Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0141

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE

    /* COM/2013/0141 final */

    52013DC0141

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE /* COM/2013/0141 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE

    Nuqqas ta’ nutrizzjoni - traġedja li tista’ tiġi evitata

    L-effetti ta’ nutrizzjoni ħażina jirrappreżentaw waħda mill-aktar traġedji serji u li tista' tiġi evitata ta' żmienna. Sfortunatament, il-progress biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju sabiex jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tan-nies li jbatu l-ġuħ qiegħed lura f’ħafna pajjiżi, b’tifel/tifla minn kull sitta għadhom taħt il-piż. Dawn it-tfal huma vittmi ta' ċirku vizzjuż, fejn il-faqar, id-dieta mhux xierqa u l-mard ikkumbinati kollha f'daqqa jagħtuhom l-agħar bidu għall-ħajja, bl-individwi u s-soċjetajiet jinqabdu fil-faqar.

    L-UE hija attur ewlieni f’termini tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni - deċiżjonijiet finanzjarji għal żvilupp rurali, ippjanar territorjali, agrikoltura sostenibbli u sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni jammontaw għal medja ta’ aktar minn EUR 1 biljun kull sena għall-perjodu ta’ bejn l-2006 u l-2011. Inizjattivi partikolari, li kollha kemm huma kkontribwixxew għal sigurtà msaħħa tal-ikel u n-nutrizzjoni, inkludew il-Faċilità Alimentari ta’ EUR 1 biljun, li għenet lil dawk il-pajjiżi li huma l-aktar affettwati mill-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel tal-2007/2008 u l-Iniżjattiva MDG (Għan ta' Żvilupp tal-Millennju) ta’ EUR 1 biljun, li tappoġġja lil dawk il-pajjiżi li għadhom lura biex jilħqu l-miri inkluż b’mod partikolari l-MDG 1c dwar it-tnaqqis bin-nofs tal-proporzjon tan-nies li jbatu l-ġuħ, kif ukoll l-MDG 3 u 4. Barra minn hekk, l-UE tindirizza nuqqas akut ta' sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni permezz ta’ assistenza umanitarja u għall-iżvilupp. Kull sena, bejn terz u nofs tal-baġit annwali umanitarju tal-UE jintefaq sabiex ikopri l-ħtiġijiet tal-ikel u tan-nutrizzjoni.

    Riċentement, fil-qafas tal-London Global Hunger Event tal-2012, il-Kummissjoni ħadet impenn politiku biex tappoġġja lil pajjiżi msieħba fit-tnaqqis tal-għadd ta’ tfal taħt il-ħames snin li kellhom nuqqas ta’ żvilupp b’minn tal-inqas 7 miljuni sal-2025. Din il-Komunikazzjoni hija t-tweġiba tal-Kummissjoni biex tikseb din il-mira u b'mod aktar wiesa’ biex tnaqqas in-nuqqas ta' nutrizzjoni materna u tat-tfal b'mod globali.

    Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, huwa meħtieġ approċċ multisettorjali, li jgħaqqad flimkien l-agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp rurali, is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika, l-ilma u s-sanità, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni. Dan jeħtieġ ir-rikonoxximent tal-problema minn pajjiżi msieħba u impenn biex din tiġi ttrattata, sabiex in-nisa u t-trabi jkunu jistgħu jirċievu l-kura u n-nutrizzjoni meħtieġa għal bidu ta’ ħajja deċenti. Il-komunità internazzjonali hija determinata li tagħmel dak kollu li tista’ biex tappoġġja lil pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom biex isaħħu n-nutrizzjoni materna u dik tat-tfal.

    Il-qafas politiku tal-UE għall-iżvilupp huwa stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni għal Aġenda għall-Bidla[1] u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill sussegwenti ta’ Mejju 2012[2]. L-approċċ tal-UE lejn sigurtà alimentari u assistenza umanitarja tal-ikel f’pajjiżi terzi ġie aktar irfinut fil-Komunikazzjonijiet dwar is-Sigurtà Alimentari tal-UE u l-Politiki dwar l-Assistenza Umanitarja tal-Ikel[3] u sussegwentement il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2010[4]. Dawn id-dokumenti jagħmlu l-istess enfasi dwar kull wieħed mill-erba' pilastri dwar is-sigurtà alimentari - id-disponibbiltà tal-ikel, l-aċċess għall-ikel, nutrizzjoni mtejba, u prevenzjoni u mmaniġġjar aħjar tal-kriżijiet u jenfasizzaw l-isfidi partikolari sabiex jinkisbu riżultati marbutin man-nutrizzjoni f’kuntesti umanitarji. Din il-Komunikazzjoni tikkompleta u tiżviluppa l-pilastru mtejjeb tan-nutrizzjoni.

    Dan il-qafas politiku kien ikkumplementat mill-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ tal-UE għar-Reżiljenza: Nitgħallmu mill-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel[5], li tenfasizza kif in-nutrizzjoni u r-reżiljenza huma interkonnessi ħafna f'ċerti kuntesti (b’mod partikolari fir-reġjuni ta’ Sahel u l-Qarn tal-Afrika fejn ir-reżiljenza hija l-prinċipju ta’ gwida tal-inizjattivi AGIR[6] u SHARE[7] b’bosta msieħba biex jindirizzaw il-kriżijiet tal-ikel u n-nutrizzjoni).

    Finalment, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp 2012-2015[8] jenfasizza r-rabtiet b’saħħithom bejn l-MDG 1, 3 u 4 u r-rwol tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    Dan id-dokument ta’ politika dwar in-nutrizzjoni jenfasizza l-bżonn għal koordinazzjoni aħjar bejn l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp sabiex tiżdied ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet affettwati. Dan ġie mitlub mill-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri u jistabbilixxi r-responsabbiltà primarja tal-gvernijiet nazzjonali għan-nutrizzjoni, kif ukoll ir-rwol importanti tan-nisa u l-irġiel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala muturi tal-bidla.

    1.           Raġunijiet

    L-iskala tal-problema

    L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li n-nuqqas ta’ nutrizzjoni huwa l-aktar theddida importanti għas-saħħa dinjija. F’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw din hija kawża prinċipali ta’ mill-inqas terz tal-imwiet tat-tfal kollha u 20 % tal-mortalità materna kull sena[9]. Miljuni ta’ tfal jgħixu, iżda ma jiżviluppawx kemm suppost (b’tul baxx għall-età tagħhom u żvilupp mentali batut) u/jew ikunu esperjenzaw bosta episodji ta' wasting (telf ta' piż) qabel ma jilħqu l-età ta' ħames snin. Globalment, madwar 165 miljun, jew kwart tat-tfal tad-dinja, isofru minn nuqqas ta’ żvilupp[10] u 2,6 miljun tifel u tifla taħt l-età ta’ ħames snin imutu kull sena b’riżultat ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni[11]. Aktar minn 90 % ta’ dawn it-tfal jgħixu fl-Afrika u fl-Asja. Barra minn hekk, madwar 52 miljun (8 %) tat-tfal tad-dinja ta’ taħt il-ħames snin huma magħluba, bl-akbar għadd jinsab ukoll fl-Asja u fl-Afrika[12].

    Se tingħata attenzjoni partikolari lill-popolazzjonijiet li jbatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni fejn il-kapaċità istituzzjonali hija dgħajfa u diżastri frekwenti jew kunflitti għandhom effett devastanti fuq l-aktar gruppi vulnerabbli bħalma huwa l-każ f'pajjiżi fraġli.

    In-nuqqas ta’ nutrizzjoni jaqbad lill-individwi u lis-soċjetà fiċ-ċirku vizzjuż tal-faqar. It-tfal li jikbru f’unitajiet domestiċi foqra għandhom aktar tendenza li jbatu minn nuqqas ta' nutrizzjoni, li jdgħajjef l-abbiltà tagħhom biex jitgħallmu u jagħmilhom aktar suxxettibbli għall-mard. Dan ifixkel il-kapaċità ta' tifel jew tifla sabiex jassigura impjieg meta jkun adult u biex ikollu ħajja produttiva u għaldaqstant jintiret il-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra. In-nuqqas ta’ nutrizzjoni huwa sever b’mod partikolari fost il-popolazzjonijiet rurali li huma foqra u dawk li jbatu d-diskriminazzjoni. Il-proporzjon ta’ tfal li kellhom nuqqas ta’ żvilupp huwa 1,5 darba aktar f’żoni rurali minn f’dawk urbani[13]. Filwaqt li tirrikonoxxi dan, l-UE hija impenjata li tappoġġja agrikoltura fuq skala żgħira u għajxien rurali.

    Ħafna nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma wkoll qosra fl-istatura tagħhom (nuqqas ta’ żvilupp) u/jew taħt il-piż. Min-nisa tal-Afrika sub-Saħarjana, 10 sa 20 % minnhom, u 25 sa 35 % tan-nisa tan-Nofsinhar tal-Asja huma klassifikati bħala eċċessivament irqaq. L-anemija kkawżata minn nuqqas ta’ ħadid hija l-aktar problema nutrizzjonali mifruxa għal dan il-grupp u taffettwa kważi nofs in-nisa kollha[14]. Il-perjodu mit-tqala sat-tieni sena tat-tifel jew tifla - l-ewwel 1,000 jum - huwa meqjus bħala l-aktar wieħed kritiku għall-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni u l-konsegwenzi tiegħu fil-ħajja adulta. Daqs nofs min-nuqqas ta’ żvilupp fit-tfal kollha jseħħ fl-utru, li jenfasizza l-importanza kritika ta’ nutrizzjoni aħjar għan-nisa u l-bniet fl-età riproduttiva. Ir-riskju li wieħed ikollu tarbija żgħira huwa kbir għall-ommijiet li huma taħt il-piż, għandhom nuqqas ta’ żvilupp u/jew huma anemiċi.

    Il-progress globali dwar l-indirizzar tan-nuqqas ta’ żvilupp u l-wasting kien bil-mod. Il-proporzjon ta’ tfal li għandhom nuqqas ta’ żvilupp niżel minn 40 % fl-1990 għal 26 % fl-2011[15]. Il-progress fl-indirizzar tal-wasting kien saħansitra aktar bil-mod u juri li għad hemm ħafna aktar xi jsir. Minbarra n-nuqqas ta’ żvilupp u l-wasting, nuqqasijiet ta’ mikronutrimenti, essenzjali biex jikbru u jiżviluppaw l-individwi (eż. il-vitamina A, il-jodju, il-ħadid u ż-żingu) jaffettwaw kważi żewġ biljun persuna madwar id-dinja[16].

    Il-kawżi

    Il-kawżi ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni jvarjaw minn kuntest għall-ieħor, u minn individwu għall-ieħor u sommarju tagħhom jinsab fil-kaxxa ta’ hawn taħt. Dawn għandhom tendenza li joperaw fi tliet livelli (ara d-dijagramma ta’ hawn taħt):

    · Kawżi immedjati għandhom żewġ dimensjonijiet: teħid ta’ ikel inadegwat (f’termini ta’ kwalità jew kwantità) u mard.

    · Kawżi prinċipali huma marbuta mill-qrib mal-faqar u jinkludu tliet kategoriji: nuqqas ta’ sigurtà alimentari domestika, kura inadegwata għat-tfal/in-nisa u ambjent tas-saħħa/servizzi tas-saħħa foqra.

    · Kawżi bażiċi joperaw fil-livelli sottonazzjonali, nazzjonali u internazzjonali: minn governanza fqira għal tkabbir demografiku; mill-kunflitt għat-tibdil fil-klima; minn riżorsi nazzjonali skarsi għal prezzijiet tal-ikel għoljin u volatili.

    L-importanza relattiva ta’ kawżi potenzjali tiddependi fuq id-dinamiċi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni u grupp tal-popolazzjoni. Għal dan il-għan, analiżi bir-reqqa hija prerekwiżit kritiku għal kull sforz ta’ rispons. Id-determinanti differenti ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni huma interkonnessi u jeħtieġu rispons multisettorjali.

    Konsegwenzi

    Fuq livell individwali, in-nuqqas ta’ nutrizzjoni huwa l-kawża prinċipali ta’ mortalità konsiderevoli fost it-tfal u l-ommijiet. Dan jikkontribwixxi għal 35 % tal-mard li jbatu minnu t-tfal taħt il-ħames snin[17], u nuqqas ta’ nutrizzjoni fit-tul (nuqqas ta’ żvilupp u/jew episodji frekwenti ta’ wasting u nuqqasijiet ta’ mikronutrimenti) u jikkawża ħsara devastanti u irreversibbli. In-nuqqas ta’ jodju u n-nuqqas ta’ żvilupp huma marbuta ma’ tnaqqis sinifikanti fl-iżvilupp konoxxittiv[18].

    In-nuqqas ta’ żvilupp mhuwiex biss traġedja personali u li tista’ tiġi evitata; dan jaħdem kontra l-progress ekonomiku - kemm għal familji individwali kif ukoll għan-nazzjonijiet. L-ispejjeż ekonomiċi tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni kienu stmati għal madwar 10 % tad-dħul tul il-ħajja ta’ individwu[19] u minn 2 % sa 8 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). In-nuqqas ta’ nutrizzjoni jagħmel pressjoni wkoll fuq sistemi tas-saħħa prekarji, minħabba li individwi b'nuqqas ta' nutrizzjoni għandhom tendenza li jkunu aktar ma jifilħux, u n-nuqqas ta' nutrizzjoni fit-tfulija huwa marbut ma' mard kroniku u li jiswa ħafna flus, aktar ’il quddiem fil-ħajja.

    Sfidi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ nutrizzjoni

    l-indirizzar tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni, jeħtieġ jingħelbu bosta sfidi. Dawn l-isfidi jindikaw ħtieġa għal:

    · Investiment akbar fuq livell ta’ pajjiż fin-nutrizzjoni (b’mod partikolari fuq terminu twil). Dan jinvolvi wkoll tisħiħ fit-tmexxija nazzjonali, l-oqfsa legali u l-maniġment u l-kapaċitajiet strateġiċi għan-nutrizzjoni sabiex jimmobilizza l-atturi li għandhom għan komuni u approċċ multisettorjali koerenti.

    · Allinjament ta’ politiki li għandhom impatt fuq in-nutrizzjoni mifrux f’dipartimenti differenti tal-ministeri tal-Gvern u dipartimenti tad-donaturi. Dan jinkludi l-integrazzjoni tan-nutrizzjoni bħala l-objettiv ewlieni tal-politiki dwar l-iżvilupp rurali u inizjattivi bbażati fuq il-komunità, agrikoltura sostenibbli, is-sajd, is-sigurtà alimentari, is-saħħa pubblika u dik riproduttiva, l-ilma u s-sanità, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni.

    · Il-promozzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fis-setturi kollha marbuta man-nutrizzjoni[20] abbażi tal-identifikazzjoni tad-determinanti soċjali tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni. Ir-rwoli ekonomiċi, soċjali, riproduttivi u domestiċi tan-nisa huma kollha essenzjali għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni.

    · Minħabba li n-nuqqas ta’ nutrizzjoni huwa problema interġenerazzjonali u huwa r-riżultat tal-kriżi u daqstant ieħor tax-xejriet fuq terminu twil, huma vitali l-bini ta’ aktar koerenza u l-koordinazzjoni għan-nutrizzjoni fl-ispettru kollu tal-emerġenza – l-żvilupp.

    · Huwa meħtieġ fehim aħjar ta’ “x’inhu tajjeb” għan-nutrizzjoni permezz ta’ riċerka applikata u monitoraġġ u evalwazzjoni bir-reqqa għall-identifikazzjoni ta' politiki u azzjonijiet effettivi għan-nutrizzjoni f’setturi differenti u għaż-żieda tal-intervenzjonijiet. Hija essenzjali aktar effettività tan-nutrizzjoni u intervenzjonijiet sensittivi għan-nutrizzjoni skont il-prinċipji ġenerali tal-effettività tal-għajnuna.

    · L-UE tqis li l-appoġġ lil agrikoltura ta' skala żgħira għandu l-kapaċità li jżid l-aċċess kemm tal-foqra f'żoni rurali kif ukoll ta' dawk f'żoni urbani għal ikel nutrittiv u għal impatt pożittiv fuq l-għajxien. Dan jinkludi l-identifikazzjoni u l-isfruttar ta’ opportunitajiet biex titjieb in-nutrizzjoni tul il-ktajjen ta’ valur biex tiżdied id-disponibbiltà, l-aċċess u t-teħid ta’ ikel mimli nutrijenti għall-foqra.

    · Il-bini fuq impenni politiki u ta’ finanzjament globali biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u n-nuqqas ta’ nutriment, b’mod partikolari fid-dawl tal-qafas MDG għal wara l-2015 huwa meħtieġ.

    2.           Prinċipji ta’ Gwida u objettivi

    Prinċipji ta' gwida

    L-appoġġ tal-UE huwa kemm jista’ jkun allinjat ma’ politiki u prijoritajiet tal-imsieħba, skont il-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna. L-indirizzar tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni jeħtieġ rikonoxximent minn pajjiżi msieħba tal-problema u impenn biex din tiġi indirizzata. Il-komunità internazzjoni se tagħmel dak kollu li tista’ biex tappoġġja lill-pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom biex isaħħu n-nutrizzjoni materna u dik tat-tfal, iżda jeħtieġ li jitwarrbu wkoll ir-riżorsi mill-gvernijiet infushom sabiex jiġi żgurat li n-nuqqas ta’ nutrizzjoni jiġi indirizzat b’mod sostenibbli.

    L-UE għandha l-għan li tiżgura kumplementarità massima u sekwenza bejn intervenzjonijiet umanitarji u dawk tal-iżvilupp. L-impenn tal-UE biex tiżdied ir-reżiljenza jippreżenta opportunitajiet ġodda għan-nutrizzjoni: atturi umanitarji u dawk għall-iżvilupp se jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw fehim komuni tas-sitwazzjoni tan-nutrizzjoni (permezz ta’ analiżi komuni u valutazzjonijiet operazzjonali) li se jintużaw bħala bażi biex jiġu definiti prijoritajiet strateġiċi komuni għall-ipporgrammar ta’ fondi umanitarji u għall-iżvilupp. L-assistenza tal-UE għan-nuqqas ta’ nutrizzjoni fi kriżijiet umanitarji tkompli tkun iggwidata mill-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u jsegwu approċċ ibbażat għalkollox fuq il-ħtiġijiet.

    L-UE għandha twieġeb permezz ta’ setturi multipli biex tindirizza l-bosta determinanti tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni. Dan l-approċċ jirrikonoxxi li intervenzjonijiet speċifiċi għan-nutrizzjoni biss ma jkunux biżżejjed għal tnaqqis sostenibbli tan-nuqqas ta' nutrizzjoni. B’mod partikolari, azzjonijiet li jindirizzaw l-iżvilupp rurali[21], l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika, l-ilma u s-sanità, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni se jkunu rilevanti ħafna.

    Intervenzjonijiet fl-iżvilupp tan-nutrizzjoni se jagħtu prijorità sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-aħjar tkabbir matul “iż-żmien kruċjali ta’ opportunità" tal-ewwel "1 000 jum” bejn il-konċepiment u l-ewwel sentejn. L-UE għandha taħdem biex tippreveni u timminimizza kwalunkwe effett negattiv li l-assistenza tagħha jista’ jkollha mingħajr intenzjoni fuq in-nutrizzjoni. Pereżempju, dan huwa importanti b'rabta mas-sikurezza ta’ innovazzjonijiet u l-użu ta’ prodotti speċjalizzati tan-nutrizzjoni. Miżuri ta’ kontroll huma essenzjali wkoll biex inaqqsu r-riskji bħal żieda fil-mard trażmess mill-ikel jew mill-ilma, jew fix-xogħol tal-mara għad-detriment tal-kura tat-tfal. Barra minn hekk, l-UE se tiżgura koerenza u konsistenza bejn il-politiki tagħha li għandhom impatt fuq is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni bħall-kummerċ, it-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-ambjent u l-impjiegi, eċċ.

    L-UE se ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-atturi istituzzjonali: il-pajjiżi msieħba, l-Istati Membri tal-UE u donaturi bilaterali oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali u netwerks globali (eż. is-SUN; sistema umanitarja ta’ raggruppament). Barra minn hekk, l-UE għandha tespandi u ssaħħaħ is-sħubiji tagħha ma’ atturi mhux istituzzjonali. Fejn huwa possibbli u xieraq, l-UE għandha timmassimizza s-sostenibbiltà tal-intervenzjonijiet billi tippromwovi l-integrazzjoni tagħhom fil-oqfsa u l-pjanijiet tal-politika nazzjonali.

    L-UE għandha ssaħħaħ mill-ġdid is-sħubiji tagħha mal-gruppi tas-soċjetajiet ċivili, l-organizzazzjonijiet mingħajr profitt u l-korpi tar-riċerka, billi ssejjes fuq l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, tgħin biex toħloq ambjent li jippermetti l-parteċipazzjoni/il-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u governanza tajba, u tappoġġja l-implimentazzjoni/it-twassil tal-kapaċità tagħhom fejn huwa rilevanti.

    L-UE għandha tfittex aktar kollaborazzjoni mas-settur privat. Hija tixtieq tiffaċilita l-impenn tan-negozji fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni, biex tikkapitalizza fuq il-vantaġġi komparattivi tagħhom u tisfrutta l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom (eż. il-kontroll tas-sikurezza tal-prodott, il-fortifikazzjoni, l-infurzar taċ-ċertifikazzjoni u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni permezz tal-kummerċjalizzazzjoni soċjali). Għaldaqstant, l-UE se tippromwovi prattiki responsabbli tan-negozju, Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, ambjent politiku u regolatorju effettiv kif ukoll tevita l-kunflitt ta’ interess u ta’ vantaġġ inġust.

    Objettivi

    Il-politika msemmija f’din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ in-nutrizzjoni materna u tat-tfal billi tnaqqas il-mortalità, il-morbożità, kif ukoll il-kobor u l-iżvilupp inqas milli suppostminħabba n-nuqqas ta' nutrizzjoni. B’mod aktar speċifiku din għandha l-għan li tikseb objettivi speċifiċi fuq żewġ livelli:

    · Tnaqqas l-għadd ta’ tfal taħt il-ħames snin li għandhom nuqqas ta’ żvilupp.

    · Tnaqqas l-għadd ta’ tfal taħt il-ħames snin li huma magħlubin.

    L-ewwel objettiv huwa allinjat mal-ewwel Mira Globali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) approvata fl-2012 jiġifieri tnaqqis ta' 40 % sal-2025 tal-għadd globali tat-tfal taħt il-ħames snin li għandhom nuqqas ta’ żvilupp[22]. Dan jimplika tnaqqis fl-għadd ta’ tfal għandhom nuqqas ta’ żvilupp b’aktar minn 70 miljun sal-2025. Ix-xejriet attwali se jikkontribwixxu biex jittaffa n-nuqqas ta’ żvilupp b’madwar 40 miljun tifel u tifla, iżda jkun ferm taħt il-mira tad-WHA. In-nuqqas ta’ żvilupp globali qed jonqos b’rata ta’ 1,8 % kull sena bħala medja. Ir-rata meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tad-WHA sal-2025 hija ta’ 3,9 % jiġifieri l-isforzi kollettivi jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti biex tiġi rduppjata r-rata attwali ta’ tnaqqis. Għaldaqstant, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tappoġġja lil pajjiżi msieħba biex inaqqsu l-għadd ta’ tfal taħt il-ħames snin li għandhom nuqqas ta’ żvilupp b'minn tal-inqas 7 miljuni lil hinn mill-perkors attwali.

    In-nuqqas ta’ żvilupp bħala objettiv speċifiku jindika d-determinazzjoni tal-UE biex tindirizza dan l-ostaklu ewlieni għall-iżvilupp uman u dak ekonomiku. Madankollu, dan ma jipprekludix l-assistenza biex tindirizza forom oħra ta’ nutrizzjoni ħażina fejn dawn huma ta' sinifikat għas-saħħa pubblika u prijorità għall-gvernijiet imsieħba.

    It-tieni objettiv huwa wkoll allinjat mal-Mira Globali tad-WHA. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi permezz tal-istrateġija ġenerali tagħha għall-mira globali tad-WHA (2012) biex tnaqqas u żżomm il-wasting fit-tfal għal inqas minn 5 %[23]. Fi kriżijiet umanitarji, meta r-rata ta’ mortalità jew il-prevalenza ta’ wasting taqbeż il-livelli kritiċi[24], l-UE għandha tintervjeni sabiex tnaqqas ir-rata ta’ mwiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ nutrizzjoni.

    3.           Prijoritajiet strateġiċi

    B’kunsiderazzjoni tal-kuntest, l-isfidi tagħha u l-prinċipji ta' hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat tliet prijoritajiet strateġiċi għall-ħidma tagħha li jiffukaw fuq in-nutrizzjoni materna u dik tat-tfal, bħalma huwa enfasizzat permezz tar-riżultati msemmija hawn fuq.

    Prijorità strateġika 1: Jissaħħu l-mobilizzazzjoni u l-impenn politiku għan-nutrizzjoni

    Fuq livell ta’ pajjiż, il-mobilizzazzjoni u l-impenn politiku se jitfittxu li jintlaħqu permezz tad-djalogu politiku u l-promozzjoni. It-tmexxija u s-sjieda nazzjonali huma ċentrali biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' nutrizzjoni. L-UE, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-moviment SUN, għandha tħeġġeġ impenji speċifiċi reċiproċi għat-tnaqqis tan-nuqqas tan-nutrizzjoni materna u tat-tfal mill-membri tas-SUN, inklużi l-pajjiżi msieħba. Il-Kummissjoni u xi Stati Membri diġà jaġixxu bħala donaturi tas-SUN li jippresjedu f’għadd ta’ pajjiżi biex jappoġġjaw l-isforzi nazzjonali, jimmobilizzaw ir-riżorsi u jiżguraw koerenza akbar fost id-donaturi u l-appoġġ globali internazzjonali.

    Fil-livell internazzjonali, l-UE għandha taħdem għal armonizzazzjoni u koerenza akbar u għal rispons internazzjonali aktar effettiv. L-UE għandha tinvolvi ruħha fil-proċessi rilevanti - b’mod partikolari, il-G8/G20, id-WHA, il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, il-Moviment SUN, u l-Kumitat Permanenti tan-NU dwar in-Nutrizzjoni, il-Kumitat għal Għajnuna Alimentari u s-sistema umanitarja ta’ raggruppament. Pereżempju, l-UE għandha tappoġġja koordinazzjoni aħjar għan-nutrizzjoni bejn is-setturi u ma’ atturi internazzjonali involuti fir-rispons tan-nutrizzjoni għal kriżijiet umanitarji, notevolment f'dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali fejn għandha rwol importanti permezz tal-kontribuzzjonijiet ta' finanzjament tagħha. L-UE għandha tappoġġja b’mod ugwali lill-Moviment SUN billi tħeġġeġ aktar pajjiżi b’piż għoli biex jissieħbu, filwaqt li żżomm impenn politiku u tmexxija ta’ livell għoli, u billi tiffaċilita il-koordinazzjoni ta’ sforzi internazzjonali. Hija se tikkoordina mal-Istati Membri tal-UE biex iżżid l-effettività u tassigura aktar mobilizzazzjoni bejn is-setturi kif ukoll parteċipazzjoni fi sforzi internazzjonali. Hija se taħdem biex tassigura li n-nutrizzjoni tkun involuta b’mod prominenti fl-objettivi tal-aġenda tal-iżvilupp ta’ wara l-2015. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol kritiku li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha biex tħeġġeġ lill-pajjiżi sabiex jassiguraw impenn politiku.

    Sabiex issaħħaħ il-governanza tan-nutrizzjoni b’mod aktar effettiv fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, l-UE se tibni fuq ir-rwol tagħha fis-SUN u b'mod partikolari fuq l-influwenza tal-“Grupp ta’ Tmexxija” tagħha. Dan il-Grupp jgħaqqad lill-Kapijiet tal-Istat, il-Kapijiet tal-Aġenziji għall-Iżvilupp inkluż il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, il-Kapijiet tal-Aġenziji tan-NU, rappreżentanti ewlenin mis-Soċjetà Ċivili u s-settur privat.

    Prijorità strateġika 2: Żieda fl-azzjonijiet fuq livell ta’ pajjiż

    Iż-żieda fl-azzjonijiet fuq livell ta’ pajjiż jeħtieġu użu aħjar tar-riżorsi eżistenti u riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex jitjiebu r-riżultati tan-nutrizzjoni. L-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għan-nutrizzjoni u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' programmi li għandhom approċċ favur in-nutrizzjoni. L-UE għandha tippromwovi b’mod attiv din l-istrateġija ma’ gvernijiet oħra.

    F'kuntesti ta’ żvilupp, l-assistenza esterna tal-UE hija allinjata mal-prijoriatjiet u l-politiki stabbiliti mill-pajjiżi msieħba b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali.

    (a) It-tisħiħ tal-kapaċità umana u istituzzjonali/tas-sistema

    L-UE għandha tippromwovi l-iżvilupp ta' oqfsa ta' politika nazzjonali li jwasslu għan-nutrizzjoni materna u tat-tfal (jiġifieri l-inklużjoni ta' objettivi tan-nutrizzjoni, miri, indikaturi u implikazzjonijiet tal-baġit). Dan se jappoġġa:

    · L-iżvilupp ta’ strateġiji tal-gvern u pjanijiet ta’ azzjoni pprezata[25] għan-nutrizzjoni.

    · Mekkaniżmi ta' koordinazzjoni multisettorjali u b’diversi atturi li jinvolvu atturi umanitarji u dawk tal-iżvilupp biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tat-tagħrif, id-djalogu, l-ippjanar konġunt, l-istabbiliment ta' kollaborazzjonijiet u l-kondiviżjoni tar-rwoli.

    · L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet strateġiċi u maniġerjali fi ħdan il-korpi rilevanti (eż. id-dipartimenti tal-gvern u l-istrutturi umanitarji ta’ koordinazzjoni).

    · Bini ta’ kapaċità teknika għan-nutrizzjoni fort l-atturi umanitajri u dawk tal-iżvilupp fl-iżvilupp rurali, l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika, l-ilma u s-sanità, il-protezzjoni soċjali u s-setturi tal-edukazzjoni.

    (b) Żieda fl-intervenzjonijiet imfassla speċifikament għan-nutrizzjoni fil-kuntesti umanitarji u dawk tal-iżvilupp

    L-UE għandha żżid l-investimenti tagħha fl-intervenzjonijiet b’effettività evidenzjata għall-implimentazzjoni fil-pajjiżi kollha b'piż għoli ta' nuqqas ta' nutrizzjoni. Dawn ġeneralment huma miġbura fi tliet kategoriji: 1) komunikazzjoni dwar il-bidla fl-imġiba (eż. il-promozzjoni tat-treddigħ u alimentazzjoni kumplimentari xierqa), 2) provvediment ta' mikronutrijenti u intervenzjonijiet għat-tneħħija tad-duda (eż. supplimentazzjoni jew fortifikazzjoni tal-ħadid) u 3) intervenzjonijiet kumplimentari/addizzjonali u terapewtiċi tal-alimentazzjoni. Din tal-aħħar se tingħata enfasi partikolari f’oqsma fejn il-wasting huwa tħassib tas-saħħa pubblika (inkluż fi kriżijiet umanitarji). Il-kategoriji u l-listi ta’ intervenzjonijiet speċifiċi għan-nutrizzjoni b’biżżejjed evidenza biex jiġu implimentati fuq skala kbira fil-pajjiżi b’rata għolja ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni se jiġu aġġornati meta tkun disponibbli evidenza ġdida. Barra minn hekk, l-UE għandha tappoġġja intervenzjonijiet b’effettività evidenzjata f’kuntesti speċifiċi. Dawn se jinkludu firxa ta’ azzjonijiet imfassla għal kuntest speċifiku bħad-diversifikazzjoni ta’ dieti permezz ta’ aktar aċċess għal ikel nutrittiv fil-livell tal-unitajiet domestiċi jew trasferimenti tal-flus biex titjieb in-nutrizzjoni tat-tfal u dik materna.

    Il-prevenzjoni u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni fin-nisa fl-età riproduttiva se jkunu essenzjali biex inaqqsu n-nuqqas ta’ nutrizzjoni materna u dik tat-tfal.

    (c) Żieda fl-azzjonijiet li huma sensittivi għan-nutrizzjoni fil-kuntesti umanitarji u għall-iżvilupp

    · Dawn l-azzjonijiet għandhom tendenza li jindirizzaw ir-raġunijiet prinċipali u bażiċi ta' nuqqas ta' nutrizzjoni (eż. programm tal-ilma/tas-sanità li jtejjeb l-iġene u jnaqqas ix-xogħol tan-nisa, jiffaċilita l-aċċess għall-ilma, intervenzjoni tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni li timmira b’mod speċifiku lejn teħid ta' ikel diversifikat, il-promozzjoni ta’ aċċess liberu għall-kura tas-saħħa għall-individwi b’riskju għoli ta’ wasting matul kriżi umanitarja). Dawn jeħtieġu li t-tħassib dwar in-nutrizzjoni jkun inkorporat f'bosta approċċi tas-setturi, sabiex jiggwida l-implimentazzjoni lejn riżultati aħjar tan-nutrizzjoni. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’:

    · kunsiderazzjoni sistematika tan-nutrizzjoni fl-analiżi tas-sitwazzjoni u meta jkun hemm teħid ta’ deċiżjoni dwar strateġiji tas-settur, azzjonijiet u kriterji mmirati. Ħafna setturi, sew jekk inċidentalment jew intenzjonalment, jistgħu jikkontribwixxu għan-nutrizzjoni. Fost dawk l-aktar li għandhom tendenza li jkunu l-aktar effettivi hemm: is-sigurtà alimentari (inkluż agrikoltura fuq skala żgħira, azzjonijiet li jimmiraw għat-titjib ta’ għajxien rurali u trasferimenti soċjali), is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-ilma/is-sanità u l-edukazzjoni;

    · inklużi indikaturi rilevanti għan-nutrizzjoni fil-qafas tal-monitoraġġ;

    · l-inkorporazzjoni ta’ miżuri li jsaħħu l-poter ekonomiku tal-unitajiet domestiċi u n-nisa, filwaqt li jissalvagwardjaw l-ħila tagħhom biex jieħdu ħsieb it-tfal żgħar.

    Prijorità strateġika 3: Għarfien għan-nutrizzjoni (tisħiħ tal-ispeċjalizzazzjoni u tal-bażi tal-għarfien

    Hemm żewġ dimensjonijiet għal din il-prijorità strateġika: tisħiħ tal-bażi tat-tagħrif għat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-offerta ta’ speċjalizzazzjoni/assistenza teknika.

    (a) Tagħrif għat-teħid tad-deċiżjonijiet

    L-UE tirrikonoxxi r-rwol kruċjali ta’ tagħrif rilevanti u affidabbli biex iwassal għal deċiżjonijiet għaqlin. Għaldaqstant, din se tinvesti fir-riċerka applikata u tappoġġja sistemi tat-tagħrif.

    · Riċerka applikata

    L-UE għandha tinvesti fir-riċerka biex tkabbar l-bażi ta’ evidenza dwar l-effiċjenza u l-effettività ta’ bosta azzjonijiet skont il-kuntesti. Fl-aħħar nett, dan għandu jinforma lill-iżvilupp tal-politika u t-tfassil tal-intervenzjonijiet u jwessa’ l-għażliet għar-rispons f’bosta setturi ewlenin (eż. is-saħħa, l-ilma/is-sanità, l-argrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni).

    Minkejja r-raġunar teoretiku qawwi għal kisbiet nutrittivi permezz ta’ intervenzjonijiet għas-sigurtà alimentari, il-bażi tal-evidenza empirika għal dan tibqa’ dgħajfa u jeħtieġ tissaħħaħ b’mod urġenti. Bħala waħda mill-akbar donaturi dinjija fis-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni u l-assistenza umanitarja tal-ikel, l-UE għandha vantaġġ komparattiv distint u sinifikanti, kif ukoll responsabbiltà, biex timla dan in-nuqqas ta’ evidenza. Hija se tappoġġja r-riċerka operazzjonali li se tikkontribwixxi għall-bażi tal-evidenza, filwaqt li tqabbel il-prestazzjoni ta’ firxa ta’ strateġiji għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni u l-assistenza alimentari.

    Għal dawk l-azzjonijiet b’effiċjenza evidenzjata (jew speċifika b’mod globali jew skont il-kuntest), l-UE għandha tappoġġja r-riċerka biex tidentifika mekkaniżmi tat-twassil vijabbli biex tagħmel tranżizzjoni minn intervenzjonijiet fuq skala żgħira għal azzjoni mifruxa man-nazzjon.

    · Sistemi ta' tagħrif

    L-UE għandha tappoġġja sistemi ta’ tagħrif, b’mod partikolari f’pajjiżi li huma suxxettibbli għall-kriżijiet, sabiex:

    – issaħħaħ il-kwalità u r-rilevanza tal-bażi ta’ tagħrif għat-teħid tad-deċiżjonijiet

    – tiffaċilita t-tixrid u l-użu tat-tagħrif għat-teħid tad-deċiżjonijiet

    – tikseb aktar istituzzjonalizzazzjoni u sostenibbiltà ta’ dawn is-sistemi

    – ittejjeb il-koordinazzjoni ta’ inizjattivi u sistemi differenti li jipprovdu dejta dwar in-nutrizzjoni u/jew tagħrif rilevanti għan-nutrizzjoni

    (b) Speċjalizzazzjoni teknika u assistenza għall-bini tal-kapaċità

    Minbarra r-riżorsi finanzjarji, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll speċjalizzazzjoni teknika u assistenza għall-implimentazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, fi ħdan il-kuntest ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni u Strateġiji għan-Nutrizzjoni speċifiċi għall-pajjiż. Dan se jkollu fil-mira tiegħu Delegazzjonijiet tal-UE, l-uffiċċji ECHO fejn xieraq kif ukoll kontropartijiet tal-Gvern u msieħba meta dan ikun vijabbli.

    4.           Ir-responsabbiltà għar-riżultati

    Il-Kummissjoni se tittraċċa l-investimenti finanzjarji tagħha u timmonitorja r-riżultati marbuta magħhom għall-azzjonijiet kemm dawk li huma speċifiċi għan-nutrizzjoni kif ukoll dawk li huma sensittivi għan-nutrizzjoni. Dan jippermetti mhux biss analiżi tal-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi, iżda wkoll analiżi tax-xejriet: kemm qed jintefaq, fejn u sa lima punt.

    Permezz tar-rappurtar tagħha, il-Kummissjoni se tfittex li tkabbar ir-responsabbiltà liċ-ċittadini Ewropej, il-pajjiżi msieħba, l-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji msieħba u l-benefiċjarji tagħhom.

    (a) Monitoraġġ/kejl tar-riżultati

    Il-Kummissjoni se tiżviluppa sistema biex tkejjel ir-riżultati tan-nutrizzjoni tal-azzjoni tagħha b’fowkus speċifiku fuq it-tnaqqis tan-nuqqas ta’ żvilupp. Din il-mira hija bidla kbira lil hinn minn sempliċiment kejl tal-kontributi u r-riżultati u l-Kummissjoni għamlet l-isfida lilha nnifisha li tivvaluta b’mod oġġettiv sa fejn l-isforzi tagħna se jikkontribwixxu għall-ksib ta’ tnaqqis fin-nuqqas ta’ żvilupp li aħna nixtiequ naraw. Din se taħdem għal sistema komuni ta’ monitraġġ tan-nutrizzjoni fost l-imsieħba tal-iżvilupp u l-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tkompli tirrapporta dwar ir-riżultati tal-intervenzjonijiet tagħha dwa in-nuqqas ta’ nutrizzjoni fil-kriżijiet umanitarji.

    (b) Traċċar tar-riżorsi

    L-UE għandha ssaħħaħ is-sistema tagħha li tittraċċa l-investimenti għan-nutrizzjoni, biex tislet id-dejta b’mod aktar preċiż dwar l-infiq relattiv fuq approċċi speċifiċi għan-nutrizzjoni u sensittivi għan-nutrizzjoni. Traċċar aħjar huwa komponent essenzjali ta’ qafas ta’ responsabbiltà mtejjeb għan-nutrizzjoni. Hija se tikkontribwixxi wkoll għal sistema aħjar ta’ traċċar li hija kondiviża mal-imsieħba tal-iżvilupp u l-pajjiżi taħt il-kappa tal-Moviment SUN. L-użu ta’ markatur tan-nutrizzjoni, flimkien mas-sistema ta’ kodiċi OECD DAC, se jiġu esplorati. Is-sistema għandha ttejjeb il-preċiżjoni tar-rappurtar u l-konsistenza fost id-donaturi, u għaldaqstant, tippermetti għarfien aħjar tal-flussi tal-infiq għan-nutrizzjoni globalment u responsabbiltà akbar fil-livelli kollha. Dan għandu jtejjeb ukoll l-eżattezza permezz tal-użu ta’ kriterji li huma mmexxija mill-objettivi u r-riżultati mistennija ta’ azzjonijiet individwali. It-tagħrif se jkun kondiviż għall-iskrutinju pubbliku, rivedut u użat bħala bażi għal azzjoni sabiex jissewwa kwaluwke preġudizzju jew nuqqas.

    5.           Il-Pass ’il Quddiem – Sommarju tal-passi li għandha tieħu l-UE

    Billi tiffoka fuq in-nutrizzjoni materna u ta-tfal, l-UE tagħmel pass ’il quddiem u tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem nett fil-ġlieda biex tikkumbatti l-ġuħ dinji u n-nuqqas ta’ sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni. Din il-Komunikazzjoni tindika l-mod sabiex jiġu żgurati t-titjib fir-riżultati tan-nutrizzjoni u kif dan jista’ jinkiseb.

    1.           L-UE għandha tappoġġja l-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex jikkumbattu n-nuqqas ta’ nutrizzjoni u l-agħar manifestazzjonijiet tiegħu, jiġifieri n-nuqqas ta’ żvilupp u l-wasting L-indirizzar tan-nutrizzjoni huwa primarjament ir-responsabbiltà ta' pajjiżi msieħba, li huma mħeġġa jiżviluppaw strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni bi spiża kkalkulata, li għandhom jinkludu l-investimenti nazzjonali. L-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp għandu jkun allinjat ma’ politiki u prijoritajiet tal-imsieħba, skont il-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna. Barra minn hekk, l-UE se tiżgura l-koerenza bejn il-politiki tagħha li għandhom impatt fuq is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni.

    2.           L-ewwel 1 000 jum ta’ ħajja huma meqjusa kritiċi għall-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni u l-konsegwenzi tiegħu. Għaldaqstant, l-UE għandha taħdem sabiex ittejjeb in-nutrizzjoni tal-ommijiet u t-tfal. Barra minn hekk, il-bniet u n-nisa fl-età riproduttiva għandhom ikunu wkoll fil-mira bħala grupp prijoritarju.

    3.           Ir-rispons umanitarju għall-kriżijiet se jiffoka fuq dawk l-aktar vulnerabbli li jsofru minn nuqqas akut ta’ nutrizzjoni jew jinsabu f’riskju li jbatu minnu. L-UE għandha tkompli, skont il-prinċipji tar-reżiljenza, tindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni kroniku f’dawn iċ-ċirkustanzi.

    4.           Huwa meħtieġ aktar investiment fin-nutrizzjoni biex jitjiebu r-riżultati tan-nutrizzjoni, kemm f’kuntest ta’ żvilupp kif ukoll f’dak umanitarju u l-Kummissjoni se tiżviluppa qafas ta’ responsabbiltà għal dawn l-investimenti. Hija se tiżviluppa u tikkondividi l-għodod biex tittraċċa l-investimenti fin-nutrizzjoni u metodoloġija biex tkejjel l-impatt u r-riżultati tal-isforzi biex tikkumbatti n-nuqqas ta' nutrizzjoni. Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tappoġġja pajjiżi msieħba fit-tnaqqis tal-għadd tat-tfal taħt il-ħames snin li għandhom nuqqas ta’ żvilupp b’minn tal-inqas seba’ miljuni u biex tiżviluppa l-qafas ta’ responsabbiltà tagħha biex tkejjel u tittraċċa l-progress bejn issa u l-2025.

    5.           L-indirizzar tan-nutrizzjoni jeħtieġ approċċ multisettorjali. L-UE għandha tippromwovi approċċ li jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-politiki dwar l-iżvilupp rurali, l-agrikoltura sostenibbli, is-saħħa pubblika, l-ilma u s-sanità, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni jiġu allinjati sabiex titjieb is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni u jkollu impatt effettiv fuq l-istatus nutrittiv tan-nisa u t-tfal. Għandha ssir reviżjoni sistematika tal-istatus nutrittiv tal-pajjiżi sabiex l-UE tkun tista’ tassigura li t-tħassib dwar in-nutrizzjoni huwa inkorporat f’approċċi rilevanti għas-settur u biex jiggwida l-implimentazzjoni għal riżultati aħjar tan-nutrizzjoni, kemm fl-azzjonijiet umanitarji kif ukoll fl-iżvilupp.

    6.           L-indirizzar tan-nutrizzjoni jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi umanitarji u dawk tal-iżvilupp. L-UE hija impenjata li ssaħħaħ dawn il-konnessjonijiet, pereżempju permezz ta' analiżi konġunta dwar il-vulnerabbiltà u ppjanar operazzjonali, sabiex tinbena r-reżiljenza tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli.

    7.           L-UE għandha tinvesti fir-riċerka sabiex tkabbar il-bażi ta’ evidenza dwar l-effiċjenza u l-effettività ta’ bosta azzjonijiet b’rabta man-nutrizzjoni. Hija se tappoġġja wkoll sistemi ta’ tagħrif u l-ħolqien ta’ speċjalizzazzjoni teknika u kapaċità dwar in-nutrizzjoni.

    8.           L-involviment tan-negozju huwa essenzjali fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ nutrizzjoni u l-UE għandha tfittex li trawwem il-kollaborazzjoni mas-settur privat b'tali mod li tippromwovi prassi responsabbli tan-negozju.

    9.           L-UE għandha tippromwovi n-nutrizzjoni fil-fora internazzjonali bħall-G8/G20, id-WHA, il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, u tkompli tieħu sehem f'inizjattivi ewlenin bħall-Moviment SUN, il-Kumitat Permanenti dwar in-Nutrizzjoni, il-Kumitat dwar l-Assistenza Alimentari, iż-Zero Hunger Challenge, il-Konferenza Internazzjonali fin-Nutrizzjoni (ICN2) u s-sistema umanitarja ta’ raggruppament. L-UE għandha tistinka wkoll biex tiżgura li n-nutrizzjoni tkun riflessa sew fl-aġenda tal-iżvilupp ta’ wara l-2015 u se tkompli taħdem għal governanza aktar b'saħħitha tan-nutrizzjoni internazzjonali.

    10.         Il-Moviment SUN kien strumentali biex iqajjem kuxjenza internazzjonali dwar in-nutrizzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi x-xogħol tal-moviment u l-isforzi tiegħu biex inaqqas in-nuqqas ta’ nutrizzjoni fil-livell ta’ pajjiż. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ aktar pajjiżi b’rata għolja ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni u pajjiżi donaturi biex jissieħbu fil-moviment.

    Din il-Komunikazzjoni hija kkumplementata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar in-Nuqqas ta’ Nutrizzjoni fl-Emerġenzi, filwaqt li tenfasizza l-prinċipji bażiċi għar-rispons umanitarju għall-problemi ta’ nutrizzjoni u tiddeskrivi l-aqwa prassi.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kors tal-azzjonijiet proponut mill-Kummissjoni.

    Anness 1: Glossarju

    Sigurtà alimentari teżisti meta n-nies kollha, il-ħin kollu, ikollhom aċċess fiżiku u ekonomiku għal biżżejjed ikel nutrittiv li huwa sigur li jissodisfa l-ħtiġijiet tad-dieta tagħhom u preferenzi tal-ikel għal ħajja attiva u sana.

    Kriżi umanitarja hija avveniment jew serje ta’ avvenimenti li jirrappreżentaw theddida kritika għas-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà jew il-benessri ta’ komunità jew grupp ieħor kbir ta’ nies. Kriżi umanitarja jista’ jkolli kawżi naturali jew magħmula mill-bniedem, jista’ jkollha bidu rapidu jew bil-mod u tista’ tkun għal żmien qasir jew twil.

    Nutrizzjoni ħażina hija kundizzjoni fiżika relatata mal-użu tan-nutrijenti mill-ġisem. Hemm żewġ forom ta’ nutrizzjoni ħażina: nuqqas ta’ nutrizzjoni jew nutrizzjoni żejda.

    Nuqqasijiet ta’ mikronutrijenti huma l-forma tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni marbuta mal-vitamini u l-minerali. Nuqqasiijiet ta’ ħadid, jodju, vitamina A u żingu huma fost l-ewwel 10 kawżi prinċipali ta' mewt permezz ta' mard fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Nutrizzjoni hija x-xjenza ta’ kif in-nutrijenti u sustanzi oħra fl-ikel jaġixxu u jinteraġixxu b’rabta mas-saħħa.

    Nuqqas ta’ nutrizzjoni jinkludi: i) restrizzjoni tal-iżvilupp fil-utru li twassal għal piż baxx fit-twelid; ii) nuqqas ta’ żvilupp iii) wasting u oedema nutrittiva; u iv) nuqqasijiet ta’ mikonutrijenti essenzjali.

    Piż baxx iżżejjed jinkludi tfal b’piż baxx għat-tul tagħhom (wasting) jew tul baxx għall-età (nuqqas ta’ żvilupp).

    Wasting hija kundizzjoni li tirriżulta minn telf ta’ piż rapidu riċenti, jew nuqqas milli jiżdied il-piż, fuq medda ta’ żmien qasira. Din hija karatterizzata minn piż baxx tal-ġisem meta mqabbel mat-tul.

    Nuqqas ta’ żvilupp jiddeskrivi nuqqas ta’ nutrizzjoni kronika, karatterizzat minn tul baxx meta mqabbel mal-età. Il-perjodu ta’ żmien itwal li matulu jkun affettwat it-tul għall-età jagħmlu iktar utli għal ippjanar fuq perjodu ta’ żmien twil u l-iżvilupp tal-politika.

    [1]               COM(2011)637

    [2]               Dok. 9369/12

    [3]               COM(2010)127 u COM(2010)126

    [4]               Dok. 9597/10

    [5]               COM(2012)586

    [6]               Alliance Globale pour l’Initiative Résilience

    [7]               Supporting the Horn of Africa’s Resilience

    [8]               SEC(2010)265

    [9]               Black R. E. et al., Maternal and child undernutrition: global and regional exposures and health consequences, The Lancet, 2008

    [10]             UNICEF, WHO, The World Bank, Levels & Trends in Child Malnutrition, 2012 (dejta mill-2011)

    [11]             UNICEF, Levels and trends in child mortality, 2011

    [12]             UNICEF, WHO, The World Bank, Levels & Trends in Child Malnutrition, 2012 (dejta mill-2011)

    [13]             Ibid

    [14]             De Benoist B . et al., Worldwide Prevalence of Anemia 1993-2005: WHO Global Database on Anaemia, WHO and Centers for Disease Control and Prevention, 2008

    [15]             Ibid

    [16]             WHO, WFP, UNICEF, Preventing and controlling micronutrient deficiencies in populations affected by an emergency - Multiple vitamin and mineral supplements for pregnant and lactating women, and for children aged 6 to 59 months, 2007

    [17]             Black R. E. et al., Maternal and child undernutrition: global and regional exposures and health consequences, The Lancet, 2008

    [18]             S Grantham-McGregor et al., Development potential in the first 5 years for children in developing countries, The Lancet, 2007

    [19]             World Bank, Repositioning Nutrition as Central to Development - A Strategy for Large-Scale Action, 2006

    [20]             Inkluż is-sensibilizzazzjoni tan-nisa u inklużi kwistjonijiet tas-saħħa dwar ir-riproduzzjoni jekk applikabbli.

    [21]             Politiki rurali b’saħħithom ibbażati fuq il-komunità li għandhom approċċ multisettorjali jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni.

    [22]             WHO, il-ħamsa u sittin Assemblea Dinjija tas-Saħħa, A65/11, 2012

    [23]             WHO, il-ħamsa u sittin Assemblea Dinjija tas-Saħħa, A65/11, 2012

    [24]             Rata ta’ mortalità taħt il-5 snin >2/10000/jum; GAM>15% jew GAM>10% b’fatturi aggravanti. (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “l-indirizzar tan-nuqqas ta’ nutrizzjoni f’emerġenzi”)

    [25]             Inklużi l-investimenti nazzjonali

    Top