-prattika ta’ agrikoltura ta’ konservazzjoni fil-pajjiż.

4.2.        Miżuri li jservu ta’ xibka ta’ sigurtà u interventi dwar in-nutrizzjoni

Permezz ta’ interventi li jservu ta’ xibka ta’ sigurtà, li jammontaw għal madwar EUR 138 miljun, il-benefiċjarji setgħu jaffrontaw l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-ikel, l-iktar permezz ta’ proġetti ta’ cash/food for work u skemi ta’ vouchers. Persuni foqra fiż-żoni rurali (u kultant foqra f’żoni urbani) ibbenefikaw minn miżuri li jistabbilixxu miżuri ta’ sigurtà (pereż. l-PSNP fl-Etjopja) u proġetti ta’ cash/food for work (pereż. is-Sierra Leone, il-Pakistan). Miżuri ta’ xibka ta’ sigurtà ġew implimentati minn sħab li għandhom esperjenza fid-distribuzzjoni tal-flus jew tal-ikel, bħall-Bank Dinji, l-UNRWA, u l-WFP iżda wkoll mill-NGOs, li użaw kwart tal-ammont inkanalat permezz tagħhom għal proġetti cash for work (EUR 57 miljun).

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dħul addizzjonali li rriżultaw mill-attivitajiet għen lill-benefiċjarji biex jegħlbu l-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll – fi ftit każijiet – id-diżastri naturali li affettwahom matul il-perjodu ta’ validità tal-Faċilità għall-Ikel (nixfa, għargħar). Barra minn hekk, hija żiedet ir-reżiljenza ta’ dawk l-aktar fqar u impediet il-bejgħ tal-assi produttivi tagħhom (l-annimali żgħar, il-makkinarju), ħaġa li ppermettiet lill-unitajiet domestiċi jtejbu ħajjithom wara l-kriżijiet.

Fil-Bangladexx, l-iskemi ta’ food/cash for work kienu ta’ benefiċċju għal 607 000 persuna permezz ta’ skemi ta’ impjieg għal perjodu qasir mgħoti lil 121 000 ħaddiem agrikolu marġinali jew bla artijiet matul staġuni dgħajfa; Inbnew u ġew riabilitati 989 assi agrikoli reżistenti kontra l-għargħar, inklużi rinforzi maxxmajjar, toroq ta’ aċċess, l-ispostament għal fuq livell ogħla ta’ art u ta' meded għaż-żrieragħ, kif ukoll faċilitajiet ta’ irrigazzjoni, li permezz tagħhom ingħatat protezzjoni lil 1.7 miljun persuna.

F’każijiet speċifiċi ħafna, tqassam ukoll ikel, fil-kuntest ta’ skemi food for work (ikel għax-xogħol) jew anki bħala għajnuna alimentari, lill-persuni l-aktar vulnerabbli. Pereżempju, l-UNRWA, fit-Territorju Palestinjan Okkupat, qassmet 34 500 Mt ta’ ikel, u l-WFP qassam 96 600 Mt f’pajjiżi b’żoni kkaratterizzati minn skarsezza kbira ta’ ikel (pereż. il-Pakistan, il-Bangladexx, u l-Gwatemala).

Aktar minn terz (37%) tal-proġetti kellhom attivitajiet relatati man-nutrizzjoni. Il-Faċilità għall-Ikel tejbet l-istatus nutrizzjonali tal-aktar nies vulnerabbli, speċjalment tat-tfal. Bosta interventi kienu mmirati speċifikament lejn tfal sal-età ta’ 6 snin kif ukoll lejn nisa tqal u li qed ireddgħu, sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel. Fin-Niġer, il-Mali, u l-Liberja pereżempju, tqassmu aktar minn 25 000 Mt ikel nutrizzjonali u miljuni ta’ vitamini, filwaqt li 141 000 benefiċjarju, l-aktar ommijiet u staff mediku u paramediku tħarrġu fi prattiċi ta’ titjib tan-nutrizzjoni.

Fil-Mali, aktar minn 11-il miljun tifel u tifla bejn l-etajiet ta’ 6 xhur u 59 xahar irċevew supplement nutrizzjonali ta’ Vitamina; Fin-Niġer, 1 300 000 tifel u tifla bbenefikaw minn kampanji ta’ sensitizzazzjoni ta’ ommijiet u ta’ bini ta’ għarfien marbuta mal-prevenzjoni tan-nutrizzjoni ħażina. Fil-Gwatemala, 100 000 tifel u tifla ta’ bejn is-6 xhur u s-36 xahar, kif ukoll 50 000 mara, tqal u li qed ireddgħu, irċevew razzjonijiet addizzjonali tal-ikel filwaqt li 8 000 bidwi li jgħixu fil-livell tas-sussistenza rċevew razzjonijiet tal-ikel talli pparteċipaw f’attivitajiet ta’ taħriġ.

4.3.        Miżuri oħra fuq skala żgħira li għandhom l-għan li tiżdied il-produzzjoni agrikola

Ħafna mill-proġetti kienu jinkludu elementi oħra mmirati lejn it-titjib tal-produzzjoni, pereżempju billi jiġi indirizzat it-telf ta’ wara l-ħsad, id-disponibbiltà u l-konservazzjoni tal-ilma jew l-aċċess għas-swieq. B’kollox ġew riabilitati jew irrigati 315 350 ettaru ta’ art agrikola filwaqt li ġew riabilitati jew kostruwiti 13 656 diga u diga żgħira (micro-dams), u aktar minn 10 600 km ta’ toroq (prinċipalment toroq sekondarji) ġew riabilitati jew kostruiti. Barra minn hekk, miżuri oħra ta’ skala żgħira kienu jinkludu l-għoti ta’ mikrokreditu, il-kostruzzjoni ta’ ċentri ta’ żerriegħa u ta’ faċilitajiet għar-riċerka.

Fit-Tramuntana tal-Afganistan, 4 880 familja pparteċipaw fi programm ta’ cash for work f’attivitajiet li jinvolvu l-infrastruttura u l-ilma, biex b’hekk ġew kostruiti u riabilitati 107 km ta’ toroq, 1 057 km ta’ kanali tal-irrigazzjoni; 3 164 ettaru ta’ art ġew magħmula disponibbli għall-agrikoltura, biex b’hekk tjiebet il-produttività agrikola u tjieb l-aċċess għall-irġula u s-swieq, speċjalment fix-xitwa. Bħala konsegwenza, 218 000 persuna bbenefikaw minn infrastruttura riabilitata u kostruita mill-ġdid kif ukoll minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar, u 6 500 familja issa għandhom aċċess għall-ilma tax-xorb li ma fihx perikli.

Attivitajiet oħra koprew oqsma diversi inkluż is-sajd (il-Kambodja, il-Filippini, il-Ginea Conakry, il-Możambik), l-agrikoltura urbana (il-Kenja), is-sosten għall-qafas ta’ politika (in-Nepal), il-multiplikazzjoni taż-żerriegħa (Burkina Faso, in-Niġer, in-Nepal, il-Możambik), jew l-agrikoltura ta’ konservazzjoni (iż-Żambja).

Il-Faċilità għall-Ikel kellha impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ aktar minn 59 miljun benefiċjarju dirett billi qawwiet il-produzzjoni agrikola sostenibbli fost il-bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira, biex b’hekk tnaqqas it-telf ta’ wara l-ħsad u ffaċilitat l-aċċess għas-swieq. L-interventi tejbu l-kapaċitajiet tal-propjetarji ż-żgħar fejn jidħlu art, bhejjem, u l-ġestjoni tal-ilma, u kkontribwew b’hekk għal żieda u għal diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ dħul tagħhom. Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Ikel ikkontribwiet biex jiżdied l-aċċess għall-ikel u għat-tisħiħ tas-sitwazzjoni tan-nies l-aktar vulnerabbli fejn jidħlu l-ikel u n-nutrizzjoni, speċjalment tan-nisa u t-tfal.

5.           LEZZJONIJIET PRINĊIPALI MEĦUDA U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Lezzjonijiet meħuda

1.           L-UE tat prova tal-ħila tagħha li tistabbilixxi u timplimenta b’mod effettiv il-Faċilità għall-Ikel ta’ biljun (1) EUR . Dan il-pass kuraġġuż poġġa lill-UE fuq quddiem nett tal-komunità tad-donaturi fejn jidħlu l-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel. Minn dak iż-żmien, hija baqgħet l-akbar donatur fejn tidħol is-sigurtà tal-ikel, u għadha fuq quddiem fl-aġenda internazzjonali mal-Inizjattiva tas-Sigurtà tal-Ikel ta’ L’Aquila u tal-inizjattiva tal-Alleanza Ġdida tal-G8 għall-Ikel u n-Nutrizzjoni.

2.           Diversi fatturi kkontribwew għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Ikel: il-fatt li hija ġiet stabbilita mingħajr dewmien, id-daqs tagħha u fuq kollox ir-reattività tagħha. Rwol ċentrali kellu l-ħolqien mill-Kummissjoni u min-NU, rispettivament, ta’ żewġ Task Forces iddedikati biex jimmobilizzaw il-forza lavorattiva u l-għarfien espert.

3.           L-għan ewlieni kien li jiġu indirizzati malajr il-konsegwenzi tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, aktar milli l-kawżi tagħha. Madankollu, il-Faċilità għall-Ikel tejbet il-ħila ta’ persuni u ta’ komunitajiet foqra li jħabbtuha ma’ kriżijiet sussegwenti, ħaġa li kienet ta’ ġid peress li ħafna pajjiżi fl-Afrika ta’ taħt is-Saħara intant reġgħu ntlaqtu minn kriżijiet tal-ikel bħala riżultat ta’ fatturi multipli u marbuta ma’ xulxin li jinkludu l-faqar, il-perikli tal-klima, il-prezzijiet għoljin u volatili tal-ikel, il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali (inklużi sistemi mhux xierqa ta’ pussess tal-art), it-tkabbir demografiku mgħaġġel, il-governanza fraġli, u l-instabbiltà politika. Barra minn hekk, l-aktar nies vulnerabbli se jiġu kkonfrontati b’mod aktar frewkenti u b’mod iktar qawwi bl-impatt ta’ dawn il-fatturi, partikolarment fis-Sahel u l-Qarn tal-Afrika.

4.           L-attenzjoni tal-Faċilità għall-Ikel fuq iż-żieda fil-produzzjoni agrikola rnexxilha b’suċċess toħloq reazzjoni pożittiva ta’ provvista fil-livell lokali. Madankollu, dawk l-interventi ma jistgħux jissostitwixxu l-ħtieġa għall-pajjiżi msieħba biex isaħħu l-appoġġ fit-tul tagħhom għall-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel.

5.           Il-kisba tal-objettivi tal-programmi kienet kultant ta’ sfida minħabba l-perjodu relattivament qasir ta’ implimentazzjoni. Kif hu diġà l-każ fejn jidħlu SHARE u AGIR Sahel, trid tissaħħaħ l-artikolazzjoni bejn l-interventi ta’ perjodu qasir u dawk fuq perjodu medju-twil.

6.           Barra minn hekk, l-interventi tal-Faċilità għall-Ikel kienu mmirati primarjament lejn id-disponibbiltà tal-ikel u l-aċċess għall-ikel. Filwaqt li l-aċċess għall-ikel huwa ta’ tħassib kbir, l-aċċess għal ikel nutrittiv huwa ta’ sfida saħansitra akbar f’bosta pajjiżi sħab. Setgħet ukoll ingħatat aktar attenzjoni il-problema ta’ nutrizzjoni ħażina fost ommijiet u uliedhom.

7.           Fl-2012, kważi 30 miljun persuna vulnerabbli kienu qed isofru minn kriżi alimentari fil-Qarn tal-Afrika u fis-Sahel, u dan jenfasizza l-ħtieġa li l-UE żżomm kapaċità qawwija biex tkun tista’ tirreaġixxi minnufih. Kif ġie rrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Parlament, il-Kummissjoni se tidentifika l-aħjar alternattivi biex tieħu vantaġġ tal-modifiki tar-Regolament Finanzjarju u tal-Qafas Finanzjarju.

Rakkomandazzjonijiet

L-UE għandha żżid l-assistenza tagħha fejn tidħol l-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel. Fil-qafas tal-programmazzjoni ġeografika tagħha għall-2014-2020:

1.           L-UE għandha tpoġġi l-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-qalba tad-djalogu ta’ politika tagħha mal-pajjiżi sħab u tkompli tappoġġja l-politiki u l-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba li jindirizzaw il-fatturi sottostanti li minħabba fihom jiġu ġġenerati l-krizijiet tal-ikel.

2.           L-għajnuna tal-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari għal pajjiżi fejn hemm nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. Il-“valutazzjoni strutturata tas-sigurtà tal-ikel” żviluppata mill-Kummissjoni għal dan il-għan għandha tintuża b’mod sħiħ.

3.           It-trawwim ta’ reżistenza tan-nies, il-komunitajiet u l-pajjiżi li huma l-aktar f’riskju, hija mira ċentrali tal-assistenza tal-UE lejn is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni. Fil-qafas tal-approċċ tagħha għar-reżiljenza l-UE għandha żżid l-appoġġ tagħha lejn it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà billi tqawwi l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab li jipprevjenu xokkijiet fil-ġejjieni, u li jippreparaw għalihom, u li jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-kriżijiet meta dawn jinqalgħu. Dan ifisser, notevolment it-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, b’mod partikolari f’pajjiżi sħab b’tendenza li jkunu vittmi ta’ diżastri.

4.           Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ikel kif ukoll mit-tnedija ta’ SHARE, u l-inizjattivi AGIR Sahel, l-UE għandha tuża l-istrumenti eżistenti u l-possibbiltà reċenti li jiġu stabbiliti Fondi Fiduċjarji biex jitrawwem approċċ strutturat ta’ appoġġ għal pajjiżi sħab li jkunu qed iħabbtuha ma’ kriżijiet tal-ikel.

5.           Bis-saħħa tal-użu, kull fejn huwa possibbli, tal-istrutturi u l-kapaċitajiet eżistenti nazzjonali u reġjonali, ir-reazzjoni tal-UE għall-kriżijiet tal-ikel se titfassal skont in-natura tal-kriżi u l-kuntest tagħha. Approċċ bħal dan se jagħti attenzjoni partikolari għas-sjieda, bil-kunsiderazzjoni tar-rabta bejn is-sigurtà tal-ikel fuq naħa, u l-governanza, il-fraġilità tal-istat u l-bini tal-paċi min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fi stati fraġli u f’kuntesti fejn hemm nuqqas kroniku ta’ sigurtà tal-ikel.

6.           KONKLUŻJONI U L-PASSI ‘L QUDDIEM

Permezz tal-Faċilità għall-Ikel, li hija strumentali fit-trawwim ta’ reazzjoni koordinata tan-NU, l-UE kienet kapaċi tirreaġixxi malajr u b’mod effettiv għall-effetti tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel tal-2007/08. Il-Faċilità għall-Ikel ta’ EUR 1 biljun kienet ta’ benefiċċju dirett għal aktar minn 59 miljun ruħ f’49 pajjiż li qed jiżviluppaw.

Kienet fil-qagħda li ssostni reazzjoni pożittiva ta’ forniment mingħand bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira, b’mod li żdiedu l-produzzjoni u d-dħul. Il-miżuri ta’ xibka ta’ sigurtà taffew l-effetti ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-ikel fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni. Miżuri oħra kienu ta’ appoġġ aktar wiesa’ tal-bażi ta’ produzzjoni għall-agrikoltura. F’dak is-sens, il-Faċilità għall-Ikel kisbet riżultati sinifikanti fit-tkattir tal-produzzjoni agrikola sostenibbli, fit-tnaqqis tat-telf ta’ wara l-ħsad u fl-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq.

Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Ikel kienet ta’ kontribut biex l-iżvilupp agrikolu sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel jitqiegħdu quddiemnett fuq l-aġenda tal-iżvilupp globali. Hija stimulat l-attenzjoni internazzjonali kontinwa f’fora bħal ma huma l-Kumitat dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel u tal-G8 u l-G20 b’enfasi fuq il-ħtieġa li tiżdied il-produzzjoni u l-produttività agrikola fuq bażi sostenibbli u kkontribwiet għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ governanza globali billi tejbet l-informazzjoni dwar is-suq globali[19].

Filwaqt li Faċilità għall-Ikel laħqet il-biċċa l-kbira tal-objettivi tagħha, jeħtieġ li jsir iktar biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, partikolarment f’pajjiżi ta’ introjtu baxx u dawk vulnerabbli għad-diżastri. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-Faċilità għall-Ikel, l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp agrikolu sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel għandu jissaħħaħ bħala settur fokali ta’ kooperazzjoni f’pajjiżi li jbatu minn nuqqas kroniku ta’sigurtà tal-ikel.

Fil-qafas tal-eżerċizzju programmatiku konġunt għall-2014-2020, id-Delegazzjonijiet tal-UE ġew ipprovduti bi gwida speċifika biex jiżguraw li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb tal-prijoritajiet ta’ agrikoltura sostenibbli u ta’ sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari fi 52 pajjiżi sħab magħżula skont valutazzjoni strutturata tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni. Dawn il-prijoritajiet għandhom ikunu riflessi fid-djalogu ta’ politika żviluppat mid-Delegazzjonijiet tal-UE, li se jenfasizzaw l-impatt fit-tul u s-sjieda[20], b’'mod partikolari minn perspettiva ta’ sostenibbiltà fit-tul.

F’dan il-kuntest, l-UE għandha tiffoka fuq il-pajjiżi li l-aktar jinsabu mbiegħda mit-triq it-tajba fejn tidħol is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, bl-użu tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti l-aktar effettivi biex għat-tul titnaqqas il-vulnerabilità strutturali, u biex tisaħħaħ ir-reżiljenza tal-unitajiet domestiċi, il-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar dgħajfa fil-kuntest ta’ kriżijiet tal-ikel futuri, tkun xi tkun in-natura tagħhom.

[1]               Il-mekkaniżmu FLEX tal-Vulnerabbiltà (EUR 500 miljun), il-pakkett B tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp (EUR 185.9 miljun), il-Programm Temitaku tas-Sigurtà tal-Ikel (EUR 50 miljun) u ECHO (EUR 210 miljun).

[2]               Supporting Horn of Africa Resilience (SHARE) (Appoġġ għar-Reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika).

[3]               AGIR : Alliance globale pour l'Initiative Résilience - Sahel

[4]               COM(2012) 586.

[5]               SWD(2013) 107.

[6]               SWD(2013) 107.

[7]               Il-programmi ta’ appoġġ baġitarju kienu anqas importanti milli ppjanat fil-Komoros, il-Madagaskar, in-Niġer, l-Etjopja u ż-Żambja.

[8]               Fil-każ ta’ numru verament żgħir ta’ proġetti, il-Kummissjoni tat estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2012, minħabba allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi, aktar tard, għal proġett bi prestazzjoni tajba (iż-Żambja) jew f’kuntesti diffiċli (il-Mali, il-Jemen, l-Afganistan u l-Kirgiżistan).

[9]               Bl-eċċezzjoni ta’ EUR 5.8 miljun għaż-Żambja, kuntrattati fl-2011.

[10]             Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati, rapport finali, li jinsab fuq il-websajt ta' DEVCO.

[11]             Ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp u l-għajnuna esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2011 SWD(2012) 242 finali.

[12]             Id-dejta miġbura mir-rapporti huma ppreżentati fit-taqsima 4 “Riżultati u impatt probabbli”.

[13]             “Il-Faċilita għall-Ikel tal-Unjoni Ewropea. Il-pedamenti ta' azzjoni futura. Analiżi Inizjali tal-FAO dwar għażla ta’ proġetti”. http://www.fao.org/fileadmin/user_upload/ISFP/EuFF_web.pdf

[14]             Evalwazzjoni dwar il-Faċilità tal-Ikel: http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/intervention-areas/ruraldev/food_intro_en.htm

[15]             Rapport Speċjali nru 1: L-Effikaċja ta'l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara. 2012. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

[16]             Din iċ-ċifra ma tinkludix l-interventi ta’ sostenn għall-baġit u l-attivitajiet ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali.

[17]             L-FAO, il-WFP u l-IFAD.

[18]             Id-Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni – Kooperazzjoni programmatika dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutriment ffirmata mill-FAO, il-WFP, l-IFAD u l-Kummissjoni fis-27 ta’ Ġunju 2011.

[19]             Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u l-agrikoltura, l-inizjattiva tal-G20 ta’ sistema ta’ tagħrif tas-suq tal-agrikoltura (AMIS), imnedija f’Ġunju 2011, timmira pereżempju, biex tiżdied it-trasparenza u l-informazzjoni tas-suq globali u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ politika. http://www.amis-outlook.org.

[20]             Skont il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, l-Aġenda għall-Azzjoni ta’ Accra, u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol.

Top