This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0165
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Towards a Deep and Genuine Economic and Monetary Union The introduction of a Convergence and Competitiveness Instrument
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività
/* COM/2013/0165 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività /* COM/2013/0165 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u
Ġenwina
L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività
1.
Introduzzjoni
Sfond Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika
u Monetarja Profonda u Ġenwina tal-Kummissjoni adottat
fit-28 ta’ Novembru 2012[1]
kien fih proposti għal miżuri fuq medda qasira, medja u twil ta'
żmien dwar kif għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni u
l-integrazzjoni fl-oqsma finanzjarji, fiskali, ekonomiċi u anke politiċi.
Fost il-kwistjonijiet li għandhom jiġu implimentati fuq medda qasira
ta' żmien biex jitlesta l-qafas ta’ governanza għal koordinazzjoni
ta’ politika ekonomika b’mod ġenerali, u għall-munita unika b’mod
partikulari, hemm l-“arranġamenti kuntrattwali” flimkien ma
mekkaniżmu ta’ solidarjetà għal riformi strutturali nazzjonali
għall-kompetittività u t-tkabbir li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni
tagħhom ikollu effett konsekwenzjali fuq Stati Membri iżda
l-implimetazzjoni tagħhom teħtieġ li ssir mill-Istat Membru
kkonċernat taħt stress partikulari. L-għan huwa biex l-Istati
Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultà li tista' taffettwa
ż-żona tal-euro kollha kemm hi jiġu megħjuna jwettqu
r-riformi meħtieġa aktar malajr milli jkunu jistgħu
waħidhom, permezz tal-Istrument ta' Konverġenza u Kompetittività
(CCI) li jgħaqqad arranġament kuntrattwali ma’ mekkaniżmu
għall-appoġġ finanzjarju. Abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni
tal-Kummissjoni u tar-Rapport tal-erba’ Presidenti dwar Unjoni Ekonomika u
Monetarja ġenwina[2],
il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 qabel fuq pjan direzzjonali
għat-tlestija tal-UEM. Sal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013, se
titkompla l-ħidma fl-oqsma ta': koordinazzjoni tar-riforma nazzjonali,
id-dimensjoni soċjali tal-UEM fosthom id-djalogu soċjali, il-fattibiltà
u l-modalitajiet ta’ kuntratti miftiehma b’mod reċiproku, u
mekkaniżmu ta’ solidarjetà[3].
Fir-rapport ta’ Diċembru tal-erba’ Presidenti, il-kwistjonijiet
tal-arranġamenti kuntrattwali u mekkaniżmu ta’ fondi ta’ solidarjetà
huma indirizzati wkoll b’mod separat. Il-proposta tal-Kummissjoni L-Istrument ta’ Konverġenza u
Kompetittività, kif propost mill-Kummissjoni, inkluda kemm l-idea ta’ kuntratti
miftiehma b’mod reċiproku kif ukoll dik ta’ mekkaniżmu ta’
solidarjetà. L-azzjoni reċiproka bejn iż-żewġ pilastri
tipprovdi solidarjetà fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja li
tappoġġja aktar responsabbiltà ekonomika u dixxiplina fiskali li tkun
stabbilita b’mod ċar u b’kundizzjonijiet permezz ta’ “arranġamenti
kuntrattwali”. B’mod speċifiku, Strument ta’ Konverġenza u
Kompetittività jkun ibbażat fuq żewġ pilastri: ·
Arranġamenti kuntrattwali li jistabbilixxu
l-miżuri ewlenin li Stat Membru jimpenja ruħu li jpoġġi
fis-seħħ, bi skadenzi miftiehma. Dawn il-miżuri jkunu mfassla
biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiż miftiehma bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'mod
partikulari dawk li joħorġu mill-Proċedura ta'
Żbilanċi Makroekonomiċi. ·
Appoġġ finanzjarju
għall-implimentazzjoni tar-riformi fl-arranġament kuntrattwali. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta
għażliet u mistoqsijiet biex tistimula input mill-partijiet
interessati dwar x’għandu jkun il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrument ta’
Konverġenza u Kompetittività, liema Stati Membri għandhom ikunu
eliġibbli, kif għandu jkun iffinanzjat u kif għandu jidħol
fis-sistema ġenerali ta’ governanza ekonomika taż-żona tal-euro
u tal-UE. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tindirizza dawn
il-mistoqsijiet bħala parti mid-dibattitu li għaddej bħalissa
bejn il-partijiet interessati ewlenin dwar il-passi li jmiss lejn it-tlestija
tal-UEM, b’mod partikulari l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-parlamenti
nazzjonali.
2.
Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività: arranġamenti
kuntrattwali u appoġġ finanzjarju
2.1.
Ir-raġuni għal Strument ta’
Konverġenza u Kompetittività
L-interdipendenza tal-Istati Membri li
jipparteċipaw f’munita unika tfisser li kull Stat Membru għandu
x’jitlef jekk l-Istati Membri l-oħra ma jsegwux politiki baġitarji u
ekonomiċi sodi. Il-kriżi wriet li nuqqas ta’ riformi
meħtieġa jew nofs miżuri fi Stat Membru wieħed jista’
jkollhom effetti negattivi fi Stati Membri oħrajn. Bħala parti
mill-governanza ekonomika ġdida taż-żona tal-euro u tal-UE, hemm
bżonn li niżguraw li r-riformi strutturali li huma meħtieġa
biex jitneħħew dgħufijiet ewlenin f’xi ekonomiji
jseħħu u jseħħu aktar kmieni milli kien il-każ
riċentement. Il-Kummissjoni tarah bħala strument imfassal biex
jilħaq il-ħtiġijiet speċifiċi li jiriżultaw
mis-sħubija fiż-żona tal-euro. Li tintrabat f’żona b’munita
unika jimplika l-ħtieġa għal riformi fil-ħin u mmirati.
Għaldaqstant, jeħtieġ strument ieħor biex jippromwovi u
jappoġġja r-riformi li wkoll jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq
l-oħrajn meta l-Istati Membri individwali jkunu taħt stress. L-implimentazzjoni ambizzjuża tar-riformi
strutturali mill-Istati Membri b’mod ikkoordinat, filwaqt li tqis id-dimensjoni
taż-żona tal-euro, jista’ jkollha impatt aħjar fuqhom, li
jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli, għall-impjiegi u
għall-koeżjoni soċjali. Livelli għolja ta’ kapaċita
tal-aġġustament u l-kompetittivita jipproteġu aħjar lill-Istati
Membri kollha kontra l-impatt ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jevitaw
l-iżvilupp ta’ żbilanċi makroekonomiċi dannużi
bil-kostijiet ekonomiċi u soċjali assoċjati tagħhom. Il-qafas attwali ta’ sorveljanza ekonomika
tal-UE diġà jipprovdi inċentivi sabiex jitwettqu riformi,
pereżempju permezz tal-iffissar ta’ miri komuni li jridu jintlaħqu
minn kull Stat Membru, id-dispożizzjoni regolari ta’ pariri u sorveljanza
ta’ politika, l-użu ta’ pressjoni soċjali u l-iskambju tal-aħjar
prattiki biex jinħoloq ambjent li jwassal għall-promozzjoni
tal-konverġenza u tal-kompetittività, kif ukoll permezz ta’ miżuri
aktar diretti bħal sanzjonijiet u kundizzjonalità makroekonomika. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha,
il-Kummissjoni spjegat għaliex tqis li l-qafas eżistenti għandu
jikber biex jinkludi l-użu ta’ strument iddedikat li jgħin
lill-Istati Membri jwettqu ċerti riformi ewlenin billi jipprovdi
għajnuna finanzjarja għal miżuri ta’ sostenn sabiex
jingħelbu diffikultajiet soċjali u politiċi possibbli
fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi. Filwaqt li riformi bħal dawn huma
l-ewwel u qabel kollox fl-interess ta’ Stat Membru li jwettaqhom, huma wkoll
fl-interess taż-żona tal-euro usa’ u l-UE: Stati Membri aktar
reżiljenti jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-benessri
tas-sħab tagħhom filwaqt li t-tidwim ta’ riformi meħtieġa
minħabba impatti domestiċi negattivi fuq medda qasira ta’ żmien
jista’ jkollhom effetti konsekwenzjali negattivi fuq sħabhom.
Appoġġ finanzjarju għal sett ta’ riformi definit sew ikun ta’
importanza partikulari f’każijiet fejn l-iżbilanċi jippersistu
minkejja adeżjoni sħiħa ma’ Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiż preċedenti indirizzati
lill-Istat Membru kkonċernat. It-tfassil tal-Istrument ta’ Konverġenza
u Kompetittività jkun jinkludi salvagwardji biex jipprevjenu danni morali
kkawżati mill-perċezzjoni li r-riformi jiġu ppremjati jekk isiru
wara li jkunu dovuti, u dan jista' jdewwem ir-riformi sal-mument meta kienu
eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju, kif ukoll ir-riskju ta'
telf deadweight li jseħħ meta jiġu pprovduti inċentivi
għal riforma li setgħet ġiet implimentata anke mingħajr dak
l-inċentiv. Dan il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju ġdid
għandu jintervjeni biss biex jappoġġja riformi sinifikanti b’impatt
potenzjali fuq Stati Membri oħra u ż-żona tal-euro u l-UE kollha
kemm hi. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, ikun ta’ għajnuna jekk
ikun hemm riformi li normalment ma jitwettqux, jew li ma jkunux jistgħu
jitwettqu f’perjodu ta’ żmien partikulari minħabba l-kostijiet
tagħhom għall-Istat Membru li jwettaqhom jew li jitwettqu biss aktar
tard b'kost ogħla għall-Istat Membru u għaż-żona
tal-euro usa' u l-UE.
2.2.
Arranġamenti kuntrattwali
Kopertura: għażliet
għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri Kif ipprevediet il-Kummissjoni,
l-"arranġament kuntrattwali" skont l-Istrument ta'
Konverġenza u Kompetittività jibni fuq il-qafas eżistenti ta'
sorveljanza tal-UE. Huwa jorbot il-pariri ta’ politika li jirriżultaw
mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż
fis-Semestru Ewropew u l-proċess nazzjonali tal-implimentazzjoni ta’
riforma strutturali. Mistoqsija ewlenija li għandha tiġi
indirizzata hija għal liema Stati Membri għandu jitwaqqaf Strument
ta’ Konverġenza u Kompetittività? Dan jista’ jinkludi l-kopertura ta’: ·
L-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro
(ħlief dawk bi programm ta’ aġġustament makroekonomiku[4]). ·
Għandhom ukoll jinstabu mezzi li jippermettu
lill-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro jidħlu
f’arranġament kuntrattwali b’mod partikulari fir-rigward tal-Istati Membri
li jkunu qed jippreparaw għall-adeżjoni fl-euro, filwaqt li jitqies
ukoll l-istadju ta’ tħejjija. Kwistjoni ewlenija oħra li għandha
tiġi indirizzata hija dwar meta jixkatta l-użu tal-Istrument ta’
Konverġenza u Kompetittività? Għażliet possibbli jinkludu: ·
L-użu tal-Istrument ta’ Konverġenza u
Kompetittività jkun disponibbli għall-Istati Membri parteċipanti
kollha. ·
L-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittivita
jintuża meta Stat Membru parteċipanti jkun għaddej minn
Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi.
Il-parteċipazzjoni għandha tkun volontarja jew obbligatorja? ·
L-użu tal-Istrument ta’ Konverġenza u
Kompettittività jixkatta bi stedina mill-Kummissjoni għal Stat Membru
parteċipanti. Liema riformi għandhom jiġu
koperti? Hemm għażliet differenti
għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument il-ġdid skont il-kopertura
magħżula. Pereżempju: ·
Fil-każ ta’ parteċipazzjoni volontarja,
l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw pjan għal sett ta’ riformi
konkreti bi skadenzi ċari li jibnu fuq ir-Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiż rilevanti[5]. Dan jifforma l-qalba
tal-arranġament kuntrattwali. ·
Jekk l-istrument il-ġdid japplika
għall-Istati Membri taż-żona tal-euro skont il-parti
preventiva tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi,
allura r-riformi proposti għandhom jinkludu r-rakkomandazzjonijiet
maħruġa skont il-proċedura ta’ żbilanċi
makroekonomiċi u, b’mod partikulari, miżuri li jindirizzaw
il-kompetittività, jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u jtejbu l-funzjonament
tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi u għaldaqstant
l-aġġustament tal-kapaċità tal-ekonomija. ·
Għall-Istati Membri taż-żona
tal-euro taħt il-proċedura ta’ żbilanċi
eċċessivi, sabiex jiġi evitat it-trikkib ta’ għodod ta’
sorveljanza, il-Pjan ta' Azzjoni Korrettiv (mandatorju) jissostitwixxi
l-arranġament kuntrattwali. F’dan il-każ, is-CCI tħaffef
il-korrezzjoni tal-iżbilanċi. Il-proċedura
għall-konklużjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Korrettiva, kif ukoll
is-sistema sussegwenti tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, tkun
il-proċedura definita fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Mistoqsijiet
għall-konsultazzjoni: ·
Għal liema Stati Membri għandu japplika
l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività? ·
F’liema stadju għandu jixkatta l-Istrument ta’
Konverġenza u Kompetittività? ·
X’tipi ta’ riformi għandhom ikunu
eliġibbli għall-appoġġ skont l-Istrument ta’
Konverġenza u Kompetittività? Għandu jkun hemm limitu f’termini ta’
daqs jew importanza tar-riformi li għandhom jiġu appoġġjati?
Taqbel mal-kategoriji deskritti hawn fuq? Jekk iva, għaliex? Jekk le,
għaliex? ·
Tara modi oħra kif jistgħu jiġu
definiti riformi li għandhom jiġu koperti skont is-sitwazzjoni
tal-Istati Membri differenti li għandhom jiġu koperti mill-istrument
il-ġdid? Proċedura F’konformità mas-sistemi ta’
monitoraġġ u sorveljanza, il-pjanijiet ta’ riforma ta’ Stat Membru
jiġu vvalutati mill-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni tiffoka b’mod
speċjali fuq l-adegwatezza tal-miżuri proposti, l-isforz addizzjonali
tar-riforma u sa fejn dawn jindirizzaw id-dgħufijiet ekonomiċi li
jiddaħħlu fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiż rilevanti. Hija tħares ukoll lejn l-effetti
konsekwenzjali fuq Stati Membri oħra, kif ukoll il-fattibbiltà
tal-implimentazzjoni anke fid-dawl tal-iskadenzi proposti. Il-valutazzjoni
tal-impatt mistenni tinkludi, fejn ikun rilevanti, l-impatt fuq
is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-impatt soċjali
tagħhom. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha,
il-Kummissjoni tinnegozja d-dettalji tal-pjan mal-Istat Membru li jipproponieh
qabel tagħmel proposta formali lill-Kunsill biex japprova
l-arranġament kuntrattwali. Ir-riformi li għandhom jiġu
appoġġjati jvarjaw skont is-sitwazzjoni speċifika tal-Istat
Membru li jipproponihom – għal uħud dawn jistgħu jkunu ta’
durata qasira, għal oħrajn dawn jistgħu jieħdu diversi snin
biex jimplimentawhom bis-sħiħ. Il-Kunsill japprova (possibilment b’modifiki)
l-azzjonijiet speċifiċi proposti flimkien mal-iskeda ta’ żmien
miftiehma. Jekk l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jirnexxilhomx jilħqu
ftehim, jew jekk il-Kunsill ma jaqbilx mal-arranġament, ma jkun hemm
l-ebda arranġament kuntrattwali u sussegwentement l-ebda appoġġ
finanzjarju. Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni
tal-arranġament fuq bażi annwali bħala parti mis-Semestru
Ewropew, u l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-progress li jkun sar
fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Il-Kummissjoni
tivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u tevalwa l-adegwatezza
tal-pjanijiet ta’ riforma miftiehma fil-konfront tal-evoluzzjoni
tas-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi li jħabbat wiċċu
magħhom l-Istat Membru. Fejn
meħtieġ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istat Membru jistgħu
jipproponu bidliet fl-arranġament kuntrattwali, li jwassal għal
proċess ġdid ta’ negozjar. Peress li jista’ jkun mistenni li
l-miżuri inklużi fl-arranġamenti kuntrattwali jkunu jinkludu
pjanijiet maġġuri ta’ riforma ekonomika fis-sens tal-proċess ta’
koordinazzjoni ex ante previst, għandu jkun hemm rabta mill-qrib
bejn iż-żewġ strumenti. Għal din ir-raġuni
l-Kummissjoni qed tnied b’mod simultanju konsultazzjoni dwar koordinazzjoni ex
ante ta’ riformi maġġuri ta’ politika ekonomika. Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni: ·
Taqbel li l-arranġamenti kuntrattwali proposti
għandhom ikunu nnegozjati mill-Kummissjoni mal-Istat Membru
kkonċernat? ·
Taqbel li dawn għandhom jiġu
deċiżi mill-Kunsill? ·
Taqbel li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istat
Membru kkonċernat għandu jkollhom id-dritt li jipproponu bidliet
għall-arranġamenti kuntrattwali miftiehma? Taħt liema
ċirkustanzi? ·
Taqbel li għandu jkun hemm rappurtar annwali
dwar l-arranġamenti kuntrattwali permezz tas-Semestru Ewropew?
2.3.
Leġittimità demokratika u responsabbiltà
Wieħed mill-għanijiet ewlenin
tat-twaqqif tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività huwa li
jappoġġja lill-Istati Membri fil-proċess, li xi kultant ikun
diffiċli, ta’ implimentazzjoni tar-riformi maġġuri li huma
meħtieġa biex jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati
fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Aktar
involviment tal-UE fil-proċess ta’ riforma jeħtieġ involviment
fil-ħin u attiv tal-parlamenti nazzjonali u partijiet interessati
nazzjonali oħra. L-Istati Membri jeħtieġu li
jiżguraw impenn nazzjonali għall-implimentazzjoni
tal-aranġamenti kuntrattwali billi jinvolvu l-assemblej parlamentari
nazzjonali tagħhom, preferibbilment qabel is-sottomissjoni tal-pjanijiet
tagħhom għal sett ta' riformi konkreti. Fiċ-ċirkustanzi
kollha, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti qabel l-approvazzjoni
tal-arranġamenti kuntrattwali mill-Kunsill. Fejn
ikun xieraq, u skont in-natura speċifika tar-riformi previsti, partijiet
interessati oħra bħas-sħab soċjali għandhom ikunu
involuti wkoll. Fejn ikun rilevanti u xieraq,
ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkunu disponibbli biex jipparteċipaw
fi djalogu mal-parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-istrument. Fl-iżgurar tal-leġittimità
demokratika u r-responsabbiltà fil-livell tal-UE, il-Parlament Ewropew
għandu jkun involut bis-sħiħ. Minħabba l-importanza
tal-miżuri ta' riforma li huma mistennija li jiġu koperti
mill-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività għall-funzjonament
tajjeb tal-UEM kollha kemm hi, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkunu
disponibbli għal djalogu mal-Parlament Ewropew meta jkun hemm bżonn.
Jistgħu jiġu previsti arranġamenti għal djalogu
mar-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Istati Membri. Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni: ·
Kif għandhom ikunu involuti l-parlamenti
nazzjonali f’deċiżjonijiet dwar arranġamenti kuntrattwali? ·
Kif għadhom jiġu kkonsultati partijiet
interessati nazzjonali oħra? Liema? F’liema stadju tal-proċess? ·
Kif għandhom ikunu involuti
rappreżentanti tal-Kummissjoni fi djalogu mal-parlamenti nazzjonali dwar
l-arranġamenti kuntrattwali? ·
Kif għandhom ikunu disponibbli
rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Istati Membri rilevanti biex
jipparteċipaw fi djalogu mal-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti
kuntrattwali? F’liema stadju tal-proċess?
3.
Appoġġ finanzjarju biex jiffaċilita
l-implimentazzjoni tar-riformi
Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal UEM
Profonda u Ġenwina, il-Kummissjoni tqis li se jkun meħtieġ
appoġġ finanzjarju li jappoġġja l-implimentazzjoni
tar-riformi strutturali. Għażla waħda hija li l-Istati Membri
parteċipanti kollha jikkontribwixxu għal mekkanżimu ta’
appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni qed tqis għażliet
differenti, anke fir-rigward tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni
għall-mekkaniżmu l-ġdid – dan jista’ jintalab mill-Istati Membri
parteċipanti kollha, huwa obbligatorju għall-Istati Membri kollha
taż-żona tal-euro, irrispettivament ta’ jekk japplikawx biex
jibbenefikaw minnu, eċċ. Irrispettivament tal-għażla
magħżula, il-mekkaniżmu jista’ jkun ibbażat jew fuq
kontribuzzjonijiet iddedikati, pereżempju abbażi ta' kodiċi
tad-DNG, jew fuq id-dħul minn riżorsi finanzjarji speċifiċi
ġodda ddedikati għalih. Il-Kummissjoni tipprevedi li
l-mekkaniżmu jiġi inkluż fil-baġit tal-UE bħala
dħul assenjat estern. Dan ifisser li ma jaqgħux taħt il-limiti
stabbiliti fir-Regolament tal-QFP. Dan il-mekkaniżmu jiġi definit
f’att legali ġdid li jiddefinixxi l-benefiċjarji potenzjali
(pereżempju l-Istati Membri li jikkontribwixxu biss jibbenefikaw) u
jawtorizza l-infiq. Il-Kummissjoni tipprevedi li d-daqs tal-mekkaniżmu
jkun limitat sa mill-bidu. Dan jista’ jikber maż-żmien u
bl-esperjenza jekk juri li huwa mod effettiv u kosteffiċjenti sabiex
jippromwovi r-riforma. Ladarba jidħol fis-seħħ mekkaniżmu
bħal dan jeħtieġ li jiġu stipulati l-modalitajiet
għat-tħaddim tiegħu. Għażliet li qed jitqiesu mill-Kummissjoni
jinkludu l-ħlas ta’ somma f’daqqa li għandha tiġi attribwita
skont l-arranġament kuntrattwali, pereżempju permezz ta’
appoġġ baġitarju. Id-definizzjoni
u l-użu tal-ammonti involuti u l-iżburżar jiddependi mill-kundizzjonijiet
stretti speċifikati fl-arranġament kuntrattwali. Il-kundizzjonalità tintrabat mal-implimentazzjoni
tar-riformi miftiehma, iżda mhux mal-kisba ta’ eżitu ekonomiku
speċifiku ta’ dawk ir-riformi. L-appoġġ
finanzjarju jsaħħaħ ukoll id-dimensjoni soċjali tal-UEM. Pereżempju, il-fondi mill-Istati Membri
jistgħu jkunu mmirati lejn l-appoġġ tal-immodernizzar
tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jew aktar effettività ta’
politiki attivi tas-swieq tax-xogħol attivi iżda ma jistgħux
jintrabtu direttament ma’ għadd definit ta’ nies li qed ifittxu impjieg. L-istrument finanzjarju l-ġdid
jeħtieġ li jkun konsistenti, koerenti u kumplimentarju mal-istrumenti
eżistenti, bħall-Fondi Strutturali, u b’mod partikulari l-Fond
Soċjali Ewropew. Il-valur miżjud ta’
dan il-mekkaniżmu finanzjarju fl-appoġġ ta’ miżuri
bħal dawn ikun li jipprovdi appoġġ immirat, limitat biż-żmien
u rapidu. Dan huwa importanti b’mod
kruċjali fil-każ tal-kundizzjonalità makroekonomika prevista
taħt il-Fondi Strutturali għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Sabiex timmassimizza l-impatt potenzjali
tiegħu, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi li l-appoġġ
finanzjarju jkun impenjat bil-quddiem fil-mument tal-approvazzjoni
tal-arranġament kuntrattwali u mħallas b’pagamenti akkont regolari
jew b’pagamenti akkont oħra marbuta mal-iskeda ta’ żmien miftiehma għar-riformi.
L-appoġġ finanzjarju jkun ikkundizzjonat mill-implimentazzjoni
sħiħa u f’waqtha tar-riformi stabbiliti fl-arranġament.
Il-Kummissjoni tista’ toħroġ twissijiet jekk Stat Membru ma
jissodisfax il-kuntratt billi titlob lill-Istat Membru biex jikkoreġi
d-devjazzjoni, inkluż bi skeda ta’ żmien ġdida. Meta dan ma
jintlaħaqx, jinżamm l-appoġġ finanzjarju. Istanzi ta’
nuqqas ta’ konformita jiġu rrapurtati fil-valutazzjoni annwali
tal-Kummissjoni, u skont il-gravità tagħhom dawn jistgħu jwasslu
għal sospensjoni tal-pagamenti. Arranġamenti simili japplikaw
f’każijiet fejn riformi preċedentement implimentati jiġu
invertiti jew fejn jittieħdu miżuri oħra li jinnegaw l-impatt
tar-riformi miftiehma. Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni: ·
Taqbel li l-Istrument ta’ Konverġenza u
Kompetittività jeħtieġ strument finanzjarju ġdid? ·
Taqbel li dan għandu jkun fi ħdan
il-baġit tal-UE iżda mhux suġġett għal-limiti tal-QFP
kif deskritt hawn fuq? Jekk le, x’tipproponi? ·
Taqbel li l-mekkaniżmu finanzjarju għandu
jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti minn Stati Membri?
L-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro għandu ikunu obbligati
jikkontribwixxu? ·
Taqbel li għandhom jiġu identifikati xi
tip ta’ riżorsi finanzjarji speċifiċi biex jiffinanzjaw
il-mekkaniżmu? Għandek proposti oħrajn? ·
Taqbel li dawk l-Istati Membri li jikkontribwixxu
għall-fond biss għandhom ikunu kapaċi jibbenefikaw minnu? ·
Taqbel li n-nuqqas li timplimenta r-riformi
miftiehma kif suppost jista’ jwassal għal sospensjoni tal-pagamenti?
4.
Il-passi li jmiss
Abbażi ta’ diskussjoni ulterjuri mal-Parlament
Ewropew u mal-Kunsill, il-Kummissjoni se tagħmel proposta
leġiżlattiva fl-2013. [1] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/archives/2012/11/pdf/blueprint_en.pdf [2] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/134069.pdf [3] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/134353.pdf,
par 12. [4] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja
tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi
fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro
-
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0819:FIN:MT:PDF [5] Adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.