Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0047

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress li sar fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika

    /* COM/2013/047 final */

    52013DC0047

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress li sar fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika /* COM/2013/047 final */


    F’Lulju 2012, il-Kummissjoni għamlet rapport dwar il-progress li sar mir-Rumanija mill-2007 skont il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika (CVM)[1] Ir-rapport ta ħarsa lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà tar-riformi li ddaħħlu fis-seħħ. Minħabba li r-rapport inħareġ fi żmien meta tqajmu mistoqsijiet importanati dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Rumanija, huwa inkluda rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex ikun restawrat ir-rispett għal dawn il-prinċipji fundamentali. Kien ukoll deċiż li jsir rapport ieħor sitt xhur wara, li jiffoka fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

    Matul l-aħħar sitt xhur, is-sitwazzjoni fir-Rumanija kienet iddominata miż-żmien ta’ tħejjija għall-elezzjonijiet riċenti. Il-Kummissjoni temmen li n-nomina tal-gvern il-ġdid wara l-elezzjonijiet tipprovdi opportunità ġdida biex ikun żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja u tkun żgurata l-istabbiltà. Koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u stabbiltà fis-separazzjoni tas-setgħat huma pedamenti importanti biex jipprovdu pjattaforma ġusta biex isir progress fi kwistjoniiet ta’ riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    Ir-rapport jagħti ħarsa lejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi maħruġa mill-Kummissjoni dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja. Jirrapporta wkoll dwar il-punti ta’ riferiment tas-CVM fl-aspetti l-oħra tar-riforma fuq is-sistema ġudizzjarja u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    1.         Rispett għall-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja

    Il-Kummissjoni ħarġet għaxar rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex tgħin biex issolvi l-kontroversji dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja.  Il-gvern Rumen ikkonferma lill-Kummissjoni li huwa għandu jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet[2]. Il-Kummissjoni kienet qiegħda timmonitorja mill-qrib il-progress dwar dawn il-punti, fid-dawl tal-punti ta' riferiment fid-deċiżjoni tas-SVM.

    Il-valutazzjoni turi li r-Rumanija implimentat bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bil-għan li tirrestawra l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura iżda mhux kollha. Waqt li r-rwol u d-deċiżjonijiet tal-Kostituzzjoni u l-Qorti Kostituzzjonali kienu rrispettati, impenji li ttieħdu rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u rigward ir-rispons għal deċiżjonijiet ta' integrità ma kinux adegwatament implimentati. Fl-istess waqt, il-ħatra ta’ tmexxija ġdida għall-prosekuzzjoni u tad-DNA għadhom pendenti.

    Id-dritt kostituzzjonali Rumen

    Waħda mill-kwistjonijiet primarji ta’ tħassib espressi mill-Kummissjoni f’Lulju kienet l-istabbilità tad-dritt kostituzzjonali.

    Ir-rwol tal-Qorti Kostituzzjonali huwa ta’ importanza partikolari hawnhekk. Is-setgħat tal-Qorti Kostituzzjonali biex tiċċekkja l-kostituzzjonalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Parlament kienu effettivament restitwiti permezz ta’ sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Ordinanza ta’ Emerġenza 38 hija de facto inapplikabbli[3]. It-tħassir tal-Ordinanza ta’ Emerġenza 41 żgura r-rispett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti dwar il-quorum għal referendum. Il-fatt li d-deċiżjoni finali tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-validità tar-referendum tad-29 ta’ Lulju[4] kienet irrispettata kien sinjal ewlieni li n-normi kostituzzjonali ma kienx għadhom qed ikunu ddubitati.

    Sors ieħor ta’ tħassib kien ir-rikors għall-ordinanzi ta’ emerġenza, tħassib kondiviż mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa[5]. L-użu ta’ din is-setgħa fil-bidu ta’ Lulju kellu rwol importanati fit-tħassib dwar id-dawrien man-normi Kostituzzjonali. Il-gvern Rumen impenja ruħu li juża l-ordinanzi ta' emerġenza strettament għal dawk is-sitwazzjonijiet spjegati fil-Kostituzzjoni, u f'każ ta' emerġenza biss. Kien hemm inqas tħassib dwar din il-kwistjoni fix-xhur riċenti, u l-bidu tal-Parlament il-ġdid b’maġġoranza ċara għandu jgħin biex jikkonsolida l-proċeduri leġiżlattivi ordinarji bħala l-mod il-ġust biex wieħed jilleġiżla.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-atti kollha, inkluż id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, jidher li kienu ppubblikati f’waqthom fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Il-Parlament ħatar l-Ombudsman il-ġdid f’Jannar tal-2013. Il-fatt li l-Ombudsman irċieva l-appoġġ sħiħ tal-koalizzjoni fil-gvern iżda mhux tal-oppożizzjoni se jagħmilha partikolarment importanti għalih li b’għemilu juri li kapaċi jmur lil hinn mill-linji partiġjani. L-Ombudsman għandu rwol importanti biex jissalvagwardja l-kontrolli tas-sistema, u partikolarment li jikkontrolla s-setgħat tal-eżekuttiv biex jilleġiżla permezz ta’ ordinanza.

    Fil-qosor, il-post tal-Kostituzzjoni u tal-Qorti Kostituzzjonali kien restitwit f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madanakollu, huwa essenzjali li l-president, il-gvern il-ġdid u l-parlament il-ġodda jiżguraw l-istabbiltà tal-ordni kostituzzjonali, u l-partiti politiċi kollha għandhom jaħdmu biex inaqqsu l-polarizzazzjoni tas-sistema politika.

    Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet, kien hemm ukoll diskussjoni dwar il-possibbiltà ta' bidla Kostituzzjonali. L-importanti huwa li l-proċess ta’ riforma kostituzzjonali jipprogressa fir-rispett totali tal-valuri fundamentali bħar-rispett tal-istat tad-dritt u s-separazzjoni tas-setgħat. Dan jinkludi r-rispett kontinwu tal-Qorti Kostituzzjonali fir-rwol tagħha bħala garanti tas-supremazija tal-Kostituzzjoni, u għall-indipendenza u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji inkluża l-prosekuzzjoni. Huwa importanti wkoll li d-dibattitu dwar il-possibbiltà ta' riforma jippermetti żmien suffiċjenti u ftuħ biex permezz tal-proċedura kostituzzjonali adegwata jippermetti li jkun żgurat l-aktar konsensus wiesa’ possibbli. F’dan il-kuntest huwa essenzjali wkoll li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jserrħu moħħhom li l-indipendenza tagħhom hija assisgurata u li tkun evitata spekulazzjoni li toħloq klima ta' stabbiltà.

    Indipendenza tal-ġudikatura

    Waħda mill-kwistjonijiet maġġuri ta’ tħassib matul is-sajf kienet l-evidenza ċara tal-pressjoni fuq l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u n-nuqqas ta’ rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura. Dan għadu sors maġġuri ta’ tħassib. Il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ rapporti ta’ intimidazzjoni u infastidjar kontra individwi li jaħdmu f’istituzzjonijiet ewlenin ġudizzjarji u ta’ kontra l-korruzzjoni, inkluż theddid personali kontra mħallfin u l-familji tagħhom, u kampanji medjatiċi li jammontaw għal infastidjar[6].

    Sfortunatament, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx implimentata bi sħiħ. Attakki politikament motivati fuq il-ġudikatura ma waqfux. Punt kritiku huwa l-aċċettazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji: dan jeħtieġ li l-klassi politika kollha kemm hi tilħaq kunsens li żżomm lura milli pubblikament tiskredita deċiżjonijiet ġudizzjarji, biex b’hekk tkun qed timmina l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet u titfa’ pressjoni fuqhom.

    Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol tal-midja. Kien hemm għadd ta’ eżempji tal-midja li teżerċita pressjoni fuq il-ġudikatura, kif ukoll dubji partikolari dwar jekk il-Kunsill Nazzjonali Awdjoviżiv qiegħedx ikun għassies effettiv. Is-sitwazzjoni tissuġġerixxi li hemm il-ħtieġa għal reviżjoni tar-regoli eżistenti, biex tkun żgurata l-libertà tal-istampa akkumpanjata minn protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali tal-istituzzjonijiet u individwi u kif ukoll biex jipprevedu għal rimedju effettiv.

    Kwistjoni speċifika kienet li l-Kummissjoni kienet imħassba li deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti jistgħu jinqalbu permezz ta’ maħfriet fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-presidenza interim tas-sajf li għadda. Il-President interim irrispetta din ir-rakkomandazzjoni bi sħiħ.

    Aspett finali tal-indipendenza ġudizzjarja huwa l-impenn tal-eżekuttiv u l-leġiżlatura għall-kwalità tal-ħatriet f’karigi ewlenin tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rekord tar-Rumanija kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli kien wieħed mill-avvanzi importanti li saru skont is-CVM. Prosekuzzjoni effettiva u imparzjali trid tinżamm taħt tmexxija futura. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa essenzjali li tiddaħħal fis-seħħ tmexxija ġdida fil-prosekuzzjoni u fid-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (DNA) li tista turi l-indipendenza, l-integrità u l-professjonaliżmu meħtieġ biex tgawdi l-fiduċja tal-pubbliku u tkompli twassal għal riżultati effettivi.

    F’dan il-kuntest ir-rapport issottolinja n-nomina ta’ Prosekutur Ġenerali u Kap Prosekutur fid-DNA ġodda, f'termini ta' proċess miftuħ u trasparenti u l-għażla ta' kandidati b'kompetenzi esperti, integrità u rekord ta’ azzjoni kontra l-korruzzjoni. Il-proċess kien inizjalment mgħaġġel u ma kienx jispira fiduċja fil-maġistratura. Imbagħad il-Ministru tal-Ġustizzja estenda l-iskadenzi u għamel għadd ta’ titjibiet proċedurali[7], iżda għadd limitat ta' kandidati biss applikaw. Iż-żewġ kandidati li ħarġu mill-proċess naqsu milli jiksbu opinjonijiet pożittivi mill-Kunsill Suprem tal-Maġistratura (SCM), u kienu eventwalment irrifjutati mill-President. Il-Kummissjoni tikkunsidra li għadd suffiċjenti ta’ kandidati ta’ kwalità għolja fi proċess miftuħ u trasparenti u, sa fejn hu possibbli appoġġat mill-SCM, huma elementi essenzjali biex tkun żgurata tmexxija li kapaċi tikseb il-fiduċja tal-pubbliku.

    Integrità

    Dawk f’pożizzjoni ta’ setgħa jridu juru standards għolja ta’ integrità. Adddizzjonalment, fejn awtoritajiet ġudizzjarji jsibu li dan mhux il-każ, in-nuqqas ta' reazzjoni għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji wkoll jimplika nuqqas ta' rispett għall-istat tad-dritt. Fir-rapport tagħha ta’ Lulju, il-Kummissjoni kienet imħassba li kemm il-gvern u l-Parlament ma kinux qed jirrispettaw dan il-prinċipju bi sħiħ.

    F’Novembru, rapporti[8] tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità kontra ministri u uffiċjali anzjani ma wasslux għar-riżenji tagħhom[9]. Il-gvern il-ġdid saħaq fuq l-għan tiegħu li jittratta l-korruzzjoni, iżda fost il-Ministri il-ġodda hemm żewġ każijiet ikkonfermati li jinsabu taħt investigazzjoni kriminali għall-korruzzjoni. Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha ta’ Luju, il-Kummissjoni spjegat l-aspettattivi tagħha li l-Ministri jkunu ta’ eżempju fir-rispett ta’ kwistjonijiet ta’ integrità: l-istess għandu jkun mistenni fir-rigward ta’ akkużi ta’ korruzzjoni. Huwa essenzjali għall-kredibbiltà tal-gvern li dawk responsabbli mill-funzjonijiet ministerjali jgawdu mill-fiduċja tal-pubbliku, pereżempju billi jirriżenjaw meta jkun hemm deċiżjoni ta' integrità mill-ANI kontrihom. Rekwiżiti kostituzzjonali, inkluża s-sospensjoni mill-kariga Ministerjali mal-akkuża, jeħtieġ li tkun applikata bi sħiħ.

    Similarment, il-kredibbiltà tal-Parlament tibbeneifika minn proċeduri iktar ċari li jirrigwardaw it-trattament ta' każijiet fejn Membri Parlamentari jiffaċċaw deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' integrità jew jiffaċċaw allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.  L-assunzjoni għandha tkun li l-prosekuzzjoni tista' tagħmel xogħlha bl-istess mod bħal meta tkun iffaċċata b’ċittadini oħra. Ċarezza u awtomatiċità huma l-aħjar modi biex jegħlbu tħassib preċedenti li kien hemm grad ta’ soġġettività fil-proċedimenti parlamentari f’dan il-qasam.

    F’Jannar tal-2013 il-Parlament adotta emendi għall-istatut tal-Membri Parlamentari, li bidlu l-proċedura biex titneħħa l-immun0ità fil-każijiet ta' tfittxija u detenzjoni ta' parlamentari. Passi ulterjuri huma previsti, fosthom Kodiċi ta’ Kondotta. Dawn se jkun jeħtiġilhom li jinkludu skadenza għal kull stadju tal-proċedura, u li meta l-Parlament jirrifjuta li jneħħi l-immunità, huwa jipprovdi ġustifikazzjoni sħiħa. Huwa importanti wkoll li jkun klarifikat li l-ANI jibqa’ l-awtorità unika bil-kompitu li tivverifika l-inkompatibbiltajiet potenzjali ta' uffiċjali eletti u maħtura..

    F’termini ta’ approċċ Parlamentari, l-isfida usa' li saret għal deċiżjonijiet ġudizzarji f'każ partikolari kienet ta' tħassib maġġuri: l-SCM kellu jappella lill-Qorti Kostituzzjonali biex jiżgura li l-Parlament effettivament implimenta deċiżjoni tal-Qorti Għolja fl-istanza finali. [10]   Huwa ttamat li l-proċeduri l-ġodda se jipprevjenu repetizzjoni ta’ tali problemi.

    Rakkomandazzjonijiet

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-passi pożittivi li ttieħdu minn Lulju, iżda tikkusidra li għad baqa’ ħafna xi jsir biex ikunu implimentati bi sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Il-Bidu tal-funzjonament ta' gvern ġdid u Parlament ġdid joffri opportunità eċċellenti biex ikunu kkonsolidati dawn il-passi u jkunu indirizzati l-punti li għadhom pendenti. Il-prinċipji sottostanti tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex ikunu protetti l-istat tad-dritt u l-abbiltà tal-ġudikatura li tasal għal deċiżjonijiet mingħajr interferenza se jibqgħu ċentrali għall-approċ tal-Kummissjoni fil-futur.

    Se jkun importanti li jkomplu jkunu rrispettati r-responsabbiltajiet u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, u tkun żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżiti kostituzzjonali kollha biex tkun żgurata l-funzjonalità pluralista tad-demokrazija Rumena u titnaqqas il-polarizzazzjoni tagħha. Se jkun importanti wkoll li jkun żgurat li l-proċess ta’ riforma kostituzzjonali jirrispetta bi sħiħ l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza u stabbiltà ġudizzjarja, waqt li jkun ibbażat fuq l-iktar kunsens wiesa' possibbli;

    Il-gvern il-ġdid diġà wera l-impenn tiegħu għall-indipendenza tal-ġudikatura u s-supremazija tal-istat tad-dritt fil-Ftehim ta' Kollaborazzjoni Istituzzjonali bejn il-President u l-Prim Ministru. Dan għandu jkun segwit partikolarment permezz ta’ dan li ġej:

    · Ikun introdott qafas[11] ċar ta’ rekwiżiti li wieħed joqgħod lura milli jiskredita deċiżjonijiet ġudizzjarji u jimmina jew jitfa’ pressjoni fuq maġistrati, u jkun żgurat infurzar effettiv ta’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Kunsill Suprem tal-maġistrati għandu jkun mistieden jagħti opinjoni fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti;

    · Ikunu reveduti l-istandards eżistenti biex tkun salvagwardata midja ħielsa u pluralista waqt li jkun żgurat rimedju effettiv kontra l-vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali ta' individwi u kontra pressjoni jew intimidazzjoni mill-midja kontra l-ġudikatura u l-istituzzjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni. Il-Kunsill Nazzjonali Awdjoviżiv għandu jkun żgurat mill-indipendenza effettiva tiegħu u jattwa b’mod sħiħ ir-rwol tiegħu billi jistabbilixxi u jinforza Kodiċi ta’ Kondotta f’dan ir-Rigward;

    · Ikun żgurat it-tmexxija l-ġdida fil-prosekuzzjoni u fid-DNA jintagħżlu minn firxa suffiċenti ta’ kandidati ta’ kwalità għolja wara proċess miftuħ u trasparenti, jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kollaborazzjoni Istituzzjonali, partikolarment kompetenzi esperti professjonali, integrità u rekord ta’ azzjoni kontra l-korruzzjoni. Opinjoni pożittiva mill-Qorti Suprema tal-Maġistratura se tkun pass importanti lejn il-kisba tal-fiduċja pubblika;

    · L-Ombudsman il-ġdid se jeħtieġlu juri awtorità inkontestata, integrità u indipendenza, kif ukoll approċċ nonpartiġġjan;

    · Jittieħdu l-passi neċessarji biex ikun żgurat li Ministri soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ integrità jirriżenjaw. Tkun żgurata applikazzjoni tar-regoli kostituzzjonali dwar is-sospensjoni ta' Ministri mal-akkuża;

    · Il-parlament għandu jibni fuq ir-regoli l-ġodda biex jadotta regoli ċari, proċeduri oġġettivi biex jissospendi parlamentari soġġetti għal deċiżjonijiet negattivi ta’ integrità jew kundanni dwar korruzzjoni; u biex ikunu stabbiliti skadenzi rapidi biex ikunu proċessati talbiet mill-prosekuzzjoni biex titneħħa l-immunità minn fuq parlamentari. Għandha tingħata ġustifikazzjoni sħiħa jekk il-parlament ma jħallix l-infurzar normali tal-liġi jitwettaq.

    2.         Riforma tas-sistema ġudizzjarja, l-integrità, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni Din it-taqsima tanalizza l-progress fl-isfond tal-punti ta’ riferiment stabbiliti fil-mekkaniżmu ta’ koperazzjoni u verifika u fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Dawn jibqgħu validi u se jkunu valutati fir-rapport li jmiss.

    Riforma tas-sistema ġudizzjarja

    L-ewwel rakkomandazzjoni fir-rapport ta’ Lulju dwar ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja relatat mal-implimentazzjoni tal-erba' kodiċi legali kollha[12].  L-ippjanar tal-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma prinċipali għadu inċert. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għadha pjanata għal Frar tal-2013. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huwa skedat b’mod tentattiv għal Frar tal-2014. Hija meħtieġa iktar ċarezza dwar kif ikunu evitati li dawn id-dati jinqabżu ulterjorment.

    Mill-aħħar rapport il-Ministeru tal-Ġustizzja għamel strateġija multiannwali għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi, li tinkludi l-aspetti tar-riżorsi. Il-valutazzjoni tal-impatti possibbli wara biss l-adozzjoni tal-Kodiċi mill-Parlament toħloq inċertezza ekstra, u valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-aspetti tar-riżorsi umani hija biss prevsita għall-2014[13]. Dan il-proċess se jkun ikkumplikat jekk it-test tal-Kodiċi jinfetaħ mill-ġdid ta’ spiss: l-objettiv ġenerali li jkun żgurat li l-ġustizzja tista’ tkun segwita u rrealizzata b’mod iktar effettiiv u malajr ma għandux jintilef, pereżempju fil-preżentazzjoni ta’ evidenza fil-qorti dwar każijiet ta’ korruzzjoni.

    It-tieni Rakkomandazzjoni relatata mal-pressjoni tax-xogħol fuq is-sistema ġudizzjarja Rumena, u l-ħtieġa li tkun ristrutturata s-sistema tal-qorti u l-uffiċċji ta' prosekuzzjoni, biex ikunu bbilanċjati mill-ġdid il-persunal u l-ammont ta' xogħol. Il-ġvern qiegħed jitratta wħud mill-kawżi partikolari għal mewġa ta' każijiet ġodda minn ras il-għajn permezz ta’ bidla leġiżlattiva[14]. Tali sforzi biex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol fuq punti ta' pressjoni fis-sistema jistgħu jkunu iktar effettivi milli wieħed jipprova jsolvi l-problema billi jżid l-għadd ta' mħalfin u prosekuturi – li tista’ wkoll tirriskja li xxekkel titjib riċenti fil-kwalità u t-taħriġ ta’ dawk li jidħlu ġodda fil-professjoni.

    L-aħħar rakkomandazzjoni relatata mal-ħolqien ta’ grupp ta’ monitoraġġ globali għar-riforma ġudizzjarja. Dan irrifletta l-bżonn li jinħoloq kunsens għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja. Mir-rapport ta’ Lulju, ma sar l-ebda progress biex l-atturi ewlenin jingħaqdu b’mod effettiv. 

    Responsabbiltà tas-Sistema Ġudizzjarja

    Il-qafas legali l-ġdid għall-Ispezzjoni Ġudizzjarja adotatt fl-2011 ippermetta lill-Ispezzjoni Ġudizzjarja biex tilħaq l-għan tagħha b'mod aktar effettiv, li rriżulta f'21 azzjoni dixxiplinarja ġdida li ttieħdu fl-ewwel ftit xhur[15]. Il-Ministeru tal-Ġustizzja appoġġa l-Ispettorat il-ġdid b'għadd ta' miżuri prattiċi, inklużi l-arranġamenti għal binja ġdida għall-kwartieri ġenerali. Lezzjonijiet aktar ġenerali li ttieħdu mill-każijiet individwali jisgħu jimpattaw fuq il-politika konġunta rakkomandata mill-Kummissjoni għall-Kunsill Suprem tal-Maġistratura (SCM) u l-gvern biex jippromwovu obbligu ta’ rendikont u integrità.

    Element essenzjali ieħor tar-reputazzjoni u l-obbligu ta’ rendikont tas-sistema ġudizzjarja hija l-proċedura tal-ħatra tal-maġistrati. L-arranġamenti l-ġodda għall-promozzjoni tal-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u l-Ġustizzja jidher li introduċew rigorożità ġdida fis-sistema: jidher li huwa iktar importanti li tinżamm il-kwalità tal-kompetizzjoni iktar milli jkunu rrimedjati nuqqasijiet perċeputi li jistgħu fil-fatt ikunu għal żmien qasir.

    Konsistenza u effikaċja tal-azzjoni ġudizzjarja

    Il-konsistenza u t-trasparenza tal-proċess ġudizzjarju hija element ewlieni fil-kredibbiltà u l-effikaċja tagħha. Mir-rapport ta’ Lulju, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja kompliet tieħu passi konkreti biex taqqgħad il-ġurisprudenza u ttejjeb il-kwalità, biex tiżgura t-trażmissjoni tad-deċiżjonijiet lil qrati iżgħar u ttejjeb l-aċċess onlajn. It-trasformazzjoni gradwali tal-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja f’qorti tal-kassazzjoni kompluta, b’inqas responsabbiltajiet għall-appell, ukoll tassisti għall-konċentrazzjoni fuq l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar punti tal-liġi. Il-proċedura ta’ appell fl-interess tal-liġi diġà qed tgħin biex isir progress f’din id-direzzjoni. Se jkun importanti li jkun żgurat li dawn il-passi ’l quddiem ma jkunux ipperikolati mill-ammont ta’ xogħol ekstra permezz tal-proċedura l-ġdida dwar id-deċiżjonijiet preliminari, waqt li l-għadd eżistenti ta’ mħalfin fuq bordijiet fil-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja jidher li qed joffri l-bilanċ ġust.

    Kwistjoni importanti għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza huwa l-aġġornament tas-sistemi skaduti tal-IT. Dan jillimita l-għarfien tal-imħalfin dwar sentenzi paralleli. Żewġ proġetti huma għaddejin bħalissa. Il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu l-intenzjoni jimplimenta strateġija biex ikun hemm aċċess faċli u malajr għal ECRIS (il-bażi tad-dejta prinċipali ġudizzjarja) u l-SCM tipprova wkoll ittejjeb is-sistema "Jurindex" eżistenti (sistema alternattiva). Ikun utli li dawn l-inizjattivi jipprogressaw flimkien[16].

    Effikaċja tal-azzjoni ġudizzjarja

    L-approċċ tal-Qorti Għolja lejn każijiet ta' korruzzjoni għolja kompla jkun karatterizzat minn grad tajjeb ta' ġestjoni proattiva tal-każijiet.  Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja rraportat progress isnifikanti fit-trattament ta' livell għoli ta' korruzzjoni bi tnaqqis minn 28 għal 10 każijiet miftuħa, kif ukoll żieda fl-għadd ta’ każijiet riżolti fl-ewwl istanza. Fejn l-imputati kien ikkundannat, kompla jkun hemm approċ iktar proporzjonat u konsistenti għall-kundanni. Ir-riżultat hu li l-ġustizzja tidher li qed twettaq ir-rwol disważiv b’mod aktar effikaċji.

    L-effikaċja teħtieġ ukoll li l-infurzar tal-liġi jkun qed jaħdem b’mod effikaċji u ġust mas-sistema kollha. Il-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja kompliet tagħamel progress bl-istabbiliment ta’ standards u linji gwida għall-qrati iżgħar.

    L-aħħar xhur raw lill-Ministeru Pubbliku, lid-Direttorat Ġenerali Kontra l-Korruzzjoni u l-Qorti Għolja jkomplu jaħdmu professjonalment u imparzjalment, xi drabi taħt pressjoni estrema.  Ir-reżiljenza ta’ dawn l-istituzzjonijiet sa issa ssaħħaħ il-konklużjoni li r-rekord tagħhom fuq korruzzjoni ta’ livell għoli hija waħda mill-iktar sinjali sinifikanti ta’ progress miksub mir-Rumanija skont is-CVM. Huwa essenzjali li dan l-avvanz jinżamm taħt tmexxija ġdida. Kif ukoll ma għandux ikun imminat minn restrizzjonijiet oħra fuq l-abbiltà tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi biex ifittxu li ssir ġustizzja[17].

    Integrità

    Mill-aħħar rapport, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) kompliet tiżviluppa r-rekord u l-effiċjenza operazzjonali tagħha[18]. ANI bdiet proġett tal-IT ambizzjuż li jimmira li jiġbor dejta dwar uffiċjali eletti u maħtura, li jippermettu għal kontrolli reċiproċi ma’ bażijiet tad-dejta ta’ stati oħra, bħar-reġistru tal-kummerċ jew l-uffiċċju tat-taxxa, biex jinqabdu kunflitti ta’ interess. Madanakollu dan se jeħtieġ riżorsi addizzjonali biex jaħdem bi sħiħ.

    Jibqa’ xorta ta’ tħassib maġġuri l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-ANI ta’ spiss ikunu ddubitati. Dan minkejja l-fatt li meta kkontestata, hija għandha rekord qawwi ta’ rebħiet mal-appell kontra deċiżjoni fil-qorti. Kemm l-Aġenzija, il-Kunsill Nazzjonali ta’ Integrità (NIC) u l-persunal tagħhom kienu soġġetti għal attakki politiċi u medjatiċi. Il-Parlament naqas milli jinforza rapporti tal-ANI, anki meta apoġġati minn deċiżjonijiet finali tal-qorti (ara hawn fuq). F’Novembru 2012 l-ANI ħarġet erba’ rapporti ta’ inkompatibbiltà kontra Ministri u uffiċjali anzjani. L-erbgħa li huma kienu kkontestati fil-qorti u ħadd ma rreżenja mill-kariga abbażi ta’ dan[19]. Flimkien mas-suġġerimenti frekwenti biex ikun emendat il-qafas legali ta' ANI, dan joħloq inċertezza li toloqt ħażin lill-abbiltà tar-Rumanija li turi li qafas robust ta’ integrità jinsab fis-seħħ.

    Ġlieda kontra l-korruzzjoni

    DNA kompliet tinvestiga u tressaq b'suċċess każijiet ta' korruzzjoni. L-għadd ta’ kundanni finali maħruġa abbażi tal-prosekuzzjonijiet imnedija mid-DNA rdoppja fl-2012 meta mqabbel mas-sena preċedenti. Dawn kienu jikkonċernaw politiċi tal-partiti prinċipali kollha. Kien hemm ukoll żieda kostanti ta’ akkużi u kundanni f'każijiet ta' frodi tal-UE mmexxija mid-DNA. Dan jista’ jservi bħala eżempju importanti għall-prosekuzzjoni inġenerali, fejn hemm sinjali ta’ diskrepanzi kbar fir-riżultati miksuba minn uffiċċji ta’ prosekuzzjoni differenti.

    Is-CVM jeħtieġ ukoll sforzi kbar biex jitratta l-korruzzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà Rumena. Stħarriġiet juru b’mod konsistenti livelli għolja ta’ tħassib pubbliku dwar il-prevalenza tal-korruzzjoni[20]. F’dan il-kuntest, ir-rapport ta’ Lulju laqa’ l-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. Ittieħdu xi passi importanti minn xi dipartimenti, u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali tidher li qed tipprogressa[21]. Il-Ministeru tal-Ġustizzja daħħal fis-seħħ strutturi biex jgħinu biex din taħdem, li jdher li qed imexxu l-proċess ’il quddiem minkejja l-għadd żgħir tagħhom. Missjonijiet fuq il-post u tfittxija għall-aħjar prassi qed juru grad milqugħ tajjeb ta’ proattività. Huwa importanti li jkun żgurat li riżorsi adegwati ikunu assigurati għall-implimentazzjoni bla intoppi tal-Istrateġija. Addizjonalment. Il-fondi tal-UE qed jiffinanzjaw għadd ta’ proġetti kontra l-korruzzjoni, inkluż fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, is-Saħħa u l-Iżvilupp Reġjonali u l-Amministrazzjoni Pubblika. L-implimentazzjoni qed tipprogressa u r-riżultati issa huma mistennija.

    Element importanti ieħor huwa l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus u l-konfiska. Il-qafas legali l-ġdid dwar konfiska estiża daħal fis-seħħ fl-2012, iżda għadu kmieni wisq biex tkun valutata l-effikaċja tiegħu:. Fir-rigward tal-ħasil tal-flus bħala reat indipendenti, bħalissa hemm każ importanti quddiem l-HCCJ. L-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi ra żieda fit-talbiet li huwa qiegħed jittratta u notevolment fuq talbiet maħruġa mill-awtoritajiet Rumeni. Bħalissa ma hemm l-ebda statistika komprensiva bl-ammonti eżatti tal-assi kkonfiskati, iżda l-estimi għandhom it-tendenza li jkunu baxxi. Lanqas ma hemm statistika komprensiva disponibbli dwar l-ammonti li kienu realment irkuprati wara ordnijiet ta’ konfiska.

    Finalment, il-progress jidher li hu limitat ħafna fil-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-korruzzjoni relatata mal-akkwist pubbliku. L-avvanzi li saru kontra l-korruzzjoni ta' livell għoli ma kinux imqabbla fl-akkwist pubbliku. Il-każijiet jidher li qed jieħdu ħafna żmien, parzjalment minħabba l-bżonn ta’ kompetenzi esperti finanzjarji, li jwassal għal problema partikolari ta' kuntratti konklużi qabel is-sentenza tal-qorti dwar ir-reat. Il-penali għall-uffiċjali involuti f’każijiet ta' akkwist pubbliku frawdolenti għadhom baxxi ħafna u l-liġi ma tipprevedix possibbiltà ta’ kanċellazzjoni abbażi ta’ kunflitt ta’ interess ta’ proġetti li diġà ġew eżegwiti. Hemm ukoll dubji serji dwar l-effikaċja tal-prosekuzzjoni li tittratta dawn il-każijiet. [22] Proposti riċenti jidher li qed jiddubitaw l-bażi istituzzjonali stabbli u indipendenti essenzjali għall-progress reali. Approċċ iktar sistematiku għall kontrolli ex ante, b’mod l-aktar loġiku rwol għall-ANI (b’riżorsi ġodda) li jiżgura wkoll implimentazzjoni uniformi u sistematika, jkun joffri pass utli ’l quddiem.

    3.         Konklużjoni

    Din il-valutazzjoni turi li r-Rumanija implimentat bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bil-għan li tirrestawra l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura iżda mhux kollha. Waqt li r-rwol u d-deċiżjonijiet tal-Kostituzzjoni u l-Qorti Kostituzzjonali kienu rrispettati, impenji li ttieħdu rigward il-protezzjoni tal-ġudikatura minn attakki u rigward ir-reżenja ta’ Ministri b’deċiżjonijiet ta' integrità u r-reżenja ta’ Membri Parlamentari b’deċiżjoni finali dwar inkompatibbiltà u kunflitt ta’ intetress, jew b’kundanni finali għal korruzzjoni ta’ livell għoli ma kinux kompletament implimentati. Fl-istess waqt, il-ħatra ta’ tmexxija ġdida għall-prosekuzzjoni u tad-DNA għad trid issir.

    Il-Kummissjoni temmen li elezzjoni ta’ Parlament ġdid u l-ħatra ta’ gvern ġdid jipprovdu l-opportunità biex ir-riżultati jinkisbu bi sħiħ u malajr skont dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Hija tħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex jieħu l-passi neċessarji.

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ħtieġa li jkun aċċelerat il-progress fuq ir-rakkommandazzjonijiet tagħha għar-riforma tal-ġudikatura, l-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Hija se timmonitorja l-progress mill-qrib, fi djalogu kostanti mal-awtoritajiet Rumeni, u se tirraporta fl-aħħar tal-2013 fuq il-proċess ta’ riforma.

    [1] COM(2012)410 finali. L-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tagħha kienu endorsjati fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għall- Affarijiet Ġenerali f’Settembru.

    [2] L-ittri tas-16 u s-17 ta’ Lulju 2012

    [3] L-Ordinanza ta’ Emerġenza 38/2012 għadha sa issa ma ġietx formalment imħassra. Madanakollu, id-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Nru 727 tad-9 ta’ Lulju 2012 u Nru 738 tad-19 ta’ Settembru 2012 li jiddikjaraw l-Ordinanaza ta’ Emrġenza Nru 38 antikostituzzjonali. Formalment, l-Ordinanza ta’ Emerġenza 38 għandha tkun imħassra biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali.

    [4] Id-Deċiżjoni Nru 6 tal-Qorti Kostituzzjonali tal-21 ta’ Awwissu 2012. Segwita mill-approvazzjoni tas-Senat fid-19/09/2012 tal-Liġi li temenda l-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 41 biex tkun emendata l-liġi Nru 3/2000 dwar l-Organizzazzjoni tar-Referendum.

    [5] Il-Kummissjoni ta’ Venezja kkunsidrat li l-kwistjoni tal-użu eċċessiv tal-ordinanzi ta’ emerġenza tal-gvern għandu jkun indrizzat: http://www.venice.coe.int/webforms/documents/CDL-AD(2012)026-e.aspx

    [6] Pereżempju l-allegazzjonijiet ta’ pressjoni u intimidazzjoni tal-imħalfin tal-Qorti Kostituzzjonali li tressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. L-ittra tal-President Barroso lill-Prim Ministru tar-Rumanija Victor Ponta tal-10/08/2012 http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-12-621_en.htm

    [7] Uħud mill-bidliet segwew minn diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura.

    [8] Ir-rapporti tal-ANI għandhom effett dirett sakemm ma jkunux kontestati fil-qrati fi żmein 15-il jum. Għandu wkoll ikun innutat li madwar 5% biss tar-rapporti tal-ANI jkunu kkuntestati fil-Qorti.

    [9] L-ebda wieħed minn dawn l-erba’ individwi ma huma parti mill-gvern il-ġdid.

    [10] Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet fuq il-kunflitt kostituzzjonali bejn il-Ġudikatura u s-senat f’każ fejn deċiżjoni finali tal-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja kienet ikkonfermat deċiżjoni ta' inkompatibbiltà fuq senatur (id-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Nru 972 tal-21 ta' Novembru 2012). Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali kienet għadha ma ġietx applikata meta għalaq il-mandat tas-Senat.

    [11] Pereżempju, kodiċi ta’ kondotta

    [12] Il-Kodiċi Ċivili u Kriminali l-ġodda u l-kodiċi proċedurali li jakkumpanjawhom kienu adottati fl-2009 u fl-2010, iżda huwa l-kodiċi Ċivili biss li għadu daħal fis-seħħ sa issa. Ma hemm l-ebda ċertezza dwar meta l-Kodiċi li fadal se jidħlu fis-seħħ iżda riċentament l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2013.

    [13] Ir-rapport tas-CVM ta’ Lulju ppunta lejn il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-impatt tal-Kodiċi fuq ir-riżorsi u l-kwistjonijiet usa’ dwar l-ammont ta’ xogħol fuq il-ġudikatura.

    [14] Pereżempju, it-tibdil ta’ proċedura ġudizzjarja bi proċedura amministrattiva għat-trattament ta’ mistoqsijiet relatati mat-taxxi fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza – li mistennija teħles lill-Qrati minn xi 100 000 faxxiklu.

    [15] Każ partikolari matul is-sajf wassal għas-sospensjoni ta’ prosekutur, li huwa wkoll membru tal-Qorti Suprema tal-Maġistratura, sakemm issir l-investigazzjoni.

    [16] Il-Ministeru tal-Ġustizzja nieda wkoll proġett fuq medda medja ta’ żmien biex jgħin sabiex tkun ikkodifikata l-leġiżlazzjoni, b’bidliet possibbli biex jitgħaġġel il-proċess ta’ aġġornament.

    [17] Pereżempju, suġġeriment riċenti li l-evidenza miġbura mill-infurzar tal-liġi waqt investigazzjoni ta’ krimini oħra ma tkunx tista’ tintuża fi proċess ta’ korruzzjoni.

    [18] Huwa wkoll ta’ għajnuna li appell mill-ANI għal deċiżjoni minn Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Ġid kienet milqugħa fil-Qorti.

    [19] It-tliet Ministri kkonċernati appellaw għar-rapporti. Uffiċjal anzjan ieħor irriżenja għal raġunijiet oħra (u appella wkoll).

    [20] Cf. L-Ewrobaromtru Nru 374 ta’ Frar 2012, http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_374_en.pdf u t-Transparency International 2012 Corruption Perceptions Index, http://www.transparency.org/cpi2012/results

    [21] F’Jannar tal-2013, 1874 kunsill lokali u 20 kunsill tal-kontea kienu rreġistrati mas-Segretarjat tan-NAS.

    [22] Permezz tal-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, ħarġu każijiet fejn ma kinitx segwita evidenza qawwija ta' abbuż mill-prosekuzzjoni.

    Top